Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' April 2012 - HUK-Coburg vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-185/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: HUK-Coburg Haftpflicht-Unterstützungs-Kasse kraftfahrender Beamter Deutschlands a.G. in Coburg (Coburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Birnstiel, H. Heinrich u A. Meier, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta' Frar 2012, li ċaħdet l-applikazzjoni tar-rikorrenti ta' aċċess għal ċerti dokumenti fi proċeduri dwar akkordji (COMP/39.125 - Carglass);

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv: nuqqas ta' eżami ta' dokumenti individwali li saret applikazzjoni għalihom

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ma kinitx ibbażata fuq evalwazzjoni konkreta u individwali ta' kull dokument individwali. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kunsiderazzjoni żbaljata fid-dritt, li f'din il-kawża hemm preżunzjoni ġenerali li għandha tiġi applikata eċċezzjoni.

It-tieni motiv: ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, immotivat iċ-ċaħda totali tagħha tal-applikazzjoni tar-rikorrenti permezz ta' evalwazzjonijiet ġenerali, u, għaldaqstant, fuq raġunijiet insuffiċjenti. Fil-fehma tar-rikorrenti, dan huwa ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u, konsegwentement, nuqqas ta' osservanza ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali.

It-tielet motiv: żball ta' liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu żbaljati fil-liġi. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tiċħad li tirrikonoxxi li hemm relazzjoni bejn ir-regola u l-eċċezzjonijiet u tibbaża fuq interpretazzjoni estensiva wisq ta' "ħarsien ta' investigazzjoni" u tal-kunċett ta' "interessi kummerċjali".

4.    Ir-raba' motiv: nuqqas ta' kunsiderazzjoni li l-implementazzjoni tad-dritt ta' kartell, li huwa dritt privat, tikkostitwixxi interess pubbliku prevalenti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

Permezz tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni, meta ma żvelatax id-dokumenti li għalihom saret applikazzjoni, b'mod żbaljat ċaħdet interess pubbliku prevalenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra, meta tibbilanċja l-interessi fl-iżvelar tad-dokumenti, li l-implementazzjoni tad-dritt ta' kartell, li huwa ta' natura ta' dritt privat, tikkostitwixxi wkoll interess pubbliku prevalenti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).