Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta' Diċembru 2011 minn Harald Mische kontra s-sentenza mogħtija fid-29 ta' Settembru 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-70/05, Mische vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-641/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Harald Mische (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: R. Holland, J. Mische and M. Velardo, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 ta' Settembru 2009 fil-Kawża F-70/05 u, sa fejn huwa possibbli, tagħti s-sentenza, abbażati tal-fatti quddiem il-Qorti Ġenerali, u:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2004 sa fejn tiddetermina l-għoti ta' grad tal-appellant;

tikkundanna lill-Kummissjoni biex tikkumpensa kwalunkwe dannu kkawżat (inklużi danni lill-karriera tiegħu, tagħtih remunerazzjoni ġusta u regolari, danni morali, bl-interessi moratorji, eċċ.);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjes ta' dawn il-proċeduri u ta' dawk quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tlett aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b'mod żbaljat naqas li jeżamina l-motiv ta' ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 41(3) marbuta mad-dritt għall-kumpens għad-danni, jiġifieri l-kundizzjonijiet tagħha ta' "ġustizzja" u "tempestività" fil-ġestjoni tal-affarijiet tal-appellant fir-rigward ta' numru ta' sitwazzjonijiet fattwali, għalkemm tali motiv ta' ksur ġie espliċitament imqajjem.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bi żball iddikjara bħala inammissibbli l-motiv ta' ksur tal-Artikolu 5(5) tar-Regolamenti tal-Persunal  bil-kundizzjonijiet legali speċifiċi tiegħu li jipprovdi li mhux biss ugwali, iżda, fil-fatt, "[k]ondizzjonijiet identiċi għar-reklutaġġ u s-servizz ta' karriera għandhom japplikaw għall-uffiċjali kollha ta' l-istess grupp tal-funzjoni".

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bi żball naqas milli jikkunsidra l-kontinwità akkwistata legalment tal-karriera ta' ex membru tal-persunal temporanju, kif iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza riċenti tagħha (Kawża C-177/10). Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b'mod żbaljat iddikjara bħala inammissibbli l-eċċezzjoni ta' illegalità tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal bl-argument li l-appellant ma kienx ġie mogħti grad taħt din id-dispożizzjoni.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004, tat-22 ta' Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 2, p. 130).