Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (Ireland) fil-25 ta’ Frar 2022 – Hellfire Massy Residents Association vs An Bord Pleanála, The Minister for Housing, Heritage and Local Government, Ireland, The Attorney General

(Kawża C-166/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Hellfire Massy Residents Association

Konvenuti: An Bord Pleanála, The Minister for Housing, Heritage and Local Government, Ireland, The Attorney General

Partijiet oħra: South Dublin County Council, An Taisce – The National Trust for Ireland, Save the Bride Otters

Domandi preliminari

L-ewwel domanda hija:

il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mis-supremazija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandhom l-effett li regola ta’ proċedura nazzjonali li permezz tagħha rikorrent li jressaq azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità għandu espressament jinvoka d-dispożizzjonijiet legali rilevanti, ma tipprekludix lil rikorrent li jikkontesta l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huwa jidentifika, milli jibbaża ruħu wkoll fuq prinċipji jew strumenti legali li għandhom jinqraw bħala intrinsikament rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ tali dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-prinċipju li d-dritt ambjentali tal-Unjoni għandu jinqara flimkien mal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għal Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali magħmula f’Aarhus, id-Danimarka, fil-25 ta’ Ġunju 1998 [iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”], bħala parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni[?]

It-tieni domanda hija:

l-Artikoli 12 u/jew 16 tad-Direttiva [tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa] 1 u/jew dawk id-dispożizzjonijiet kif moqrija flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u/jew flimkien mal-prinċipju skont liema l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri speċifiċi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tad-direttiva, għandhom bħala effett li regola ta’ proċedura nazzjonali li biha rikorrent ma għandux jinvoka “kwistjoni ipotetika” u “għandu jiġi affettwat fir-realtà jew fil-fatt” qabel ma jkun jista’ jikkontesta l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax tiġi invokata biex tipprekludi kontestazzjoni magħmula minn rikorrent li jkun invoka d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni pubblika fir-rigward ta’ deċiżjoni amministrattiva u li mbagħad ikun irid jikkontesta l-validità ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni b’antiċipazzjoni ta’ dannu futur lill-ambjent bħala riżultat ta’ allegat nuqqas fid-dritt nazzjonali, fejn ikun hemm possibbiltà raġonevoli ta’ dannu futur bħal dan, b’mod partikolari minħabba li l-iżvilupp ikun ġie awtorizzat f’żona li hija ħabitat għal speċi suġġetti għal protezzjoni stretta u/jew minħabba li bl-applikazzjoni tal-approċċ ta’ prekawzjoni hemm il-possibbiltà li stħarriġ li jsir wara li jingħata l-permess jista’ jagħti lok għal ħtieġa li tintalab id-deroga taħt l-Artikolu 16 tad-direttiva[?]

It-tielet domanda hija:

l-Artikoli 12 u/jew 16 tad-Direttiva 92/43 u/jew dawk id-dispożizzjonijiet kif moqrija flimkien mal-Artikoli 6(1) sa (9) u/jew 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u/jew mal-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri speċifiċi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tad-direttiva għandhom l-effett li sistema ta’ permessi ta’ deroga prevista fid-dritt nazzjonali biex tagħti effett lill-Artikolu 16 tad-direttiva ma għandhiex tkun parallela ma’ u indipendenti minn sistema ta’ permessi għall-iżvilupp iżda għandha tkun parti minn proċess ta’ approvazzjoni integrat li jinvolvi deċiżjoni minn awtorità kompetenti (kuntrarjament għal sentenza ad hoc iffurmata mill-iżviluppatur innifsu fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni ġenerali tad-dritt kriminali) dwar jekk permess ta’ deroga għandux jintalab minħabba kwistjonijiet identifikati wara l-għoti ta’ permess għall-iżvilupp u/jew li jinvolvu deċiżjoni minn awtorità kompetenti dwar liema stħarriġ huwa meħtieġ fil-kuntest ta’ kunsiderazzjoni dwar jekk dan il-permess għandux jintalab[?]

Ir-raba’ domanda hija:

l-Artikoli 12 u/jew 16 tad-Direttiva 92/43 u/jew dawk id-dispożizzjonijiet kif moqrija flimkien mal-Artikoli 6(1) sa (9) u/jew 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandhom il-konsegwenza li, fir-rigward ta’ żvilupp fejn l-għoti ta’ permess għall-iżvilupp kien suġġett għal evalwazzjoni xierqa taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, u f’kuntest fejn tista’ tintalab deroga wara li jingħata l-permess taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/43, hemm rekwiżit għal proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus[?]

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.