Language of document : ECLI:EU:T:2010:519

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

15 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Rikors għal annullament – Skema ta’ pensjoni supplimentari tal-membri tal-Parlament Ewropew – Emenda tal-iskema ta’ pensjoni supplimentari – Att ta’ portata ġenerali – Nuqqas ta’ interess individwali – Inammissibbiltà”

Fil-Kawżi T‑219/09 u T‑326/09,

Gabriele Albertini, residenti f’Milano (l-Italja), u t-62 membru jew ex membru ieħor tal-Parlament Ewropew li isimhom jidher fl-Anness, irrappreżentati minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis u E. Marchal, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑219/09,

u

Brendan Donnelly, residenti f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis u E. Marchal, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑326/09,

vs

Il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn H. Krück, A. Pospíšilová Padowska u G. Corstens, sussegwentement minn N. Lorenz, Pospíšilová Padowska u M. Corstens, bħala aġenti,

konvenut,

li għandu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009, li jemendaw il-leġiżlazzjoni dwar l-iskema ta’ pensjoni supplimentari (volontarja) li tinsab fl-Anness VIII tar-regoli dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament Ewropew,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1        Il-Bureau tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Bureau”), huwa korp tal-Parlament Ewropew. Skont l-Artikolu 22(2), intitolat “Ix-xogħol tal-Bureau”, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża preżenti, il-Bureau jirregola, fost oħrajn, affarijiet li jikkonċernaw finanzi, organizzazzjoni u amministrazzjoni li jirrigwardaw il-membri.

2        Għaldaqstant, il-Bureau adotta r-Regoli dwar il-ħlas ta’ spejjeż u allowances lill-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli PEAM”).

3        Fit-12 ta’ Ġunju 1990, il-Bureau adotta l-leġiżlazzjoni dwar is-sistema ta’ pensjoni addizzjonali (volontarja) tal-Membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem, il-“leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990”), li tidher fl-Anness VII tar-Regoli PEAM.

4        Il-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990, fil-verżjoni tagħha applikabbli f’Marzu 2009, kienet tipprovdi, b’mod partikolari:

“Artikolu 1

1.       Sakemm jiġi adottat Statut uniku tal-membri, u indipendentetement mid-drittijiet għall-pensjoni previsti fl-Annessi I u II, kull membru tal-Parlament Ewropew li ħallas kontribuzzjonijiet, minn tal-inqas għal sentejn, lill-iskema volontarja ta’ pensjoni għandu d-dritt, wara li jtemm il-funzjonijiet tiegħu, għal pensjoni tul ħajtu kollha mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara dak li fih ikun għalaq 60 sena. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]

Artikolu 2

1.       Il-pensjoni titla’, għal kull sena sħiħa ta’ mandat, għal 3.5 % ta’ 40 % tas-salarju bażiku ta’ Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u, għal kull xahar sħiħ, għal 1/12 ta’ dan l-ammont.

2.       L-ammont massimu tal-pensjoni huwa ta’ 70 % (l-ammont minimu huwa ta’ 10.5 %), ta’ 40 % tas-salarju bażiku ta’ Imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3.       Il-pensjoni hija kkalkolata u mħallsa f’EUR [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Artikolu 3

L-exmembri jew il-membri li rriżenjaw qabel l-età ta’ 60 sena jistgħu jitolbu sabiex il-pensjoni tagħhom tiġi mħallsa lilhom immedjatament, jew f’kwalunkwe mument bejn ir-riżenja tagħhom u l-età ta’ 60 sena, taħt il-kundizzjoni li jkunu għalqu l-età ta’ 50 sena. F’dan il-każ tal-aħħar, il-pensjoni hija ugwali għall-ammont ikkalkolat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1), immultiplikat permezz ta’ koeffiċjent ikkalkolat skont l-età tal-membru fiż-żmien meta jibda jirċievi l-pensjoni tiegħu, skont l-iskala li ġejja […] [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Artikolu 4 (ħlas ta’ parti mill-pensjoni taħt il-forma ta’ kapital)

1.       Massimu ta’ 25 % ta’ drittijiet għall-pensjoni kkalkolati fuq il-bażi tal-Artikolu 2(1) tista’ titħallas taħt il-forma ta’ kapital lill-membri affiljati jew li kienu affiljati mas-sistema ta’ pensjoni volontarja.

2.       Din l-għażla għandha titwettaq qabel id-data li fiha jibdew il-ħlasijiet u hija irrevokabbli.

3.       Suġġett għall-massismu previst fil-paragrafu 1, il-ħlas ta’ kapital la jaffettwa u lanqas inaqqas id-drittijiet għall-pensjoni tal-konjuġi superstiti jew tat-tfal dipendenti tal-affiljat.

4.       Il-ħlas tal-kapital huwa kkalkolat permezz tal-età tal-membru fid-data li fiha tibda l-pensjoni, skont it-tabella li ġejja […].

5.       Il-kapital huwa kkalkolat u mħallas f’EUR. Il-ħlas jitwettaq qabel l-ewwel ħlas tal-pensjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali].

[…]”

5        Il-fond ta’ pensjoni addizzjonali nħoloq bit-twaqqif, mill-Kwesturi tal-Parlament Ewropew, tal-ASBL “Fond ta’ pensjoni – Membri tal-Parlament Ewropew” (iktar ’il quddiem, l-“ASBL”) li, minn naħa tiegħu, ħoloq kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli (SICAV) rregolata bid-dritt Lussemburgiż, imsemmija “Fond ta’ pensjoni – Membri tal-Parlament Ewropew, Kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli”, li ġiet inkarigata bil-ġestjoni teknika tal-investimenti.

6        L-Istatut tal-membri ġie adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2005/684/KE, Euratom, tat-28 ta’ Settembru 2005, li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew, (ĠU L 262, p. 1), li daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2009, l-ewwel jum tas-seba’ leġiżlatura.

7        L-Istatut tal-membri stabbilixxa skema ta’ pensjoni definittiva għall-membri Ewropej, li abbażi tagħha dawn għandhom id-dritt, mingħajr ma jagħtu kontribuzzjonijiet, għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 63 sena.

8        L-Istatut tal-membri jipprovdi miżuri tranżitorji applikabbli għas-sistema ta’ pensjoni addizzjonali. L-Artikolu 27 jipprovdi, f’dan ir-rigward:

“1.      Il-fond għall-pensjoni volontarja mwaqqaf mill-Parlament Ewropew għandu jinżamm wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Istatut għall-Membri jew ex-Membri li diġà kisbu drittijiet jew jeddijiet futuri f’dak il-fond.

2.      Drittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom. Il-Parlament jista’ jistabilixxi kriterji u kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist ta’ drittijiet jew jeddijiet ġodda.

3.      Il-Membri li jirċievu salarju [stabbilit mill-Istatut] ma jistgħu jiksbu l-ebda drittijiet jew jeddijiet futuri ġodda fuq il-fond għall-pensjoni volontarja.

4.      Il-fond m’għandux ikun miftuħ għal Membri li jiġu eletti għall-ewwel darba fil-Parlament wara li dan l-Istatut isir applikabbli.

[…]”

9        B’deċiżjonijiet tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, il-Bureau adotta l-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ implementazzjoni”). Skont l-Artikolu 73 tagħhom, il-miżuri ta’ implementazzjoni daħlu fis-seħħ fl-istess ġurnata li daħal fis-seħħ l-Istatut tal-membri, jiġifieri, fl-14 ta’ Lulju 2009.

10      L-Artikolu 74 tal-miżuri ta’ implementazzjoni jipprovdu li, suġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fit-Titolu IV tagħhom, ir-Regoli PEAM jieqfu japplikaw fid-data li fiha l-Istatut tal-membri jidħol fis-seħħ.

11      L-Artikolu 76 “Pensjoni addizzjonali” tal-miżuri ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“1. Il-pensjoni addizzjonali tal-età (volontarja) mħallsa skont l-Anness VII tar-Regoli PEAM għandha tkompli titħallas, skont dak l-Anness, lill-persuni li kienu jirċievu dik il-pensjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut.

2.       Id-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut skont l-Anness VII imsemmi hawn fuq għandhom jibqgħu fis-seħħ. Dawn għandhom jiġu osservati skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-anness.

3.       Jistgħu jibqgħu jiksbu d-drittijiet il-ġodda wara d-dħul fis-seħħ tal-Istatut, u bi qbil mal-Anness VII imsemmi hawn fuq, il-Membri parlamentari eletti fl-2009 li:

a)       kienu Membri parlamentari taħt leġiżlatura preċedenti; u

b)       u li jkunu diġà kisbu jew kienu qed jiksbu d-drittijiet fl-iskema tal-pensjoni addizzjonali; u

ċ)       li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru fejn ġew eletti diġà adotta deroga skont l-Artikolu 29 tal-Istatut, jew li, skont l-Artikolu 25 tal-Istatut, għażlu skema nazzjonali; u

d)       mhumiex intitolati għal pensjoni nazzjonali jew Ewropea minħabba t-twettiq tal-mandat tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew.

4.       Il-Membri għandhom iħallsu l-kontributi tagħhom fil-fond tal-pensjoni addizzjonali mid-dħul personali tagħhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Fid-9 ta’ Marzu 2009, wara konstatazzjoni tad-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali, il-Bureau ddeċieda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2009”):

–        “li jikkostitwixxi grupp ta’ ħidma […] sabiex ilaqqa’ r-rappreżentanti kollha tal-Kunsill ta’ amministrazzjoni tal-fond ta’ pensioni sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni;

–        […], b’effett immedjat, li, bħala miżura kawtelatorja u ta’ prekawzjoni, il-possibbilità li jiġu applikati l-Artikoli 3 u 4 tal-Anness VII tar-Regoli PEAM [ġiet] sospiża;

–        […] li dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni ser jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Bureau waqt il-laqgħa li jmiss, fid-dawl tal-fatti stabbiliti u tar-riżultati tal-kuntatti u l-konstatazzjonijiet tal-grupp ta’ ħidma [traduzzjoni mhux ufficiali].”

13      Fl-1 ta’ April 2009, il-Bureau ddeċieda li jemenda l-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009”). L-emendi jinkludu, b’mod partikolari, il-miżuri li ġejjin:

–        żieda b’effett mill-ewwel ġurnata tas-seba’ leġiżlatura – jiġifieri, l-14 ta’ Lulju 2009 – tal-età tal-irtirar minn 60 sa 63 sena (Artikolu 1 tal-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990);

–        tħassir b’effett immedjat tal-possibbiltà ta’ ħlas ta’ parti mid-drittijiet ta’ pensjoni taħt il-forma ta’ kapital (Artikolu 3 tal-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990);

–        tħassir b’effett immedjat tal-possibbiltà ta’ irtirar minn qabel, mill-età ta’ 50 sena (Artikolu 4 tal-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2009, ir-rikors fil-Kawża T‑219/09 ġie ppreżentat minn 65 Membru tal-Parlament Ewropew affiljati mas-sistema ta’ pensjoni addizzjonali, kif ukoll mill-ASBL.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Awwissu 2009, ir-rikors fil-Kawża T‑326/09 ġie ppreżentat.

16      Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 u fis-16 ta’ Novembru 2009 rispettivament, il-Parlament qajjem xi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra ż-żewġ kawżi, skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura.

17      Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑219/09 ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fit-30 ta’ Ottubru 2009. F’din il-ġurnata, ir-rikorrenti Balfe u Colom I Naval kif ukoll l-ASBL talbu li tiġi nnotata r-rinunzja tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawża T-219/09 talbu li din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T‑326/09 u mal-Kawża T-439/09, John Robert Purvis vs Il-Parlament.

18      Il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq ir-rinunzja parzjali fil-Kawża T‑219/09, kif ukoll fuq it-talba sabiex il-kawżi jiġu magħquda, fid-19 ta’ Novembru 2009. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑326/09 u T‑439/09 ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar it-talba sabiex il-kawżi jiġu magħquda.

19      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Diċembru 2009, Balfe et vs Il-Parlament (T‑219/09, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), Richard Balfe, Joan Colom I Naval u l-ASBL tneħħew mill-lista ta’ rikorrenti f’din il-kawża.

20      Ir-rikorrent fil-Kawża T‑326/09 ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-7 ta’ Jannar 2010.

21      B’digrieti tat-18 ta’ Marzu 2010, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-proċedura fil-kawżi preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-Kawżi T‑532/08, Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il-Kummissjoni, u T-539/08, Etimine u Etiproducts vs Il‑Kummissjoni.

22      Peress li din id-deċiżjoni saret permezz tad-digrieti tas-7 ta’ Settembru 2010, Norilsk Nickel Harjavalta U Umicore vs Il‑Kummissjoni u Etimine u Etiproducts vs Il-Kummissjoni (T-532/08 u T-539/08, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra), il-partijiet ġew mistiedna jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li, fil-fehma tagħhom, kellhom jirriżultaw minn dan, għal kawżi preżenti. Il-Parlament u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-8 u fl-10 ta’ Novembru 2010, rispettivament.

23      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tal-Bureau tal-Parlament tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

24       Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        fil-Kawża T‑219/09, tinnota r-rinunzja ta’ Richard Balfe, Joan Colom I Naval u tal-ASBL;

–        fiż-żewġ kawżi, tilqa’ it-talbiet tagħhom żviluppati fl-att promotur.

 Id-dritt

26      Fir-rigward tat-talba sabiex il-kawżi jiġu magħquda ppreżentata mir-rikorrenti fil-Kawża T‑219/09, il-Qorti Ġenerali tqis utli li din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T‑326/09 għall-finijiet ta’ dan id-digriet, peress li ż-żewġ kawżi jqajmu l-istess kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà.

27      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 114(3), il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u konsegwentement li ma hemmx lok li l-partijiet jinstemgħu oralment.

 Fuq l-għan tar-rikorsi

28      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti fil-Kawża T‑219/09 li tiġi nnotata r-rinunzja ta’ Richard Balfe, Joan Colom I Naval u tal-ASBL, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li din it-talba ntlaqgħet permezz tal-adozzjoni tad-Digriet Balfe et vs Il-Parlament (punt 19 iktar ’il fuq), fis-sens li din it-talba tilfet l-għan tagħha.

29      Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan tat-talbiet għal annullament, hekk kif isostni wkoll il-Parlament mingħajr ma jiġi kkontestat mir-rikorrenti, id-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2009 kienet biss provviżorja, sa fejn issospendiet il-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tal-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990, mingħajr ma, madankollu, emendathom fir-rigward tal-mertu tagħhom. Il-Qorti Ġenerali tqis li, peress li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, sussegwentement ħassret l-imsemmija artikoli b’effett immedjat, id-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2009 tilfet il-validità tagħha minħabba nuqqas ta’ għan, fis-sens li ma tistax tkun is-suġġett ta’ talba għal annullament.

30      Għaldaqstant, hemm lok li r-rikorsi jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma diretti kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2009. Konsegwentement, iktar ’il quddiem, il-kelmiet “att ikkontestat”, jirreferu biss għad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

31      Il-Parlament qajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Fil-Kawża T‑219/09, huwa jsostni n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-ASBL, kif ukoll in-nuqqas ta’ interess, permezz tad-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009, tar-rikorrenti Richard Balfe u Joan Colom I Naval. Barra minn hekk, fiż-żewġ kawżi, huwa jsostni li r-rikorsi huma inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ interess individwali tar-rikorrenti.

32      Wara r-rinunzja tar-rikorrenti Richard Balfe u Joan Colom I Naval, kif ukoll tal-ASBL, hemm lok li tiġi eżaminata biss it-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ interess individwali tar-rikorrenti.

 L-argumenti tal-partijiet

33      Essenzjalment, il-Parlament isostni li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 hija ta’ natura regolatorja u li r-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati minnha.

34      Il-Parlament isostni li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009. Għaldaqstant, sabiex ir-rikorsi tagħhom jiġu ddikjarati ammissibbli, huma għandhom l-obbligu li juru li dan l-att jikkonċernahom b’mod dirett u individwali, peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi. Issa, il-Parlament jikkunsidra li r-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009.

35      Ir-rikorrenti jsostnu li, minkejja n-natura regolatorja tad-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009, dawn tal-aħħar jikkonċernawhom direttament u individwalment peress li huma suffiċjentement identifikabbli mill-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinnotaw li min-nota tas-Segretarju Ġenerali mibgħuta lill-membri tal-Bureau, tal-1 ta’ April 2009, jirriżulta li l-Bureau adotta l-imsemmija deċiżjonijiet billi ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħhom. Għaldaqstant, huwa immira destinatarji preċiżi u individwali b’rigward tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom fil-qasam tad-drittijiet kweżiti u futuri għal pensjoni addizzjonali.

36      Ir-rikorrenti jqisu li ma jistgħux jiġu miċħuda mill-possibbiltà li jikkontestaw l-atti futuri ta’ eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990, kif emendata bid-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, li ser ikunu indirrizzati lilhom.

37      Abbażi ta’ dan, huma jinvokaw, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ aċċess effettiv għal qorti Komunitarja. Fl-opinjoni tagħhom, l-atti futuri ta’ eżekuzzjoni tal-Parlament li jkollhom l-għan li jiċħdu t-talbiet għall-pensjoni addizzjonali, pereżempju minħabba li l-applikant ma jkunx għadu għalaq it-63 sena, għandhom jiġu kklassifikati bħala li għandhom natura sempliċement konfermattiva fil-konfront tad-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009. Issa, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, att konfermattiv li sempliċement jirriproduċi d-dispożizzjonijiet ta’ att preċedenti li sar definittiv jew li jippreċiża biss l-konsegwenzi loġiċi ta’ tali att mingħajr ma jistabbilixxi l-ebda element ġdid, ma jistax jiġi kkontestat billi jintalab l-annullament tiegħu. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn id-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009 ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala konfermattivi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ dritt ta’ appell kontra l-imsemmija deċiżjonijiet, eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tagħhom, imqajma fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni tkun inammissibbli wkoll. Konsegwentement, jekk tkun intlaqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jirriskjaw li ma jkollhom l-ebda possibbiltà konkreta u effettiva sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti Komunitarja.

38      It-tieni nett, ir-rikorrenti jinvokaw il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju u ta’ lealtà proċedurali. Fl-opinjoni tagħhom, ikun kontra l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju jekk jiġi impost fuq il-membri kollha li jibdew, kull wieħed minnhom għal dak li jikkonċernah, proċedura għal annullament kontra kull deċiżjoni individwali li ser tittieħed mill-Parlament bl-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2009. Barra minn hekk, l-issuġġettar tar-rikorrenti għal tali piż jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura. Fl-aħħar nett, il-fatt li jiġu ddikjarati inammissibbli r-rikorsi preżenti jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ lealtà proċedurali sa fejn b’hekk, jiġi permess lill-Parlament li ma jkunx obbligat jirrispetta l-impenn tal-Bureau tas-17 ta’ Ġunju 2009, li jipprovdi li s-sentenza futura li tingħata f’dawn il-kawżi ser tapplika għall-membri kollha tal-fond ta’ pensjoni addizzjonali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      Qabel kollox, fir-rigward tal-kwistjoni jekk għandhiex tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors fid-dawl tal-Artikolu 230 KE jew fid-dawl tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi deċiża fuq il-bażi tar-regoli li kienu fis-seħħ fid-data ta’ meta ġie ppreżentat u li r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għandhom jiġu evalwati fil-mument ta’ meta jiġi ppreżentat ir-rikors, jiġifieri fil-mument tal-preżentata tal-att. Għaldaqstant, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat TFUE, fil-1 ta’ Diċembru 2009, għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE (Digrieti Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il-Kummissjoni kif ukoll Etimine u Etiproducts vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punti 70 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-kawża preżenti, peress li r-rikorsi ġew ippreżentati, fid-19 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Awwissu 2009 rispettivament, l-ammissibbiltà tagħhom għandha għaldaqstant tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE.

41      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet indirizzati lilha jew kontra d-deċiżjonijiet li għalkemm meħuda fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

42      Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li, minkejja li l-att ikkontestat huwa intitolat “deċiżjoni”, huwa għandu portata ġenerali u li, għaldaqstant, għandu natura regolatorja, peress li japplika b’mod ġenerali għall-Membri Parlamentari affiljati, jew li jistgħu jsiru affiljati mal-fond ta’ pensjoni volontarja. Il-Qorti Ġenerali taqbel ma’ din l-opinjoni u tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà li jiġi ddeterminat, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom japplika att f’mument partikolari, ma huwiex suffiċjenti sabiex jimmina n-natura regolatorja tal-att, sakemm ikun stabbilit li huwa japplika għalihom minħabba sitwazzjoni legali jew fattwali oġġettiva definita mill-att, relatata mal-għan tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra 1994 p. I-1853, punt 18). Għaldaqstant, il-fatt, kif ammess, li n-numru u l-identità tal-Membri Parlamentari affettwati mill-att ikkontestat jistgħu jiġu ddetterminati mill-mument tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, ma jipprekludix li l-imsemmi att jiġi kklassifikat bħala att ġenerali. Fil-fatt, l-att ikkontestat ma jaffettwax lir-rikorrenti, kif jenfassizza ġustament il-Parlament, ħlief fil-kwalità tagħhom ta’ affiljati mal-fond ta’ pensjoni addizzjonali, li hija sitwazzjoni legali oġġettiva definita mill-għan tagħha, li huwa li temenda l-leġiżlazzjoni tat-12 ta’ Ġunju 1990.

43      Madankollu, il-portata ġenerali tal-att ikkontestat ma teskludix, għal daqshekk, li huwa jista’ jkun ta’ interess dirett u individwali għal ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C‑358/89, Ġabra p. I-2501, punt 13, Codorniu vs Il-Kunsill, punt 42 iktar ’il fuq, punt 19, tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C-451/98, Ġabra p. I-8949, punt 46, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 58, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T-43/98, Ġabra p. II-3519, punt 47).

44      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti huma direttament ikkonċernati mill-att ikkontestat peress li dan tal-aħħar ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni tal-Parlament responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Emesa Sugar vs Il-Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, punt 48).

45      Dwar il-kwistjoni jekk l-att ikkontestat jirrigwardax lir-rikorrenti individwalment, għandu jitfakkar li, sabiex persuna fiżika jew ġuridika tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata minn att ta’ portata ġenerali, hija għandha tkun affettwata minnu minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaretterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; Digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 1997, Federolio vs Il-Kummissjoni, T-122/96, Ġabra p. II‑1559, punt 59, u tad-29 ta’ April 1999, Alce vs Il-Kummissjoni, T‑120/98, Ġabra, p. II-1395, punt 19).

46      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-att ikkontestat jaffettwa d-drittijiet li r-rikorrenti jkunu jistgħu jinvokaw fil-futur abbażi tal-affiljazzjoni tagħhom mal-fond ta’ pensjoni addizzjonali ma huwiex tali li jindividwalizzahom fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE, meta mqabbla ma’ kull operatur ieħor, peress li jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament determinata, li tista’ titqabbel ma’ dik ta’ kull membru parlamentari ieħor affiljat mal-imsemmi fond ta’ pensjoni (ara, b’analoġija, id-Digriet Federolio vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 67, u s-sentenza, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, punt 50). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma ressqux provi li ġarrbu dannu eċċezzjonali tali li jindividwalizzahom meta mqabbla mal-Membri Parlamentari l-oħra affiljati mal-fond ta’ pensjoni addizzjonali.

47      Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li l-Bureau ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħhom qabel ma adotta l-att ikkontestat.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li istituzzjoni Komunitarja għandha l-obbligu, minħabba dispożizzjonijiet speċifiċi, li tikkunsidra l-konsegwenzi tal-att, li għandha l-intenzjoni tadotta, fuq is-sitwazzjoni ta’ ċerti individwi huwa tali li tindividwalizza lil dawn tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punti 28 sa 31, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, Ġabra p. I-2477, punti 11 sa 13).

49      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, l-ebda dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja ma obbligat lill-Bureau sabiex jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-paragrafi tal-att ikkontestat, iċċitati mir-rikorrenti sabiex isostnu dan l-argument, ma jurux b’mod preċiż li l-Bureau ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari, lanqas ta’ wieħed biss mir-rikorrenti, iżda bil-kontra, jirreferu biss għall-Membri Parlamentari affettwati minn din id-deċiżjoni fi kliem ġenerali bħal “il-ftit membri [li] jkunu jistgħu […] ikomplu jikkontribwixxu għall-[f]ond sabiex jiksbu drittijiet oħra”, “il-membri li kkontribbwixxew għall-[f]ond ta’ pensjoni volontarja” jew ukoll “il-membri kkonċernati”.

50      Għaldaqstant, dan l-argumenti tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

51      Minn dak kollu li ntqal qabel, jirriżulta li r-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati mill-att ikkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

52      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi imminata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti. L-ewwel nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ aċċess effettiv għal qorti Komunitarja, huwa suffiċjenti li jitfakkar, kif għamel ġustament il-Parlament li, skont is-sistema ta’ stħarriġ tal-legalità stabbilita mit-Trattat, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors sabiex tikkontesta regolament biss jekk din tkun ikkonċernata mhux biss direttament iżda wkoll individwalment. Minkejja li huwa minnu li l-kundizzjoni tal-aħħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li jistgħu jindividwalizzaw rikorrent (ara, pereżempju, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 14; Extramet Industrie vs Il-Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, punt 13, u Codorniu vs Il‑Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, punt 19), interpretazzjoni bħal din ma tistax twassal għall-esklużjoni tal-kundizzjoni inkwistjoni, li hija espressament prevista mit-Trattat, mingħajr ma teċċeddi l-kompetenzi attribwiti lilha mill-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44).

53      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li, fil-kawża preżenti, għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli rikorsi futuri ppreżentati mir-rikorrenti kontra deċiżjonijiet individwali li jiċħdu, fuq il-bażi tal-att ikkontestat, talbiet għall-benefiċċju tal-pensjoni addizzjonali mill-età ta’ 60 sena, dan ma jistax iwassal sabiex ir-rikorsi preżenti jiġu ddikjarat ammissibbli, bi ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

54      It-tieni nett, bl-istess mod, skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju, invokati mir-rikorrenti, ma jistgħux jiġġustifikaw li jiġi ddikkarat ammissibbli rikors li ma jirrispettax barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, taħt piena li jinqabżu l-limiti tal-kompetenzi attribwiti mit-Trattat lill-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, ebda wieeħd minn dawn il-prinċipji ma jista’ jservi bħala bażi għal deroga mill-attribuzzjoni tal-kompetenzi ta’ dawn il-qrati kif prevista mit-Trattat.

55      It-tielet nett, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura, ir-rikorrenti sempliċement jallegaw li l-fatt li jkollhom jippreżentaw, kull wieħed fir-rigward ta’ dak li jikkonċernah, proċedura għal annullament kontra l-atti futuri ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’April 2009, ikun għalihom sors ta’ inċertezza. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi nnotatat li l-inċertezza fir-rigward tar-riżultat ta’ rikors ġuridiku ma tistax titqabbel, fiha nnifisha, ma’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Bl-istess mod, mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jirriżultax kif il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura jista’ jiġi affettwat mill-fatt li huma jkollhom jikkontestaw l-atti ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009 pjuttost milli direttament lil din tal-aħħar. Fil-fatt, in-natura raġjonevoli tat-terminu ta’ proċedura ma jistax jiġi evalwat loġikament qabel it-tmiem ta’ din tal-aħħar.

56      Ir-raba’ nett u fl-aħħar, fir-rigward tal-“prinċipju ta’ lealtà proċedurali”, invokat mir-rikorrenti u jekk jitqies, bħalma jagħmlu dawn tal-aħħar, li d-deċiżjoni tal-Bureau, tas-17 ta’ Ġunju 2009, li tipprovdi li s-sentenza futura li tingħata fil-Kawża T‑219/09 ser tapplika għall-affiljati kollha tal-fond ta’ pensjoni fakultattiv, turi r-rieda tal-Parlament li l-kwistjonijiet tal-mertu jiġu deċiżi fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tali rieda minn naħa tal-konvenut ma tistax torbot lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-ammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi stabbiliti mill-Artikolu 230 KE, igawdu natura ta’ ordni pubblika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I-1125, punti 19-23; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Ottubru 1997, EISA vs Il-Kummissjoni, T‑239/94, Ġabra p. II-1839, punti 26 u 27; id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ April 2000, GAL Penisola Sorrentina vs Il-Kummissjoni, T‑263/97, Ġabra p. II-2041, punt 37), fis-sens li ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet.

57      Għaldaqstant, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

58      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

1)      Il-Kawżi T‑219/09 u T‑326/09 huma magħquda għall-finijiet tad-digriet.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda bħala inammissibbli.

3)      Gabriele Albertini u t-62 rikorrent l-oħra li jidhru fil-lista annessa, kif ukoll Brendan Donnelly, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Mogħtija fil-Lussemburgu, 15 ta’ Diċembru 2010.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

       I. Pelikánová

ANNESS

Javier Areitio Toledo, residenti f’Madrid (Spanja),

Robert Atkins, residenti f’Garstang (ir-Renju Unit),

Angelika Beer, residenti f’Großkummerfeld (il-Ġermanja),

Georges Berthu, residenti f’Longré (Franza),

Guy Bono, residenti f’Saint-Martin-de-Crau (Franza),

Herbert Bosch, residenti f’Bregence (l-Awstrija),

David Bowe, residenti f’Leeds (ir-Renju Unit),

Marie-Arlette Carlotti, residenti f’Marseille (Franza),

Ozan Ceyhun, residenti f’Rüsselsheim (il-Ġermanja),

Giles Bryan Chichester, residenti f’Ottery St Mary (ir-Renju Unit),

Brigitte Douay, residenti f’Pariġi (Franza),

Avril Doyle, residenti f’Wexford (l-Irlanda),

Michl Ebner, residenti f’Bozen (l-Italja),

Juan Manuel Fabra Valles, residenti f’Madrid,

Elisa Maria Ferreira, residenti f’Porto (il-Portugall),

James Glyn Ford, residenti f’Newnham on Severn (ir-Renju Unit),

Riccardo Garosci, residenti f’Milano (l-Italja),

Bruno Gollnisch, residenti f’Limonest (Franza),

Ana Maria Rosa Martins Gomes, residenti f’Colares-Sintra (il-Portugall),

Vasco Graça Moura, residenti f’Benfica do Ribatejo (il-Portugall),

Françoise Grossetête, residenti f’Saint-Étienne (Franza),

Catherine Guy-Quint, residenti f’Cournon d’Auvergne (Franza),

Roger Helmer, residenti f’Lutterworth (ir-Renju Unit),

William Richard Inglewood, residenti f’Penrith (ir-Renju Unit),

Caroline Jackson, residenti f’Abingdon (ir-Renju Unit),

Milos Koterec, residenti f’Bratislava (is-Slovakkja),

Urszula Krupa, residenti f’Lodz (il-Polonja),

Stefan Kuc, residenti f’Varsavja (il-Polonja),

Zbigniew Kuźmiuk, residenti f’Radom (il-Polonja),

Carl Lang, residenti f’Boulogne-Billancourt (Franza),

Henrik Lax, residenti f’Ħelsinki (il-Finlandja),

Patrick Louis, residenti f’Lyon (Franza),

Minerva-Welpomen Malliori, residenti f’Ateni (il-Greċja),

Sergio Marques, residenti f’Funchal (il-Portugall),

Graham Christopher Spencer Mather, residenti f’Londra (ir-Renju Unit),

Véronique Mathieu, residenti f’Val d’Ajol (Franza),

Marianne Mikko, residenti f’Talinn (l-Estonja),

William Miller, residenti f’Glasgow (ir-Renju Unit),

Elizabeth Montfort, residenti f’Riom (Franza),

Ashley Mote, residenti f’Binsted (ir-Renju Unit),

Christine Margaret Oddy, residenti f’Coventry (ir-Renju Unit),

Reino Paasilinna, residenti f’Ħelsinki,

Bogdan Pęk, residenti f’Cracovie (il-Polonja),

José Javier Pomés Ruiz, residenti f’Pamplune (Spanja),

John Robert Purvis, residenti fi Fife (ir-Renju Unit),

Luis Queiro residenti f’Lisbona (il-Portugall),

José Ribeiro E. Castro, residenti f’Lisbona,

Pierre Schapira, residenti f’Pariġi,

Pál Schmitt, residenti f’Budapest (l-Ungerija),

José Albino Silva Peneda, residenti f’Maia (il-Portugall),

Grażyna Staniszewska, residenti f’Bielsko-Biala (il-Polonja),

Robert Sturdy, residenti f’Wetherby (ir-Renju Unit),

Margie Sudre, residenti f’La Possession (Franza),

Robin Teverson, residenti fi Tregony (ir-Renju Unit),

Nicole Thomas-Mauro, residenti f’Épernay (Franza),

Gary Titley, residenti f’Bolton (ir-Renju Unit),

Witold Tomczak, residenti f’Kepno (il-Polonja),

Maartje van Putten, residenti f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Vincenzo Viola, residenti f’Palermo (l-Italja),

Mark Watts, residenti f’Ashford (ir-Renju Unit),

Thomas Wise, residenti f’Linslade (ir-Renju Unit),

Bernard Wojciechowski, residenti f’Varsavja.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.