Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta' Marzu 2011 - Siemens Österreich et vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-122/07 sa 124/07) 1

("Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE - Tqassim tas-suq - Effetti fi ħdan is-suq komuni - Kunċett ta' ksur kontinwat - Tul tal-ksur - Preskrizzjoni - Multi - Proporzjonalità - Limitu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħ - Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa - Ċirkustanzi attenwanti - Kooperazzjoni - Drittijiet tad-difiża")

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Siemens AG Österreich (Vjenna, l-Awstrija) (Kawża T-122/07); VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG (Vjenna) (Kawża T-122/07); Siemens Transmission & Distribution Ltd (Manchester, ir-Renju Unit) (Kawża T-123/07); Siemens Transmission & Distribution SA (Grenoble, Franza) (Kawża T-124/07); u Nuova Magrini Galileo SpA (Bergamo, l-Italja) (Kawża T-124/07) (rappreżentanti: H. Wollmann u F. Urlesberger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment F. Arbault u O. Weber, sussegwentement X. Lewis u A. Antoniadis, u finalment A. Antoniadis u R. Sauer, aġenti)

Suġġett

B'mod prinċipali, talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ZEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass), kif ukoll, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Dispożittiv

L-Artikolu 1(m), (p), (q), (r) u (t) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ZEE (Każ COMP/F/38.899 - Switchgear insulat bil-gass), huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ksur fih, minn Siemens AG Österreich, minn VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, minn Siemens Transmission & Distribution Ltd, minn Siemens Transmission & Distribution SA u minn Nuova Magrini Galileo SpA, għall-perijodu ta' bejn l-1 ta' April u t-30 ta' Ġunju 2002.

L-Artikolu 2(j), (k) u (l) tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali huwa annullat.

Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(m), (p), (q), (r) u (t) tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, huma imposti l-multi li ġejjin:

-    Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo, in solidum ma' Schneider Electric SA: EUR 8 100 000;

-    Siemens Transmission & Distribution Ltd, in solidum ma' Siemens AG Österreich, VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo: EUR 10 350 000;

-    Siemens Transmission & Distribution Ltd, in solidum ma' Siemens AG Österreich u VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG: EUR 2 250 000;

-    Siemens Transmission & Distribution Ltd: EUR 9 450 000.

4)    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)    Fil-Kawża T-122/07, il-Kummissijoni Ewropea għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta' Siemens AG Österreich u ta' VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Siemens AG Österreich u VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG għandhom ibatu 90 % mill-ispejjeż tagħhom u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

6)    Fil-Kawża T-123/07, il-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta' Siemens Transmission & Distribution Ltd u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Siemens Transmission & Distribution Ltd għandha tbati 90 % mill-ispejjeż tagħha u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

7)    Fil-Kawża T-124/07, il-Kummissjoni għandha tbati 20 % mill-ispejjeż ta' Siemens Transmission & Distribution SA u ta' Nuova Magrini Galileo u 20 % mill-ispejjeż tagħha. Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo għandhom ibatu 80 % mill-ispejjeż tagħhom u 80 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU C 140, tat-23.06.2007.