Language of document : ECLI:EU:C:2021:183

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Perijodu on-call taħt sistema ta’ stand-by – Pompieri professjonali – Direttiva 89/391/KEE – Artikoli 5 u 6 – Riskji psikosoċjali – Obbligu ta’ prevenzjoni”

Fil-Kawża C‑580/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

RJ

vs

Stadt Offenbach am Main,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Ferrand, R. Coesme, E. Toutain kif u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, inizjalment minn H. Leppo u minn J. Heliskoski, sussegwentement minn H. Leppo, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn B.‑R. Killmann u M. van Beek, sussegwentement minn B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RJ u l-iStadt Offenbach am Main (il-Belt ta’ Offenbach am Main, il-Ġermanja), dwar ir-remunerazzjoni rikjesta minn RJ għas-servizzi on-call taħt sistema ta’ stand-by żgurati minn dan tal-aħħar. Qabel kollox għandu jiġi spjegat li, fil-kuntest ta’ din is-sentenza, it-terminu “on‑call” ikopri, b’mod ġenerali, il-perijodi kollha li matulhom il-ħaddiem jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex ikun jista’ jiżgura prestazzjoni ta’ xogħol, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li l-espressjoni “on‑call taħt sistema ta’ stand‑by” tirrigwarda dawk minn fost dawn il-perijodi li matulhom il-ħaddiem ma humiex kostrett jibqa’ fil-post tax-xogħol tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 89/391/KEE

3        L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), jipprevedi:

“Min iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol.”

4        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Fi ħdan il-kuntest tar-responsabbilitajiet tiegħu, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema, inkluż il-prevenzjoni tar-riskji ikkaġunati mix-xogħol u l-għoti ta’ informazzjoni u taħriġ, kif ukoll ta’ l-għoti ta’ l-organizzazzjoni u mezzi meħtieġa.

Min iħaddem għandu joqgħod attent għall-ħtieġa li jaġġusta dawn il-miżuri sabiex jagħtu kas taċ-ċirkostanzi li jinbidlu u jimmira għat-titjib tas-sitwazzjonijiet eżistenti.

2.      Min iħaddem għandu jimplimenta l-miżuri li hemm riferenza għalihom fl-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 1 fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni segwenti:

(a)      l-evitar ta’ riskji;

(b)      l-evalwar tar-riskji li ma jkunux jistgħu jiġu evitati:

(ċ)      il-ġlieda kontra r-riskji mis-sors;

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu, jagħti każ tan-natura ta’ l-attivitajiet ta’ l-intrapriża u/jew ta’ l-istabbiliment:

(a)      jevalwa r-riskji għas-sigurtà u għas-saħħa tal-ħaddiema, fosthom fl-għażla ta’ apparat tax-xogħol, is-sustanzi kimiċi jew preparazzjonijiet użati, u t-tfassil ta’ postijiet tax-xogħol.

Wara din l-evalwazzjoni u kif ikun hemm bżonn, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-metodi ta’ xogħol u ta’ produzzjoni implimentati minn min iħaddem għandhom:

–        jassigura titjib fil-livell ta’ protezzjoni offruta lill-ħaddiema fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa,

–        ikunu integrati fl-attivitajiet kollha ta’ l-intrapriża u/jew stabbiliment u fil-livelli ġerarkiċi kollha;

[…]”

 Id-Direttiva 2003/88

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Direttiva tapplika għal:

(a)      il-perjodi minimi ta’ serħan [mistrieħ] ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

(b)      ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

[…]”

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.      ‘perjodu ta’ serħan [mistrieħ]’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.”

 Id-dritt Ġermaniż

8        L-Anness għall-Verordnung über die Organisation, Mindeststärke und Ausrüstung der öffentlichen Feuerwehren (ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni, il-Limitu Minimu ta’ Forzi u Allokazzjonijiet tal-Korpi Pubbliċi tal-Pompieri), tas‑17 ta’ Diċembru 2003, jipprovdi b’mod partikolari:

“L-allokazzjonijiet tat-tieni livell, inkluż il-persunal neċessarju għal dan il-għan, għandhom jaslu fuq il-post ta’ intervent, bħala regola ġenerali, f’terminu ta’ 20 minuta wara l-bidu tal-allarm […]”

9        Skont l-Einsatzdienstverfügung der Feuerwehr Offenbach (iċ-Ċirkulari Operattiva tal-Korpi Pubbliċi tal-Pompieri tal-Belt ta’ Offenbach am Main), fil-verżjoni tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċjal li jwettaq is-servizz “Beamter vom Einsatzleitdienst” (“uffiċjal tas-servizz ta’ kontroll tal-operat”, iktar ’il quddiem is-“servizz ‘BvE’”) għandu jmur immedjatament fuq il-post ta’ intervent billi juża l-privileġġi tiegħu li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet tiegħu ta’ preċedenza.

10      Din iċ-ċirkulari operattiva tispeċifika, fil-paġna 6, l-obbligi tal-uffiċjal li jwettaq is-servizz “BvE”:

“Matul iż-żmien tas-servizz ‘BvE’, l-uffiċjal għandu jżomm ruħu għad-dispożizzjoni u jkun f’post li jippermettilu josserva l-ħin ta’ intervent ta’ 20 minuta. Din ir-regola titqies li hija osservata meta, billi jintużaw il-privileġġi proprji li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet ta’ reċedenza proprji, il-ħin tal-vjaġġ mill-post fejn ikun jinsab u l-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main ikun ta’ 20 minuta jew inqas. Dan il-ħin tal-vjaġġ japplika fil-każ ta’ traffiku medju intensiv u f’kundizzjonijiet normali tat-traffiku u meteoroloġiċi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      RJ huwa uffiċjal u jeżerċita l-attivitajiet tiegħu bħala pompier, fil-kwalità ta’ kap ta’ grupp, fi ħdan is-servizz tat-tifi tan-nar u ta’ salvataġġ tal-Belt ta’ Offenbach am Main. Minbarra s-servizz ordinarju tiegħu, huwa għandu, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli fi ħdan is-servizz tat-tifi tan-nar u ta’ salvataġġ ta’ din il-belt, jeżerċita s-servizz “BvE” b’mod regolari.

12      Matul is-servizz “BvE”, RJ għandu jkun dejjem fuq stand-by u jkollu lesti u disponibbli l-ilbies tax-xogħol kif ukoll il-vettura ta’ intervent imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-persuna li timpjegah. Huwa għandu jwieġeb għas-sejħiet li jirċievi u li bihom jiġi informat dwar l-okkorrenza ta’ avvenimenti li jirrikjedu deċiżjonijiet min-naħa tiegħu. F’ċerti każijiet, huwa jiġi msejjaħ imur fil-post tal-intervent jew fil-post ta’ servizz tiegħu. Meta jwettaq is-servizz “BvE”, RJ għandu jagħżel il-post fejn ikun jinsab b’mod tali li, fil-każ ta’ allarm, ikun jista’ jasal fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main bl-ilbies tax-xogħol u b’din il-vettura, billi juża l-privileġġi tiegħu li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet tiegħu ta’ preċedenza, fi żmien 20 minuta.

13      Matul il-ġimgħa, is-servizz “BvE” jseħħ bejn il-17.00 u s-7.00 tal-ġurnata ta’ wara. Fi tmiem il-ġimgħa, dan is-servizz jestendi mill-17.00 ta’ nhar ta’ Ġimgħa sas-7.00 ta’ nhar ta’ Tnejn. Ġimgħa ta’ 42 siegħa ta’ xogħol tista’ tiġi segwita mit-twettiq tal-imsemmi servizz fi tmiem il-ġimgħa. Bħala medja, RJ wettaq is-servizz “BvE” minn 10 sa 15‑il tmiem il-ġimgħa fis-sena. Bejn l‑1 ta’ Jannar 2013 sal‑31 ta’ Diċembru 2015, huwa wettaq għal 126 darba s-servizz “BvE” u kellu jwieġeb għal allarmi jew jitlaq sabiex jintervjeni għoxrin darba. B’hekk, għal tliet snin, in-numru ta’ allarmi li seħħew matul li RJ kien qed iwettaq is-servizz “BvE” kien jammonta bħala medja għal 6.67 fis-sena.

14      RJ talab li s-servizz “BvE” jiġi rrikonoxxut bħala ħin tax-xogħol u li jiġi rremunerat konsegwentement. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2014, il-persuna li timpjegah ċaħdet it-talba tiegħu.

15      Fil‑31 ta’ Lulju 2015, RJ ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna li, anki meta dawn iseħħu taħt sistema ta’ stand-by u konsegwentement il-ħaddiem ma jkunx marbut li jkun preżenti fiżikament f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega, il-perijodi on-call jistgħu jitqiesu bħala ħin tax-xogħol, meta l-ħaddiem ikun kostrett, mill-persuna li timpjegah, imur lura għax-xogħol f’ħin qasir ħafna. RJ isostni b’mod partikolari li s-servizz “BvE” jikkostitwixxi restrizzjoni importanti tal-ħin liberu tiegħu sa fejn, fil-każ ta’ allarm, huwa għandu immedjatament jitlaq mid-dar tiegħu sabiex imur Offerenbach am Main, sabiex josserva t-terminu ta’ 20 minuta li għalih huwa suġġett.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet eżerċitati mill-forzi ta’ intervent ta’ servizz tat-tifi tan-nar u ta’ salvataġġ nazzjonali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88. Din il-qorti tqis li filwaqt li l-kwistjonijiet relatati mar-remunerazzjoni tas-servizzi on-call huma, min-naħa tagħhom, esklużi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, il-kwalifika tas-servizz “BvE” bħala “ħin tax-xogħol” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 hija madankollu deċiżiva għall-eżitu tat-tilwima pendenti quddiemha.

17      Fil-fatt, skont id-dritt Ġermaniż, il-persuna li timpjega lil RJ tista’ tiġi kkundannata tirremunera s-servizz “BvE” bil-mod mitlub minn RJ biss jekk dan tal-aħħar ikun ħadem lil hinn mit-tul ta’ kull ġimgħa ta’ xogħol massimu awtorizzat mid-Direttiva 2003/88. Barra minn hekk, it-talba ta’ RJ intiża biex jiġi kkonstatat speċifikament li s-servizz “BvE” jikkostitwixxi ħin tax-xogħol ma tirrigwardax ir-remunerazzjoni eventwali ta’ dan is-servizz, iżda hija intiża li tiggarantixxi li, fil-futur, RJ ma jiġix imġiegħel jaħdem lil hinn mit-tul massimu ta’ xogħol awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li perijodu on-call jista’ jiġi ekwiparat ma’ ħin tax-xogħol biss jekk il-ħaddiem ikun imġiegħel ikun fiżikament preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li timpjegah u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi xierqa immedjatament f’każ ta’ bżonn. Madankollu, hija tenfasizza li fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-servizzi on-call imwettqa minn ħaddiem fir-residenza tiegħu għandhom, dawn ukoll, jitqiesu bħala ħin tax-xogħol, billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-obbligu għall-ħaddiem li jibqa’ f’post stabbilit mill-persuna li timpjega u, min-naħa l-oħra, fuq il-limitazzjoni tal-possibbiltà għal dan il-ħaddiem li jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali li jirriżultaw min-neċessità li jasal fuq il-post tax-xogħol fi żmien tmien minuti.

19      Għall-qorti tar-rinviju, din is-sentenza ma tipprekludix li jitqiesu wkoll bħala ħin tax-xogħol il-perijodi on-call taħt is-sistema ta’ stand-by, jiġifieri dawk li matulhom il-ħaddiem, mingħajr ma jkun obbligat jibqa’ f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega, huwa suġġett għal restrizzjonijiet sinjifikattivi fl-għażla libera tal-post fejn jinsab u fl-organizzazzjoni tal-ħin liberu tiegħu.

20      B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, il-perijodi on-call taħt sistema ta’ pagament ta’ stand-by għas-sempliċi raġuni li l-persuna li timpjega ma stabbilixxietx post preċiż fejn il-ħaddiem huwa mġiegħel ikun fiżikament preżenti, jikkostitwixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata meta mqabbla mas-sitwazzjoni li fiha l-persuna li timpjega tkun imponiet tali post. Fil-fatt, l-obbligu, impost fuq il-ħaddiem, li jilħaq post determinat f’terminu qasir jista’ jkollu effett daqstant restrittiv fuq l-organizzazzjoni tal-ħin liberu tiegħu u jwassal sabiex jimponi fuqu indirettament il-post fejn huwa mġiegħel ikun fiżikament preżenti, u b’hekk jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet tiegħu li jiddedika ruħu għall-affarijiet personali tiegħu.

21      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kriterju determinanti użat mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) sabiex jiġi ddeterminat jekk perijodu on-call għandux jitqies bħala ħin tax-xogħol huwa l-frekwenza li biha l-ħaddiem għandu jistenna li ser jissejjaħ jintervjeni matul il-perijodi on-call tiegħu. Għalkemm dawn il-perijodi huma biss sporadikament interrotti minħabba interventi, huma ma jikkostitwixxux “ħin tax-xogħol”.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu2 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jitqiesu bħala ħin tax-xogħol il-perijodi ta’ stand-by li matulhom l-ħaddiem ikollu l-obbligu li jmur fil-partijiet ta’ barra tal-belt fejn huwa assenjat, bl-uniformi u fil-vettura ta’ intervent tiegħu, fi żmien 20 minuta, minkejja li l-persuna li timpjegah ma timponix fuqu post li fih għandu jkun preżenti fiżikament, iżda fejn il-ħaddiem ikun madankollu suġġett għal restrizzjonijiet importanti fl-għażla tal-post fejn huwa jinsab u fil-possibbiltajiet li huwa jkollu sabiex jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fl-ewwel domanda preliminari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, il-punt dwar jekk, u sa fejn, matul il-perijodi ta’ on-call li huwa għandu jwettaq f’post mhux deċiż mill-persuna li timpjega, il-ħaddiem għandu bħala regola ġenerali jistenna li jissejjaħ sabiex imur għal intervent?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu on‑call li matulu ħaddiem għandu jkun jista’ jasal fil-limiti tal-belt ta’ assenjazzjoni tiegħu f’terminu ta’ 20 minuta, bl-ilbies tax-xogħol tiegħu u bil-vettura ta’ servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna li timpjegah, billi juża l-privileġġi tiegħu li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet ta’ preċedenza marbuta ma’ din il-vettura, jikkostitwixxix “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, u jekk il-frekwenza medja li biha huwa effettivament jissejjaħ biex jintervjeni matul dan il-perijodu għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali kwalifika.

24      B’mod iktar partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa mitlub joqgħod għal madwar erbgħin perijodu on-call fis-sena, bil-lejl matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa. Dawn il-perijodi on-call jitwettqu taħt sistema ta’ stand-by, li jimplika li huwa ma huwiex meħtieġ li jkun fiżikament preżenti fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Matul dawn il-perijodi on-call, RJ għandu jkollu, f’kull mument, l-ilbies tax-xogħol tiegħu u l-vettura ta’ intervent tiegħu, ikun jista’ jwieġeb immedjatament għat-telefonati li jirċievi u jkun f’pożizzjoni li jasal fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main, bl-ilbies tax-xogħol tiegħu u bil-vettura ta’ servizz, f’terminu ta’ 20 minuta, billi juża l-privileġġi tiegħu u d-drittijiet ta’ preċedenza marbuta ma’ din il-vettura. Dan il-ħin tal-vjaġġ jikkorrispondi għal ċirkulazzjoni medjament densa, għal stat ta’ toroq normali u għal kundizzjonijiet meteoroloġiċi normali.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm hija, b’mod definittiv, il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-perijodi on-call taħt sistema ta’ stand-by, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhomx jiġu kkwalifikati bħala “ħin tax-xogħol”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha indikazzjonijiet dwar il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt dan l-eżami (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed) C‑344/19, punti 23 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fl-awspiċji ta’ din il-preċiżazzjoni preliminari, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/88 għandha bħala għan li tiffissa suġġerimenti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol. Din l-armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tara li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ mistrieħ xierqa, u billi tipprevedi limitu massimu għat-tul tax-xogħol fil-ġimgħa (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed) C‑344/19, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Il-preskrizzjonijiet differenti li tiddikjara d-Direttiva 2003/88 fil-qasam tat-tul massimu tax-xogħol u tal-ħin minimu ta’ mistrieħ jikkostitwixxu għalhekk regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem u li l-osservanza tagħhom ma tistax tkun suġġetta għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed) C‑344/19, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Barra minn hekk, billi tistabbilixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u tal-perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum, id-Direttiva 2003/88 tippreċiża d-dritt fundamentali espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandha, konsegwentement, tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 31(2). B’mod partikolari jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma jistgħux ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva b’detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jislet minnha (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah u fl-eżerċizzju tal-attivitajiet jew tad-doveri tiegħu, konformement mal-liġijiet u/mal-prattiki nazzjonali. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “perijodu ta’ mistrieħ” ifisser kwalunkwe perijodu li ma huwiex ħin tax-xogħol.

30      Minn dan jirriżulta li dawn iż-żewġ kunċetti, li ġew iddefiniti bl-istess mod fid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2003/88, huma reċiprokament esklużivi. Il-ħin on-call ta’ ħaddiem għandu għalhekk jiġi kkwalifikat jew bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ mistrieħ” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, peress li din tal-aħħar ma tipprevedix kategorija intermedjarja (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ mistrieħ” jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi billi jsir riferiment għall-istruttura u għall-għan tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura l-effikaċja sħiħa ta’ din id-direttiva kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għaldaqstant, minkejja r-riferiment magħmul għal-“liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi” fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri ma jistgħux jiddeterminaw unilateralment il-portata tal-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ mistrieħ” billi jissuġġettaw għal xi tip ta’ kundizzjoni jew restrizzjoni d-dritt, irrikonoxxut direttament lill-ħaddiema minn din id-direttiva, li l-perijodi ta’ xogħol u, korrelativament dawk ta’ mistrieħ jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. Kull interpretazzjoni oħra tostakola l-effettività tad-Direttiva 2003/88 u tmur kontra l-għan tagħha (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Fit-tielet lok, u iktar preċiżament fir-rigward tal-perijodi on-call, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li perijodu li matulu ebda attività ma hija effettivament eżerċitata mill-ħaddiem għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah ma jikkostitwixxix neċessarjament “perijodu ta’ mistrieħ”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

34      B’hekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-perijodi on‑call imwettqa fil-post tax-xogħol li ma kellhomx jiġu ekwiparati mar-residenza tal-ħaddiem, li l-fattur determinati sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huma preżenti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa kostrett ikun fiżikament preżenti f’posti iddeterminat mill-persuna li timpjega u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ dan ta-aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu b’mod immedjat f’każ ta’ bżonn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap, C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 48; tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 63, kif ukoll tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 48).

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-post tax-xogħol għandu jinftiehem bħala kull post fejn il-ħaddiem huwa mitlub jeżerċita attività fuq ordni tal-persuna li timpjegah, inkluż meta dan il-post ma jkunx il-post fejn huwa abitwalment iwettaq l-attività professjonali tiegħu.

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, matul tali perijodu on-call, il-ħaddiem, obbligat li jibqa’ fil-post tax-xogħol tiegħu għad-dispożizzjoni immedjata tal-persuna li timpjegah, għandu jibqa’ mbiegħed mill-ambjent soċjali u familjari tiegħu u jibbenefika minn flessibbiltà żgħira sabiex jiġġestixxi l-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba. Għaldaqstant, dan il-perijodu kollu għandu jiġi kkwalifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, indipendentement mix-xogħol realment imwettaq mill-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 65; tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 93, kif ukoll tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et, C‑14/04, EU:C:2005:728, punti 46 u 58).

37      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li perijodu on‑call taħt is-sistema ta’ stand‑by, minkejja li dan ma jobbligax lill-ħaddiem jibqa’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu, għandu wkoll jiġi kkwalifikat, fl-intier tiegħu, bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, meta, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt oġġettiv u sinjifikattiv ħafna tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem fuq il-possibbiltajiet, għal dan tal-aħħar, li jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu, dan jiddistingwi ruħu minn perijodu li matulu l-ħaddiem għandu biss ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jikkomunika miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 63 sa 66).

38      Kemm mill-elementi rrilevati fil-punti 34 sa 37 tas-sentenza preżenti kif ukoll min-neċessità, imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirriżulta li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, il-perijodi on-call kollha, inklużi dawk taħt sistema ta’ stand-by, li matulhom ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem huma ta’ natura tali li jaffettwaw b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u sabiex jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu.

39      Għall-kuntrarju, meta r-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul perijodu on‑call partikolari ma jilħqux tali livell ta’ intensità u jippermettulu jiġġestixxi l-ħin tiegħu u jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess mingħajr restrizzjonijiet kbar, huwa biss il-ħin marbut mal-prestazzjoni ta’ xogħol li huwa, jekk ikun il-każ, effettivament imwettaq matul tali perijodu li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat ulterjorment li huma biss ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem, kemm jekk permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, minn ftehim kollettiv jew mill-persuna li timpjegah, bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-kuntratt ta’ xogħol, tar-regolament ta’ xogħol jew tas-sistema ta’ tqassim tas-servizzi on‑call bejn il-ħaddiema, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk perijodu on-call jikkostitwixxix “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 39).

41      Min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet organizzattivi li perijodu on‑call jista’ joħloq għall-ħaddiem u li ma jirriżultawx minn tali restrizzjonijiet, iżda li huma, pereżempju, il-konsegwenza ta’ elementi naturali jew tal-għażla libera tiegħu, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 40).

42      B’hekk, b’mod partikolari, id-distanza kbira li tissepara r-residenza magħżula liberament mill-ħaddiem mill-post li huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jilħaq f’ċertu limitu matul il-perijodu on-call tiegħu, ma hijiex, bħala tali, kriterju rilevanti sabiex dan il-perijodu kollu jiġi kkwalifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, tal-inqas meta dan il-post ikun il-post tax-xogħol abitwali tiegħu. Fil-fatt, f’tali każ, dan il-ħaddiem kien f’pożizzjoni li jevalwa liberament id-distanza li tissepara l-imsemmi post mir-residenza tiegħu (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, jekk il-post tax-xogħol jinkludi jew jiġi ekwiparat mad-dar tal-ħaddiem, is-sempliċi fatt li, matul perijodu on‑call partikolari, dan tal-aħħar għandu jibqa’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu sabiex ikun jista’, f’każ ta’ bżonn, ikun disponibbli għall-persuna li timpjegah ma huwiex biżżejjed sabiex dan il-perijodu jiġi kkwalifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Meta, minħabba l-assenza ta’ obbligu li jibqa’ fuq il-post tax-xogħol perijodu on-call ma jistax awtomatikament jiġi kkwalifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huma wkoll il-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk tali kwalifika hijiex madankollu meħtieġa, minħabba l-konsegwenzi li r-restrizzjonijiet kollha imposti fuq il-ħaddiem joħolqu fuq il-possibbiltà tiegħu li jiġġestixxi liberament, matul dan il-perijodu, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux mitluba u li jiddedika ruħu għall-interessi tiegħu stess.

45      F’din il-perspettiva, jeħtieġ, b’mod iktar partikolari, li jitqies it-terminu li għandu l-ħaddiem, matul il-perijodu on-call tiegħu, sabiex jerġa’ jaqleb għall-attivitajiet professjonali tiegħu, mill-mument meta l-persuna li timpjegah titlob dan, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-frekwenza medja tal-interventi li dan il-ħaddiem ikun effettivament mitlub jiżgura matul dan il-perijodu (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 46).

46      Għalhekk, l-ewwel nett, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 sa 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li joħolqu, fuq il-possibbiltà għall-ħaddiem li jiġġestixxi liberament il-ħin tiegħu, il-qosor tat-terminu li fih huwa għandu, f’każ ta’ intervent neċessarju, iwieġeb għal sejħa ta’ xogħol, li, bħala regola ġenerali, jimponilu li jmur fil-post tax-xogħol tiegħu.

47      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li perijodu on‑call li matulu ħaddiem jista’, fid-dawl tat-terminu raġonevoli mogħti lilu sabiex jerġa’ jaqleb għall-attivitajiet professjonali tiegħu, jippjanifika l-affarijiet personali u soċjali tiegħu ma jikkostitwixxix, a priori, “ħin tax-xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2003/88. Min-naħa l-oħra, perijodu on‑call li matulu t-terminu rrikonoxxut lill-ħaddiem biex iwieġeb għal sejħa ta’ xogħol huwa limitat għal ftit minuti, għandu, bħala prinċipju, jitqies, kollu kemm hu bħala “ħin tax-xogħol” fis-sens ta’ din id-direttiva, inkwantu l-ħaddiem huwa, f’dan l-aħħar każ, kunsiderevolment dissważ milli jippjanifika kwalunkwe attività ta’ mistrieħ, anki ta’ natura qasira (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 48).

48      Xorta jibqa’ l-fatt li l-impatt ta’ tali terminu ta’ reazzjoni għandu jiġi evalwat wara evalwazzjoni konkreta, li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, restrizzjonijiet oħra imposti fuq il-ħaddiem, kif ukoll il-faċilitajiet li jingħatawlu matul il-perijodu on‑call tiegħu (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 49).

49      Huwa, b’mod partikolari, rilevanti, fir-rigward tar-restrizzjonijiet madwar dan it-terminu ta’ reazzjoni, l-obbligu għall-ħaddiem li jibqa’ fir-residenza tiegħu, mingħajr ma jkun jista’ jiċċaqlaq liberament, fl-istennija li jissejjaħ mill-persuna li timpjegah, jew l-obbligu li jkollu miegħu tagħmir speċifiku meta, fuq tweġiba għal sejħa, ikollu jmur fil-post tax-xogħol tiegħu. Huwa wkoll rilevanti, fir-rigward tal-faċilitajiet mogħtija lill-ħaddiem, it-tqegħid eventwali għad-dispożizzjoni ta’ dan il-ħaddiem ta’ vettura ta’ servizz li tippermetti li jsir użu minn privileġġi li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u minn drittijiet ta’ preċedenza jew ukoll il-possibbiltà mogħtija lill-ħaddiem li jwieġeb għas-sejħiet tal-persuna li timpjegah mingħajr ma jitlaq mill-post fejn jinsab.

50      It-tieni, flimkien mat-terminu li għandu l-ħaddiem sabiex jerġa’ jaqleb għall-attivitajiet professjonali tiegħu, il-frekwenza medja tas-servizzi effettivi li normalment jitwettqu minn dan il-ħaddiem, matul kull wieħed mill-perijodi on‑call tiegħu, għandha, meta din tista’ tkun is-suġġett ta’ stima oġġettiva, tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 50).

51      Fil-fatt, meta ħaddiem jintalab, bħala medja, jintervjeni diversi drabi matul perijodu on-call, huwa jkollu inqas libertà jiġġestixxi liberament il-ħin tiegħu matul il-perijodi ta’ inattività tiegħu, fid-dawl tal-interruzzjoni frekwenti tagħhom. Dan japplika iktar u iktar meta l-interventi normalment meħtieġa mill-ħaddiem, matul il-perijodu on-call tiegħu, ikunu ta’ tul sinjifikattiv (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 52).

52      Minn dan jirriżulta li, għalkemm il-ħaddiem huwa, bħala medja, spiss imsejjaħ biex jipprovdi servizzi matul il-perijodi on-call tiegħu, servizzi li, bħala regola ġenerali, ma humiex għal żmien qasir, dawn il-perijodi kollha jikkostitwixxu, bħala prinċipju, “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88 (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 53).

53      Madankollu, il-fatt li, bħala medja, il-ħaddiem huwa biss rarament imsejjaħ jintervjeni matul il-perijodi on-call tiegħu ma jistax iwassal li dawn tal-aħħar jitqiesu li huma “perijodi ta’ mistrieħ”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, meta l-impatt tat-terminu impost fuq il-ħaddiem sabiex jerġa’ jaqleb għall-attivitajiet professjonali tiegħu huwa tali li jkun biżżejjed sabiex jirrestrinġi, b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna, il-possibbiltà li huwa għandu li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 54).

54      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, matul il-perijodi on‑call taħt is-sistema ta’ stand‑by inkwistjoni fil-kawża prinċipali, RJ jista’ jiċċaqlaq liberament iżda għandu jkun f’pożizzjoni li jilħaq il-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main, f’terminu ta’ 20 minuta, bl-ilbies ta’ intervent tiegħu u bil-vettura ta’ servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna li timpjegah, billi jagħmel użu minn privileġġi li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u minn drittijiet ta’ preċedenza. Kif ġie rrilevat fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-frekwenza medja tal-interventi ta’ dan il-ħaddiem, matul dawn il-perijodi, kienet għolja. Barra minn hekk, in-natura eventwalment sinjifikattiva tad-distanza li tissepara r-residenza ta’ RJ mil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main, post abitwali tax-xogħol tiegħu, ma hijiex, bħala tali, rilevanti.

55      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk RJ huwiex suġġett, matul il-perijodi on‑call tiegħu taħt is-sistema ta’ stand‑by, għal restrizzjonijiet ta’ intensità tali li jaffettwaw, oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna, il-possibbiltà tiegħu li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess.

56      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, ħlief għal eċċezzjoni fir-rigward tal-ipoteżi partikolari tal-leave annwali mħallas, prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva tirregola biss ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, din ma hijiex applikabbli għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 57).

57      Għaldaqstant, il-metodu ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema għall-perijodi on‑call ma jaqax taħt id-Direttiva 2003/88 iżda taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol jew ta’ deċiżjoni ta’ persuna li timpjega li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni ta’ servizz on‑duty, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod differenti l-perijodi li matulhom effettivament jitwettqu servizzi ta’ xogħol u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma jitwettaq, anki meta dawn il-perijodi għandhom jitqiesu, fl-intier tagħhom, bħala “ħin tax-xogħol” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Bl-istess mod, id-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix tali leġiżlazzjoni, ftehim kollettiv ta’ xogħol jew deċiżjoni tal-persuna li timpjega li, fir-rigward ta’ perijodi on-call li għandhom jitqiesu kompletament bħala li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tipprevedi madankollu l-ħlas lill-ħaddiem ikkonċernat ta’ somma intiża li tikkumpensa l-inkonvenjenzi li jikkawżawlu dawn il-perijodi on-call fil-ġestjoni tal-ħin tiegħu u tal-interessi privati tiegħu (sentenza odjerna, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punt 59).

59      Fil-ħames u l-aħħar lok, mill-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-perijodi on‑call li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kkwalifikati bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, għandhom jiġu kkunsidrati, bl-eċċezzjoni tal-ħin marbut mal-provvisti ta’ xogħol effettivament imwettqa matul dawn il-perijodi, bħala “perijodi ta’ mistrieħ”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tagħha, u, bħala tali, jiġu kkomputati fil-kalkolu tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 ta’ din id-direttiva.

60      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-kwalifika ta’ perijodu on‑call bħala “perijodu ta’ mistrieħ”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, hija bla ħsara għad-dmir tal-persuni li jimpjegaw li josservaw l-obbligi speċifiċi imposti fuqhom, bis-saħħa tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 89/391, sabiex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-persuni li jimpjegaw ma jistgħux jintroduċu perijodi on‑call li sa dan il-punt ikunu twal jew frekwenti li jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiem, indipendentement mill-fatt li dawn il-perijodi jiġu kkwalifikati bħala “perijodi ta’ mistrieħ”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu (ara, f’dan i-rigward, is-sentenza odjerna Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand-by f’post imbiegħed), C‑344/19, punti 61 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu on‑call taħt sistema ta’ stand‑by, li matulu ħaddiem għandu jkun jista’ jilħaq il-limiti tal-belt ta’ assenjazzjoni tiegħu f’terminu ta’ 20 minuta, bl-ilbies ta’ intervent tiegħu u l-vettura ta’ servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna li timpjegah, billi juża privileġġi li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u mid-drittijiet ta’ preċedenza marbuta ma’ din il-vettura, jikkostitwixxi, fl-intier tiegħu, “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi ta’ tali terminu u, jekk ikun il-każ, tal-frekwenza medja ta’ intervent matul dan il-perijodu, jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti fuq dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu jkunu ta’ natura tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jiġġestixxi liberament, matul dan l-istess perijodu, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u li jiddedika dan iż-żmien għall-interessi tiegħu stess.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li perijodu oncall taħt sistema ta’ standby, li matulu ħaddiem għandu jkun jista’ jilħaq il-limiti tal-belt ta’ assenjazzjoni tiegħu f’terminu ta’ 20 minuta, bl-ilbies ta’ intervent tiegħu u l-vettura ta’ servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna li timpjegah, billi juża privileġġi li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u mid-drittijiet ta’ preċedenza marbuta ma’ din il-vettura, jikkostitwixxi, fl-intier tiegħu, “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi ta’ tali terminu u, jekk ikun il-każ, tal-frekwenza medja ta’ intervent matul dan il-perijodu, jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti fuq dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu jkunu ta’ natura tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jiġġestixxi liberament, matul dan l-istess perijodu, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u li jiddedika dan iż-żmien għall-interessi tiegħu stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.