Language of document : ECLI:EU:T:2022:696

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

9 ta’ Novembru 2022 (*)

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ‘Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe’ – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta r-raġunijiet għalfejn ma jiġux adottati l-proposti ta’ atti legali li jinsabu fl-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑158/21,

Citizens’ Committee of the European Citizens’ Initiative “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe”, irrappreżentat minn T. Hieber, avukat,

rikorrent,

sostnut minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral, I. Rubene, E. Stamate u D. Drambozova, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika tas-Slovakkja, irrappreżentata minn E. Drugda, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn J. Svenningsen, President, C. Mac Eochaidh (Relatur) u J. Laitenberger, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Citizens’ Committee of the European Citizens’ Initiative “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe”, jitlob l-annullament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 171 final tal‑14 ta’ Jannar 2021 dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE”), skont l-Artikolu 11(4) TUE u r-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49).

3        L-għan tal-proposta ta’ IĊE kien li jistieden lill-Unjoni Ewropea tadotta sensiela ta’ atti sabiex titjieb il-protezzjoni tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u sabiex tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.

4        Fid‑29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/652 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (ĠU 2017, L 92, p. 100). Fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija deċiżjoni, hija ddikjarat ir-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE u, fil-paragrafu 2, hija elenkat id-disa’ proposti li għalihom setgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, jiġifieri:

–        rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni” (proposta 1);

–        deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ “programmi ta’ ffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta’ minoranza” (proposta 2);

–        deċiżjoni jew regolament tal-Parlament u tal-Kunsill għall-ħolqien ta’ ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta’ minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u li jkun iffinanzjat prinċipalment mill-Unjoni (proposta 3);

–        regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-għanijiet prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-fondi strutturali b’tali mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-protezzjoni ta’ minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni (proposta 4);

–        regolament tal-Parlament u tal-Kunsill għall-bidla tar-regolament relatat mal-programm “Orizzont 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista’ ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f’reġjuni tal-Unjoni (proposta 5);

–        l-emendar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex jiġi ggarantit trattament kważi ugwali bejn persuni mingħajr Stat u ċ-ċittadini tal-Unjoni (proposta 6);

–        regolament tal-Parlament u tal-Kunsill sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-Unjoni kollha kemm hi tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur (proposta 7);

–        emenda għad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), sabiex tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kontenut awdjoviżiv, u r-riċezzjoni tagħhom, f’reġjuni fejn ikunu jirrisjedu minoranzi nazzjonali (proposta 8);

–        regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill bl-għan li jkun hemm eżenzjoni ta’ kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (proposta 9).

5        Fl‑1 ta’ Jannar 2020, ir-Regolament Nru 211/2011 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU 2019, L 130, p. 55, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 168 u fil-ĠU 2020, L 424, p. 60), kif emendat mir-Regolament Delegat (UE) 2019/1673 tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Lulju 2019 li jissostitwixxi l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU 2019, L 257, p. 1).

6        Fl‑10 ta’ Jannar 2020, wara li ġabar fit-terminu stabbilit iktar minn 1 300 000 dikjarazzjoni ta’ appoġġ, fosthom, skont il-komunikazzjoni kkontestata, 1 128 422 dikjarazzjoni vvalidati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ ħdax-il Stat Membru, ir-rikorrent ippreżenta lill-Kummissjoni l-IĊE intitolata “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe” (iktar ’il quddiem l-“IĊE”).

7        Fil‑5 ta’ Frar 2020, waqt laqgħa mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2019/788, ir-rikorrent ippreżenta l-proposti tal-IĊE oralment u bagħat dokument ta’ spjegazzjoni tal-proposti leġiżlattivi relatati magħhom.

8        Fil‑15 ta’ Ottubru 2020 saret seduta pubblika quddiem il-Parlament, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament 2019/788. Din, inizjalment prevista fit‑23 ta’ Marzu 2020, kienet ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-COVID‑19. Ir-rikorrent ipparteċipa f’din is-seduta permezz ta’ vidjokonferenza.

9        Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, wara diskussjoni fis-sessjoni plenarja tal‑14 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament adotta r-Riżoluzzjoni (2020)2846(RSP), P9_TA-PROV(2020)0370 dwar l-IĊE. Fil-punt 20 tar-riżoluzzjoni, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tieħu azzjoni wara l-imsemmija inizjattiva billi jippreżenta proposti ta’ testi leġiżlattivi li huma bbażati fuq it-Trattati u fuq ir-Regolament 2019/788, b’osservanza tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, enfasizza li l-IĊE kienet titlob proposti leġiżlattivi f’disa’ oqsma distinti u fakkar li l-IĊE talbet il-verifika u l-evalwazzjoni individwali ta’ kull proposta.

10      Fl‑14 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni kkontestata li permezz tagħha hija ħadet pożizzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament u wieġbet għad-disa’ proposti tal-IĊE. Fi tmiem evalwazzjoni ta’ dawn il-proposti, hija informat lir-rikorrent bir-raġunijiet għar-rifjut tagħha li tieħu l-azzjonijiet mitluba fl-IĊE.

 Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-komunikazzjoni kkontestata kollha kemm hi;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment il-komunikazzjoni kkontestata sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ annullament parzjali huma ssodisfatti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Slovakka, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

13      Ir-Repubblika Slovakka talbet ukoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

14      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u t-tielet motiv, imqajjem fl-istadju tar-replika, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

15      Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, jafferma, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni meta adottat il-komunikazzjoni kkontestata. Minn naħa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet orali u bil-miktub li hija kienet ifformulat, kemm fid-dokumenti bil-miktub trażmessi lill-Kummissjoni, iżda wkoll waqt il-laqgħa mal-Kummissjoni kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Parlament. Min-naħa l-oħra, ċerti raġunijiet tal-komunikazzjoni kkontestata huma limitati għal sempliċi riferimenti għal atti oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-motivazzjoni kkunsidrata fil-komunikazzjoni kkontestata hija insuffiċjenti, bl-eċċezzjoni ta’ dik dwar il-proposta 5.

16      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Slovakka, tikkontesta dan l-argument.

17      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali, stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE, għandu bħala għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, possibbilment, ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha u li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni mistħarrġa (ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      L-obbligu tal-Kummissjoni li tesponi, fil-komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2019/788, il-konklużjonijiet tagħha, kemm legali kif ukoll politiċi, dwar l-IĊE inkwistjoni, l-azzjoni li hija għandha l-intenzjoni, jekk ikun il-każ, tieħu wara din l-IĊE kif ukoll ir-raġunijiet li hija għandha sabiex tieħu jew ma tiħux din l-azzjoni jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-obbligu ta’ motivazzjoni mogħti fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 91, u tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 143).

19      Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tar-raġunijiet invokati kif ukoll l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punti 92 u 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ restrizzjonijiet formali u proċedurali oħra li l-istipulazzjoni tal-att inkwistjoni hija suġġetta għalihom għandha importanza daqstant iktar fundamentali fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fuq dan l-aħħar punt, diġà ġie deċiż li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, sa fejn, permezz ta’ dan l-eżerċizzju, hija mitluba, skont l-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni billi twettaq, possibbilment, arbitraġġi diffiċli bejn interessi diverġenti. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk tiħux jew le azzjoni wara IĊE, b’tali mod li l-komunikazzjoni inkwistjoni hija suġġetta għal stħarriġ ristrett min-naħa tal-qrati tal-Unjoni intiż sabiex tiġi vverifikata, b’mod partikolari, in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punti 88, 89 u 96, u tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punti 169 u 170).

22      F’dan il-każ, il-komunikazzjoni kkontestata ġiet adottata wara l-IĊE, li kellha l-għan, skont il-kliem tar-rikorrent, li timmobilizza lill-Unjoni sabiex titjieb il-protezzjoni tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll sabiex tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. Għal dan l-għan, l-IĊE kien fiha disa’ proposti intiżi għall-adozzjoni ta’ atti ġodda jew sabiex jiġu emendati atti eżistenti tad-dritt tal-Unjoni. Permezz tal-komunikazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment irrifjutat li tieħu l-azzjonijiet mitluba fl-IĊE.

23      F’dan ir-rigward, mill-komunikazzjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2019/788, esponiet il-konklużjonijiet tagħha ta’ natura legali u politika li wassluha sabiex tikkunsidra li ma kienx hemm lok li tittieħed azzjoni wara l-IĊE. B’mod iktar preċiż, wara analiżi b’mod partikolari tal-kuntest legali li tiddelimita s-setgħat ta’ azzjoni tagħha kif ukoll dawk tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien “possibbli li jintlaqgħu t-talbiet f’numru ta’ oqsma”. Madankollu, fid-dawl tal-azzjonijiet diġà meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma koperti mill-IĊE u l-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tal-imsemmija azzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li, f’dan l-istadju, “l-ebda att legali addizzjonali ma [kien] neċessarju” sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-IĊE. B’dan il-mod, il-Kummissjoni esponiet, b’mod ċar u suffiċjenti, in-natura legali u politika tar-raġunijiet għar-rifjut tagħha li tieħu l-azzjonijiet previsti mill-IĊE.

24      Barra minn hekk, ir-raġunijiet tal-komunikazzjoni kkontestata jiżdiedu mal-elementi msemmija b’mod partikolari fid-Deċiżjoni 2017/652 u jsegwu wkoll l-iskambji li seħħew bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni fil‑5 ta’ Frar 2020. Il-motivazzjoni tal-komunikazzjoni kkontestata hija għalhekk imsaħħa mill-kuntest, magħruf sew mir-rikorrent, li tagħmel parti minnu.

25      Il-Kummissjoni għalhekk esponiet ir-raġunijiet prinċipali li wassluha, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, tirrifjuta li tieħu kull waħda mill-azzjonijiet proposti mill-IĊE.

26      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, fil-komunikazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni espressa fuq kull waħda mill-ispjegazzjonijiet bil-miktub u orali fformulati mir-rikorrent fir-rigward tal-proposti kollha. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 19 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza ma teżiġix li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, u għalhekk ma jistax jiġi meħtieġ li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq kull waħda mill-ispjegazzjonijiet bil-miktub u orali fformulati fir-rigward tal-proposti kollha li jinsabu f’IĊE. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 25 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet prinċipali, kemm politiċi kif ukoll legali, li wassluha tirrifjuta li tieħu l-azzjonijiet proposti mill-IĊE.

27      Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent li jgħidu li l-Kummissjoni kisret, diversi drabi, l-obbligu ta’ motivazzjoni billi llimitat ruħha għal sempliċi riferiment għal atti oħra tal-Unjoni mingħajr ma spjegat ir-rilevanza ta’ dawn l-istrumenti għall-IĊE. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha li tirreferi, mingħajr spjegazzjoni, għal atti oħra tal-Unjoni, iżda tippreċiża, għall-kuntrarju, li dawn l-atti jindirizzaw ċerti aspetti msemmija fl-IĊE.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti Ġenerali tqis li l-motivazzjoni adottata fil-komunikazzjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrent jiddetermina jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tissottometti l-proposti li jinsabu fl-IĊE huwiex fondat jew jekk huwiex ivvizzjat b’difetti. Barra minn hekk, din il-motivazzjoni tippermetti wkoll lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-komunikazzjoni kkontestata. Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-komunikazzjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata fid-dritt.

29      Din il-konklużjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà ta’ żbalji ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni li allegatament wettqet il-Kummissjoni. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu formalità essenzjali, li jista’ jitqajjem fil-kuntest ta’ raġuni li tikkontesta l-insuffiċjenza jew in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni, u l-istħarriġ tal-fondatezza tar-raġunijiet, li jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità fuq il-mertu tal-att u jippreżumi li l-qorti tivverifika jekk ir-raġunijiet li fuqhom l-att huwa fondat humiex jew le vvizzjati minn żbalji. Fil-fatt, dawn huma żewġ istanzi ta’ stħarriġ ta’ natura differenti li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet distinti tal-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fondatezza tal-motivazzjoni adottata għall-proposti 1, 3, 6 u 8, li huma l-uniċi msemmija mir-rikorrent fil-kuntest tat-tieni motiv, ser tiġi għalhekk eżaminata fil-punti 42 sa 146 iktar ’il quddiem.

30      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

31      Għall-istess raġunijiet, għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment imressaq mill-Ungerija, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni ma weġbitx espressament għal kull element imressaq mir-rikorrent.

 Fuq ittielet motiv ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

32      Fil-kuntest tat-tielet motiv, imqajjem għall-ewwel darba fir-replika, ir-rikorrent jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn din l-istituzzjoni ma offrilux l-istess possibbiltajiet li jiddiskutu l-IĊE u li jikkonvinċiha bil-preokkupazzjonijiet tiegħu bħal dawk li bbenefikaw minnhom l-organizzaturi tal-IĊE “End the Cage Age”, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva. B’dan il-mod, ir-rikorrent kien żvantaġġat meta mqabbel mal-organizzaturi tal-IĊE “End the Cage Age”.

33      Minbarra l-laqgħa tal‑5 ta’ Frar 2020 skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2019/788, il-Kummissjoni qatt ma organizzat u lanqas ipproponiet laqgħat addizzjonali mar-rikorrent sabiex jiġu diskussi l-għanijiet imfittxija mill-IĊE. Issa, minn diversi dokumenti żvelati lir-rikorrent wara talba għal aċċess għall-minuti tal-laqgħat kollha li nżammu bejn il-Kummissjoni u l-organizzaturi ta’ tliet IĊE fosthom, b’mod partikolari, l-IĊE “End the Cage Age”, ifformulata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), wara l-preżentata tar-rikors f’dan ir-rikors, jirriżulta li, fil-kuntest tal-IĊE “End the Cage Age”, il-Kummissjoni ltaqgħet mal-organizzaturi tal-imsemmija inizjattiva, jew iddiskutiet magħhom bit-telefon, mill-inqas erba’ darbiet minbarra l-laqgħa prevista mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2019/788. Tlieta mill-imsemmija skambji addizzjonali seħħew qabel it-tressiq tal-IĊE “End the Cage Age”.

34      Barra minn hekk, wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-rikorrent ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali “nota addizzjonali”, flimkien ma’ erba’ annessi. F’din in-“nota addizzjonali”, huwa jesponi, b’mod partikolari, li mir-risposta tal-Kummissjoni għal talba ġdida għal aċċess għal dokumenti, imressqa fl‑4 ta’ Ottubru 2021, jirriżulta li rappreżentanti ta’ uffiċċji ta’ membri tal-Kummissjoni kellhom żewġ laqgħat permezz ta’ vidjokonferenza ma’ rappreżentanti tal-organizzaturi tal-IĊE “End the Cage Age” minbarra l-laqgħat imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, qabel is-seduta pubblika. Issa, l-IĊE kollha għandhom jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet li jitressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, peress li l-Artikolu 9 TUE huwa intiż li jiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi għal dawn tal-aħħar kollha. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-“nota addizzjonali”, l-Ungerija ssostni l-argument tar-rikorrent u żżid li l-approċċ tal-Kummissjoni kiser mhux biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda wkoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni diliġenti u imparzjali.

35      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument, billi ssostni li dan il-motiv huwa infondat u li n-“nota addizzjonali” u l-annessi tagħha huma inammissibbli.

36      F’dan il-każ, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-tielet motiv, fid-dawl tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u tal-provi prodotti wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, fid-dawl tal-Artikolu 85(3) tal-istess regoli, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent ma jistgħux juru ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

37      Minn naħa, ir-rikorrent ma jallegax li l-Kummissjoni ma osservatx b’mod sħiħ, matul il-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tal-komunikazzjoni kkontestata, l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament 2019/788.

38      Min-naħa l-oħra, minbarra l-fatt li dawn huma żewġ IĊE rreġistrati li laħqu l-livell ta’ appoġġ meħtieġ, ir-rikorrent bl-ebda mod ma espona kif l-IĊE hija komparabbli mal-IĊE “End the Cage Age”, b’mod partikolari fir-rigward tal-għanijiet rispettivi tagħhom u tad-diffikultajiet politiċi jew legali li huma jippreżentaw.

39      Issa, bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament 2019/788, in-numru ta’ laqgħat li l-Kummissjoni torganizza mal-organizzaturi ta’ IĊE jista’ jvarja, b’mod partikolari skont in-natura jew il-kumplessità tal-IĊE, b’tali mod li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata torganizza numru identiku ta’ laqgħat mal-organizzaturi ta’ kull IĊE. Barra minn hekk, kif tfakkar il-premessa 28 tar-Regolament 2019/788, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-IĊE billi tikkonforma ruħha mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li huwa mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-Kummissjoni setgħet, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-IĊE li wasslet għall-komunikazzjoni kkontestata, tqis li hija informata biżżejjed mill-informazzjoni bil-miktub u orali li hija kellha u tiddeċiedi li ma kinux neċessarji laqgħat addizzjonali.

41      Għall-istess raġunijiet, għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment imressaq mill-Ungerija, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn il-Kummissjoni tat iktar attenzjoni lill-IĊE “End the Cage Age” milli lill-IĊE.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

 Fuq lewwel parti tattieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi u fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni talKummissjoni firrigward talproposta 1

42      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-proposta 1 għandha bħala għan l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tiddefinixxi l-mezzi ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, b’mod partikolari sabiex tipproteġi l-użu tal-lingwi reġjonali jew minoritarji fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, tas-servizzi pubbliċi, tal-edukazzjoni, tal-kultura, tal-ġustizzja, tal-media, tal-kura tas-saħħa, tal-kummerċ u tal-protezzjoni tal-konsumaturi (inkluż l-ittikkettjar).

43      Madankollu, fil-proposta ta’ IĊE, ir-rikorrent jirreferi biss għat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE u għat-tieni inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE bħala bażijiet legali tar-rakkomandazzjoni prevista mill-proposta 1 (il-punt (a) tal-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/652). Issa, huwa ċar li huma biss l-oqsma tal-edukazzjoni u tal-kultura li huma koperti minn dawn il-bażijiet legali.

44      Barra minn hekk, mill-qari flimkien tal-Artikolu 2(5), tal-Artikolu 6(c) u (e) TFUE, tal-Artikolu 165(1) TFUE u tal-Artikolu 167(2) TFUE jirriżulta li l-Istati Membri għandhom kompetenza estiża fil-qasam tal-kultura u tal-edukazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 74), peress li f’dan il-qasam l-Unjoni għandha biss kompetenza “li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri”, mingħajr madankollu ma din il-kompetenza tal-Unjoni tissostitwixxi dik tal-Istati Membri.

45      Konsegwentement, huwa fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mill-proposta 1 u tal-bażijiet legali msemmija mir-rikorrent fir-rigward ta’ din il-proposta li għandu jiġi evalwat jekk il-komunikazzjoni kkontestata hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dan il-każ.

–       Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq żball ta’ liġi

46      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Unjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta rakkomandazzjonijiet dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji.

47      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Slovakka, tikkontesta dan l-argument.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proposta 1, il-Kummissjoni indikat li l-Unjoni ma kellhiex “kompetenza leġiżlattiva” f’dan il-każ, u mhux li hija ma kellha l-ebda kompetenza f’dan il-qasam. Għalkemm din ir-raġuni ċertament ma tippermettix li jiġi ġġustifikat ir-rifjut li tiġi adottata proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li ma hijiex att leġiżlattiv, għandu madankollu jiġi rrilevat li din ma taffettwax il-fondatezza tal-komunikazzjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-proposta 1, peress li, kif jirriżulta mill-punt 3.1 tal-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tipproponi l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni lill-Kunsill huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-għan imfittex mill-imsemmija proposta jista’ jintlaħaq permezz ta’ strumenti eżistenti oħra u minn inizjattivi attwalment fis-seħħ. Din il-konstatazzjoni li, skont ir-rikorrent, hija vvizzjata minn diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni lment, fil-punti 50 sa 89 iktar ’il quddiem.

49      Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

–       Fuq ittieni lment, ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

50      Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tieħu azzjoni wara l-proposta 1.

51      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Slovakka, tikkontesta dan l-argument.

52      F’dan ir-rigward, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom, bħall-Kummissjoni f’dan il-każ, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, b’mod partikolari, meta jkollhom jagħmlu għażliet ta’ natura, b’mod partikolari, politika u evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju, essenzjalment ristrett, tal-evalwazzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jikkonsisti f’li tiġi vverifikata l-assenza ta’ żbalji manifesti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punti 95 u 96 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, EU:T:2018:210, punti 169 u 170 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Barra minn hekk, żball jista’ biss jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament tal-komunikazzjoni kkontestata għandu jiġi preżunt li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrenti, huma suffiċjenti sabiex jirrendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-provi prodotti mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ xorta tiġi ammessa bħala ġġustifikata u koerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, Fleig vs SEAE, T‑492/17, EU:T:2019:211, punt 55 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-eżistenza tal-Karta Ewropea tal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa tal‑5 ta’ Novembru 1992 (Ġabra tat-Trattati Ewropej – Nru 148, iktar ’il quddiem il-“Karta tal-Kunsill tal-Ewropa”) ma tistax tiġġustifika, kif għamlet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tieħu azzjoni wara l-proposta 1. Fil-fatt, minn naħa, l-Unjoni ma hijiex parti tal-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa. Min-naħa l-oħra, diversi Stati Membri tal-Unjoni ma ffirmawhiex jew ma rratifikawhiex.

55      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tafferma, fil-komunikazzjoni kkontestata, li l-Unjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tagħha jiffirmaw il-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa u li hija regolarment tirreferi għal din tal-aħħar bħala l-istrument legali li jiddefinixxi l-linji gwida dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji.

56      Il-fatt li l-Unjoni ma hijiex parti tal-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa ma jurix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li r-rikorrent ma jikkontestax li l-Unjoni regolarment tirreferi għal dan it-test bħala l-istrument legali li jiddefinixxi l-linji gwida dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwi reġjonali u minoritarji. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti Stati Membri għadhom ma ffirmawhiex jew ma rratifikawhiex huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

57      Barra minn hekk, hija irrilevanti l-allegazzjoni, imressqa mill-Ungerija, li ċerti Stati Membri li rratifikaw l-imsemmija karta jirriżervaw il-protezzjoni mogħtija minn dan it-test għal numru limitat ta’ lingwi, filwaqt li l-proposta 1 hija intiża li ssostni l-lingwi minoritarji kollha fl-Istati Membri kollha.

58      Fil-fatt, ma jistax ikun meħtieġ mill-Kummissjoni, u l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2019/788 ma tipprevedi dan, li tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, biss dawk l-atti li jikkonċernaw l-Istati Membri kollha u l-lingwi reġjonali jew minoritarji kollha kkonċernati mill-proposta 1. B’hekk, att jista’ validament jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, anki jekk jippermetti li jiġu ssodisfatti biss parzjalment l-għanijiet imfittxija mill-proposta inkwistjoni. Fi kliem ieħor, ma tantx jimporta li att, meħud waħdu, ma jippermettix li jintlaħaq kompletament l-għan imfittex mill-proposta 1, jekk l-atti kollha msemmija fil-komunikazzjoni kkontestata jistgħu, flimkien, jilħqu l-imsemmi għan.

59      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jiżbalja meta jiddikjara li l-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tieħu azzjoni billi tirreferi għal strumenti oħra tad-dritt internazzjonali u li l-Unjoni hija obbligata teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri.

60      Dwar dan il-punt, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 11(4) TUE jirriżulta li l-IĊE hija intiża sabiex “titlob” lill-Kummissjoni tissottometti proposta xierqa għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, u mhux, kif isostni r-rikorrent, sabiex tobbliga lil din l-istituzzjoni tieħu l-azzjoni jew l-azzjonijiet previsti mill-IĊE inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 57). Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata jixhdu l-eżerċizzju effettiv, mill-Unjoni, tal-kompetenzi limitati li huma rrikonoxxuti lilha mit-Trattati. Fil-fatt, billi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiffirmaw il-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa u billi tirreferi għaliha, l-Unjoni tappoġġja u tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

61      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fl‑20 ta’ Ottubru 2005 f’Pariġi u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat‑18 ta’ Mejju 2006 (ĠU 2007, L 76M, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-UNESCO”), ma jistgħux jiġġustifikaw, kif għamlet din l-istituzzjoni fil-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut li tieħu azzjoni wara l-proposta 1. Ma hemm l-ebda rabta bejn il-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-komunikazzjoni kkontestata, u ffokati fuq l-inklużjoni soċjali, u l-għan imfittex mill-proposta 1, jiġifieri l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji.

62      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Kif tippreċiża l-komunikazzjoni kkontestata, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-UNESCO għandu l-għan li jinkoraġġixxi lill-individwi, “inklużi persuni li jagħmlu parti minn minoranzi”, u l-gruppi soċjali sabiex joħolqu, jipproduċu, ixandru u jiddistribwixxu l-espressjonijiet kulturali tagħhom u sabiex ikollhom aċċess għalihom. Barra minn hekk, kif tippreċiża wkoll il-komunikazzjoni kkontestata, din l-istess Konvenzjoni tal-UNESCO tfakkar li d-diversità lingwistika hija element fundamentali tad-diversità kulturali u tafferma mill-ġdid ir-rwol fundamentali li għandha l-edukazzjoni fil-protezzjoni u fil-promozzjoni tal-espressjonijiet kulturali.

63      Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Konvenzjoni tal-UNESCO ma hijiex għalhekk manifestament mingħajr rabta mal-għan imfittex mill-proposta 1.

64      Bl-istess mod, il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-UNESCO, jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ djalogi mal-Istati Membri u mas-settur kulturali fuq il-kontribuzzjoni tal-kultura għall-inklużjoni soċjali u għad-djalogu interkulturali, ma humiex manifestament mingħajr relazzjoni mal-għanijiet imfittxija mill-proposta 1.

65      Ċertament, il-proposta 1 ma tiffokax fuq l-inklużjoni soċjali. Madankollu, u kif issostni l-Kummissjoni, l-organizzazzjoni ta’ dawn id-djalogi tista’, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Konvenzjoni tal-UNESCO, tippromwovi u tipproteġi l-lingwi reġjonali jew minoritarji, anki jekk biss fil-qasam tal-kultura. Il-fatt li l-miżuri ta’ implimentazzjoni inkwistjoni jiffavorixxu l-inklużjoni soċjali ma jeskludix għalhekk li dawn l-istess miżuri jistgħu, fl-istess ħin, jipparteċipaw fil-promozzjoni u fil-protezzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji.

66      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent fir-replika, l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni tixhed l-eżerċizzju effettiv, mill-Unjoni, tal-kompetenzi limitati li huma rrikonoxxuti lilha mit-Trattati. Fil-fatt, billi torganizza d-djalogi mal-Istati Membri u mas-settur kulturali skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-UNESCO, l-Unjoni tappoġġja u tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

67      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2019‑2022 u l-miżuri konkreti li l-grupp ta’ esperti “Multilingwiżmu u traduzzjoni”, maħluq fil-kuntest tal-imsemmi pjan ta’ ħidma, għandu jirrakkomanda ma għandhomx rabta mal-għan imfittex mill-proposta 1, peress li ma jagħmlu l-ebda riferiment għal-lingwi reġjonali jew minoritarji. Konsegwentement, dan il-pjan ta’ ħidma u dawn il-miżuri konkreti ma jistgħux jiġġustifikaw, kif għamlet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tieħu azzjoni wara din il-proposta.

68      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-Anness I tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019‑2022 (ĠU 2018, C 460, p. 12), jipprevedi li l-pjan ta’ ħidma għall-kultura għandu jkun ibbażat fuq tmien prinċipji gwida. Issa, it-tielet wieħed minn dawn il-prinċipji gwida jippreċiża espressament li d-diversità kulturali u lingwistika hija assi ewlieni tal-Unjoni u li l-protezzjoni u l-promozzjoni tagħha huma ċentrali għall-politika kulturali fil-livell Ewropew (it-tielet inċiż tat-Titolu I tal-Anness I). Bl-istess mod, il-Kunsill jikkonstata, fid-deskrizzjoni tat-tielet prijorità, dwar “[e]kosistema li tappoġġa lill-artisti, il-professjonisti kulturali u kreattivi u l-kontenut Ewropew”, ta’ dan l-istess anness, li s-settur tal-kultura fl-Ewropa huwa kkaratterizzat, b’mod partikolari, minn diversità kulturali u lingwistika (il-punt C tat-Titolu II tal-Anness I).

69      Barra minn hekk, l-istess Anness I jipprevedi li l-membri tal-grupp ta’ esperti “Multilingwiżmu u traduzzjoni” għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-appoġġ għat-traduzzjoni fis-settur tal-kotba u tal-pubblikazzjoni, kif ukoll f’setturi kulturali u kreattivi oħra, u jirrakkomandaw miżuri konkreti fil-kuntest tal-programm “Ewropa Kreattiva” sabiex jippromwovu d-diversità lingwistika u t-tixrid tax-xogħlijiet.

70      B’hekk, il-pjan ta’ ħidma inkwistjoni u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-grupp ta’ esperti “Multilingwiżmu u traduzzjoni” ma humiex manifestament estranji għall-għan imfittex mill-proposta 1, jiġifieri l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji, anki jekk biss fil-qasam tal-kultura.

71      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li la l-pjan ta’ ħidma inkwistjoni u lanqas id-deskrizzjoni tal-azzjonijiet tal-grupp ta’ esperti “Multilingwiżmu u traduzzjoni” ma jagħmlu riferiment espress għal-lingwi reġjonali jew minoritarji. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019‑2022 ma jinkludu l-ebda esklużjoni espliċita tal-lingwi reġjonali jew minoritarji. Bl-istess mod, dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill imkien ma jindikaw li l-pjan ta’ ħidma inkwistjoni u l-azzjonijiet tal-grupp ta’ esperti “Multilingwiżmu u traduzzjoni” huma limitati għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

72      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2018 dwar il-promozzjoni ta’ valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (ĠU 2018, C 195, p. 1), ma għandhiex rabta mal-għan imfittex mill-proposta 1, peress li ma tipproponix soluzzjonijiet konkreti għall-protezzjoni u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika. Konsegwentement, din ir-rakkomandazzjoni ma tistax tiġġustifika, kif għamlet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tieħu azzjoni wara din il-proposta.

73      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Minn din ir-rakkomandazzjoni, li l-implimentazzjoni konkreta tagħha taqa’ essenzjalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jirriżulta espressament li din għandha l-intenzjoni, b’mod partikolari, li tippromwovi l-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, u dan minn età bikrija u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni. Issa, ir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi previst fl-Artikolu 2 TUE, moqri flimkien mal-għan li tiġi osservata r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika msemmi fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 165(1) TFUE, jinsab fost dawn il-valuri tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2022, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, C‑899/19 P, EU:C:2022:41, punt 54, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑391/17, EU:T:2019:672, punt 56).

74      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li r-rakkomandazzjoni inkwistjoni, sa fejn hija għandha l-intenzjoni li tippromwovi l-valuri tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, tista’ tikkontribwixxi, anki jekk biss parzjalment, għat-twettiq tal-għan imfittex mill-proposta 1.

75      Fil-ħames lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi (ĠU 2019, C 189, p. 15), ma għandhiex rabta mal-għan imfittex mill-proposta 1, peress li hija tenfasizza biss it-tagħlim tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika u l-mobbiltà professjonali. Konsegwentement, din ir-rakkomandazzjoni ma tistax tiġġustifika, kif għamlet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tieħu azzjoni wara din il-proposta.

76      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, din ir-rakkomandazzjoni, li għandha bħala għan it-titjib tat-tagħlim u tal-apprendiment tal-lingwi, ma tinkludi l-ebda limitazzjoni espressa biss għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

77      Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-anness mehmuż mar-rakkomandazzjoni inkwistjoni, dwar l-għarfien lingwistiku fl-iskejjel, ma huwiex limitat biss għat-tagħlim tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

78      Dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li la r-rakkomandazzjoni inkwistjoni u lanqas l-anness tagħha ma huma limitati għall-apprendiment u għat-tagħlim biss tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

79      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li, fi kwalunkwe każ, il-proposta 1 ma tkoprix it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, iżda l-possibbiltà għall-persuni li jużaw il-lingwa materna tagħhom, meta din tkun lingwa reġjonali jew minoritarja, “fl-oqsma kollha tal-ħajja”.

80      Kif ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-proposta 1 tagħmel parti biss mill-qasam tal-kultura u minn dak tal-edukazzjoni. L-użu tal-lingwi reġjonali jew minoritarji f’“oqsma tal-ħajja” oħra għalhekk ma ġiex eżaminat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent indika li r-rakkomandazzjoni, prevista mill-proposta 1, kellha inter alia tippreżenta u tipproponi l-aħjar soluzzjonijiet sabiex “twaqqaf l-estinzjoni” tal-lingwi reġjonali jew minoritarji fl-Unjoni. Ir-rikorrent ippreċiża wkoll, fil-proposta ta’ IĊE, li din ir-rakkomandazzjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fid-diversità lingwistika u fit-“tagħlim tal-lingwi” fl-Unjoni. Għalhekk ir-rikorrent stess stabbilixxa rabta ċara u diretta bejn il-proposta 1 u t-“tagħlim tal-lingwi”.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li r-rakkomandazzjoni inkwistjoni, sa fejn hija għandha l-intenzjoni li tippromwovi t-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imfittex mill-proposta 1.

82      Fis-sitt lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-miżuri li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, intitolata “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni” (COM(2020) 620 final) u fil-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-Rom (COM(2020) 621 final), ma jindirizzawx l-għan imfittex mill-proposta 1 u għandhom kamp ta’ applikazzjoni ristrett, peress li dawn jirrigwardaw grupp speċifiku ta’ persuni, jiġifieri r-Rom. Konsegwentement, la din il-komunikazzjoni u lanqas din il-proposta għal rakkomandazzjoni ma jistgħu jiġġustifikaw, kif għamlet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tieħu azzjoni wara din il-proposta.

83      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Anki jekk il-komunikazzjoni u l-proposta għal rakkomandazzjoni inkwistjoni jiffokaw fuq ir-Rom, dan ma jnaqqas xejn mir-rilevanza tagħhom f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-rikorrent innifsu rrefera għal din il-komunità ta’ persuni fil-proposta ta’ IĊE, billi indika b’mod partikolari li din kienet “l-ikbar grupp minoritarju fl-Ewropa u dak l-iktar eskluż”. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din il-komunikazzjoni u ta’ din il-proposta għal rakkomandazzjoni jikkoinċidi parzjalment ma’ dak tal-proposta 1. Fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun meħtieġ mill-Kummissjoni, u l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2019/788 ma tipprevedi dan, li tieħu inkunsiderazzjoni biss, waqt l-eżami ta’ IĊE, biss l-atti tal-Unjoni li jikkonċernaw il-persuni kollha kkonċernati minn din l-IĊE. Kif indikat fil-punt 58 iktar ’il fuq, ma tantx jimporta li att, meħud waħdu, ma jippermettix li jintlaħaq kompletament l-għan imfittex mill-proposta 1, jekk l-atti kollha msemmija fil-komunikazzjoni kkontestata jistgħu, flimkien, jilħqu l-imsemmi għan.

84      Barra minn hekk, ir-rikorrent jiżbalja meta jiddikjara li l-komunikazzjoni u l-proposta għal rakkomandazzjoni inkwistjoni ma humiex marbuta mal-għan imfittex mill-proposta 1. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrent bl-ebda mod ma kkontesta, la fir-rikors u lanqas fir-replika, d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-komunikazzjoni kkontestata, li l-proposta għal rakkomandazzjoni inkwistjoni titlob b’mod partikolari “lill-Istati Membri biex jinkludu l-lingwa Romani […] fil-kurrikuli u l-kotba tal-iskola kemm għall-istudenti Rom kif ukoll għal dawk mhux Rom”. Din id-dikjarazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-punt 2(g) ta’ din il-proposta għal rakkomandazzjoni, li jitlob lill-Istati Membri jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tal-lingwa Romani, “fost l-oħrajn permezz ta’ azzjoni li tipprovdi taħriġ rilevanti għall-għalliema u t-tfassil ta’ kurrikuli tal-iskejjel xierqa”.

85      Fis-seba’ lok, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-inklużjoni tal-kwistjonijiet marbuta mal-minoranzi fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Karta ma twassal għall-ebda valur miżjud fir-rigward tal-proposta 1. Fil-fatt, l-applikabbiltà tal-Karta hija mnaqqsa, peress li l-użu tal-lingwi jaqa’ prinċipalment taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Konsegwentement, l-inklużjoni tal-kwistjonijiet marbuta mal-minoranzi fir-rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta ma tistax tiġġustifika, kif għamlet il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata, ir-rifjut ta’ din l-istituzzjoni li tieħu azzjoni wara din il-proposta.

86      Dwar dan il-punt, għalkemm huwa minnu li l-użu tal-lingwi jaqa’ fil-parti l-kbira taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni ma hijiex, madankollu, mingħajr kompetenza f’dan ir-rigward fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-kultura (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mill-punti 54 sa 84 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Unjoni għamlet użu speċifiku mill-kompetenza tagħha fl-oqsma koperti mill-proposta 1, inter alia, kif indikat fil-punti 64 sa 66 iktar ’il fuq, billi approvat il-Konvenzjoni tal-UNESCO u billi timplimentaha. B’dan il-mod, ma jistax jiġi eskluż li l-Karta tapplika għal sitwazzjonijiet koperti mill-proposta 1 u li, f’każ ta’ bżonn, il-Kummissjoni tista’ tagħmel riferiment għall-imsemmija sitwazzjonijiet fir-rapporti annwali tematiċi tagħha.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-inklużjoni tal-kwistjoni tal-promozzjoni tal-lingwi reġjonali u minoritarji fir-rapporti annwali tematiċi ma tistax tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-għan tal-proposta 1. Fil-fatt, ir-raġunijiet tal-komunikazzjoni kkontestata li jiġġustifikaw li ma titteħidx azzjoni wara l-proposta 1 ma humiex ibbażati esklużivament fuq l-inklużjoni ta’ din il-kwistjoni fir-rapporti annwali tematiċi. Kif indikat mill-komunikazzjoni kkontestata, iżda wkoll mir-rikorrent fil-punt 52 tar-replika, il-Kummissjoni ġġustifikat ir-rifjut tagħha billi bbażat ruħha fuq sett ta’ miżuri. Għalhekk, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 58 u 83 iktar ’il fuq, huwa għalhekk irrilevanti li l-imsemmija rapporti annwali tematiċi, meħuda waħedhom, jista’ jkollhom valur miżjud inqas mir-rakkomandazzjoni prevista fil-proposta 1.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta qieset, abbażi tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt eżistenti fil-jum tal-adozzjoni tal-komunikazzjoni kkontestata u għar-raġunijiet esposti fil-punti 2.1 u 3.1 ta’ din il-komunikazzjoni, li l-ebda att legali addizzjonali ma kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-proposta 1, peress li dan l-għan seta’ jintlaħaq permezz tal-atti kollha msemmija fil-komunikazzjoni kkontestata meħuda flimkien. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tieħu azzjoni wara l-proposta 1.

89      Konsegwentement, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq ittieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni talKummissjoni firrigward talproposta 3

90      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tieħu azzjoni wara l-proposta 3, li kienet intiża għall-ħolqien ta’ ċentru għad-diversità lingwistika fil-qasam tal-lingwi reġjonali u minoritarji, iffinanzjat mill-Unjoni, responsabbli sabiex iżid l-għarfien dwar l-importanza tal-lingwi reġjonali u minoritarji u sabiex jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha, u li d-dmirijiet tiegħu jikkonsistu f’li jagħmel l-għarfien u l-ħiliet aċċessibbli għall-atturi rilevanti kollha fil-qasam tal-lingwi msemmija u li jagħti prijorità, b’mod partikolari, lill-iżgħar komunitajiet fl-Ewropa u lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli. Skont ir-rikorrent, il-miżuri l-oħra ppreferuti mill-Kummissjoni f’dan il-każ, b’mod partikolari, iż-żamma u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni tagħha maċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tal-Kunsill tal-Ewropa (iktar ’il quddiem iċ-“ĊELM”), ma humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-proposta.

91      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Slovakka, tikkontesta dan l-argument, billi ssostni li din il-parti hija infondata.

92      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-proposta 3, kif ġiet irreġistrata, stiednet lill-Kummissjoni tadotta proposta għal deċiżjoni jew għal regolament tal-Parlament u tal-Kunsill bl-għan li toħloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u minoritarji, li jippromwovi d-diversità fuq il-livelli kollha u li huwa essenzjalment iffinanzjat mill-Unjoni.

93      Fil-punti 2.3 u 3.3 tal-komunikazzjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni tesponi li l-isforzi mwettqa mill-Unjoni sabiex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tad-diversità lingwistika, inkluż it-tagħlim tal-lingwi, huma ffokati fuq kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa, li l-azzjoni tiegħu f’dan il-qasam hija bbażata fuq il-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq u fuq iċ-ĊELM, li jservi bħala ċentru ta’ kompetenzi għat-tagħlim u għall-apprendiment tal-lingwi u jsostni t-tagħlim bil-lingwa materna tal-istudent, inkluż fir-rigward tal-lingwi minoritarji. Hija tispjega li hija tappoġġa liċ-ĊELM u tikkoopera miegħu fil-kuntest ta’ ftehimiet komuni speċifiċi intiżi għat-titjib tal-kwalità, tal-effikaċja u tal-attraenza tat-tagħlim tal-lingwi kif ukoll għall-iżvilupp tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim sabiex tiġi stabbilita gradwalment bażi komuni għas-sistemi ta’ evalwazzjoni bbażati fuq il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (iktar ’il quddiem il-“QKER”). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza li hija tgħin lill-Istati Membri tal-Unjoni sabiex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, imsemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq. Hija tqis, essenzjalment, li huwa effettiv u essenzjali li tinżamm u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni permezz taċ-ĊELM u li tagħti l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, sabiex jiġu mmirati l-isforzi tal-Unjoni u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ duplikazzjoni tal-isforzi u tar-riżorsi, u li l-ebda att legali addizzjonali ma huwa neċessarju.

94      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent, sostnut essenzjalment mill-Ungerija, isostni li ċ-ĊELM ma huwiex adattat sabiex jissodisfa l-missjonijiet imwettqa u sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn ċentru għad-diversità lingwistika fil-qasam tal-lingwi reġjonali jew minoritarji. Minn naħa, il-kompetenzi taċ-ĊELM ma jkoprux l-imsemmija missjonijiet u l-imsemmija għanijiet, li jintwera mill-fatt li l-istatuti tiegħu bl-ebda mod ma jagħmlu riferiment għall-imsemmija lingwi jew għall-missjonijiet l-oħra msemmija fil-proposta 3. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet taċ-ĊELM la jestendu għall-promozzjoni ta’ dawn l-istess lingwi reġjonali jew minoritarji, u lanqas għall-għanijiet imfittxija mill-proposta 3, li jintwera mill-fatt li l-imsemmija lingwi ma jissemmew espliċitament fl-ebda wieħed mill-proġetti tal-programm 2020‑2023 taċ-ĊELM u li l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ konsulenza tal-imsemmi programm ma jirreferu għal ebda attività sinjifikattiva relatata magħhom. Barra minn hekk, skont l-arkitettura istituzzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, huwa s-segretarjat tiegħu li huwa responsabbli għall-promozzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji, abbażi tal-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq. Issa, diversi pajjiżi li rrifjutaw li jiffirmaw jew jirratifikaw il-Karta tal-Kunsill tal-Ewropa aderixxew mal-Ftehim taċ-ĊELM. L-Ungerija ssostni, min-naħa tagħha, li ċ-ĊELM u d-dipartiment tal-Kunsill tal-Ewropa responsabbli għal-lingwi minoritarji huma unitajiet organizzazzjonali distinti li bejniethom ma teżisti l-ebda rabta jew kooperazzjoni.

95      Dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda.

96      L-ewwel, il-fatt li l-istatuti taċ-ĊELM ma jinkludu l-ebda riferiment speċifiku għal-lingwi reġjonali u minoritarji bl-ebda mod ma jfisser li dawn il-lingwi huma esklużi mill-missjonijiet imwettqa u mill-għanijiet imfittxija minnu.

97      It-tieni, kif issemma fil-punt 2.3 tal-komunikazzjoni kkontestata u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, fost il-missjonijiet imwettqa u l-għanijiet strateġiċi u operazzjonali mfittxija miċ-ĊELM, deskritti fl-Artikolu 1 tal-istatuti tiegħu, hemm l-implimentazzjoni ta’ politiki lingwistiċi, il-promozzjoni ta’ approċċi innovattivi fl-apprendiment u fit-tagħlim ta’ lingwi “moderni”, il-prattika tal-apprendiment u tat-tagħlim tal-imsemmija lingwi, il-promozzjoni ta’ djalogi u ta’ skambji, l-għoti ta’ appoġġ għal proġetti ta’ riċerka u l-ġbir u t-tixrid tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-apprendiment u tat-tagħlim ta’ dawn il-lingwi. Issa, xejn ma jindika li dawn il-missjonijiet u dawn l-għanijiet ma jistgħux jikkontribwixxu, tal-inqas sa ċertu punt, sabiex isaħħu l-għarfien tal-importanza tal-lingwi “moderni” kollha tal-pajjiżi kkonċernati, inklużi l-lingwi reġjonali jew minoritarji, u sabiex jippromwovu d-diversità, anki jekk biss lingwistika u kulturali, peress li dawn l-għanijiet huma dawk imfittxija mill-proposta 3 kif ġiet irreġistrata.

98      It-tielet, fir-rigward tal-attivitajiet taċ-ĊELM, minn naħa, mill-proċess jirriżulta li l-programm 2020‑2023 ta’ dan iċ-ċentru jsemmi, b’mod partikolari, proġett intitolat “Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi fit-taħriġ professjonali transkonfinali”, li l-għan tiegħu jfakkar ir-rwol partikolarment importanti li għandha l-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi fir-reġjuni transkonfinali. Issa, dan il-proġett ma jidhirx manifestament mhux relatat mat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-proposta 3 li jissaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-multilingwiżmu, b’mod partikolari fir-rigward tal-lingwi reġjonali jew minoritarji, u li tiġi promossa d-diversità, b’mod partikolari fl-ambjenti edukattivi u professjonali.

99      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ konsulenza taċ-ĊELM, mill-proċess jirriżulta li dan iċ-ċentru joffri taħriġ intitolat “Approċċi plurilingwi u interkulturali” dwar il-“qafas ta’ referenza għall-approċċi varji tal-lingwi u tal-kulturi” u li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri l-lingwi mgħallma frekwentement kif ukoll il-lingwi minoritarji. Bl-istess mod, huwa joffri taħriġ intitolat “Edukazzjoni ta’ kwalità bir-Romani għall-Ewropa (QualiRom)”. Dan jirreferi għall-għan ta’ inizjattiva msejħa “QualiRom”, li tikkonsisti, inter alia, fil-promozzjoni tal-inklużjoni tal-lingwa Romani fis-sistemi edukattivi u f’li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tat-tfal Rom. L-imsemmi taħriġ jirreferi wkoll għall-materjal pedagoġiku “QualiRom”, żviluppat fis-sitt varjetajiet tal-lingwa Romani, li jkopri l-primarja, s-sekondarja u t-terzjarja, u li jikkostitwixxi l-ikbar riżors ta’ dan it-tip fil-qasam tat-tagħlim u tal-apprendiment ta’ din il-lingwa. Dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jiġi kkonfermat li, kif indikat fil-punt 2.3 tal-komunikazzjoni kkontestata, il-lingwi reġjonali u minoritarji jagħmlu parti integrali mill-programm 2020‑2023 taċ-ĊELM.

100    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, essenzjalment, li l-attivitajiet taċ-ĊELM jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-proposta 3, kif ġiet irreġistrata, li jissaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u minoritarji u li tiġi promossa d-diversità fil-livelli kollha.

101    Ir-raba’, ir-rikorrent u l-Ungerija ma pproduċew l-ebda prova konkreta li tikkontesta l-eżistenza tar-rabtiet stretti bejn il-Kunsill tal-Ewropa u ċ-ĊELM imsemmija fil-komunikazzjoni kkontestata u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

102    Fit-tieni lok, ir-rikorrent, sostnut essenzjalment mill-Ungerija, isostni li l-Kummissjoni la għandha l-possibbiltà li teżerċita influwenza fuq l-attivitajiet taċ-ĊELM, u lanqas li tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni miegħu fl-oqsma rilevanti tal-proposta 3, peress li l-Unjoni ma hijiex parti għall-ftehim li jistabbilixxi dan iċ-ċentru u peress li l-promozzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji ma taqax taħt il-kompetenzi ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa jesponi, essenzjalment, li l-ftehim ta’ kontribuzzjoni 2020‑2021, imsemmi fil-komunikazzjoni kkontestata, juri li l-promozzjoni tal-lingwi reġjonali jew minoritarji ma għandha l-ebda rilevanza għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha maċ-ĊELM, peress li l-workshop dwar “l-approċċi olistiċi tal-apprendiment, tal-litteriżmu u tat-tagħlim tal-lingwi, inklużi l-lingwi tal-iskola, il-lingwi barranin, il-lingwi reġjonali u minoritarji u l-lingwi mitkellma d-dar” u l-webinar dwar “is-sitwazzjoni tal-lingwi reġjonali u minoritarji matul il-pandemija tal-COVID‑19” imsemmija fl-imsemmi ftehim ma jikkostitwixxux manifestament alternattiva xierqa għaċ-ċentru għad-diversità lingwistika propost fil-kuntest tal-proposta 3. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u ċ-ĊELM kienet essenzjalment intiża sabiex tistabbilixxi bażi komuni għas-sistemi ta’ evalwazzjoni nazzjonali bbażati fuq il-QKER. Fl-aħħar nett, ir-riferiment, fil-komunikazzjoni kkontestata, għall-ftehim ta’ kooperazzjoni li jmiss huwa irrilevanti, peress li ma hemm l-ebda negozjati għaddejjin u l-iżviluppi ipotetiċi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-komunikazzjoni kkontestata.

103    Dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda.

104    L-ewwel nett, kif ġie rrilevat fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq, l-istatuti taċ-ĊELM ma jinkludu l-ebda limitazzjoni espressa għal-lingwi “moderni” koperti mill-missjonijiet li huwa jwettaq u l-għanijiet imfittxija minnu, u wħud mill-attivitajiet tiegħu jestendu espressament għal-lingwi reġjonali jew minoritarji. Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset li l-missjonijiet imwettqa, l-għanijiet imfittxija u l-attivitajiet imwettqa miċ-ĊELM jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-proposta 3, kif ġiet irreġistrata, li jissaħħaħ l-għarfien tal-importanza, inter alia, tal-lingwi reġjonali u minoritarji u li tiġi promossa d-diversità f’diversi livelli.

105    Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, għalkemm, ċertament, l-Unjoni ma hijiex parteċipant għall-“ftehim parzjali estiż” tal-Kunsill tal-Ewropa li jistabbilixxi ċ-ĊELM, il-ftehim ta’ kontribuzzjoni 2020‑2021, imsemmi fil-komunikazzjoni kkontestata, jikkonferma l-possibbiltà min-naħa tal-Kummissjoni li tinfluwenza l-attivitajiet taċ-ĊELM u li tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni f’oqsma relatati mal-proposta 3. Dan il-ftehim ta’ kontribuzzjoni jikkonferma wkoll, kif indikat fil-komunikazzjoni kkontestata, li l-lingwi reġjonali jew minoritarji huma inklużi fil-firxa tal-attivitajiet li fihom jipparteċipa ċ-ĊELM.

106    Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-ftehim ta’ kontribuzzjoni 2020‑2021, li jirrigwarda l-azzjoni relatata mal-“[m]etodoloġiji u l-evalwazzjoni innovattiva fit-tagħlim tal-lingwi”, jifforma parti mill-kuntest ta’ kooperazzjoni għal żmien twil, jiġifieri seba’ snin, bejn il-Kummissjoni u ċ-ĊELM u ta’ oqsma ta’ azzjoni deċiżi konġuntament. Kif tesponi l-Kummissjoni, l-inizjattiva “Appoġġ għal klassijiet multilingwi” tal-azzjoni msemmija iktar ’il fuq tipproponi sensiela ta’ moduli li jindirizzaw, inter alia, l-għarfien lingwistiku f’kull aspett tal-iskola u l-appoġġ għal-lingwi ta’ tagħlim li juża approċċi li jużaw il-lingwi ta’ oriġini tal-istudenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-lingwi reġjonali jew minoritarji. Barra minn hekk, l-imsemmija azzjoni hija intiża sabiex tinkludi mhux biss il-workshop u l-webinar imsemmija mir-rikorrent, iżda wkoll “akkademja tas-sajf”, sensiela ta’ gruppi ta’ riflessjoni li s-suġġetti tagħhom jinkludu l-“valur tar-repertorji lingwistiċi tal-istudenti” kif ukoll l-isfidi li jaffaċċjaw, inter alia, il-lingwi reġjonali jew minoritarji, it-tfassil ta’ studji xjentifiċi u simpożju.

107    Fl-aħħar nett, l-elementi esposti fil-punt 106 iktar ’il fuq isostnu l-konklużjoni li, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent u kif inhu indikat fil-komunikazzjoni kkontestata, il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u ċ-ĊELM ma hijiex limitata li tistabbilixxi bażi komuni għas-sistemi ta’ evalwazzjoni nazzjonali bbażati fuq il-QKER u l-bżonnijiet fil-qasam tad-diversità lingwistika jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmija kooperazzjoni.

108    Fit-tielet lok, ir-rikorrent, sostnut, essenzjalment, mill-Ungerija, isostni li kien manifestament mhux xieraq li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu azzjoni wara l-proposta 3 billi tinvoka ftehim internazzjonali li l-Unjoni ma hijiex parti għalih u li ma jagħmilx parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

109    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Minn naħa, kif tfakkar fil-punt 60 iktar ’il fuq, ma jeżisti l-ebda obbligu għall-Kummissjoni li tieħu l-azzjonijiet proposti minn IĊE rreġistrata li bbenefikat mill-appoġġ meħtieġ. Min-naħa l-oħra, kif tfakkar, essenzjalment, mill-Kummissjoni, kemm l-Artikolu 165(3) TFUE kif ukoll l-Artikolu 167(3) TFUE, li jikkostitwixxu l-bażijiet legali tal-proposta 3, jistiednu lill-Unjoni tiffavorixxi l-kooperazzjoni, b’mod partikolari mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti u, b’mod partikolari, mal-Kunsill tal-Ewropa, fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-kultura. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni qieset, essenzjalment, fil-komunikazzjoni kkontestata, li ż-żamma u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjoni internazzjonali oħra f’oqsma li jikkorrispondu għal dawk li r-rikorrent ried jassenja liċ-ċentru għad-diversità lingwistika, jiġifieri ċ-ĊELM, li aderixxew miegħu l-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni u li huwa marbut mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa, jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-proposta 3, kif ġiet irreġistrata, u jevitaw id-duplikazzjoni ta’ sforzi u ta’ riżorsi.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja r-raġunijiet esposti fil-punti 2.3 u 3.3 tal-komunikazzjoni kkontestata.

111    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittielet parti tattieni motiv, ibbażata fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni talKummissjoni firrigward talproposta 6

112    Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta ma ħaditx azzjoni wara l-proposta 6, li kienet intiża sabiex jiġi ggarantit trattament kważi ugwali bejn persuni mingħajr Stat li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali u ċ-ċittadini tal-Unjoni, u dan, billi assimilat is-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni mingħajr Stat ma’ dik tal-migranti u taċ-ċittadini tal-Unjoni li ġejjin minn kuntest ta’ immigrazzjoni.

113    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Slovakka, tikkontesta dan l-argument.

114    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-għan tal-proposta 6 kien jikkonsisti f’li tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU 2006, L 153M, p. 330), id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat‑12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (ĠU 2005, L 289, p. 15), u d-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal‑25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU 2009, L 155, p. 17), sabiex l-istatus tal-persuni mingħajr Stat jiġi approssimat għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni, billi jingħataw aċċess iktar faċli għal status ta’ resident għal żmien twil u billi jiġi żgurat li jkollhom iktar drittijiet minn dawk mogħtija lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

115    Madankollu, ir-rikorrent irrikonoxxa li l-proposta 6 “[kienet] tenfasizza b’mod partikolari fuq id-Direttiva 2003/109/KE”. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma għamel l-ebda riferiment, la fir-rikors u lanqas fir-replika, għad-direttivi l-oħra msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq.

116    Fil-punti 2.6 u 3.6 tal-komunikazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ma kienx neċessarju li tiġi emendata d-Direttiva 2003/109 sabiex jiġu approssimati iktar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mad-drittijiet li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, hija ssostni li huwa possibbli li jiġu adottati miżuri oħra, fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-integrazzjoni tal-migranti, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ persuni mingħajr Stat. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ssemmi b’mod partikolari l-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021‑2027” (COM(2020) 758 final, iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni”).

117    Madankollu, ir-rikorrent jikkontesta li l-pjan ta’ azzjoni japplika għall-persuni mingħajr Stat li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali. Il-pjan ta’ azzjoni jindirizza lill-migranti u liċ-ċittadini tal-Unjoni li ġejjin minn kuntest ta’ immigrazzjoni, iżda ma jsemmix lil dawn il-persuni mingħajr Stat. Barra minn hekk, il-kontenut tal-pjan ta’ azzjoni ma huwiex adattat sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-persuni mingħajr Stat li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali. Fil-fatt, il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq l-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-migranti u taċ-ċittadini tal-Unjoni li ġejjin minn kuntest ta’ immigrazzjoni, iżda ma jiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-imsemmija persuni mingħajr Stat. Kuntrarjament għall-persuni li waslu reċentement fl-Unjoni minn pajjiżi terzi, il-persuni mingħajr Stat imsemmija fil-proposta 6 jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali li ilhom jgħixu għal żmien twil fit-territorju Ewropew u li jagħmlu parti mill-popolazzjoni nattiva. Barra minn hekk, dawn il-persuni mingħajr Stat jaffaċċjaw problemi marbuta mal-assenza ta’ dokumenti uffiċjali u ċaħda arbitrarja tan-nazzjonalità, li jipprekludihom milli jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika fl-Istat Membru tat-twelid tagħhom jew fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta assimilat is-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr Stat li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali ma’ dik tal-migranti u taċ-ċittadini tal-Unjoni li ġejjin minn kuntest ta’ immigrazzjoni, filwaqt li s-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom huma differenti.

118    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Ċertament, it-terminu “mingħajr Stat” ma jintużax espliċitament fil-pjan ta’ azzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “[i]kopri kemm il-migranti kif ukoll iċ-ċittadini tal-UE li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni”. Madankollu, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-imsemmija persuni mingħajr Stat huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

119    Fil-fatt, skont il-kliem tal-Artikolu 67(2) TFUE, “persuni apolidi għandhom jiġu trattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi” għall-finijiet tat-Titolu V dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

120    Konsegwentement, il-persuni mingħajr Stat li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, peress li, l-ewwel, dan il-pjan ta’ azzjoni japplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Unjoni u, it-tieni, il-persuni mingħajr Stat għandhom jiġu ttrattati bħaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

121    Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-pjan ta’ azzjoni ma jibbenefikax biss lill-migranti li għadhom kif waslu fl-Unjoni. Huwa jinkludi għalhekk diversi azzjonijiet iffokati fuq l-integrazzjoni fit-tul u fuq il-koeżjoni soċjali. B’mod partikolari, il-pjan ta’ azzjoni huwa intiż, inter alia, sabiex itejjeb l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u għalhekk ukoll tal-persuni mingħajr Stat, għall-edukazzjoni, għax-xogħol, għall-kura tas-saħħa u għall-akkomodazzjoni. Bl-istess mod, huwa intiż sabiex jiġġieled kontra l-iżolament, is-segregazzjoni u d-diskriminazzjonijiet. Fl-aħħar nett, huwa għandu wkoll l-għan li jippromwovi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u għalhekk ukoll ta’ persuni mingħajr Stat, fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjoni fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

122    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jindirizza sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni soċjali kif ukoll id-diffikultajiet ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni u għall-għajnuna soċjali li jiltaqgħu magħhom kemm iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll il-persuni mingħajr Stat li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali, u dan indipendentement mill-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jistgħu jkunu ġejjin minn kuntesti ġeografiċi, storiċi, personali, kulturali u reliġjużi differenti.

123    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, sa fejn l-għan tar-rikorrent, kif ifformulat fil-proposta ta’ IĊE, jikkonsisti f’li tinkiseb l-“estensjoni tad-drittijiet relatati maċ-ċittadini għall-persuni apolidi u l-familji tagħhom, li ilhom jgħixu fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom għal ħajjithom kollha”, għandu jitfakkar li l-awturi tat-Trattati stabbilixxew rabta indissoċjabbli u esklużiva bejn il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u l-kisba, iżda wkoll iż-żamma, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. B’dan il-mod, il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli sabiex persuna tkun tista’ tikseb u żżomm l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tibbenefika mid-drittijiet kollha relatati miegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jistgħux jiġu estiżi għal persuni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la étaque et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 48 u 57).

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-pjan ta’ azzjoni jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ persuni mingħajr Stat li jiġu integrati aħjar fis-soċjetà permezz ta’ opportunitajiet aħjar ta’ xogħol u ta’ edukazzjoni kif ukoll ta’ opportunitajiet soċjali aħjar.

125    Bl-istess mod, ir-rikorrent lanqas ma wera li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ma kienx neċessarju li d-Direttiva 2003/109 tiġi rriveduta sabiex jiġu rrikonoxxuti iktar drittijiet lill-persuni mingħajr Stat li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali.

126    Konsegwentement, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq irraba’ parti tattieni motiv, ibbażata fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni talKummissjoni firrigward talproposta 8

127    Fil-kuntest tar-raba’ parti, ir-rikorrent, sostnut mill-Ungerija, jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tieħu azzjoni wara l-proposta 8, li kienet intiża sabiex ittejjeb l-aċċess transkonfinali tal-minoranzi nazzjonali għal kontenut awdjoviżiv ta’ Stati Membri oħra li fihom l-istess lingwa hija mitkellma. Huwa jesponi, essenzjalment, li l-aċċess għall-imsemmi kontenut huwa importanti, għaliex in-numru ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali fi Stat Membru partikolari huwa żgħir wisq għall-istabbiliment, f’dan l-istess Stat Membru, ta’ media speċifika għalihom. Barra minn hekk, dan l-aċċess jikkontribwixxi sabiex jiġu ppreżervati u promossi l-lingwi reġjonali jew minoritarji differenti kif ukoll id-diversità lingwistika u kulturali. Skont ir-rikorrent, il-miżura ppreferuta mill-Kummissjoni f’dan il-każ, jiġifieri l-applikazzjoni, mingħajr reviżjoni ulterjuri, tad-Direttiva 2010/13, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 69), ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-proposta.

128    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Slovakka, tikkontesta dan l-argument, billi ssostni li din il-parti hija infondata.

129    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-proposta 8, kif ġiet irreġistrata, kellha bħala għan emenda tad-Direttiva 2010/13 sabiex tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u r-riċezzjoni tal-kontenut awdjoviżiv fir-reġjuni tal-Istati Membri fejn jirrisjedu minoranzi nazzjonali.

130    Fil-punti 2.8 u 3.8 tal-komunikazzjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kuntest leġiżlattiv eżistenti jagħti appoġġ sostanzjali għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-rikorrent fir-rigward tal-proposta 8 u li, peress li dan huwa suffiċjenti, l-ebda emenda addizzjonali tad-Direttiva 2010/13 ma hija neċessarja. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni tesponi li d-Direttiva 2010/13 tiffaċilita ċ-ċirkulazzjoni transkonfinali ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva, filwaqt li tiggarantixxi l-eżistenza ta’ regoli minimi armonizzati ta’ interess pubbliku ġenerali, jiġifieri, inter alia, fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri, tar-reklamar u tal-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej. Fil-fatt, din id-direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu s-servizzi tal-media awdjoviżiva li joriġinaw minn Stat Membru ieħor jekk dawn is-servizzi jkunu konformi mar-regoli tad-Direttiva 2010/13 fl-Istat Membru ta’ oriġini. Madankollu, hija tenfasizza li d-Direttiva 2010/13 ma tkoprix il-kwistjonijiet ta’ ritrażmissjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur u li d-disponibbiltà transkonfinali ta’ kontenut awdjoviżiv tista’ titnaqqas minħabba raġunijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, bħad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, id-disponibbiltà ta’ riżorsi tekniċi jew anki kunsiderazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji. Min-naħa l-oħra, hija tesponi li r-reviżjonijiet magħmula lil din id-direttiva mid-Direttiva 2018/1808 saħħew il-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u tad-diversità kulturali fl-Unjoni. Fil-fatt, issa, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/13, il-fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ VOD”) għandhom jipprovdu parti ta’ minn tal-inqas 30 % ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalogi tagħhom u jagħtu prominenza lil dawn ix-xogħlijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li l-għan tal-promozzjoni tad-diversità kulturali jista’ jintlaħaq b’mod effettiv biss jekk il-parti ta’ 30 % ta’ xogħlijiet Ewropej tkun iggarantita f’kull wieħed mill-katalogi nazzjonali pprovduti mill-fornituri multinazzjonali ta’ servizzi ta’ VOD. Dan l-approċċ jiggarantixxi li, f’kull Stat Membru fejn il-fornitur joffri katalogi nazzjonali, il-proporzjon meħtieġ ta’ xogħlijiet Ewropej jiġi ppreżentat lill-ispettaturi. Dan l-approċċ jista’ wkoll jinkoraġġixxi ċ-ċirkulazzjoni u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet Ewropej fl-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tesponi li hija ser tissorvelja regolarment l-applikazzjoni tal-imsemmija regoli abbażi ta’ rapporti mfassla mill-Istati Membri u abbażi ta’ studju indipendenti.

131    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkontesta li l-parti ta’ 30 % ta’ xogħlijiet Ewropej li l-fornituri ta’ servizzi ta’ VOD huma obbligati jipprovdu fil-katalogi tagħhom u li jagħtuhom prominenza, prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/13, tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal-proposta 8. Peress li din il-parti ma hija akkumpanjata minn ebda rekwiżit dwar l-oriġini jew il-lingwa tax-xogħlijiet Ewropej u peress li d-definizzjoni ta’ “xogħlijiet Ewropej” fl-Artikolu 1(1)(n) tal-imsemmija direttiva ma tindirizzax dan l-aspett, il-parti ta’ 30 % tista’ tiġi ssodisfatta jekk il-fornitur tas-servizzi ta’ VOD joffri kontenut lil Stati Membri oħra bl-esklużjoni tal-Istati Membri tal-madwar, jew jekk il-fornitur jipprovdi biss kontenut bil-lingwa ewlenija tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-minoranzi nazzjonali li jgħixu hemmhekk. Barra minn hekk, il-fornituri ta’ servizzi ta’ VOD ma għandhomx interess ekonomiku li jakkwistaw id-drittijiet tal-kontenut li jista’ jkun ta’ interess għall-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali.

132    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE, il-proposta 8 kienet tipprevedi emenda tad-Direttiva 2010/13, kif kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien, intiża sabiex tiggarantixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ riċezzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv (jiġifieri, is-servizzi ta’ xandir analoġiku u diġitali kif ukoll is-servizzi fuq talba, terrestri u bis-satellita) fir-reġjuni fejn jgħixu minoranzi nazzjonali. Din il-proposta ġiet irreġistrata f’termini simili (ara l-punt 129 iktar ’il fuq).

133    Issa, kif imsemmi fil-komunikazzjoni kkontestata u mingħajr ma dan huwa kkontradett mir-rikorrent, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/13 diġà jiffaċilitaw ir-riċezzjoni u t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari ta’ kontenut awdjoviżiv li joriġina minn Stati Membri li huma ġirien ta’ Stat Membru partikolari, u dan b’lingwi li jistgħu jkunu ta’ interess għal persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali li jgħixu f’dan l-aħħar Stat Membru.

134    Fil-fatt, kif tindika, essenzjalment, il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni kkontestata u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, id-Direttiva 2010/13 tikkonkretizza, fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita fl-Artikolu 56 TFUE, billi tistabbilixxi, kif jirriżulta mill-premessa 104 tagħha, “żona mingħajr fruntieri interni” għal dawn is-servizzi (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Baltic Media Alliance, C‑622/17, EU:C:2019:566, punt 65).

135    Skont il-prinċipju tal-Istat Membru ta’ oriġini, stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2010/13, il-fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva huma, bħala prinċipju, suġġetti biss għar-regoli u għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.

136    B’osservanza ta’ dawn ir-regoli, il-fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva jistgħu sussegwentement jiddistribwixxu liberament is-servizzi tagħhom fl-Unjoni kollha, peress li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà ta’ riċezzjoni u ma jirrestrinġux it-trażmissjoni mill-ġdid fit-territorju tagħhom ta’ servizzi li joriġinaw minn Stati Membri oħra għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati mid-Direttiva.

137    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-komunikazzjoni kkontestata, essenzjalment, li l-għan tal-proposta 8, kif ġiet irreġistrata, jiġifieri li tiġi żgurata l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u r-riċezzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv, kien diġà ntlaħaq fl-Unjoni kollha, u għalhekk ukoll f’reġjuni tal-Unjoni fejn jgħixu minoranzi nazzjonali.

138    Ċertament, ċerti elementi kemm intrinsiċi għad-Direttiva 2010/13 kif ukoll dawk li ma humiex relatati magħha jistgħu jnaqqsu d-disponibbiltà transkonfinali ta’ kontenut awdjoviżiv, b’mod partikolari l-fatt li l-imsemmija direttiva ma timponix fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-media l-obbligu li jittrażmettu mill-ġdid lil hinn mill-fruntieri u l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jestendix għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari għad-drittijiet tal-awtur, kif ukoll kunsiderazzjonijiet kummerċjali. Madankollu, ir-rikorrent ma ressaq l-ebda prova konkreta li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ VOD li jipprovdu parti ta’ minn tal-inqas 30 % ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalogi tagħhom u li jagħtu prominenza lil dawn ix-xogħlijiet, previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2010/13, invokat fil-komunikazzjoni kkontestata, jista’ jikkontribwixxi għat-titjib tad-diversità kulturali u jagħti aċċess għal firxa ikbar ta’ xogħlijiet transkonfinali ta’ kontenut awdjoviżiv, anki fl-assenza ta’ rekwiżit iktar speċifiku fir-rigward tal-oriġini jew tal-lingwa tax-xogħlijiet Ewropej inkwistjoni.

139    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jikkontesta r-rilevanza tas-sorveljanza, mill-Kummissjoni, tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, kif imsemmi fil-komunikazzjoni kkontestata, minħabba li n-natura xierqa tal-miżuri proposti tista’ tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli fil-jum tal-adozzjoni tal-komunikazzjoni kkontestata.

140    Dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda.

141    Fil-fatt, is-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13 deskritta fil-komunikazzjoni kkontestata tirrifletti l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri u fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(4) u (5) u l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva. Fid-dawl tal-użu tal-imperattiv fl-imsemmija dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet, ġustament u fil-jum tal-adozzjoni tal-komunikazzjoni kkontestata, tirreferi għal obbligi futuri. Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li l-imsemmija obbligi jirrigwardaw l-evalwazzjoni ta’ regoli, eżistenti fil-jum tal-adozzjoni tal-komunikazzjoni kkontestata, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li ma kienet neċessarja l-ebda emenda tad-Direttiva 2010/13 sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-proposta 8.

142    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2010/13, ir-rapport li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, inter alia dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri u ta’ studju indipendenti, għandu jieħu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra, l-għan tad-diversità kulturali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li s-sorveljanza tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-proposta 8, kif espost fir-replika, jiġifieri t-titjib tal-aċċess għal kontenut awdjoviżiv ta’ oriġini u b’lingwi differenti.

143    Fl-aħħar nett, l-Ungerija tikkontesta li l-kuntest ġuridiku eżistenti huwa adattat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-proposta 8. Minn naħa, il-problema, li l-proposta 8 hija intiża sabiex tindirizza, tirrigwarda r-restrizzjonijiet territorjali relatati mal-kontenut ta’ importanza kbira għas-soċjetà – b’mod partikolari, l-avvenimenti sportivi internazzjonali – li jinsabu fil-ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzja bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva. Dawn ir-restrizzjonijiet, li jostakolaw it-trażmissjoni mill-ġdid online ta’ avvenimenti sportivi jew ta’ avvenimenti ta’ natura oħra ta’ importanza kbira għas-soċjetà, jisfavorixxu wkoll il-minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi. Skont dan l-Istat Membru, hija neċessarja emenda tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-servizzi ta’ VOD, il-problema ma hijiex li ma hemmx biżżejjed kontenut f’kull lingwa, iżda pjuttost li l-aċċess għal ċertu kontenut ta’ importanza kbira għas-soċjetà jkun ostakolat.

144    Dawn l-argumenti għandhom jiġi miċħuda. Minn naħa, kif indikat fil-punt 129 iktar ’il fuq, il-proposta 8, kif ġiet irreġistrata, ma ssemmix restrizzjonijiet territorjali relatati ma’ avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 138 iktar ’il fuq, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13 ma jestendix għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

145    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrent ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, għar-raġunijiet esposti fil-punti 2.8 u 3.8 tal-komunikazzjoni kkontestata, li r-regoli eżistenti tad-Direttiva 2010/13 jistgħu jagħtu appoġġ sostanzjali għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-rikorrent u jinkoraġġixxi ċ-ċirkulazzjoni u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet Ewropej fl-Unjoni kollha, b’tali mod li l-ebda emenda addizzjonali tal-imsemmija direttiva ma kienet neċessarja fir-rigward tal-proposta 8.

146    Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

147    Peress li l-motivi kollha tar-rikors ġew miċħuda, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

148    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, dan għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

149    Ir-Repubblika Slovakka talbet ukoll li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Madankollu, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Minn dan isegwi li r-Repubblika Ellenika, l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Citizens’ Committee of the European Citizens’ Initiative “Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe” għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Ellenika, l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Novembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.