Language of document : ECLI:EU:T:2014:304

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Mejju 2014

Kawża T‑207/12 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Att li jsegwi talba għall-inklużjoni ta’ dokument fil-fajl stabbilit bil-għan li tiġi pproċessata t-talba ta’ rikonoxximent tal-oriġini inċidentali ta’ avveniment subit mir-rikorrent — Assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju — Att preparatorju — Att informattiv — Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell ippreżentat kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Frar 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑3/11) u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Fajl marbut mal-inċident — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26(26) u (73))

Fil-kuntest ta’ proċedura medika marbuta mar-rikonoxximent ta’ inċident debitament iddikjarat mill-uffiċjal ikkonċernat u sussegwentement mal-istabbiliment tal-grad ta’ invalidità wara konsolidazzjoni tal-leżjonijiet konsegwenti tal-imsemmi inċident, ma tikkostitwixxix żball dwar l-interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regoli Komuni marbuta mal-kopertura tar-riskji ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkawżat mix-xogħol, l-evalwazzjoni li l-fajl stabbilit sabiex tiġi pproċessata din it-talba ta’ rikonoxximent la huwa l-fajl individwali tal-uffiċjal, skont l-Artikolu 26 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, u lanqas il-fajl mediku tiegħu, skont l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal.

La r-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ir-Regoli marbuta mal-kopertura tal-assigurazzjoni ma jipprevedu, formalment, l-elaborazzjoni ta’ fajl meta l-uffiċjal ikun ippreżenta, skont l-Artikolu 15(1) ta’ dawn ir-regoli, dikjarazzjoni ta’ inċident. Madankollu, huwa manifest li l-preżentazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni timponi, fil-prattika, fuq l-Awtorità tal-Ħatra, l-obbligu li telabora, materjalment, fajl bil-għan li tiġi adottata, skont l-Artikolu 18 tar-regoli, deċiżjoni marbuta mar-rikonoxximent tal-oriġini inċidentali ta’ avveniment u deċiżjoni li hija marbuta mal-istabbiliment tal-grad ta’ invalidità permanenti. Madankollu, dan il-fajl jeżisti biss għall-finijiet tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fost id-dokumenti li jikkomponu l-fajl elaborat wara l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ inċident jista’ jkun hemm, minbarra din id-dikjarazzjoni ta’ inċident, osservazzjonijiet ta’ uffiċjal marbuta maċ-ċirkustanzi tal-okkorrenza ta’ avveniment ikkunsidrat minnu bħala inċident fis-sens tar-regoli ta’ kopertura. Madankollu, tali osservazzjonijiet fihom infushom la jinċidu fuq is-sitwazzjoni amministrattiva u lanqas fuq il-karriera tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, dawn ma għandhomx in-natura ta’ konstatazzjonijiet magħmula minn terzi awtorizzati dwar l-istat ta’ saħħtu. Għaldaqstant, min-natura tagħhom, dawn ma humiex intiżi li jiġu inklużi fil-fajl individwali jew fil-fajl mediku.

(ara l-punti 40, 41 u 43)