Language of document : ECLI:EU:T:2013:118

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

11 ta’ Marzu 2013 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Talba għal miżuri provviżorji – Nuqqas ta’ urġenza – Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑110/12 R,

Iranian Offshore Engineering & Construction Co., stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn J. Viñals Camallonga, L. Barriola Urruticoechea u J. Iriarte Ángel, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Plaza García u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71), sa fejn isem ir-rikorrenti ġie inkluż fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), u min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn ir-regolamenti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Ir-rikorrenti, Iranian Offshore Engineering & Construction Co. hija kumpannija Iranjana speċjalizzata fil-qasam tal-inġinerija ta’ installazzjonijiet marittimi fissi jew mobbli.

2        Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39). L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet imsemmija fil-lista stabbilita fl-Annessi I u II ta’ din l-istess deċiżjoni.

3        Fil-25 ta’ Ottubru 2010, sussegwentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1). L-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 kien jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-korpi elenkati fl-Anness VIII ta’ dan ir-regolament.

4        Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/783/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), li permezz tagħha l-Kunsill, b’mod partikolari, inkluda isem ir-rikorrenti fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 peress li l-kwistjoni kienet tikkonċerna lil “[k]umpannija tas-settur tal-enerġija [li kienet] involuta fil-kostruzzjoni tas-siti ta’ arrikkiment tal-uranju f’Qom/Fordow” u li hija kienet “[s]oġġetta għal rifjuti ta’ esportazzjoni mir-Renju Unit, l-Italja u Spanja”.

5        Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1245/2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), li permezz tiegħu l-Kunsill, b’mod partikolari, inkluda l-isem tar-rikorrenti fil-lista stabbilita fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Ir-raġunijiet invokati għal dan l-iskop huma identiċi għal dawk invokati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2011/783.

6        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir-rikorrenti dwar l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament Nru 1245/2011.

7        Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1). Ir-Regolament Nru 267/2012 jestendi l-iffriżar tal-fondi u riżorsi tar-rikorrenti. Għal dan il-għan, il-punt 85 tat-Taqsima I B tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 essenzjalment jelenka l-istess raġunijiet bħal dawk elenkati fl-annessi msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/783 u fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1245/2011 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”).

8        Permezz ta’ rikors iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2012, segwit minn risposta bbażata fuq estensjoni tal-konklużjonijiet, ir-rikorrenti ppreżentat rikors essenzjalment intiż għall-annullament tal-atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernaw lilha.

9        Permezz ta’ att separat, iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija essenzjalment titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernaw lilha, sakemm il-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq ir-rikors promotur;

–        jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

10      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal miżuri provviżorji, iddepożitati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2013, il-Kunsill talab li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

11      Fil-kawża prinċipali, it-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-26 ta’ Frar 2013.

 Id-dritt

12      Meta jinqraw flimkien l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u l-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji meħtieġa. Madankollu, l-Artikolu 278 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-karattru mhux sospensiv tar-rikorsi, peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-organi u mill-korpi tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità. Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali att jew jippreskrivi miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2009, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il‑Kummissjoni, T‑396/09 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      Barra minn hekk, l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba minnhom. B’hekk, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u tal-miżuri provviżorji l-oħra jekk jiġi stabbilit li tali ordni tkun iġġustifikata, prima facie, fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li jkun meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-persuna li titlobhom, li din l-ordni tingħata u tipproduċi l-effetti tagħha qabel id-deċiżjoni dwar ir-rikors promotur. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa (digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, C‑268/96 P(R), Ġabra p. I‑4971, punt 30).

14      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami sħiħ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif għandhom jiġu eżaminati dawn id-diversi kundizzjonijiet kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola ta’ dritt ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita sabiex jevalwa l-ħtieġa li jadotta deċiżjoni provviżorja (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C‑149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il‑Kummissjoni, C‑459/06 P(R), li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 25). L-Imħallef għal miżuri provviżorji jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punt 73).

15      Fid-dawl tal-elementi tal-fajl, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li huwa għandu l-elementi kollha meħtieġa sabiex jiddeċiedi fuq din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma hemm bżonn li jinstemgħu, qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet.

16      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, qabel xejn għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni relatata mal-urġenza hijiex sodisfatta.

 Fuq l-urġenza

17      Ir-rikorrenti tafferma li hija diġà sofriet dannu gravi u irreparabbli li ser jibqa’ għaddej u jikber maż-żmien. B’referenza għad-dokumentazzjoni mehmuża mat-talba għal miżuri provviżorji, hija tippreċiża li dan id-dannu għandu karatteristika differenti ħafna u jaffettwa mhux biss il-produzzjoni tagħha, iżda wkoll l-istruttura nnifisha tal-impriża tagħha. F’dan il-kuntest, hija tikkonstata [Kunfidenzjali] (1)Fl-aħħarnett, is-sanzjonijiet għandhom effett extraterritorjali inammissibbli, li r-riperkussjoni tagħhom tinħass fi Stati terzi.

18      Skont ir-rikorrenti, id-danni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-atti kkontestati, li jheddu l-eżistenza stess tal-impriża tagħha, b’mod partikolari jimmaterjalizzaw ruħhom b’żewġ konsegwenzi negattivi ħafna: id-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-proġetti li hija marbuta li twettaq [Kunfidenzjali]. Barra minn hekk, huwa diffiċli għar-rikorrenti li jkollha aċċess għal ċertu materjal u ċertu makkinarju neċessarju sabiex issostni b’mod xieraq l-attività ta’ kostruzzjoni tagħha. L-impossibbiltà li tinnegozja direttament mal-klijenti u mal-fornituri tagħha jkun ifisser telf ta’ klijenti u nuqqas ta’ twettiq ta’ xogħlijiet u, b’mod ġenerali, id-degradazzjoni tar-reputazzjoni kummerċjali u tal-prestiġju tar-rikorrenti. Dan jirriżulta f’dannu li huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat, u li l-evalwazzjoni ekonomika tiegħu hija impossibbli.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-urġenza għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li titlob il-miżuri provviżorji. L-imminenza tad-dannu ma għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta. Huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2007, IMS vs Il‑Kummissjoni, T‑346/06 R, Ġabra p. II‑1781, punti 121 u 123, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-parti li titlob dan tibqa marbuta li tipprova l-fatti li fuqhom hija mistennija li tiġi bbażata l-perspettiva ta’ dannu gravi u irreparabbli (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs Il‑Kummissjoni, C‑335/99 P(R), Ġabra p. I‑8705, punt 67; digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑151/01 R, Ġabra p. II‑3295, punt 188, u tal-25 ta’ Ġunju 2002, B vs Il‑Kummissjoni, T‑34/02 R, Ġabra p. II‑2803, punt 86) u tippreżenta lill-Imħallef għal miżuri provviżorji l-indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, li jirriżultaw minn dokumenti dettaljati li juru s-sitwazzjoni tagħha u jippermettu li jiġu evalwati l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, possibbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba. B’hekk, il-parti li titlob il-miżura provviżorja hija obbligata li tressaq, bi provi ta’ sostenn, informazzjoni li tista’ tistabbilixxi stampa veritiera u sħiħa tas-sitwazzjoni li, fil-fehma tagħha, tiġġustifika l-għoti ta’ dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2010, Almamet vs Il‑Kummissjoni, T‑410/09 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 32, 57 u 61).

20      Peress li r-rikorrenti tallega, f’dan il-każ, li hija tirriskja li tbati dannu ta’ natura finanzjarja, għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, dannu ta’ din in-natura ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi kkunsidrat bħala irreparabbli jew anki diffiċilment reparabbli, peress li bħala regola ġenerali, jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri. F’każ bħal dan, il-miżura provviżorja rrilevata tkun iġġustifikata jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ din il-miżura, ir-rikorrenti tkun tinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-vijabbiltà finanzjarja tagħha qabel ma tingħata d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura fil-kawża prinċipali jew li l-ishma tas-suq tagħha jinbidlu b’mod irrimedjabbli u importanti fir-rigward, b’mod partikolari, tad-daqs tal-impriża tagħha (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il‑Kummissjoni, T‑95/09 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 33 sa 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Minn dan isegwi li r-rikorrenti, sabiex tesponi n-natura gravi u irreparabbli tad-dannu finanzjarju allegat, filwaqt li tipproduċi stampa veritiera u sħiħa tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja, kienet mistennija li tippreżenta quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji l-provi kollha li jippermettulha tevalwa din is-sitwazzjoni, b’mod partikolari l-karatteristiċi ekonomiċi u finanzjarji tal-impriża tagħha, liema stampa kellha inizjalment tiġi pprovduta fit-test tat-talba għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, tali talba għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex waħidha, tippermetti lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn, peress li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li din hija bbażata fuqhom għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test innifsu tat-talba għal miżuri provviżorji (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑113/09 P(R), li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 13, u tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Awwissu 2010, Babcock Noell vs Impriża Konġunta Fusion for Energy, T‑299/10 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 17). Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet li jistabbilixxu tali stampa veritiera u sħiħa għandhom ikunu sostnuti b’dokumenti dettaljati, iċċertifikati minn espert indipendenti mill-parti li titlob il-miżura provviżorja, li tippermetti l-evalwazzjoni tal-veraċità tal-imsemmija indikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2001, Le Canne vs Il‑Kummissjoni, T‑241/00 R, Ġabra p. II‑37, punt 35; tat-13 ta’ Ottubru 2006, Vischim vs Il‑Kummissjoni, T‑420/05 R-II, Ġabra p. II‑4085, punt 83; u tal-15 ta’ Marzu 2010, GL2006 Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑435/09 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 34).

22      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal miżuri provviżorji ma tissodisfax il-kriterji mfakkra f’din il-ġurisprudenza.

23      Fil-fatt, għalkemm it-talba għal miżuri provviżorji tinkludi xi ċifri li jirrigwardaw id-dannu finanzjarju allegat, ir-rikorrenti żżomm lura milli tesponi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża tagħha. B’mod partikolari, hija ma ssemmix il-kategoriji differenti ta’ riżorsi li tista’ tiddisponi minnhom, u lanqas in-natura u l-valur tal-beni mobbli u immobbli kollha li jappartjenu lilha. Hija lanqas ma tindika s-somma tal-fondi li għandha u li jifformaw parti mill-miżuri ta’ ffriżar ikkontestati, lanqas il-perċentwali li din is-somma tirrappreżenta fir-rigward tas-saħħa finanzjarja totali tagħha, u lanqas il-volum tal-attivitajiet li hija teżerċita fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti manifestament naqset milli ġġib il-provi li jippermettu li jkun hemm l-istampa veritiera u sħiħa tas-sitwazzjoni tagħha li kienet tippermettilha li tinvoka b’mod utli l-gravità tad-dannu finanzjarju allegat.

24      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-dokumentazzjoni mehmuża mal-anness tat-talba għal miżuri provviżorji, hemm test tat-30 ta’ Jannar 2013 u ffirmat mid-direttur ġenerali tar-rikorrenti li jillimita ruħhu li jelenka, f’żewġ paġni, l-istess danni bħal dawk imsemmija fit-talba għal miżuri provviżorji. Huwa evidenti li dan it-test ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq, peress li dan ma jagħtix stampa veritiera u sħiħa tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-rikorrenti u barra minn hekk, ma huwiex iċċertifikat minn espert indipendenti minn din tal-aħħar.

25      Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-iskema tal-iffriżar tal-fondi huwa li l-persuni jew entitajiet partikolari jkunu preklużi milli jkollhom aċċess għal riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji li huma jistgħu jużaw sabiex isostnu attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni jew għat-tqegħid fis-seħħ ta’ bċejjeċ ta’ armi nukleari. Sabiex din il-projbizzjoni żżomm l-effet utli tagħha u sabiex is-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran ikunu effettivi, għandu jiġi eskluż li l-imsemmija persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jevitaw l-iffriżar tal-fondi tagħhom jew tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom u jsegwu l-attivitajiet tagħhom insostenn tal-programm nukleari Iranjan. F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni intiżi għall-iffriżar tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi jagħtu poteri lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jawtorizzaw b’mod derogatorju, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati li, fil-prinċipju, għandhom jippermettu li jiġu koperti l-ispejjeż u l-bżonnijiet essenzjali jew li jintlaħqu l-obbligi kuntrattwali ffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ffriżar (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2012, Qualitest FZE vs Il‑Kunsill, C‑644/11 P(R), li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 41, 42 u 44, u tal-25 ta’ Ottubru 2012, Hassan vs Il‑Kunsill, C‑168/12 P(R), li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 39).

26      Konsegwentement, għalkemm miżuri restrittivi, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, għandhom impatt importanti fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni, entitajiet jew korpi identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 375, u tad-29 ta’ April 2010, M et, C‑340/08, Ġabra p. I‑3913, punt 65), xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet derogatorji msemmija iktar ’il fuq jippermettu li tiġi żgurata s-sopravivenza tal-persuni, entitajiet jew korpi milquta mill-imsemmija miżuri u li b’hekk jiġi evitat li l-eżistenza nnifisha ta’ dawn titpoġġa fil-periklu (ara, f’dan is-sens, id-digriet Qualitest FZE vs Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 43).

27      F’dan il-każ, huma l-Artikoli 20(3), (4) u (6) tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll l-Artikoli 24 sa 26 tar-Regolament Nru 267/2012 li jippermettu, f’sens derogatorju, li jiżguraw li l-portata tad-dannu finanzjarju kkawżat lir-rikorrenti permezz tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tagħha ma jkunx tali li jhedded l-eżistenza tagħha stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-applikazzjoni, fil-każ tar-rikorrenti, tal-imsemmija proċeduri derogatorji ta’ awtorizzazzjoni fid-dawl tar-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati (ara, f’dan is-sens, id-digriet Qualitest FZE vs Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 66, u d-digriet Hassan vs Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punt 40).

28      Iżda, ir-rikorrenti baqgħet silenzjuża dwar il-possibbiltajiet għar-rilaxx skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikoli 24 sa 26 tar-Regolament Nru 267/2012. B’mod partikolari, hija ma indikatx jekk kinitx ippreżentat talba intiża għall-ksib tal-awtorizzazzjoni sabiex tuża l-fondi ffriżati jew jekk hija kinitx iltaqgħet ma’ diffikultajiet jew jekk kinitx ġiet irrifjutata milli tikseb tali awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.

29      Għal din ir-raġuni supplimentari, il-gravità tat-telf finanzjarju allegat ma ġietx stabbilita.

30      Dwar in-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu, għandu jiġi mfakkar li dannu ta’ natura finanzjarja, bħal dak invokat f’dan il-każ, normalment jista’ jwassal għal kumpens finanzjarju ulterjuri. Fil-fatt, f’każ ta’ annullament tal-atti kkontestati, ir-rikorrenti tista’ tikseb kumpens finanzjarju permezz ta’ rikors għad-danni skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE, filwaqt li jinftiehem li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, is-sempliċi possibbiltà li jitressaq tali rikors hija biżżejjed sabiex tixhed in-natura fil-prinċipju reparabbli ta’ dannu finanzjarju, u dan minkejja l-inċertezza marbuta mat-tema tal-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Euroalliages et C‑404/01 P(R), Ġabra p. I‑10367, punti 70 sa 75, u Hassan vs Il‑Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq, punti 77 sa 81).

31      Minn dan isegwi li f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar l-urġenza hija nieqsa.

32      Din is-soluzzjoni hija koerenti mal-ibbilanċjar tad-diversi interessi involuti.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

33      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-diversi interessi involuti, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddetermina, b’mod partikolari, jekk l-interess tal-parti li titlob is-sospensjoni għall-eżekuzzjoni sabiex tingħata din is-sospensjoni jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tal-att ikkontestat billi jiġi eżaminat, b’mod iktar partikolari, jekk l-annullament eventwali ta’ dan l-att mill-Qorti li tiddeċidi fil-mertu jippermettix il-qlib tas-sitwazzjoni li kienet ipprovokata minħabba l-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, bil-kontra, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att hijiex ta’ natura li tostakola l-effett sħiħ tiegħu, fil-każ li l-azzjoni prinċipali tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I‑6887, punt 142, u d-digriet Babcock Noell vs Impriża Konġunta Fusion for Energy, iċċitat iktar ’il fuq, punt 64).

34      F’dan il-każ, jidher li sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati tista’ tkun tali li tostakola l-effett sħiħ tagħhom f’każ ta’ rifjut tar-rikors promotur u, għalhekk, tirrendi impossibbli l-qlib tas-sitwazzjoni. Fil-fatt, tali sospensjoni tippermetti lir-rikorrenti li tipproċedi immedjatament għall-irtirar tal-fondi kollha maqbuda fil-banek li huma obbligati jiżguraw l-iffriżar tagħhom u li tiżbanka l-kontijiet bankarji tagħha qabel il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-mertu. Għalhekk, ikun possibbli għaliha li tibbenefika mill-fondi tagħha billi tevita l-iskop tal-miżuri restrittivi adottati kontriha, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar twaqqaf l-attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ biċċiet ta’ armi nukleari, mingħajr ma din is-sitwazzjoni tista’ tkun irrevokata minn deċiżjoni ulterjuri li tiċħad ir-rikors promotur. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri provviżorji mitluba mill-Qorti għall-miżuri provviżorji ma għandhomx jinnewtralizzaw bil-quddiem il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li tingħata ulterjorment fir-rikors promotur (id-digriet Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 22, u d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2002, Aden et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑306/01 R, Ġabra p. II‑2387, punt 41).

35      Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas li r-rikorrenti tistabbilixxi l-okkorrenza ta’ dannu gravi u irreparabbli fil-każ ta’ rifjut tat-talba għal miżuri provviżorji, jidher li annullament tal-atti kkontestati mill-Qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, jippermetti t-treġġih lura tas-sitwazzjoni kkawżata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħhom.

36      Għandu jingħad ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li atti bħall-atti kkontestati għandhom “natura regolatorja” (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 241 sa 243, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra, p. I-11381, punt 45). Fir-rigward tal-effetti fiż-żmien tal-annullament ta’ att regolatorju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw tali att ikunu effettivi biss wara l-iskadenza tat-terminu tal-appell jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, minn meta dan jinċaħad mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2013, Bank Saderat Iran vs Il‑Kunsill, T‑494/10, punti 119 sa 124).

37      Din iż-żamma tal-validità tal-miżuri punittivi ġiet iġġustifikata mill-ħtieġa li l-Kunsill jingħata l-opportunità li jirrimedja l-illegalità kkonstatata fl-adozzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ miżuri ġodda (sentenza Bank Saderat Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 125). Barra minn hekk, l-istess Qorti tal-Ġustizzja, meta invokat il-kawża li wasslet għas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ordnat iż-żamma għal tliet xhur tal-miżuri punittivi li kienet għadha kif annullat, minħabba li l-annullament tagħhom b’effett immedjat kien jista’ joħloq preġudizzju serju u irriversibbli fuq l-effettività ta’ tali miżuri, peress li, fil-perijodu qabel is-sostituzzjoni tagħhom b’miżuri ġodda, il-partijiet interessati setgħu jevitaw li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod utli fil-konfront tagħhom (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 373 u 376).

38      Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, imfassla fid-dawl tar-regolamenti, kienu sistematikament ġew estiżi għal deċiżjonijiet li jimponu l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, u dan abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264 TFUE, li jawtorizza lill-Qorti Ġenerali tindika liema mill-effetti tal-att annullat għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi. Għalhekk, preċiżament fir-rigward tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/783, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza Bank Saderat Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 126, u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 u dik tad-Deċiżjoni 2010/413 tista’ twassal għal ksur serju taċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu miżuri identiċi fuq Bank Saderat Iran. Hija għalhekk żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, fir-rigward tal-Bank Saderat Iran, sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012.

39      Konsegwentement, kieku l-Qorti Ġenerali kellha, fl-aħħar tal-kawża prinċipali, tadotta r-raġunament segwit fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bank Saderat Iran vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, lanqas l-annullament tal-atti kkontestati ma jkollu bħala effett immedjat it-tħassir ta’ isem ir-rikorrenti mill-imsemmija atti, bil-konsegwenza taż-żamma, lil hinn mid-data li fiha ingħatat is-sentenza ta’ annullament, tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati fil-konfront tagħha. Fi kwalunkwe każ, anki kieku l-effetti fiż-żmien ta’ annullament tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/783, ma kinux simili għal dawk tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati fil-konfront tar-rikorrenti abbażi tal-imsemmi regolament jibqgħu fis-seħħ, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, lil hinn mid-data tal-għoti tas-sentenza ta’ annullament, b’tali mod li l-isem tar-rikorrenti ma jkun, f’ebda każ, immedjatament imneħħi abbażi ta’ din is-sentenza.

40      Peress li l-proċedura għal miżuri provviżorji għandha natura purament inċidentali għall-kawża prinċipali li fuqha hija bbażata u hija maħsuba biss sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura dwar il-mertu (ara d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2012, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑345/12 R, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata) u peress li kull miżura provviżorja deċiża mill-Imħallef għal miżuri provviżorji tieqaf awtomatikament milli tipproduċi l-effetti tagħha, skont l-Artikolu 107(3) tar-Regoli tal-Proċedura, mill-għoti tas-sentenza li ttemm il-każ, isegwi li l-interess tar-rikorrenti li tara li jingħatalha r-rilaxx provviżorju tal-fondi u riżorsi ekonomiċi tagħha huma intiżi għall-għoti ta’ benefiċċju li hija lanqas ma tista’ tikseb permezz ta’ sentenza ta’ annullament. Fil-fatt, tali sentenza tipproduċi l-effetti prattiċi mixtieqa mir-rikorrenti — jiġifieri t-tneħħija ta’ isimha mil-lista ta’ persuni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati — biss f’data futura għal dik tal-għoti ta’ din is-sentenza, filwaqt li, f’dik id-data, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-ewwel istanza jkun tilef kull kompetenza ratione temporis u li, fi kwalunkwe każ, isem ir-rikorrenti jista’ jinżamm fl-imsemmija lista permezz ta’ miżura restrittiva ġdida li tkun, fit-terminu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, issostitwixxiet il-miżuri annullati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interess tar-rikorrenti intiż għall-ksib, permezz ta’ miżuri provviżorji, tar-rilaxx provviżorju tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha ma jistax jiġi protett mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

41      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-bilanċ tad-diversi interessi involuti ma jxaqlibx favur ir-rikorrenti.

42      Konsegwentement, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris.

43      Fir-rigward tal-kontenzjuż tal-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi, jidher għalhekk li l-iktar proċedura idonea sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġurisdizzjonali urġenti kienet il-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76A tar-Regoli tal-Proċedura, li kellha tiġi invokata mir-rikorrenti f’att separat flimkien mal-preżentata tar-rikors promotur.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Marzu 2013.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1      Informazzjoni kunfidenzjali moħbija