Language of document : ECLI:EU:T:2013:411

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Terminu għall-aġġustament tat-talbiet — Ammissibbiltà — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑110/12,

Iranian Offshore Engineering & Construction Co., stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn J. Viñals Camallonga, L. Barriola Urruticoechea u J. Iriarte Ángel, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Plaza García, V. Piessevaux u G. Ramos Ruano, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71) u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw ir-rikorrenti.

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8       Ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors permezz ta’ att irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2012.

9       B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernawha, sakemm l-imsemmija qorti tkun iddeċidiet fuq ir-rikors fil-kawża prinċipali. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Marzu 2013, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba (Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il‑Kunsill, T‑110/12 R).

10     Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kunsill sabiex jirrispondi bil-miktub għal ċerti domandi. Il-Kunsill issodisfa din it-talba fit-terminu previst.

11     Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/783 u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011, sa fejn dawn jikkonċernawha;

–        tneħħi isimha mill-annessi li hemm riferiment għalihom fl-imsemmija artikoli;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

12     Fir-replika ppreżentata fid-19 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti talbet li tkun tista’ taġġusta t-talbiet tagħha, billi titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla wkoll ir-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dan jikkonċernaha.

13     Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

14     Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li t-tieni kap ta’ talbiet kien, fir-realtà, inseparabbli mill-ewwel kap. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ġiet awtorizzata mill-Qorti Ġenerali tippreżenta diversi dokumenti ġodda, liema dokumenti l-Kunsill irċieva kopja tagħhom. Dan tal-aħħar ma pprekludiex li dawn id-dokumenti jiġu ammessi fil-fajl. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirriżerva d-deċiżjoni tagħha fuq l-inklużjoni tal-imsemmija dokumenti fil-fajl, sas-sentenza finali.

 Id-dritt

 Fuq it-talba ta’ aġġustament tat-talbiet

15     Fir-replika, ir-rikorrenti talbet l-aġġustament tat-talbiet inizjali tagħha b’mod li r-rikors tagħha jitlob ukoll l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012, adottat wara li ġie ppreżentat ir-rikors, sa fejn jikkonċernaha.

16     Skont il-ġurisprudenza, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, sostitwiti b’att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li, sabiex taffronta l-kritika li tinsab f’rikors ippreżentat lill-Qorti tal-Unjoni kontra att, l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’ taġġusta l-att ikkontestat jew tissostitwixxih u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplimentari kontra dan (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

17     Madankollu, sabiex tkun ammissibbli, talba għal aġġustament tat-talbiet għandha titressaq fit-terminu tar-rikors previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu tar-rikors huwa ta’ ordni pubblika u għandu jiġi applikat mill-qorti tal-Unjoni b’mod li tiżgura ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-persuni quddiem il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 101). Għaldaqstant, hija l-qorti li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ ex officio, jekk dan it-terminu ġiex osservat (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2012, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑301/11, punt 16).

18     Fir-rigward tal-komputazzjoni tat-terminu tar-rikors, hemm lok li jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta dan tal-aħħar ikun sar jaf bih. Skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-erbatax-il ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 102(2) tal-istess regolament, ma’ dan it-terminu għandu jiżdied terminu uniku ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

19     Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-awtorità tal-Unjoni li tadotta miżuri restrittivi individwali fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, bħal fil-każ inkwistjoni, għandha tikkomunika r-raġunijiet li fuqhom ikunu ibbażati dawn il-miżuri, fil-mument meta jiġu adottati dawn il-miżuri jew, minn tal-inqas, mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tagħhom, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ rikors tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20     Fil-każ inkwistjoni, dan il-prinċipju huwa barra minn hekk ikkonkretizzat fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, li jipprovdu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar fuq il-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, sabiex tali persuna jew entità tingħata l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

21     Minn dan jirriżulta li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ rikors għal annullament kontra att li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità jibda jiddekorri biss jew mid-data tal-komunikazzjoni individwali ta’ dan l-att lill-persuna kkonċernata, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew mill-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-każ kuntrarju. Bl-istess mod, it-terminu għat-tressiq ta’ talba intiża li testendi t-talbiet u l-motivi għal att li jħassar u jissostitwixxi l-att ikkontestat li jimponi l-miżuri restrittivi, u li jżomm dawn il-miżuri, jibda jiddekorri biss jew mid-data tal-komunikazzjoni individwali ta’ dan l-att il-ġdid lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew mill-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali jekk komunikazzjoni individwali tkun impossibbli.

22     F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 267/2012 ma ġiex ikkomunikat lilha immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu, fit-23 ta’ Marzu 2012 liema argument ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill. Matul is-seduta, il-Kunsill madankollu ppreċiża, mingħajr ma jkun ikkontradit mir-rikorrenti, li r-Regolament Nru 267/2012 kien ġie nnotifikat lil din tal-aħħar fil-11 ta’ Diċembru 2012, wara li l-Kunsill kien iddeċieda li jżomm l-elenkar tagħha fuq il-lista tal-persuni u entitajiet imsemmija mill-miżuri restrittivi, wara eżami ta’ din tal-aħħar konformi mal-Artikolu 46(6) ta’ dan ir-regolament.

23     F’dawn il-kundizzjonijiet, it-terminu tar-rikors ta’ xahrejn, previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra d-deċiżjoni l-ġdida li jinżamm l-elenkar tar-rikorrenti fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 li beda jiddekorri fit-12 ta’ Diċembru 2012 u skada, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-21 ta’ Frar 2013.

24     Sa fejn ir-rikorrenti kellha konoxxenza tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 267/2012 qabel ma ġie nnotifikat lilha u ressqet talba għall-aġġustament tat-talbiet mid-19 ta’ Lulju 2012, din it-talba ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tardiva.

25     Matul is-seduta, madankollu, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din it-talba, sa fejn tibbaża ruħha fuq motiv ġdid, ibbażat fuq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti, liema fatt ibiddel is-suġġett u l-kuntest tal-kawża, kif ġew iddefiniti fir-rikors.

26     Sa fejn it-talba għall-aġġustament tat-talbiet tressqet fit-terminu preskritt, hija ammissibbli, minkejja li, kif isostni l-Kunsill, il-motiv li jsostni din it-talba u li jallega żball manifest fl-evalwazzjoni huwa ġdid.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra
l-Iran, hija annullata sa fejn din elenkat l-isem ta’ Iranian

Offshore Engineering & Construction Co. fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

2)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran huwa annullat sa fejn dan elenka l-isem ta’ Iranian Offshore Engineering & Construction Co. fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007.

3)      L-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil Iranian Offshore Engineering & Construction Co.

4)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/783, jibqgħu fis-seħħ sa fejn jikkonċernaw lil Iranian Offshore Engineering & Construction Co, mid-dħul tagħha fis-seħħ, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolament Nru 267/2012.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Iranian Offshore Engineering & Construction Co., fil-kuntest ta’ din l-istanza u tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Pelikánová

       Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 –      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.