Language of document : ECLI:EU:T:2013:118

Kawża T‑110/12 R

Iranian Offshore Engineering & Construction Co.

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Talba għal miżuri provviżorji — Nuqqas ta’ urġenza — Ibbilanċjar tal-interessi”

Sommarju — Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2013

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji  — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikolu 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu finanzjarju — Sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza tal-kumpannija rikorrenti — Oneru tal-prova — Neċessità li tiġi pprovduta stampa reali u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża

(Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE ; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

3.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Miżuri intiżi għall-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-iffriżar u tan-neċessità li jiġi żgurat l-effett utli tiegħu

(Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2); Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413)

4.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu finanzjarju — Dannu li jista’ jiġi kkumpensat bl-għoti ta’ kumpens fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali — Assenza ta’ natura irreparabbli

(Artikolu 268 TFUE , 278 TFUE , 279 TFUE u 340 TFUE ; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

5.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Deċiżjoni ta’ ffriżar tal-beni fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni biex tannulla l-att kemm jista’ jkun malajr wara l-iskadenza tat-terminu tal-appell — Interess tar-rikorrent mhux suġġett għall-protezzjoni mill-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikolu 278 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 107(3); Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 12-14, 33, 34)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 19-21)

3.      L-għan tas-sistema ta’ ffriżar tal-fondi huwa li tipprekludi li l-persuni jew l-entitajiet indikati jkollhom aċċess għal riżorsi ekonomiċi u finanzjarji li huma jkunu jistgħu jużaw biex isostnu attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni jew għall-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari. Sabiex din il-projbizzjoni żżomm l-effett utli tagħha u sabiex is-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran ikunu effettivi, għandu jiġi eskluż li l-imsemmija persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jevitaw l-iffriżar tal-fondi tagħhom jew tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom u jsegwu l-attivitajiet tagħhom insostenn tal-programm nukleari Iranjan. F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni intiżi għall-iffriżar tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi jagħtu poteri lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jawtorizzaw b’mod derogatorju, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati li, fil-prinċipju, għandhom jippermettu li jiġu koperti l-ispejjeż u l-bżonnijiet essenzjali jew li jintlaħqu l-obbligi kuntrattwali ffirmati qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi ffriżar.

Konsegwentement, għalkemm miżuri restrittivi għandhom impatt importanti fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni, entitajiet jew korpi identifikati , xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet derogatorji msemmija iktar ’il fuq jippermettu li tiġi żgurata s-sopravivenza tal-persuni, entitajiet jew korpi milquta mill-imsemmija miżuri u li b’hekk jiġi evitat li l-eżistenza nnifisha ta’ dawn titpoġġa fil-periklu.

(ara l-punti 25, 26)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 30)

5.      Fil-kuntest tal-ibbilanċjar tad-diversi interessi involuti, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddetermina, b’mod partikolari, jekk l-interess tal-parti li titlob is-sospensjoni għall-eżekuzzjoni sabiex tingħata din is-sospensjoni jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tal-att ikkontestat billi jiġi eżaminat, b’mod iktar partikolari, jekk l-annullament eventwali ta’ dan l-att mill-qorti li tiddeċidi fil-mertu jippermettix il-qlib tas-sitwazzjoni li kienet ipprovokata minħabba l-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, bil-kontra, jekk is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi att hijiex ta’ natura li tostakola l-effett sħiħ tiegħu, fil-każ li l-azzjoni prinċipali tiġi miċħuda.

Fir-rigward tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, peress li tali att għandu natura regolatorja u peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw tali att ikunu effettivi biss wara l-iskadenza tat-terminu tal-appell jew, jekk ikun il-każ, minn meta dan jinċaħad mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament tal-att ma jkollux bħala effett immedjat it-tħassir ta’ isem ir-rikorrent mill-imsemmija atti, bil-konsegwenza taż-żamma, lil hinn mid-data li fiha ingħatat is-sentenza ta’ annullament, tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati fil-konfront tiegħu.

Konsegwentement, peress li l-proċedura għal miżuri provviżorji għandha natura purament inċidentali għall-kawża prinċipali li fuqha hija bbażata u hija maħsuba biss sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura dwar il-mertu u peress li kull miżura provviżorja deċiża mill-Imħallef għal miżuri provviżorji tieqaf awtomatikament milli tipproduċi l-effetti tagħha, skont l-Artikolu 107(3) tar-Regoli tal-Proċedura, mill-għoti tas-sentenza li ttemm il-każ, isegwi li l-interess tar-rikorrenti li tara li jingħatalha r-rilaxx provviżorju tal-fondi u riżorsi ekonomiċi tagħha huma intiżi għall-għoti ta’ benefiċċju li hija lanqas ma tista’ tikseb permezz ta’ sentenza ta’ annullament. Fil-fatt, tali sentenza tipproduċi l-effetti prattiċi mixtieqa mir-rikorrenti — jiġifieri t-tneħħija ta’ isimha mil-lista ta’ persuni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati — biss f’data futura għal dik tal-għoti ta’ din is-sentenza, filwaqt li, f’dik id-data, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-ewwel istanza jkun tilef kull kompetenza ratione temporis u li, fi kwalunkwe każ, isem ir-rikorrent jista’ jinżamm fl-imsemmija lista permezz ta’ miżura restrittiva ġdida li tkun, fit-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, issostitwixxiet il-miżuri annullati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interess tar-rikorrenti intiż għall-ksib, permezz ta’ miżuri provviżorji, tar-rilaxx provviżorju tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħha ma jistax jiġi protett mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

(ara l-punti  33, 36, 39, 40)