Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2023 mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fis-26 ta’ April 2023 fil-Kawża T-557/20, Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni vs Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(Kawża C-413/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) (rappreżentanti: D. Nardi, T. Zerdick, P. Candellier, X. Lareo, G. Devin, aġenti)

Parti: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)    

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tiddeċiedi definittivament il-kawża;

tikkundanna lis-SRB iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka ż-żewġ aggravji li ġejjin:

L-ewwel aggravju: Interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament 2018/1725 1 kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li rrikjediet li l-KEPD jevalwa jekk l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża kinitx data personali mill-perspettiva tad-destinatarju u billi naqset milli tagħti kunsiderazzjoni għall-kunċett ta’ psewdonimizzazzjoni.

It-tieni aggravju: Interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament 2018/1725 billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ responsabbiltà u billi ddeċidiet li l-KEPD jmissu pproduċa provi li SRB kien effettivament anonimizza d-data personali li kien qed jipproċessa.

____________

1     Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).