Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fis-6 ta’ Lulju 2023 – Österreichische Datenschutzbehörde

(Kawża C-416/23, Österreichische Datenschutzbehörde)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Österreichische Datenschutzbehörde

Parti oħra fil-proċedura: FR

Domandi preliminari

1.    Il-kunċett ta’ “talba” jew “talbiet” imsemmi fl-Artikolu 57(4) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem il-“GDPR”) 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll l-“ilmenti” skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR?

2.    F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed, biex ikun hemm “talbiet eċċessivi”, li persuna tkun ressqet matul ċertu perijodu ta’ żmien ċertu numru ta’ talbiet (ilmenti skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR) lil awtorità superviżorja, indipendentement mill-punt jekk dawn jikkonċernawx fatti differenti u/jew jekk it-talbiet (ilmenti) jikkonċernawx lil persuni differenti responsabbli għall-ipproċessar, jew għandu jkun hemm ukoll intenzjoni ta’ abbuż mill-persuna kkonċernata flimkien mar-repetizzjoni frekwenti tat-talbiet (ilmenti) ?

3.    L-Artikolu 57(4) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità superviżorja tista’, fil-preżenza ta’ talba (ilment) “manifestament infondata” jew “eċċessiva”, tagħżel liberament bejn li teżiġi l-ħlas ta’ spejjeż raġjonevoli bbażati fuq l-ispejjeż amministrattivi u li tirrifjuta immedjatament li titratta l-ilment; f’każ ta’ risposta fin-negattiv, liema huma ċ-ċirkustanzi jew il-kriterji li l-awtorità superviżorja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, u din hija b’mod partikolari marbuta li teżiġi b’mod prijoritarju, bħala mezz inqas restrittiv, il-ħlas ta’ spejjeż raġjonevoli u hija awtorizzata li tirrifjuta t-trattament sabiex jitrażżnu t-talbiet (ilmenti) infondati jew eċċessivi biss jekk il-ġbir tal-ħlas ikun jidher li mhux ser jirnexxi?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU L 127, 23.5.2018, p. 2.