Language of document : ECLI:EU:C:2018:350

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ Mejju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Artikolu 3 – Dikjarazzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 9 – Pensjoni ta’ tranżizzjoni – Klassifikazzjoni – Skemi legali ta’ rtirar kmieni – Esklużjoni tar-regola tal-aggregazzjoni tal-perijodi skont l-Artikolu 66”

Fil-Kawża C‑517/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Gdańsku III Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdańsk, Sezzjoni Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali III, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

Stefan Czerwiński

vs

Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Gdańsku,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Gdańsku, minn A. Bołtruczyk, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, N. Lyshøj u C. Thorning, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn A.‑M. Dumbrăvan u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. Norberg u K. Pleśniak, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 3 u 9 kif ukoll il-validità tal-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat permezz tar-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Stefan Czerwiński u z-Zakład Ubezpieczeń Społecznych Oddział w Gdańsku (l-Istituzzjoni ta’ Sigurtà Soċjali, il-fond ta’ Gdańsk, il-Polonja) (iktar ’il quddiem iz-“ZUS”) rigward ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni ta’ tranżizzjoni, perijodi ta’ kontribuzzjoni li jikkorrispondu għall-attivitajiet eżerċitati mill-persuna kkonċernata fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea

3        Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3):

“Sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom, il-Partijiet Kontraenti għandhom, fil-qasam tas-sigurtà socjali, jassiguraw, kif previst fl-Anness VI, għall-ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom u d-dipendenti tagħhom, b’mod partikolari:

a)      l-aggregazzjoni, għall-għan li jiksbu u jżommu d-dritt li jibbenefikaw, u li jiġi kalkolat l-ammont ta’ benefiċċju, tal-perijodi kollha li jitqiesu skond il-liġijiet tad-diversi pajjiżi;

b)      il-ħlas ta’ benefiċċji lil persuni residenti fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.”

4        L-Anness VI tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2011 tal-1 ta’ Lulju 2011 (ĠU 2011, L 262, p. 33), isemmi, fil-punt I tiegħu, intitolat “Kordinazzjoni ġenerali tas-sigurtà soċjali”, ir-Regolament Nru°883/2004 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

 Id-dritt tal-Unjoni

5        Skont il-premessa 33 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Huwa meħtieġ li fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi skemi ta’ qabel l-irtirar [irtirar kmieni] mix-xogħol. Dan sabiex, skond id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, ikunu garantiti t-trattament ugwali u l-possibbiltà li benefiċċji ta’ qabel l-irtirar mix-xogħol jkunu esportati u anki l-għoti ta’ benefiċċji marbuta mal-familja u mal-kura tas-saħħa lill-persuna konċernata; madanakollu, r-regola dwar l-għadd ta’ perjodi ma għandhiex tkun inkluża minħabba li numru limitat ħafna ta’ Stati Membri għandhom skemi statutarji ta’ qabel l-irtirar mix-xogħol.”

6        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

x)      ‘benefiċċji ta’ qabel l-irtirar [tal-irtirar kmieni]’ tfisser: il-benefiċċji kollha mogħtija fi flus, minbarra benefiċċji marbuta mal-fatt li persuna ma tkunx impjegata jew benefiċċji marbuta ma’ l-età [tax-xjuħija] mogħtija qabel l-età ta’ l-irtirar, mogħtija minn età speċifika lil ħaddiema li naqqsu, waqfu jew issospendew l-attivitajiet tagħhom li jrendu dħul sa l-età li fiha jikkwalifikaw għal pensjoni marbuta ma’ l-età jew pensjoni ta’ rtirar kmieni mix-xogħol, u li l-għoti tagħhom ma jiddependix minn jekk il-persuna konċernata tkunx disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istat kompetenti; ‘benefiċċji marbuta ma’ l-età mogħtija qabel l-età ta’ l-irtirar’ tfisser benefiċċji mogħti qabel persuna tilħaq l-età li tintitola għal pensjoni u li jew tibqa’ tingħata wara li persuna tilħaq l-età msemmija jew li tinbidel minn benefiċċju ieħor marbut ma’ l-età”.

[…]”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għall-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

[…]

d)      benefiċċji marbuta ma’ l-età [tax-xjuħija];

[…]

i)      benefiċċji ta’ qabel l-irtirar [tal-irtirar kmieni];

[…]”

8        L-Artikolu 6 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel:

–        il-kisba, iż-żamma, id-dewmien jew l-irkupru tad-dritt għal benefiċċji,

–        l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni, jew

–        l-aċċess għal jew l-eżenzjoni minn assigurazzjoni obligatorja, minn assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja jew volontarja,

kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza, għandha, sa fejn ikun hemm bżonn, tqis perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor bħallikieku kienu perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni applikabbli.”

9        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bil-miktub dwar id-dikjarazzjonijiet li saru f’konformità mal-punt (1) tal-Artikolu 1, il-leġiżlazzjoni u l-iskemi msemmija fl-Artikolu 3, il-konvenzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 8(2), il-benefiċċji minimi msemmija fl-Artikolu 58, u n-nuqqas ta’ sistema tal-assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 65a(1), kif ukoll dwar emendi sostanzjali li jsiru sussegwentement. Tali notifiki għandhom jindikaw id-data li minnha ser japplika dan ir-Regolament għall-iskemi speċifikati mill-Istati Membri fihom.

2.      Dawn in-notifiki għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea kull sena u għandhom jingħataw il-pubbliċità meħtieġa.”

10      L-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, “[m]eta l-leġislazzjoni applikabbli tagħmel id-dritt għal benefiċċji ta’ qabel l-irtirar [tal-irtirar kmieni] kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg għal rashom, l-Artikolu 6 ma għandux japplika”.

 Id-dritt Pollakk

11      Skont l-Artikolu 3(1) tal-ustawa o emeryturach pomostowych (il-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni), tad-19 ta’ Diċembru 2008, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U. tal-2015, pożizzjoni 965) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni”), huma eżerċitati f’kundizzjonijiet partikolari l-impjiegi b’riskju li, bl-età, jista’ jkollhom, probabbilment, effetti irreversibbli fuq is-saħħa, l-impjiegi eżerċitati f’kundizzjonijiet tax-xogħol partikolari, iddeterminati mill-qawwa tan-natura jew il-proċessi teknoloġiċi, li, minkejja miżuri tekniċi, ta’ organizzazzjoni u mediċi ta’ prevenzjoni jimponu fuq il-ħaddiema rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-kapaċitajiet tagħhom, li, taħt l-effett tax-xjuħija, jonqsu qabel l-età tal-irtirar sal-punt li jostakolaw ix-xogħol fil-pożizzjoni okkupata sa dak iż-żmien. Lista tal-impjiegi eżerċitati f’kundizzjonijiet partikolari tinsab fl-Anness I ta’ din il-liġi.

12      L-Artikolu 3(3) tal-imsemmija liġi jiddefinixxi l-impjiegi ta’ natura partikolari bħala dawk li jimplikaw responsabbiltà u kapaċitajiet mentali u fiżiċi partikolari, li għalihom il-possibbiltà li jiġu debitament eżerċitati mingħajr ma titqiegħed f’perikolu s-sigurtà pubblika, inklużi s-saħħa u l-ħajja ta’ ħaddieħor, tonqos qabel l-età tal-irtirar minħabba d-deterjorament mentali u fiżiku dovut għax-xjuħija. L-Anness II tal-istess liġi jistabbilixxi l-lista tal-impjiegi ta’ natura partikolari.

13      L-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni jipprevedi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna tibbenefika mid-dritt għal pensjoni ta’ tranżizzjoni. B’dan il-mod, il-ħaddiem għandu:

“1)      ikun twieled wara l-31 ta’ Diċembru 1948;

2)      ikun eżerċita impjieg f’kundizzjonijiet partikolari jew ta’ natura partikolari għal matul, mill-inqas, 15-il sena;

3)      ikollu mill-inqas 55 sena fir-rigward tan-nisa u 60 sena fir-rigward tal-irġiel;

4)      jagħti prova ta’ perijodu ta’ kontribuzzjoni u ta’ nonkontribuzzjoni […] ta’ mill-inqas 20 sena fir-rigward tan-nisa u ta’ mill-inqas 25 sena fir-rigward tal-irġiel;

5)      ikun eżerċita, qabel l-1 ta’ Jannar 1999, impjieg ta’ natura partikolari jew f’kundizzjonijiet partikolari, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni jew tal-Artikoli 32 u 33 tal-(l’ustawa o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych (il-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar u Pensjonijiet Oħra Pprovduti mill-Fond ta’ Sigurtà Soċjali), tas-17 ta’ Diċembru 1998 (Dz. U. tal-2016, pożizzjoni 887));

6)      ikun eżerċita, wara l-31 ta’ Diċembru 2008, impjieg ta’ natura partikolari jew f’kundizzjonijiet partikolari, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni;

7)      ikun fis-sitwazzjoni fejn kellu l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu xolt.”

14      Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni, il-ħaddiem li jeżerċita impjieg fil-kundizzjonijiet partikolari elenkati fil-punti 20, 22 u 32 tal-Anness I tal-imsemmija liġi, li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4, punti 1 u 4 sa 7, ta’ din, jista’ jitlob pensjoni ta’ tranżizzjoni, sakemm ikollu mill-inqas 50 sena fir-rigward tan-nisa u 55 sena fir-rigward tal-irġiel u sakemm jipprova mill-inqas 10 snin ta’ anzjanità f’impjieg eżerċitat f’dawn il-kundizzjonijiet partikolari.

15      Skont l-Artikolu 16 ta’ din il-liġi, id-dritt għal pensjoni ta’ tranżizzjoni jintemm, jew fil-jum qabel dak tal-ftuħ tad-dritt għal pensjoni tax-xjuħija, stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tal-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali jew ta’ organu ta’ pensjoni ieħor, iddefinit f’dispożizzjonijiet distinti, jew fil-jum li fih il-benefiċjarju jilħaq l-età tal-irtirar, jew inkella fil-jum tal-mewt tal-benefiċjarju.

16      L-Artikolu 6(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar u Pensjonijiet Oħra Pprovduti mill-Fond ta’ Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar”) jipprevedi:

“1.      Jikkostitwixxu perijodi ta’ kontribuzzjoni:

1)      il-perijodi ta’ assigurazzjoni,

[…]

2.      Huma wkoll meqjusa perijodi ta’ kontribuzzjoni l-perijodi qabel il-15 ta’ Novembru 1991, li fir-rigward tagħhom il-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali tħallsu jew ma kinux obbligatorji, jiġifieri:

1)      il-perijodi ta’ impjieg wara li tintlaħaq l-età ta’ 15‑il sena:

[…]

d)      ċittadini Pollakki barra mill-pajjiż: ma’ persuni oħra li jimpjegaw u li huma barranin, matul il-perijodu ta’ xogħol barra mill-pajjiż, il-kontribuzzjonijiet tħallsu fl-iskema Pollakka ta’ sigurtà soċjali; […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      S. Czerwiński, imwieled fl-1 ta’ Jannar 1951, akkumula 23 sena u 6 xhur ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni u ta’ nonkontribuzzjoni fil-Polonja.

18      Barra minn hekk, matul is-snin 2005 sa 2011, huwa ħadem bħala inġinier tat-tieni grad fuq bastiment fil-Ġermanja u bħala inġinier kap fuq bastiment fin-Norveġja. Matul dawn il-perijodi ta’ attività, huwa ħallas kontribuzzjonijiet, rispettivament, lill-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża u Norveġiża.

19      Fit-12 ta’ Ġunju 2013, il-persuna kkonċernata ressqet talba għal pensjoni ta’ tranżizzjoni quddiem iz-ZUS.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2013, iz-ZUS ċaħdet din it-talba minħabba li l-persuna kkonċernata ma kinitx ġabet prova, fl-1 ta’ Jannar 2009, ta’ 15‑il sena ta’ anzjanità f’impjieg ta’ natura partikolari jew eżerċitati f’kundizzjonijiet partikolari, fis-sens tal-Artikolu 3(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni, u lanqas ta’ 25 sena ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni u ta’ nonkontribuzzjoni mitluba minn din l-istess liġi.

21      S. Czerwiński ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni.

22      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, is-Sąd Okręgowy w Gdańsku VII Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti Reġjonali ta’ Gdańsk, Sezzjoni Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali VII, il-Polonja) ċaħdet dan ir-rikors. Skont din il-qorti, anki kieku S. Czerwiński seta’ jipprova 15‑il sena ta’ xogħol eżerċitati fil-kundizzjonijiet partikolari mitluba mil-liġi, huwa ma setax jinvoka il-25 sena ta’ kontribuzzjonijiet, peress li l-perijodi ta’ kontribuzzjoni barra mill-pajjiż ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

23      Adita b’appell ippreżentat minn S. Czerwiński kontra din is-sentenza, is-Sąd Apelacyjny w Gdańsku III Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdańsk, Sezzjoni Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali III, il-Polonja) għandha dubji rigward il-klassifikazzjoni tal-pensjoni ta’ tranżizzjoni.

24      Minkejja li d-dikjarazzjoni magħmula mill-awtoritajiet Pollakki, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, tindika li l-pensjonijiet ta’ tranżizzjoni jaqgħu taħt il-kategorija tal-benefiċċji tal-irtirar kmieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn il-pensjonijiet għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji tax-xjuħija. Hija tqis, f’dan il-kuntest, li għandu jiġi stabbilit jekk il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju taħt waħda mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti fid-dikjarazzjoni li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament hijiex ta’ natura definittiva jew jekk hija tistax tiġi evalwata mill-qrati nazzjonali.

25      Il-qorti tar-rinviju tosserva li jekk il-pensjoni ta’ tranżizzjoni kellha tiġi kklassifikata bħala benefiċċju tax-xjuħija, ir-regola tal-aggregazzjoni tal-perijodi prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004 tkun applikabbli.

26      Min-naħa l-oħra, jekk il-pensjoni ta’ tranżizzjoni kellha taqa’ taħt il-kategorija tal-benefiċċji tal-irtirar kmieni, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni tar-regola tal-aggregazzjoni tal-perijodi, kif tirriżulta mill-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 883/2004, hijiex kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali li jirriżulta mill-Artikolu 48(a) TFUE.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Gdańsku (il-Qorti tal-Appell ta’ Gdańsk) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-klassifika ta’ benefiċċju taħt waħda mill-fergħat tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 fid-dikjarazzjoni li saret mill-Istat Membru skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet jew tal-qrati nazzjonali?

2)      Il-pensjoni ta’ tranżizzjoni li tirriżulta mil[l-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni] tikkostitwixxi benefiċċju marbut mal-età [tax-xjuħija] fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004?

3)      L-esklużjoni tar-regola dwar l-għadd ta’ perijodi sabiex jingħata d-dritt għall-benefiċċji ta’ qabel l-irtirar [tal-irtirar kmieni] (Artikolu 66 u premessa 33 tar-Regolament Nru 883/2004) twettaq funzjoni ta’ protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali li tirriżulta mill-Artikolu 48(a) tat-[TFUE]?”

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju soċjali taħt waħda mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti fid-dikjarazzjoni stabbilita mill-Istat Membru skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, hijiex ta’ natura definittiva jew jekk hija tistax tiġi evalwata mill-qrati nazzjonali.

29      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiddikjaraw il-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi dwar benefiċċji tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament u li magħhom l-Istati Membri huma meħtieġa li jikkonformaw ruħhom, filwaqt li josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 36).

30      Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li, għall-finijiet tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, kull Stat Membru għandu jwettaq eżami diliġenti tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tiegħu stess u, jekk ikun il-każ, meta jikkonkludi dan l-eżami, għandu jiddikjarahom bħala skemi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      B’dan il-mod, din id-dikjarazzjoni toħloq preżunzjoni li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ddikjarati skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004 jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament u jorbtu, bħala prinċipju, lill-Istati Membri l-oħra (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 38).

32      Bil-kontra, il-fatt li liġi jew leġiżlazzjoni nazzjonali ma ssemmietx fid-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jistax, minnu nnifsu, jistabbilixxi li din il-liġi jew leġiżlazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Otte, C‑25/95, EU:C:1996:295, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 46).

33      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ripetutament li d-distinzjoni bejn benefiċċji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru°883/2004 u benefiċċji li jaqgħu taħt dan il-kamp hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju huwa kklassifikat jew le minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali (sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Scrivner u Cole, 122/84, EU:C:1985:145, punt 18; tal-11 ta’ Lulju 1996, Otte, C‑25/95, EU:C:1996:295, punt 21, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’kull każ, sabiex taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tirreferi għal wieħed mir-riskji elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Scrivner u Cole, 122/84, EU:C:1985:145, punt 19, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1996, Otte, C‑25/95, EU:C:1996:295, punt 22).

35      F’dan il-każ, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat bħala benefiċċju tal-irtirar kmieni jew bħala benefiċċju tax-xjuħija, huwa stabbilit li dan il-benefiċċju huwa marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

36      Madankollu, meta jkun hemm dubji rigward il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju soċjali magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti fid-dikjarazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, huwa l-Istat Membru li jkun għamel din id-dikjarazzjoni li għandu jevalwa mill-ġdid il-fondatezza tagħha u, jekk ikun il-każ, jemendaha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 39).

37      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li qorti nazzjonali, adita b’tilwima rigward leġiżlazzjoni nazzjonali, dejjem tista’ tkun meħtieġa tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha u, jekk ikun il-każ, tagħmel domanda preliminari dwar din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi stabbilit jekk din il-leġiżlazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 43).

38      Peress li l-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju soċjali, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, għandha ssir mill-qorti nazzjonali kkonċernata, b’mod awtonomu u abbażi tal-elementi li jikkostitwixxu l-benefiċċju soċjali inkwistjoni, billi ssir, jekk ikun il-każ, domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji soċjali magħmula fid-dikjarazzjoni stabbilita mill-awtorità nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament ma tistax tkun ta’ natura definittiva.

39      Fil-fatt, l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 883/2004, li huwa intiż sabiex jiżgura l-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema filwaqt li jiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ikun jinsab serjament kompromess jekk kull Stat Membru jkun jista’, billi jastjeni milli jinkludi ċerti benefiċċji soċjali fid-dikjarazzjoni jew, bil-kontra, billi jinkludihom, jiddetermina fid-diskrezzjoni tiegħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

40      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju soċjali taħt waħda mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti fid-dikjarazzjoni stabbilita mill-Istat Membru skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, ma hijiex ta’ natura definittiva. Il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju soċjali tista’ ssir mill-qorti nazzjonali kkonċernata, b’mod awtonomu u abbażi tal-elementi li jikkostitwixxu l-benefiċċju soċjali inkwistjoni, u billi ssir, jekk ikun il-każ, domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

41      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-pensjoni ta’ tranżizzjoni għandhiex titqies bħala “benefiċċju tax-xjuħija”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, jew bħala “benefiċċju tal-irtirar kmieni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) tal-istess regolament.

42      Għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li r-risposta għal din id-domanda hija deċiżiva għall-ipproċessar tat-talba għall-għoti ta’ benefiċċju ta’ tranżizzjoni. Fil-fatt, minkejja li din il-pensjoni għandha titqies bħala “benefiċċju tax-xjuħija” u fid-dawl tal-fatt li l-ammissjoni għall-għoti ta’ tali benefiċċju hija suġġetta għall-ikkompletar ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg, ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha jew ta’ residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004, il-perijodi kollha kkompletati taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, u saħansitra ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor taż-ŻEE, bħallikieku kienu perijodi kkompletati fl-Istat Membru li taqa’ taħtu din l-istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk din il-pensjoni kellha tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju tal-irtirar kmieni”, l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 883/2004 jeskludi l-applikazzjoni tar-regola tal-aggregazzjoni tal-perijodi prevista fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

43      Rigward id-determinazzjoni tan-natura tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom jitqiesu, indipendentement mill-karatteristiċi speċifiċi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, bħala li huma tal-istess natura meta l-għan u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi li fuqu jiġu kkalkolati u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom, ikunu identiċi. Min-naħa l-oħra, karatteristiċi li huma purament formali ma jistgħux jitqiesu bħala elementi kostituttivi għall-klassifikazzjoni tal-benefiċċji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini, 171/82, EU:C:1983:189, punt 13; tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 25, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen, C‑228/07, EU:C:2008:494, punt 21).

44      Fejn ikun hemm lok li ssir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju kopert minn kull benefiċċju (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 27, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 52).

45      B’dan il-mod, il-benefiċċji tax-xjuħija msemmija fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 huma kkaratterizzati essenzjalment mill-fatt li dawn huma intiżi sabiex jiżguraw il-mezzi tal-għajxien tal-persuni li, meta jilħqu ċerta età, jirtiraw mix-xogħol u ma jibqgħux obbligati li jirrendu ruħhom disponibbli għall-awtorità tal-impjieg (sentenza tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini, 171/82, EU:C:1983:189, punt 14).

46      Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji tal-irtirar kmieni, anki jekk għandhom ċertu xebh mal-benefiċċji tax-xjuħija f’dak li jirrigwarda l-għan u l-iskop tagħhom, jiġifieri, fost l-oħrajn, li jiżguraw il-mezzi tal-għajxien tal-persuni li jkun laħqu ċerta età, huma differenti minnhom b’mod partikolari sa fejn huma jsegwu għan marbut mal-politika tal-impjieg, billi jikkontribwixxu sabiex jiġu lliberati pożizzjonijiet okkupati minn impjegati qrib l-irtirar, għall-benefiċċju ta’ persuni iżgħar mingħajr impjieg, għan li feġġ f’kuntest ta’ kriżi ekonomiku li laqtet lill-Ewropa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 1983, Valentini, 171/82, EU:C:1983:189, punti 16 u 17). Bl-istess mod, fil-każ ta’ waqfien tal-attività ekonomika ta’ impriża, l-għoti ta’ tali benefiċċju jikkontribwixxi sabiex jitnaqqas in-numru ta’ ħaddiema mkeċċija suġġetti għall-iskema ta’ assigurazzjoni għall-qgħad (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Otte, C‑25/95, EU:C:1996:295, punt 31).

47      Għaldaqstant il-benefiċċji tal-irtirar kmieni huma marbuta iktar mal-kuntest ta’ kriżi ekonomika, ta’ ristruturazzjoni, ta’ tkeċċijiet u ta’ razjonalizzazzjoni.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li filwaqt li l-iskemi legali ta’ rtirar kmieni ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, il-kunċett ta’ “benefiċċju tal-irtirar kmieni” issa jinsab iddefinit fl-Artikolu 1(x) tal-imsemmi regolament, bħala li jindika l-benefiċċji kollha fi flus, minbarra benefiċċju għall-qgħad jew benefiċċju antiċipat tax-xjuħija, ipprovduti minn età ddeterminata lill-ħaddiem li naqqas, waqqaf jew issospenda l-attivitajiet professjonali tiegħu sal-età li fiha huwa jista’ jiġi ammess għall-pensjoni tax-xjuħija jew għall-pensjoni ta’ rtirar antiċipat u li l-għoti tagħhom ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li persuna tirrendi ruħha disponibbli għas-servizzi tal-impjieg tal-Istat kompetenti.

49      Skont din l-istess dispożizzjoni, il-“benefiċċju tal-irtirar kmieni” huwa differenti mill-“benefiċċju antiċipat tax-xjuħija” sa fejn dan tal-aħħar jiġi allokat qabel ma l-persuna kkonċernata tkun laħqet l-età normali sabiex taċċedi għall-pensjoni tax-xjuħija u, jew ikompli jiġi pprovdut ladarba din l-età tintlaħaq, jew jiġi ssostitwit b’benefiċċju ieħor tax-xjuħija.

50      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk benefiċċju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jitqies bħala “benefiċċju tax-xjuħija” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004, jew bħala “benefiċċju tal-irtirar kmieni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) ta’ dan ir-regolament.

51      Fir-rigward, qabel kollox, tal-għan u l-iskop tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni, b’mod partikolari mill-paragrafi 1 u 3 tiegħu, jirriżulta li l-pensjoni ta’ tranżizzjoni tikkonċerna l-ħaddiema li okkupaw impjiegi b’riskju f’kundizzjonijiet tax-xogħol partikolari li jista’ jkollhom effetti irreversibbli fuq is-saħħa jew li jeżiġu, minkejja l-progressi fit-teknoloġija, kapaċitajiet mentali u fiżiċi speċifiċi, li, taħt l-effett tax-xjuħija, jonqsu qabel l-età tal-irtirar sal-punt li jostakolaw ix-xogħol eżerċitat sa dak iż-żmien, jew saħansitra l-ħaddiema li ma għadhomx jistgħu jiggarantixxu l-eżerċizzju ta’ impjiegi ta’ natura partikolari, bħal dawk li jinvolvu responsabbiltà u kapaċitajiet partikolari u li, minħabba d-deterjorament mentali u fiżiku dovut għall-età avvanzata, ma għadhomx jistgħu jeżerċitawhom mingħajr ma jqiegħdu f’perikolu s-saħħa u l-ħajja ta’ ħaddieħor.

52      Anki jekk, a priori, il-benefiċjarju tal-pensjoni ta’ tranżizzjoni, bħall-ħaddiem li jibbenefika minn benefiċċju tal-irtirar kmieni fis-sens tal-Artikolu 1(x) tar-Regolament Nru 883/2004, waqqaf jew issospenda l-attivitajiet professjonali tiegħu sal-età li fiha huwa jista’ jiġi ammess għall-pensjoni tax-xjuħija, jibqa’ l-fatt li l-pensjoni ta’ tranżizzjoni hija marbuta mhux mas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u lanqas mal-kapaċità ekonomika tal-impriża fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni, iżda biss man-natura tal-impjieg, li huwa ta’ natura partikolari jew li huwa eżerċitat f’kundizzjonijiet partikolari.

53      Barra minn hekk, sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirreferi b’mod espliċitu għall-proċess ta’ xjuħija tal-ħaddiema u bl-ebda mod ma ssemmi għan li tillibera pożizzjonijiet ta’ xogħol favur persuni iżgħar, il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li huwa iktar marbut mal-benefiċċji tax-xjuħija.

54      Imbagħad, fir-rigward tal-bażi għall-kalkolu tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta, essenzjalment, mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ammont tal-pensjoni ta’ tranżizzjoni huwa ddeterminat skont l-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija, għaliex l-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni jispeċifika li l-ammont tal-pensjoni ta’ tranżizzjoni ma jistax ikun inqas minn dak tal-pensjoni tax-xjuħija l-ikar baxxa, kif stabbilit permezz tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar. Barra minn hekk, l-Artikoli 18, 19 u 20 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni jipprevedu drittijiet għall-allowances għad-dipendenza, għall-pensjoni tas-superstiti u għall-allowance għall-ispejjeż tal-funeral, skont l-istess modalitajiet bħal dawk previsti mil-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar.

55      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni jiddefinixxi kundizzjonijiet ġenerali rigward l-età, l-anzjanità fl-impjieg kif ukoll il-prova ta’ perijodi twal ta’ kontribuzzjoni u ta’ nonkontribuzzjoni, li huma, fil-prinċipju, rekwiżiti rigward l-għoti ta’ benefiċċji tax-xjuħija, differenti mill-kundizzjonijiet għall-għoti ġeneralment adottati għal benefiċċji tal-irtirar kmieni.

56      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-telf tad-dritt għal pensjoni ta’ tranżizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li mill-Artikolu 16 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet ta’ Tranżizzjoni jirriżulta li d-dritt għal dan il-benefiċċju jintemm fil-jum qabel dak tal-ftuħ tad-dritt għal pensjoni tax-xjuħija, il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi madankollu l-ebda element li jippermetti li jiġi eskluż li dan huwa benefiċċju antiċipat tax-xjuħija fis-sens tal-Artikolu 1(x) tar-Regolament Nru 883/2004, sa fejn il-benefiċċju ta’ tranżizzjoni jkompli jiġi pprovdut ladarba tintlaħaq l-età normali għall-aċċess għad-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija, jew sa fejn il-pensjoni ta’ tranżizzjoni tiġi ssostitwita b’benefiċċju tax-xjuħija ieħor.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kemm mill-għan u l-iskop tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-bażi għall-kalkolu tiegħu u mill-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu jirriżulta li tali benefiċċju huwa marbut mar-riskju ta’ xjuħija msemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004 u li, għaldaqstant, ir-regola ta’ aggregazzjoni tal-perijodi hija applikabbli għalih.

58      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li benefiċċju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies bħala “benefiċċju tax-xjuħija”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

59      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju soċjali taħt waħda mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti fid-dikjarazzjoni stabbilita mill-Istat Membru skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, ma hijiex ta’ natura definittiva. Il-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju soċjali tista’ ssir mill-qorti nazzjonali kkonċernata, b’mod awtonomu u abbażi tal-elementi li jikkostitwixxu l-benefiċċju soċjali inkwistjoni, u billi ssir, jekk ikun il-każ, domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

2)      Benefiċċju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies bħala “benefiċċju tax-xjuħija”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 883/2004.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.