Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta' Marzu 2011 minn Luigi Marcuccio mis-sentenza mogħtija fl-14 ta' Diċembru 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-1/10, Marcuccio vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-126/11 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

fi kwalunkwe każ: tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti tal-ewwel istanza: (a) iddikjarat bħala inammissibbli ċerti mit-talbiet imressqa mill-appellant fl-ewwel istanza (b) ċaħdet parti mit-talbiet l-oħra inkwistjoni għaliex dawn kienu strettament marbuta ma' dawk meqjusa inammissibbli, (ċ) ikkundannat lill-appellant ibati l-ispejjeż sostnuti minnu fil-kawża quddiem l-ewwel istanza;

tiddikjara li t-talbiet kollha kienu ammissibbli fl-intier tagħhom u mingħajr l-ebda eċċezzjoni;

prinċipalment: tilqa' fl-intier tagħhom u mingħajr l-ebda eċċezzjoni t-talbiet iddikjarati bħala inammissibbli jew miċħuda mill-Qorti tal-ewwel istanza, b'tali mod li t-tabliet kollha, li għandhom jitqiesu bħala li huma espressament riprodotti hawn, għal kull effett legali, jintlaqgħu fuq il-bażi tad-dispożittiv maqgħud tas-sentenza appellata, fil-parti li ma hijiex annullata, u s-sentenza li għandha tingħata fil-kuntest ta' dan l-appell;

tikkundanna lill-appellata tirrimborsa lill-appellant l-ispejjeż kollha sostnuti matul il-proċedura li hija s-suġġett tal-appell preżenti, quddiem l-istanzi kollha ta' ġudizzju;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża li hija s-suġġett tal-appell preżenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b'kompożizzjoni differenti, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-mertu, fir-rigward tat-talbiet li illegalment tqisu bħala inammissibbli, kif ukoll it-talbiet li, konsegwentement, ġew illegalment miċħuda.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell preżenti huwa ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta' Diċembru 2010. L-imsemmija sentenza ċaħdet parzjalment ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li rrifjutat li tagħti rimbors b'rata normali għal diversi spejjeż mediċinali kif ukoll tad-deċiżjoni li rrifjutat ir-rimbors addizzjonali, jiġifieri bir-rata ta' 100 %, għall-istess spejjeż mediċinali, kif ukoll għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tagħti lill-appellant ċertu ammont abbażi tal-ispejjeż mediċinali li huma dovuti lilu.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-illegalità tas-sentenza appellata fir-rigward tas-suġġett tar-rikors u l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

It-tieni aggravju huwa bbażata fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata u irraġonevoli tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq il-ksur illoġiku tal-ġurisprudenza f'dan il-qasam;

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas totali ta' motivazzjoni, b'mod partikolari għal nuqqas ta' gwida, tgħawwiġ u żnaturament tal-fatti kif ukoll tat-talbiet tal-appellant.

____________