Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-6 ta’ Ottubru 2023 – KL vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-613/23, Herdijk 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: KL

Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi regola bħal dik tal-Artikolu 36(4) tal-IW 1990 1 (il-Liġi tal-1990 dwar l-Irkupru tat-Taxxi) li fil-prattika tagħmel estremament diffiċli għall-amministratur ta’ stabbiliment, li ma tkunx issodisfa, jew li ma jkunx issodisfa b’mod konformi, l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-inkapaċità tiegħu ta’ ħlas lir-riċevitur tal-Belastingdienst (l-Awtorità Fiskali), li jevita r-responsabbiltà għal djun fiskali ta’ dan l-istabbiliment, li jinkludu dawk dovuti abbażi tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ?

Huwa importanti, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, jekk l-amministratur jkunx aġixxa in bona fide, sa fejn huwa jkun applika d-diliġenza ta’ operatur avżat, ikun ħa kull miżura raġonevoli fis-setgħa tiegħu u li l-parteċipazzjoni tiegħu f’abbuż jew fi frodi tkun eskluża?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     Invorderingswet 1990.