Language of document : ECLI:EU:C:2016:213

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 (1)

Kawża C‑673/13 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Stichting Greenpeace Nederland u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe)

“Appell – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Aċċess għat-tagħrif ambjentali – Informazzjoni li tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent – Dokument li jikkonċerna l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tas-sustanza attiva glifosat – Rifjut parzjali tal-aċċess – Riskju ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika – Interess pubbliku superjuri”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-glifosat huwa wieħed mis-sustanzi għall-protezzjoni tal-pjanti l-iktar użati. Għalhekk, traċċi ta’ dan il-prodott jinsabu fil-katina tal-ikel, u fl-aħħar lok fil-birra Ġermaniża. Fl-istess ħin huwa kkontestat jekk din is-sustanza hijiex kanċeruża. Għalhekk ma huwiex sorprendenti li Greenpeace u Pesticide Action Network Group (PAN Europe) ilhom diġà żmien twil jippruvaw jiksbu aċċess għall-fajl li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ din is-sustanza attiva fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

2.        Huwa minnu li l‑Kummissjoni żvelat parti mid-dokumenti inkwistjoni, iżda baqgħet lura milli tiżvela dokumenti oħra sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dokumenti miżmuma wkoll kienu jikkonċernaw emissjonijiet fl-ambjent u li għalhekk kellu jiġi preżuppost interess superjuri għall-iżvelar tagħhom.

3.        Għalhekk f’dawn il-proċeduri ta’ appell għandha tiġi ċċarata t-tifsira ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-emissjonijiet fl-ambjent.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

4.        Id-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali huwa previst mill-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (2) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”) li l-Komunità ffirmat f’Århus (id-Danimarka) fil-25 ta’ Ġunju 1998 (3).

5.        L-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni jirregola r-rifjut ta’ żvelar ta’ tagħrif ambjentali minħabba kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali:

“Talba għal tagħrif ambjentali tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dak it-tagħrif ikollu effett ħażin fuq

a) – ċ) […]

d)      il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali meta din il-kunfidenzjalità hija protetta bil-liġi sabiex jitħares interess ekonomiku leġittimu. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni fuq l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata;

[…]”.

6.        Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali li ġiet ikkomunikata lill-awtoritajiet pubbliċi hija wkoll is-suġġett tal-Artikolu 39(3) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim TRIPs) (4):

“Il-Membri, meta jeħtieġu, bħala kondizzjoni ta’ approvazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi jew agrikoli li jużaw entitajiet kimiċi, is-sottomissjoni ta’ testijiet mhux żvelati jew xi data oħra, li l-oriġini tagħhom jinvolvi sforz konsiderevoli, għandhom jipproteġu data bħal din minn użu kummerċjali nġust. Madankollu, il-Membri għandhom jipproteġu data bħal din mill-iżvelar, sakemm ma jkunx neċessarju minħabba l-ordni pubbliku, jew sakemm jittieħdu miżuri sabiex jassiguraw li d-data hi protetta mill-użu kummerċjali inġust.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001

7.        Ir-Regolament Nru 1049/2001 (5) jistabbilixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet, previst fl-Artikolu 255 KE.

8.        L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jinkludi l-limiti ta’ dan id-dritt:

“(2)      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        […]

–        […]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

2.      Ir-Regolament ta’ Århus

9.        Ir-Regolament ta’ Århus (6) jittrasponi l-konvenzjoni tal-istess isem f’dak li jikkonċerna l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Århus ibiddel għal dan il-għan l-eċċezzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni konnessa mal-emissjonijiet fl-ambjent.

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

3.      Id-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

10.      Id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti (7) inizjalment kienet tirregola l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll tal-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll it-tqegħid fis-suq u l-kontroll tas-sustanzi għal dawn il-prodotti. B’mod partikolari, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-Istati Membri. Din l-awtorizzazzjoni tirrikjedi eżami dwar l-effetti tagħhom.

11.      L-Artikolu 14 jirregola l-protezzjoni tal-informazzjoni mogħtija fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni:

“L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għad-[Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali (8)], jaċċertaw ruħhom li l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti li tkun tinvolvi sigrieti industrijali u kummerċjali tiġi meqjusa bħala kunfidenzjali jekk l-applikant li jixtieq jara li sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I jew l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti jitlob dan, u jekk l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jaċċetta li t-talba ta’ l-applikant tkun iġġustifikata.

Il-kunfidenzjalità m’għandhiex tapplika għal:

[…]”.

12.      Bid-Direttiva 2001/99/KE (9), il-Kummissjoni awtorizzat is-sustanza attiva glifosat abbażi tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

4.      Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti

13.      Skont l-Artikolu 84 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti (10), dan sar japplika mill-14 ta’ Ġunju 2011 u ssostitwixxa d-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti.

14.      Il-premessa 39 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti tipprovdi kif ġej:

“L-istudji jirrappreżentaw investiment kbir. Dan l-investiment għandu jiġi protett sabiex jistimola r-riċerka. Għal din ir-raġuni, it-testijiet u l-istudji, minbarra dawk li jinvolvu testijiet fuq l-annimali vertebrati, li ser ikunu soġġetti għal qsim obligatorju ta’ data, depożitati ma’ Stat Membru minn applikant wieħed għandhom jiġu protetti mill-użu minn applikant ieħor. Din il-protezzjoni għandha, madankollu, tkun limitata fiż-żmien biex tippermetti l-kompetizzjoni. Din għandha tkun limitata wkoll għall-istudji li huma ġenwinament meħtieġa għal finijiet regolatorji, biex jiġi evitat li l-applikanti jestendu b’mod artifiċjali l-perijodu ta’ protezzjoni billi jippreżentaw studji ġodda li mhumiex meħtieġa. L-operaturi tan-negozju, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji, għandu jkollhom l-istess opportunitajiet fir-rigward tal-aċċess għas-suq.”

15.      Il-premessa 41 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti tittratta l-kwistjoni tat-talbiet għal informazzjoni. Din tindika:

“Peress li jiġu applikati regoli differenti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-Awtorità b’rabta mal-aċċess għad-dokumenti u l-kunfidenzjalità tagħhom, huwa xieraq li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti fil-pussess ta’ dawn l-awtoritajiet u l-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti.”

16.      L-Artikolu 63(2) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti jippreċiża liema informazzjoni ġeneralment tippreġudika ċerti interessi leġittimi f’każ ta’ żvelar:

“L-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja għandha normalment titqies bħala li tqiegħed f’periklu l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali jew tal-privatezza u l-integrità tal-individwi kkonċernati:

a)      il-metodu tal-manifattura;

b)      l-ispeċifikazzjoni tal-impurità tas-sustanza attiva ħlief għall-impuritajiet ikkunsidrati tossikoloġikament, ekotossikoloġikament jew ambjentalment rilevanti;

c)      ir-riżultati ta’ gruppi ta’ produzzjoni tas-sustanza attiva inkluż impuritajiet;

d)      il-metodi ta’ analiżi għal impuritajiet fis-sustanza attiva kif manifatturata ħlief għal metodi għal impuritajiet ikkunsidrati tossikoloġikament, ekotossikoloġikament jew ambjentalment rilevanti;

e)      ir-rabtiet bejn produttur jew importatur u l-applikant jew id-detentur ta’ awtorizzazzjoni;

f)      l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni kompleta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti;

g)      ll-ismijiet u l-indirizzi ta’ persuni involuti fl-ittestjar fuq annimali vertebrati.”

17.      Skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti, l-Artikolu 63 japplika bla ħsara għad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali.

18.      L-Artikolu 80 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, madankollu, jinkludi diversi dispożizzjonijiet tranżitorji, fosthom il-paragrafu 5 li ġej:

“L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti:

a)      skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414/KEE li għadhom pendenti fl-Istati Membri, jew

b)      li għandhom jiġu emendati jew irtirati wara inklużjoni fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE jew wara approvazzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu,

fl-14 ta’ Ġunju 2011 għandhom ikunu deċiżi abbażi tal-liġi nazzjonali li tkun fis-seħħ qabel dik id-data.

Wara dik id-deċiżjoni, għandu japplika dan ir-Regolament.”

19.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 84 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti, dan jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-14 ta’ Diċembru 2009. Madankollu fih huwa previst ukoll li dan jibda japplika mill-14 ta’ Ġunju 2011.

III – Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

20.      Fl-20 ta’ Diċembru 2010, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe talbu mingħand il-Kummissjoni l-aċċess għal diversi dokumenti li jikkonċernaw l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mogħtija fis-sena 2001, skont id-Direttiva 91/414, għall-glifosat bħala sustanza attiva.

21.      Wara konsultazzjoni mal-Ġermanja, li kienet l-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu kienu ppreparaw l-ewwel awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ċaħdet parzjalment it-talba tal-10 ta’ Awwissu 2011. Hija sostniet li l-iżvelar tad-dokumenti rrifjutati kien jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi li kienu ressquhom sabiex jiksbu l-ewwel awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni spjegat li filwaqt li l-metodu ta’ produzzjoni ta’ glifosat bħala prinċipju huwa magħruf, dan madankollu ma huwiex il-każ għall-metodi speċifiċi tal-produtturi differenti. Dawn madankollu jistgħu b’mod partikolari jinsiltu mill-impuritajiet tal-prodott u mill-kompożizzjoni preċiża tiegħu. Ma hemm l-ebda interess pubbliku superjuri manifest għall-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti. B’mod partikolari, l-informazzjoni inkluża fihom ma tikkonċernax l-emissjonijiet fl-ambjent.

IV – Fuq is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali

22.      Stichting Greenpeace Nederland u Pan Europe Klage ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra din id-deċiżjoni.

23.      Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, sa fejn irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti li kienu jikkonċernaw, l-ewwel nett, l-“identità” u l-kwantità tal-impuritajiet kollha li jinsabu fis-sustanza attiva ddikjarata minn kull impriża, it-tieni nett, l-impuritajiet fil-varji lottijiet u l-kwantitajiet minimi, medji u massimi ta’ kull waħda minn dawn l-impuritajiet kif ukoll, it-tielet nett, il-kompożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti żviluppati mill-impriżi (11).

24.      L-ewwel nett, hija ikkonstatat li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jistabbilixxi preżunzjoni legali li l-interess pubbliku għall-iżvelar ta’ informazzjoni li tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent għandu preċedenza fuq l-interessi kummerċjali għat-trattament kunfidenzjali tagħha. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement iddeċidiet li l-informazzjoni ċċitata iktar ’il fuq kienet tikkonċerna l-emissjonijiet fl-ambjent.

V –    L-argumenti tal-partijiet

25.      Il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2013. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

2)      skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi hija stess definittivament fuq l-ewwel u t-tielet motiv, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq dawn il-motivi;

3)      tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

26.      Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe jitolbu, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1)      tiċħad l-appell;

2)      tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27.      Il‑President tal-Qorti tal-Ġustizzja ammetta bħala intervenjenti lill-Ġermanja kif ukoll, permezz ta’ digrieti tat-3 ta’ Marzu 2015, lil European Crop Protection Association, CropLife International, CropLife America, Inc., in-National Association of Manufacturers of the United States of America u lil American Chemistry Council, Inc., lil European Chemical Industry Council u lil European Crop Care Association. Huma pparteċipaw fil-parti bil-miktub tal-proċedura kif ukoll, bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, fil-parti orali.

28.      Fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2016, l-Isvezja intervenjiet fil-proċedura insostenn ta’ Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe.

VI – Analiżi ġuridika

29.      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006. Skont din il-“klawżola dwar l-emissjonijiet”, jeżisti fir-rigward tal-protezzjoni ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali interess pubbliku li huwa, b’mod partikolari, superjuri għall-iżvelar ta’ informazzjoni, meta l-informazzjoni mitluba tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent.

30.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali fil-parti l-kbira ssegwi l-opinjoni tiegħi fil-konklużjonijiet fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Din id-dispożizzjoni tinkludi klawżola dwar l-emissjonijiet li tikkorrispondi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Århus. Skont l-opinjoni li jiena sostnejt f’dak iż-żmien, kemm l-informazzjoni dwar ir-rilaxx ta’ sustanzi inkwantu tali kif ukoll l-informazzjoni dwar l-effetti ta’ tali rilaxx għandhom jitqiesu bħala informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, għadha ma tatx deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

31.      Jiena nixtieq għalhekk nikkjarifika minn issa li l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni inkwantu l-ewwel u t-tielet parti tal-aggravju ma jikkonvinċunix. L-ewwel parti tikkonċerna r-rabta sistematika bejn id-diversi dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, ibbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, ir-Regolament ta’ Århus u l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus (ara iktar ’il quddiem taħt A). It-tielet parti tikkonċerna l-ibbilanċjar tad-diversi drittijiet fundamentali u tal-Ftehim TRIPs (ara iktar ’il quddiem taħt B).

32.      Bil-kontra, it-tieni parti tal-appell, li tirrigwarda r-regoli li huma speċifiċi għal kull settur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-pjanti, iġġiegħlni nirrevedi l-pożizzjoni tiegħi, peress li l-Kummissjoni tirreferi għal dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti, li ma kinux applikabbli ratione temporis għall-kawża Stichting Natuur en Milieu et (ara iktar ’il quddiem taħt Ċ).

A –    Fuq il-konnessjoni sistematika tar-regoli dwar l-aċċess

33.      Kuntrarjament għall-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ma tispjegax b’mod preċiż il-punti tas-sentenza appellata li hija tikkontesta fl-ewwel parti tal-appell tagħha. Ċertament fit-tmiem tal-osservazzjonijiet tagħha hija tirreferi għal xi punti, jiġifieri l-punti 53, 57, 69 u 71, iżda dan ir-riferiment iservi biss sabiex juri l-allegati nuqqasijiet tal-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali. Il-qari b’attenzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u tas-sentenza appellata jippermetti li tiġi identifikata d-direzzjoni li l-Kummissjoni qed tieħu. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiċħad din il-parti tal-appell bħala inammissibbli.

1.      Fuq l-effettività tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali

34.      Il‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li kwalunkwe sustanza tiġi rrilaxxata fl-ambjent f’mument jew ieħor. Għalhekk hija ssostni l-opinjoni li l-preżunzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar ta’ informazzjoni li tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent, għandha tinftiehem b’mod strett. Fil-każ kuntrarju, l-effettività tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni li neċessarjament isiru sekondarji għal dan l-interess superjuri, tisfa fix-xejn. Il‑Kummissjoni għalhekk tixtieq tillimita din il-preżunzjoni għal informazzjoni dwar emissjonijiet effettivament irrilaxxati minn ċerti installazzjonijiet.

35.      Din l-opinjoni hija korretta peress li mhux kull konnessjoni bejn informazzjoni u rilaxx ta’ sustanzi fl-ambjent tista’ tirriżulta fl-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet. Bil-kontra, din għandha tkun informazzjoni relatata mar-rilaxx inkwantu tali (13). Din madankollu tinkludi informazzjoni li tikkonċerna l-konsegwenzi tar-rilaxx, bħall-istudji dwar is-sustanzi residwi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (14). Dan peress li din l-informazzjoni tikkonċerna l-karatteristiċi tas-sustanzi rrilaxxati.

36.      Fil-każ li klawżola dwar l-emissjonijiet tinftiehem b’dan il-mod, l-eċċezzjoni favur il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali ma titlifx mis-sustanza tagħha, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni. Bħala prinċipju din xorta tiġi applikata għal informazzjoni relatata mat-trattament ta’ sustanzi qabel ma jiġu rrilaxxati. Il-klawżola dwar l-emissjonijiet tista’ tiġi applikata biss meta din l-informazzjoni titfa’ dawl fuq il-karatteristiċi tas-sustanza rrilaxxata.

2.      Dwar l-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet għal emissjonijiet “ipotetiċi”

37.      B’riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ville de Lyon, il-Kummissjoni tkompli billi ssostni li l-klawżola dwar l-emissjonijiet tkopri biss emissjonijiet effettivi, iżda mhux emissjonijiet ipotetiċi. Issa, din l-informazzjoni ma tikkonċernax emissjonijiet effettivi.

38.      Huwa minnu li, fil-konklużjonijiet tiegħi, jiena kkunsidrajt li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali tieqaf biss meta s-sustanzi kkonċernati fl-informazzjoni kunfidenzjali jiġu rrilaxxati (15).

39.      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ tagħrif ambjentali diġà jirrikjedi minnu nnifsu, f’każ ta’ emissjonijiet, li dawn ikollhom jew jista’ jkollhom effetti fuq l-elementi tal-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali. Jekk effett ikun biss ipotetikament konċepibbli, huwa jiġi ċertament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess għat-tagħrif ambjentali.

40.      Il-Kummissjoni għalhekk hija korretta meta ssostni li informazzjoni dwar emissjonijiet ipotetiċi ma taqax taħt il-klawżola dwar l-emissjonijiet.

41.      Madankollu, il-prodotti dwar il-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati ġeneralment jiġu rrilaxxati skont l-użu intiż tagħhom. Konsegwentement, informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna emissjonijiet ipotetiċi.

3.      Dwar il-limitazzjoni għal emissjonijiet minn installazzjonijiet

42.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tixtieq teskludi kompletament ir-rilaxx ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mill-klawżola dwar l-emissjonijiet, billi tillimitaha għall-emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet.

43.      Din l-opinjoni ma ssib l-ebda bażi fil-formulazzjoni tar-Regolament ta’ Århus, peress li la jillimita l-kunċett ta’ emissjoni provenjenti minn installazzjonijiet u lanqas ma jirreferi għal direttivi oħra, fejn issir tali limitazzjoni.

44.      Madankollu l-Kummissjoni tinvoka l-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus favur il-limitazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet għall-emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet. L-ewwel nett din kienet tippreżupponi l-użu tad-definizzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva PKIT (16) fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus (17). Fit-tieni edizzjoni (18) hija issa tagħmel riferiment għad-definizzjoni tal-emissjonijiet tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (19) li hija identika. Iż-żewġ definizzjonijiet jillimitaw il-kunċett ta’ emissjonijiet għal rilaxx minn installazzjonijiet.

45.      Jekk il-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus tista’ tiġi kkunsidrata bħala dokument spjegattiv li jista’, skont il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi rilevanti oħra, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, l-analiżi fiha ma għandhiex saħħa vinkolanti u ma għandhiex il-portata normattiva li għandhom id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus (20).

46.      Għandu jiġi enfasizzat, għall-finijiet ta’ din id-domanda, li l-gwida ta’ applikazzjoni ma tipprovdi l-ebda raġuni li tiġġustifika li d-definizzjoni tad-Direttiva PKIT jew tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandha tapplika b’mod partikolari. Pereżempju tista’ tintuża wkoll id-definizzjoni tal-Artikolu 2(8) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (21), li ma tagħmilx riferiment għal installazzjoni bħala sors ta’ emissjonijiet, iżda tattribwixxihom unikament għal attivitajiet tal-bnedmin.

47.      Lanqas ma teżisti konnessjoni partikolari bejn id-Direttiva PKIT u d-dritt ta’ aċċess għal tagħrif ambjentali, li tiġġustifika li tiġi applikata d-definizzjoni tal-emissjonijiet marbuta ma’ installazzjoni. Huwa minnu li d-Direttiva PKIT u s-siltiet korrispondenti tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus (22). Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni li huma relatati ma’ installazzjonijiet għandhom kamp ta’ applikazzjoni kunsiderevolment iktar ristrett mid-dritt ta’ aċċess għat-tagħrif ambjentali.

48.      Eżami fil-fond tal-klawżola dwar l-emissjonijiet tal-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Århus juri b’mod ċar li limitazzjoni ta’ emissjonijiet minn installazzjonijiet hija saħansitra inkompatibbli mal-iskop tal-konvenzjoni. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata. Il-kwistjoni dwar jekk dawn l-emissjonijiet humiex ġejjin minn installazzjonijiet ma hijiex rilevanti għall-effetti fuq l-ambjent. Wieħed irid jaħseb biss dwar l-emissjonijiet li jirriżultaw mit-trasport (23). Għalhekk il-gwida tipprovdi wkoll, immedjatament qabel ma tirreferi għad-definizzjoni ta’ emissjonijiet fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, li bħala prinċipju kull informazzjoni dwar emissjonijiet taqa’ taħt il-klawżola dwar l-emissjonijiet tal-Konvenzjoni (24).

49.      Għalhekk dan l-argument huwa ineffettiv.

B –    Fuq id-drittijiet fundamentali u l-Ftehim TRIPs

50.      Permezz tat-tielet parti tal-appell, il-Kummissjoni tikkritika t-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, tad-drittijiet fundamentali tal-impriżi kkonċernati u tal-Ftehim TRIPs. Hemmhekk, il-Qorti Ġenerali kienet irrifjutat li tinterpreta l-klawżola dwar l-emissjonijiet konformement mad-drittijiet fundamentali u mal-Ftehim TRIPs b’mod li kien imur kontra l-formulazzjoni tagħha. Il-formulazzjoni ta’ din is-silta, minkejja li mal-ewwel daqqa ta’ għajn hija ftit xotta, ssegwi barra minn hekk l-eżempju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Interseroh Scrap and Metal Tradings, fejn il-kwistjoni kienet dwar jekk l-obbligi ta’ informazzjoni fil-qasam tat-trasport ta’ skart kellhomx jiġu ristretti minħabba kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali (25).

51.      Il-kritika li l-Kummissjoni tindirizza f’dan il-punt hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, f’dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali sempliċement tafferma għaliex il-klawżola dwar l-emissjonijiet tiġġustifika l-preżunzjoni legali ta’ interess superjuri fl-iżvelar ta’ informazzjoni li tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent. Madankollu l‑Kummissjoni ma tikkontestax din il-preżunzjoni, iżda topponi l-portata li l-Qorti Ġenerali tattribwixxi għall-klawżola dwar l-emissjonijiet (26). F’dan il-kuntest, fil-punti 47 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali la tikkunsidra interpretazzjoni konformi mad-drittijiet fundamentali u lanqas interpretazzjoni konformi mal-Ftehim TRIPs. Dan jista’ jikkostitwixxi żball ta’ liġi li l-Kummissjoni tikkritika, mill-iktar, b’mod impliċitu.

52.      Fuq il-mertu, madankollu, din il-kritika (impliċita) ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, l-interess tal-pubbliku li jsir jaf kif jista’ jiġi affettwat mill-emissjonijiet, u b’mod partikolari, liema riskji jeżistu għas-saħħa tal-persuni u għall-ambjent, bħala regola ġenerali jieħu preċedenza fuq l-interessi kummerċjali tal-impriżi, li jibbenefikaw mir-rilaxx.

53.      L-eventwali protezzjoni ta’ dawn l-interessi bid-drittijiet fundamentali (27) jew bl-Artikolu 39 tal-Ftehim TRIPs ma tbiddel xejn minn dan. Dan għaliex dawn id-drittijiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti favur interessi superjuri (28).

54.      Jekk l-ibbilanċjar neċessarju tal-interessi kellu jitwettaq għal kull talba għal aċċess, wieħed għandu mnejn jistenna li l-impriżi kkonċernati jiddefendu l-interessi tagħhom b’impenn kbir. Dan ikun jista’ joħloq xogħol kunsiderevoli għall-awtoritajiet kompetenti u hemm ir-riskju li tali informazzjoni tiġi żvelata biss wara tilwim twil u li jqum il-flus. Tali riskju jista’ jwassal sabiex il-parti kbira tal-persuni kkonċernati jiġu skoraġġuti. Sabiex jiġu evitati dawn l-iżvantaġġi, il-leġiżlatur seta’ jantiċipa dan l-ibbilanċjar permezz tal-adozzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet.

55.      Huwa veru li b’dan il-mod ma huwiex iktar possibbli li jsir l-ibbilanċjar tal-interessi kunfliġġenti f’kull każ individwali. Madankollu, tali approċċ ma huwiex estranju fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat ripetutament milli teżamina kull każ individwali u rrikonoxxiet preżunzjonijiet ġenerali (29). Filwaqt li dawn il-preżunzjonijiet kienu kull darba jikkonċernaw rifjut ta’ aċċess, preżunzjonijiet favur l-aċċess għandhom bl-istess mod ikunu possibbli.

C –    Fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-pjanti

56.      Permezz tat-tieni parti tal-appell, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 38, 40 u 41 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni r-rabta bejn id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, b’mod partikolari l-klawżola dwar l-emissjonijiet u d-dispożizzjonijiet partikolari tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-pjanti.

57.      Dan l-argument ukoll ibati min-nuqqas diġà msemmi ta’ qari żbaljat tas-sentenza appellata. Effettivament il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rabta bejn il-klawżola dwar l-emissjonijiet u d-dispożizzjonijiet partikolari tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-pjanti meta, fil-punti 47 sa 76 tas-sentenza appellata, hija ddeterminat il-portata tal-klawżola dwar l-emissjonijiet.

58.      Sa fejn id-dispożizzjonijiet partikolari tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-pjanti ssemmew fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et, jiġifieri b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti, jiena nibqa’ tal-opinjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ma jqajmux dubju dwar l-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet. Bil-kontra, il‑klawżola dwar l-emissjonijiet għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti (30).

59.      Din id-dispożizzjoni effettivament tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali biss bla ħsara għad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li tinkludi klawżola dwar l-emissjonijiet paragunabbli, li l-Istati Membri għandhom josservaw. Madankollu, il-klawżola dwar l-emissjonijiet, li tapplika għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma tistax tiġi interpretata b’mod differenti. Barra minnhekk għandu jiġi osservat li ż-żewġ klawżoli dwar l-emissjonijiet ġew adottati żmien twil wara d-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti.

60.      Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti, li ġie adottat wara l-klawżola dwar l-emissjonijiet, madankollu, jibdel is-sitwazzjoni legali, peress li l-Artikolu 63(2) jiddefinixxi ċerta informazzjoni li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Jagħmlu parti minnha l-indikazzjonijiet fuq il-kompożizzjoni kompleta ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, fuq l-impuritajiet ikkunsidrati tossikoloġikament, ekotossikoloġikament jew ambjentalment rilevanti, kif ukoll ir-riżultati ta’ gruppi ta’ produzzjoni tas-sustanza attiva inklużi impuritajiet (punti (b), (c) u (f)). Din hija eżattament l-informazzjoni inkwistjoni.

61.      Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti huwa applikabbli wkoll fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 84 tiegħu, dan huwa applikabbli sa mill-14 ta’ Diċembru 2011, li jikkonferma d-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 80(5) għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ emenda pendenti. Id-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra, ġiet adottata biss fl-10 ta’ Awwissu 2011.

62.      Formalment, il-katalogu taħt l-Artikolu 63(2) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti dwar informazzjoni li għandha tiġi protetta ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet.

63.      L-ewwel nett, il-katalogu taħt l-Artikolu 63(3) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti huwa wkoll bla ħsara għad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, li wkoll tinkludi l-klawżola dwar l-emissjonijiet. Għalhekk dan għandu japplika wkoll bla ħsara għar-Regolament Nru 1049/2001 flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Århus, li sempliċement jittrasponu d-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali għall-istituzzjonijiet.

64.      It-tieni nett il-katalogu jikkjarifika biss liema informazzjoni taqa’ taħt il-protezzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess. Għalhekk dan il-katalogu huwa bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk din l-informazzjoni għandhiex xorta waħda tiġi żvelata minħabba interessi pubbliċi superjuri. Hija preċiżament din il-kwistjoni li hija rregolata mill-klawżola dwar l-emissjonijiet fir-rigward ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-preżunzjoni legali ta’ interess pubbliku superjuri.

65.      Madankollu approċċ daqstant formali ma jiħux kunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlatur kellu jkun jaf, meta stabbilixxa l-katalogu, li din l-informazzjoni tirriżulta b’konnessjoni mal-approvazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Kieku dan il-leġiżlatur kien ippreżuma li l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ approvazzjoni taqa’ taħt il-klawżola dwar l-emissjonijiet peress li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma intiżi li jiġu rrilaxxati fl-ambjent, huwa kien jistabbilixxi katalogu ta’ informazzjoni partikolarment sensittiva li kienet tisfa ineffettiva fil-prattika. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ interess pubbliku superjuri għal żvelar tapplika dejjem għal din l-informazzjoni. Madankollu, kif il-Kummissjoni ssostni ġustament, ma jistax jiġi preżunt li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jadotta leġiżlazzjoni prattikament ineffettiva.

66.      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur kien evalwa mill-ġdid b’mod impliċitu l-ibbilanċjar li kien sar bejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji kkonċernati, u li għalhekk huwa rrestrinġa l-portata tal-klawżola dwar l-emissjonijiet.

67.      Din l-evalwazzjoni mill-ġdid tistabbilixxi b’mod partikolari li l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni sħiħa tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-fdalijiet tagħhom li jinsabu fis-sustanza attiva għandha tiġi protetta. Kif il-Kummissjoni spjegat fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess (31), din l-informazzjoni hija fuq kollox sensittiva peress li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-metodu ta’ produzzjoni u għalhekk tiffaċilita l-falsifikazzjoni. Konsegwentement, din l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-leġiżlatur tikkorrispondi mal-ibbilanċjar tal-interessi mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ABNA et (32).

68.      Għalhekk il-klawżola dwar l-emissjonijiet ma tistax tapplika għall-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti. Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar l-aċċess għal din l-informazzjoni għandha tingħata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Århus abbażi ta’ evalwazzjoni ta’ kull każ individwali.

69.      Għalhekk il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet inkorrettament il-portata tal-klawżola tal-emissjonijiet, meta hija ddeċidiet, fil-punt 75, li hija tkopri informazzjoni dwar l-impuritajiet tas-sustanzi attivi u l-kompożizzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti żviluppati mill-impriżi.

70.      Bil-kontra ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kellha fil-fatt teskludi din l-informazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet u kellha għalhekk tiċħad it-tieni motiv. Għalhekk, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

D –    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

71.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jekk l-appell ikun fondat. Hija tista’ għaldaqstant tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni.

72.      Stichting Greenpeace u PAN Europe qajmu żewġ motivi li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx. Permezz tal-ewwel motiv, dawn il-partijiet jikkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni kienet adottat il-pożizzjoni ta’ ċaħda tal-Ġermanja fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni. It-tielet motiv isostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx ir-riskju konkret għall-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati bl-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

73.      Iż-żewġ kwistjonijiet ma tqisux fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari ma ġewx indirizzati waqt is-seduta. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonsultat id-dokumenti inkwistjoni, ħaġa li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx.

74.      Għalhekk nikkunsidra li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

75.      Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha madankollu tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors, inqis flimkien mat-tielet motiv li aspett li l-Kummissjoni ma indirizzatx fid-deċiżjoni tagħha dwar ir-rifjut tal-aċċess huwa sinjifikattiv. Id-data inkwistjoni kienet, fil-fatt, fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, teżisti għal iktar minn 20 sena. Għalhekk jista’ jqum dubju dwar jekk din tistax tippermetti li tinsilet informazzjoni rigward il-metodi ta’ produzzjoni attwalment rilevanti użati mill-produtturi kkonċernati. Fil-frattemp, il-kompetituri setgħu, favur il-prodott effettivament mibjugħ, jeżaminaw fit-tul il-kompożizzjoni u l-impuritajiet tiegħu u jiddeduċu minn dawn il-metodi ta’ produzzjoni. Għalhekk, l-oġġezzjoni mqajma minn Stichting Greenpeace u PAN Europe fit-tielet motiv tagħhom tidher għal kollox plawżibbli.

VII – Konklużjoni

76.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Ottubru 2013 Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑545/11, EU:T:2013:523) hija annullata.

2.      It-tieni motiv tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Stichting Greenpeace Nederland u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) huwa miċħud.

3)      Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi fuq l-ewwel u t-tielet motivi;

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 124 tas-17 ta’ Mejju 2005, p. 4.


3 – Adottata bid-Deċiżjoni 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).


4 – Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 Ċ tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat fil-15 ta’ April 1994 f’Marrakech u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).


5 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


6 – Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).


7 – Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332).


8 –      Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).


9 – Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE, tal-20 ta’ Novembru 2001, li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-glifosat u t-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182).


10 – Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).


11 – Sentenza Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑545/11, EU:T:2013:523).


12 – Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punti 93 sa 95).


13 – Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punt 93). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ville de Lyon (C‑524/09, EU:C:2010:613, punti 73 u 74).


14 – Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punt 93).


15 – Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ville de Lyon (C-524/09, EU:C:2010:613, punti 73 u 74).


16 – Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).


17 – Stec/Casey-Lefkowitz/Jendrośka, The Aarhus Convention: An Implementation Guide, New York 2000, p. 60 [p. 76 tal-verżjoni Franċiża].


18 – Ara Ebbesson/Gaugitsch/Miklau/Jendrośka/Stec/Marshall, The Aarhus Convention: An Implementation Guide, it-Tieni Edizzjoni 2014, p. 88.


19 – Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17).


20 – Sentenzi Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 36) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 27).


21 - Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357).


22 – Ara l-premessa 27 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.


23 – Ara, preċedentement, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punt 90).


24 – Ara Ebbesson et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, p. 88.


25 – Sentenza Interseroh Scrap and Metals Trading (C‑1/11, EU:C:2012:194, punt 44).


26 – Ara l-punti 29 u 30 kif ukoll 34 tal-appell.


27 – Ara s-sentenzi Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 49), Interseroh Scrap and Metals Trading (C‑1/11, EU:C:2012:194, punt 43) kif ukoll fuq il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, is-sentenza tal-KEDB tal-11 ta’ Jannar 2007, Anheuser-Busch Inc. vs Il‑Portugall (rikors n° 73049/01, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2007-1, paragrafu 72).


28 – Ara s-sentenzi Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 81) u Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 113 sa 115) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punt 95).


29 – Sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61), L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94), Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 64), Il‑Kummissjoni u Lagardère vs Éditions Odile Jacob (C‑553/10 P u C‑554/10 P, EU:C:2012:682, punt 123) u LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 49).


30 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punti 81 u 82).


31 – Ara iktar ’il fuq, punt 21.


32 – Sentenza ABNA et (C‑453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, EU:C:2005:741, punti 82 u 83).