Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ġunju 2009 - BT Pension Scheme Trustees vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-230/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BT Pension Scheme Trustees Ltd (Londra, l-Ingilterra) (rappreżentanti: J. Derenne u A. Müller-Rappard, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn jirreferi għall-fatt li l-għajnuna mill-Istat ġiet implementata illegalment, kif ukoll l-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni, sa fejn jirreferu għal irkupru tal-għajnuna;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat mit-Trustee of the British Telecommunications Pension Scheme (iktar 'il quddiem il-"BTPS") - l-iskema ta' pensjonijiet stabbilita mill-British Telecommunications plc (iktar 'il quddiem "BT") - li hija responsabbli għat-tmexxija tal-iskema, jiġifieri il-ġbir, l-investiment tal-kontribuzzjonijiet, u l-ħlas tal-benefiċċji lill-impjegati rtirati ta' BT u d-dipendenti tagħhom, skont l-att tat-trust li jirregola l-BTPS u l-liġi ġenerali.

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 685 finali tal-11 ta' Frar 2009 [għajnuna mill-Istat C 55/2007 (ex NN 63/2007, CP 106/2006)], sa fejn hija tikklassifika l-miżura inkwistjoni - "l-eżenzjoni", favur il-BTPS tal-ħlas ta' kontribuzzjonijiet fil-Fondi ta' Protezzjoni tal-Pensjoni (iktar 'il quddiem il-"PPF") , "għal dak li jikkonċerna r-responsabbiltajiet tal-pensjoni tal-benefiċjarji koperti mill-Garanzija tal-kuruna" - bħala għajnuna mill-Istat li hija illegali u inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u sa fejn hija tipprovdi li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mill-benefiċjarji flimkien mal-interessi, mid-data tal-implementazzjoni tagħha sad-data tal-irkupru tagħha.

Fl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE fir-rigward ta' erba' punti:

Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-kundizzjoni ta' selettività nkisret, inkwantu d-deċiżjoni ma stabbilietx b'mod ċar is-sistema ta' referenza xierqa u l-għan tagħha, u konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet b'mod żbaljat li s-sistema tal-BTPS ibbenefikat minn allegata "eżenzjoni".

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-kundizzjoni tal-vantaġġ ekonomiku nkisret, inkwantu l-Kummissjoni ma wrietx li BT tibbenefika minn vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li t-Trustee jħallas kontribuzzjoni mnaqqsa fil-PPF, mingħajr ma qabblet is-sitwazzjoni globali tal-BT ma dik tal-kompetituri tagħha li ma jsofrux mill-istess żvantaġġi strutturali bħall-BT, fir-rigward ta' nfiq fir-rigward ta' pensjonijiet.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li l-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ inkisret minħabba l-fatt li fin-nuqqas ta' kull vantaġġ, kif muri fit-tieni parti tal-motiv, ma jistax ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni u/jew effett fuq il-kummerċ.

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni tat-trasferiment ta' riżorsi pubbliċi nkisret minħabba l-fatt li d-deċiżjoni ma setgħetx tikklassifika t-trasferiment ta' riżorsi pubbliċi marbuta mal-garanzija tal-kuruna bħala t-trasferiment ta' riżorsi pubbliċi rilevanti, sabiex tikklassifika l-inammissibblità tal-BTPS fil-PPF bħala għajnuna mill-Istat.

Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tisker l-Artikolu 253 KE sa fejn hija tonqos milli tagħti l-motivazzjoni tal-punti li ġejjin:

il-motivazzjoni li tikkonċerna l-evalwazzjoni tas-sistema ġenerali ta' referenza, fl-analiżi tagħha rigward jekk jeżistix vantaġġ selettiv, hija kontradittorja;

fir-rigward tal-kundizzjoni ta' selettività, b'mod partikolari billi naqset milli twettaq fid-dettall l-analiżi fit-tliet fażijiet skont il-ġurisprudenza rilevanti;

il-Kummissjoni allegatament ma ġġustifikatx biżżejjed ir-raġuni għaliex hija tikkunsidra li r-responsabbiltajiet addizzjonali ta' BT, minħabba l-privatizzazzjoni tagħha, huma irrilevanti għall-paragun bejn is-sitwazzjoni globali ta' BT fuq is-suq, meta mqabbla ma' dik tal-kompetituri tagħha;

il-Kummissjoni allegatament naqset milli tispjega kif it-trasferiment ta' riżorsi pubbliċi li huma tal-Garanzija tal-kuruna seta' jikkostitwixxi t-trasferiment rilevanti ta' riżorsi pubbliċi għal diversi eżenzjonijiet (skont id-dispożizzjonijiet tal-Pensions Act 2004) li jirriżultaw mill-eżistenza tal-garanzija tal-kuruna.

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċizjoni kisret il-kunċett ta' għajnuna illegali skont l-Artikolu 88(3) KE moqri flimkien mal-Artikoli 1(f) u 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/19991, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. (ĠU L 83, p. 1) sa fejn ma hemm ebda għajnuna li għandha tiġi rkuprata sew jekk minn għand BT jew mingħand il-BTPS u t-Trustee tagħha, peress li allegata għajnuna ma ġietx implementata b'riżultat ta' ftehim relattiv għal depożitu ta' garanzija.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).