Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Awissu 2008 - Hoo Hing vs UASI - Tresplain Investments (Golden Elephant Brand)

(Kawża T-300/08)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hoo Hing Holdings Ltd (Romford, Ir-Renju Unit) (rappreżentant: M. Edenborough, Barrister)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: Tresplain Investments Ltd (Hong Kong, Iċ-Ċina)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tas-7 ta' Mejju 2008, Każ R 889/2007-1, fid-dawl tal-konstatazzjoni li l-ilment dwar l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 kien inammissibbli;

sussidjarjament, tbiddel id-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-7 ta' Mejju 2008, Każ R 889/2007-1 b'mod li l-ilment dwar l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 jitqies li huwa ammissibbli u fondat;

tbiddel id-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-7 ta' Mejju 2008, Każ R 889/2007-1 b'mod li l-ilment dwar l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 jitqies li huwa ammissibbli u fondat;

jekk id-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-7 ta' Mejju 2008, Każ R 889/2007-1 tinbidel kif mitlub, tbiddel ulterjorment id-deċiżjoni b'mod li t-trade mark Komunitarja Nru 241 810 tiġi ddikjarata invalida bis-saħħa ta' wieħed minn, jew it-tnejn li huma, ta' dawn iż-żewġ motivi addizzjonali, skond kif meħtieġ; u

tikkundanna lill-UASI, jew lill-parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell, għall-ispejjeż. Sussidjarjament, tikkundanna lill-UASI jew lill-parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell sabiex iħallsu l-ispejjeż in solidum.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: It-trade mark figurattiva "Golden Elephant Brand" għal prodotti fil-klassi 30 - Nru ta' reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja 241 810

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: It-trade mark figurattiva mhux irreġistrata "GOLDEN ELEPHANT", li kienet tintuża fir-Renju Unit

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: Ċaħda ta' l-applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta' invalidità

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: Annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni

Motivi invokati: Il-Bord ta' l-Appell żbalja meta qal li l-allegazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 kienet inammissibbli, kif ukoll meta ma kkonstatax li l-oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 kienet ammissibbli u fondata.

____________