Language of document : ECLI:EU:T:2015:436

Kawża T‑186/12

Copernicus-Trademarks Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LUCEA LED — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti LUCEO — Assenza ta’ preeżistenza — Invokazzjoni ta’ prijorità — Data ta’ prijorità mniżżla fir-reġistru — Dokumenti ta’ prijorità — Eżami ex officio — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa' Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Eżami limitat għall-motivi invokati — Limiti — Eżami ta’ preeżistenza — Eżami ex officio

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja — Dritt ta’ prijorità — Applikazzjoni għal trade mark flimkien ma invokazzjoni ta’ prijorità — Eżami tal-kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi mill-Uffiċċju — Data ta’ prijorità inkluża fir-reġistru, — Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 29 u 30; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 6)

3.      Trade mark Komunitarja — Preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja –Dritt ta’ prijorità — Applikazzjoni għal trade mark flimkien ma invokazzjoni ta’ prijorità — Eżami tal-kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi mill-Uffiċċju– Dokumenti ta’ prijorità meħtieġa — Kopja tal-formula ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 29 u 30; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 6)

4.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata tal-prinċipju

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

1.      L-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, skont liema, fi proċedura li tirrigwarda raġunijiet relattivi ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huwa limitat għall-motivi invokati u t-talbiet mressqa mill-partijiet, ma jipprekludix li l-Uffiċċju jeżamina ex officio l-preeżistenza tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni.

(ara l-punti 36, 39, 40)

2.      L-inklużjoni, mill-eżaminatur, ta’ data ta’ prijorità fir-reġistru, fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ma tipprekludix li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jeżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-invokazzjoni ta’ prijorità jkunu ssodisfatti.

Il-ġurisprudenza, skont liema l-applikant ta’ trade mark, li jkun jixtieq jikkontesta l-validità ta’ trade mark Komunitarja li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, huwa obbligat li jagħmel dan fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ma jistax jiġi traspost għall-invokazzjoni ta’ prijorità għal tali trade mark. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-inklużjoni fir-reġistru ta’ data ta’ prijorità għal trade mark Komunitarja ma tistax, jew għall-inqas ma tistax utilment, tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Sussegwentement, ma teżistix proċedura oħra speċifika li tippermetti lil terz li jikkontesta d-data ta’ prijorità inkluża fir-reġistru għal trade mark Komunitarja li tista’ tiġi mqabbla mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li waħda mill-partikolaritajiet tagħha hija li ma tistax tiġi mibdija ex officio mill-Uffiċċju.

(ara l-punti 47-51, 54, 55)

3.      Sa fejn l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni EX-05-5 tal-President tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma hijiex disponibbli fuq is-sit tal-internet ta’ uffiċċju nazzjonali għall-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru, din għandha, bħala prinċipju, tiġi mressqa fil-forma tad-dokument imsemmi mir-Regola 6(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jiġifieri fil-forma ta’ kopja vera awtentikata tal-applikazzjoni preċedenti mill-awtorità li tkun irċeviet din tal-aħħar, li tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ din l-awtorità li jindika d-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni preċedenti. Kopja tal-formula ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, anki jekk il-kopja tad-dokument ta’ prijorità ma għandhiex għalfejn tkun awtentikata mill-awtorità li quddiemha tkun tressqet l-applikazzjoni, jibqa’ dejjem dokument li permezz tiegħu l-eżaminatur jkun jista’ jivverifika jekk u meta l-applikazzjoni għal trade mark ġiet riċevuta mill-uffiċċju nazzjonali inkwistjoni.

Għalhekk, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni li fiha l-informazzjoni meħtieġa hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-uffiċċju nazzjonali li quddiemu ġiet imressqa l-applikazzjoni, huwa l-applikant li għandu jinvoka d-dritt ta’ prijorità għal trade mark li jressaq id-dokumenti ta’ prijorità meħtieġa.

(ara l-punti 77, 78, 82)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 91)