Language of document : ECLI:EU:T:2005:410

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2005(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li għandha l-element verbali ‘NICKY’ – Trade marks figurattivi nazzjonali preċedenti li għandhom l-element verbali ‘NOKY’ – Ċaħda ta’ l-oppożizzjoni minħabba nuqqas ta’ riskju ta’ konfużjoni – Annullament mill-Bord ta’ l-Appell – Rinviju lid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni sabiex jiġi eżaminat ix-xebh bejn il-prodotti u l-provi ta’ l-użu tagħhom – Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ”

Fil-kawża T-396/04

Soffass SpA, stabbilita f’Porcari (L-Italja), irrappreżentata minn V. Bilardo u C. Bacchini, Avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks, u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Capostagno, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza hija

Sodipan, SCA, stabbilita f’Saint-Étienne-du-Rouvray (Franza), irrappreżentata minn N. Boespflug, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-16 ta’ Lulju 2004 (Każ R 699/2003‑1), dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni bejn Soffass SpA u Sodipan SCA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. D. Cooke, President, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ottubru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Jannar 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ta’ l-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-9 ta’ Frar 2005,

wara li rat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ta’ l-24 ta’ Ġunju 2005,

wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fl-20 ta’ Settembru 1999, Soffass SpA ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Interjuri (Trademarks u Disinni) (UASI), bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata.

2       It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 16 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Prodotti tal-karta u/jew ċelluloża għal użu domestiku u iġjeniku, bħal tixus, imkatar għall-wiċċ, xugamani ta’ l-idejn, tvalji, karta tal-kċina f’rombli jew f’irkiekel, karta iġjenika”.

4       Fl-10 ta’ April 2000, din it-talba ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 29/2000.

5       Fl-10 ta’ Lulju 2000, Sodipan SCA, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark, li għaliha saret l-applikazzjoni, taħt l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94.

6       L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti li ġejjin:

–       reġistrazzjoni Franċiża nru 1400 192, fis-seħħ mis-6 ta’ April 1967, għal “karti, kartun u prodotti magħmula minn dawn il-materjali li mhumiex inklużi fi klassijiet oħra”, li jinsabu fil-klassi 16, tas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

–       reġistrazzjoni Franċiża nru 1 346 586, fis-seħħ mill-14 ta’ Marzu 1986, għal “prodotti magħmula minn karta għall-iġjene jew għat-tindif, bħall-karta iġenika, tixus, karta tal-kċina, srievet, tvalji, settijiet tal-mejda, platti u tazzi tal-kartun u prodotti oħra għall-użu ta’ darba (jew li jintremew wara li jintużaw)”, li jinsabu fil-klassi 16, tas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

7       Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Novembru 2003, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ta’ l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni. Sustanzjalment, hija kkunsidrat li ma kienx hemm xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali fis-sinjali in kwistjoni. F’dan ir-riġward, hi ppreċiżat, li “s-sinjali [huma] kjarament differenti fid-dehra sħiħa li jipproduċu, u dan taħt kull aspett”. Peress li, fir-rigward tad-dehra sħiħa, is-sinjali huma kjarament differenti, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni kkonkludiet li ma kienx neċessarju li wieħed jipproċedi għal tqabbil bejn il-prodotti. Għall-istess raġuni, d-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ma eżaminatx il-provi ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti pprovduti mill-intervenjenti b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94.

8       Fl-4 ta’ Diċembru 2003, l-intervenjenti ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni.

9       Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2004 (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ l-Appell, meta ra li t-trade marks fil-kontroversja jippreżentaw livell kunsiderevoli ta’ xebh, annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni u rrinvjat il-każ lil din ta’ l-aħħar sabiex tkun tista’ tqabbel il-prodotti in kwistjoni u teżamina il-provi dwar l-użu tat-trade marks preċedenti.

 It-talbiet tal-partijiet

10     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż;

11     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors; 

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

12     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza:

–       tiċħad ir-rikors; 

–       tiddikjara li, meta wieħed jikkunsidra r-riskju ta’ konfużjoni li jeżisti bejn it-trade marks fil-kontroversja, aktar u aktar minħabba l-identità tal-prodotti in kwistjoni, l-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti kontra l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja hija fondata;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

13     Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li l-Bord ta’ l-Appell żbalja meta kkonkluda li hemm xebh bejn is-sinjali fil-kontroversja.

 L-argumenti tal-partijiet

14     Ir-rikorrent tgħid li, kuntrarju għal dak li ġie kkunsidrat mill-Bord ta’ l-Appell, it-trade marks in kwistjoni mhumiex suxxettibbli li jiġu konfużi minħabba d-differenzi ċari fonetiċi, viżwali u kunċettwali tagħhom. Fil-fatt, il-Bord ta’ l-Appell biddel in-natura tal-kunċett ta’ riskju ta’ konfużjoni, kif interpretat mill-ġurisprudenza Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22 u tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29).

15     Fuq il-livell fonetiku, ir-rikorrenti tikkontesta l-fehma tal-Bord ta’ l-Appell li x-xebh bejn is-sillabi finali “ky” u “cky” jipprevali fuq id-differenza fonetika li toħroġ mill-vokali “o” u “i”. Ir-rikorrenti issostni li din id-differenza ċara, li tinħass iżjed fil-lingwa Franċiża minħabba l-fatt ta’ pronunċja differenti tas-sillabi “ni” u “no”, għandha tipprevali, għaliex huwa preċiżament il-ħoss ta’ l-ewwel parti ta’ kelma li jiġi mmemorizzat mill-konsumatur (deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell tad-19 ta’ Jannar 2001, Manfield vs PENFIELD, R 120/2000-1, punt 23).

16     Fuq il-livell viżwali, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata li t-trade marks fil-kontroversja jixtiebhu minħabba l-fatt li huma kkaratterizzati mill-istess ittri inizjali u finali u li huma jikkonsistu f’żewġ denominazzjonijiet qosra li jixbhu kliem Ingliż. Hija ssostni li l-imsemmija trade marks għandhom numru ta’ differenzi. In-numru ta’ l-ittri tagħhom huwa differenti (ħames ittri għal NICKY u erbgħa għal NOKY). Fl-ewwel trade mark NOKY, l-ittri “n” u “y” huma mqegħdin fuq linja mmejla u jikkonverġu ‘l fuq. Inoltre, l-ittra “o” għandha forma ta’ triangolu bl-angoli fit-tond. Barra minn hekk, il-linja vertikali li tifforma l-ittra “k” ta’ NOKY hija kjarament għola mill-parti l-aktar għolja tal-linja mmejla. It-tieni trade mark NOKY hija kjarament ikkaratterizzata minn stampa li tirrappreżenta ors li għandu qalb fuq sidru. Minn barra dan, hija ffurmata minn ittri inizjali u finali li huma ikbar mill-ittri l-oħra. Fl-aħħarnett, b’differenza mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iż-żewġ trade marks preċedenti huma magħmula minn irkejjen arrotondati.

17     Fuq il-livell kunċettwali, r-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li hi ma ressqitx prova li l-kelma “Nicky” hi mifhuma fi Franza bħala diminuttiv.

18     Ir-rikorrenti ssostni li huwa komunament magħruf u aċċettat mingħajr bżonn ta’ prova, li l-kelma “Nicky” hija mifhuma mill-pubbliku frankofonu u l-pubbliku Komunitarju in ġenerali bħala diminuttiv ta’ ismijiet Franċiżi bħal Nicole, Nicolas, Nicolette, jew ta’ l-ekwivalenti ta’ dawn l-ismijiet f’lingwa barranija. F’dan ir-rigward, hija ssemmi lis-sewwieq Niki Lauda, film tas-snin 70 li jġib l-isem ta’ “Micky et Nicky” u l-comic li jġib l-isem ta’ “Nicky Larson”. Min-naħa l-oħra, il-kelma “noky” hija kelma Ċeka, li hija l-ekwivalenti tal-kelma Taljana “gnocchi”. Madankollu, ir-rikorrenti tiddubita kemm il-pubbliku frankofonu jista’ jifhem din it-tifsira. Din il-kelma, iżjed tista’ tfakkar lill-pubbliku frankofonu fil-kelma NOKIA, sinjal distintiv magħruf sew fis-settur tal-mobile telephony.

19     Ir-rikorrenti sostniet li sabiex jiġi eskluż kull riskju ta’ konfużjoni, huwa biżżejjed li l-pubbliku frankofonu immedjatament jifhem it-terminu “Nicky” bħala diminuttiv jew taqsira ta’ isemijiet proprji. Skond il-ġurisprudenza, ikun biżżejjed li għall-inqas waħda mit-trade marks in kwisjoni ikollha tifsira ċara u preċiża għall-pubbliku rilevanti, sabiex ix-xebh viżwali u fonetiku eżistenti fit-trade marks jiġi fil-parti l-kbira newtralizzat [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 54, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 55 u 56].

20     L-UASI jsostni li l-Bord ta’ l-Appell qabbel korrettament l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja u t-trade marks preċedenti, filwaqt li osserva li l-analoġiji li jistgħu jiġu osservati jwasslu għal-livell għoli ta’ xebh.

21     B’riferiment għall-analiżi dettaljata magħmula mir-rikorrenti dwar il-karatteristiċi tas-sinjali in kwistjoni (ara punt 16 iktar ‘il fuq), l-UASI jirrileva li dawn jirrigwardaw elementi kompletament marġinali fil-perċezzjoni sħiħa ta’ dawn is-sinjali. Fil-fatt, minkejja l-preżenza ta’ l-istampa, bi stil partikolari permezz ta’ ors, fit-tieni trade mark preċedenti l-kelma “noky” indubjament tikkostitwixxi l-element dominanti taż-żewġ trade marks Franċiżi.

22     B’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-analiżi kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, l-UASI jallega li l-provi mressqa mir-rikorrenti sabiex issostni l-affermazzjoni dwar tifsira żgura u ċerta ta’ NICKY, dik ta’ diminuttiv ta’ nom proprju, mhumiex ta’ natura li jsostnu dan l-argument b’mod effikaċi. Is-sentenzi BASS u PICARO, punt 19 iktar ‘il fuq, ma jistgħux jiġu applikati fil-każ in eżami, peress li ma teżistix tifsira “ċara u determinata” ta’ wieħed mis-sinjali in kwistjoni li tkun kapaċi telimina kull tip ta’ assoċjazzjoni bejniethom. Ma’ dan, l-UASI, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ kull motiv ġdid imressaq għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dokumenti 13 sa 21 annessi mar-rikors jistgħu jiġu definiti bħala tali. Dawn huma dokumenti totalment ġodda u għalhekk li ma jistgħux jiġu ammessi f’dan l-istadju tal-proċedura [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01 p. II-2251, punt 67].

23     L-intervenjenti issostni li, minħabba l-karattru manifest tax-xebh li jeżisti fis-sinjali in kwistjoni, huwa ġust li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ġiet annullata.

24     Hija ssostni li, fuq il-livell kunċettwali, it-trade mark NICKY, li ġiet użata għal prodotti, bħall-prodotti tal-karti, tixus u mkatar, mhijiex ser tiġi mifhuma mill-konsumatur Franċiż bħala li tevoka isem ta’ persuna, peress li xejn mhuwa ser iwassalhom sabiex jistabbilixxu konnessjoni bejn dawn il-prodotti u persuna msemmija “Nicky”, u dan wisq iżjed peress li l-użu ta’ tali diminuttiv huwa estremament rari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

25     L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, fuq oppożizzjoni minn sid ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irrifjutata, minħabba l-identità tagħha jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati miż-żewġ trade marks, jeżisti riskju ta’ konfużjoni għall-pubbliku tat-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

26     Minn din id-dispożizzjoni li jirriżulta riskju ta’ konfużjoni jippresupponi, identità jew xebh tat-trade mark mitluba u tat-trade mark preċedenti u identità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni u dawk li għalihom kienet ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 51).

27     B’hekk, jekk is-sinjali fil-kontroversja huma kompletament differenti, huwa possibbli, fil-prinċipju, mingħajr ma jiġu eżaminati l-prodotti in kwistjoni, li jiġi kkunsidrat li ma jeżistix riskju ta’ konfuzjoni.

28     Għandu jintqal ukoll li, skond ġurisprudenza kostanti, jeżisti riskju ta’ konfużjoni meta jkun hemm ir-riskju li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn żewġ impriżi konnessi ekonomikament.

29     Skond din l-istess ġurisprudenza, ir-riskju ta’ konfużjoni għandu jiġi evalwat b’mod sħiħ, skond l-impressjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u meta wieħed jikkunsidra l-fatturi kollha relatati mal-każ, partikolarment l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dawk tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

30     In vista ta’ din l-interdipendenza, ċertu livell ta’ xebh, anke jekk żgħir, bejn it-trade marks, jista’ jiġi kkumpensat permezz ta’ livell għoli ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati, u bil-kontra (ara, b’analoġija, s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Canon, punt 14 iktar ‘il fuq, punt 17, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 19).

31     Għalhekk, jekk jeżisti xebh anke jekk żgħir, bejn iż-żewġ sinjali, ir-riskju ta’ konfużjoni għandu jiġi evalwat globalment billi jitqiesu l-elementi rilevanti kollha.

32     F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li l-evalwazzjoni sħiħa tar-riskju ta’ konfużjoni trid, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżwali, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali fil-kontroversja, tiġi bbażata fuq l-impressjoni sħiħa li jagħtu, meta jitqiesu, partikolarment, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza BASS, punt 19 iktar ‘il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33     F’dan il-każ, hemm qbil li l-pubbliku rilevanti għall-iskopijiet ta’ tali evalwazzjoni huwa l-pubbliku Franċiż.

34     Fuq livell viżwali, għandu jiġi kkonstatat li hemm ċertu xebh bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni. Tlieta mill-erba’ ittri tas-sinjal NOKY jinsabu fl-istess post ta’ NICKY. Is-sinjali għandhom l-ittra inizjali “n” u l-aħħar ittri “ky” in komuni. Peress li l-aħħar parti tal-kelma mhijiex normali fil-lingwa Franċiża, tista’ tiġi kkunsidrata bħala element dominanti taż-żewġ sinjali li jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur Franċiż.

35     Fuq livell fonetiku, jeżisti wkoll xebh bejn is-sinjali kkonċernati, peress li l-aħħar sillaba “ky”, li hija identika fis-sinjali fil-kontroversja, tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur Franċiż. Għalhekk, l-ewwel sillabi ta’ l-imsemmija sinjali, li huma min-naħa tagħhom differenti, għandhom inqas impatt meta jitqiesu mill-aspett fonetiku.

36     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-livell ta’ xebh fonetiku bejn iż-żewġ trade marks jonqos mill-importanza tiegħu fil-każ ta’ prodotti li huma kkumerċjalizzati b’tali mod li, normalment, fil-mument tax-xiri, il-pubbliku rilevanti, jagħżel b’għajnejh, it-trade mark li tkun qed tindikahom (sentenza BASS, punt 19 iktar ‘il fuq, punt 55).

37     Bl-istess mod, fuq livell kunċettwali, huwa possibbli kif irrilevat mir-rikorrenti (ara punti 18 u 19 iktar ‘il fuq), li l-kelma “Nicky” tista’ tiġi mifhuma mill-konsumatur Franċiż bħala diminuttiv ta’ l-ismijiet Nicolas jew Nicole. Madankollu, l-importanza ta’ dan l-argument huwa parzjalment influwenzat min-natura tal-prodotti in kwistjoni u mill-mod ta’ kif dawn huma kkummerċjalizzati. Konsegwentement, l-evalwazzjoni ta’ dan l-argument m’għandhiex tiġi separata minn fatturi oħra li jistgħu jiġu meqjusa rilevanti.

38     Għandu jiġi kkunsidrat li x-xebh bejn is-sinjali identifikat fil-punti 34 u 35 iktar ‘il fuq huwa tali li l-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonkluda li kellu jsir tqabbil tal-prodotti sabiex, f’dan il-każ, jiġi evalwat ir-riskju ta’ konfużjoni b’mod sħiħ. Dan huwa partikolarment il-każ meta s-sinjali juru xi elementi ta’ xebh, anke jekk żgħar, suxxettibbli li jonqsu fil-kuntest ta’ evalwazzjoni sħiħa ta’ elementi oħra, bħan-natura tal-prodotti u l-kundizzjonijiet li fihom huma kkummerċjalizzati.

39     Fil-fatt, meta s-sinjali fil-kontroversja mhumiex manifestament neqsin minn xebh, iżda jippreżentaw ċerti elementi ta’ xebh kif ukoll ċerti elementi li jiddistingwuhom, l-evalwazzjoni ta’ l-importanza rispettiva ta’ dawn l-elementi m’għandhiex tiġi effetwata b’mod iżolat, iżda f’kuntest ta’ evalwazzjoni sħiħa tar-riskju ta’ konfużjoni, meta wieħed iqis il-fatturi kollha rilevanti (ara punt 29 iktar ‘il fuq).

40     Minn dak li ntqal preċedentement, jirriżulta li hemm lok li l-uniku motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94jiġi miċħud.

41     Fir-rigward tad-dokumenti 13 sa 21 annessi mar-rikors (ara punt 22 iktar ‘il fuq), dawn ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni peress li r-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li jikkonċerna l-kontroll tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Inoltre, l-ammissjoni ta’ dawn il-provi tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Għalhekk, dawn il-provi għandhom jiġu mwarrba mingħajr mhuwa neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom (sentenza BUDMEN, punt 22 iktar ‘il fuq, punt 67).

42     Minn dak li ntqal preċedentement, jidher li t-talbiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-annullament għandhom jiġu miċħuda.

43     Għal dak li jikkonċerna t-talba ta’ l-intervenjenti maħsuba sabiex jiġi definittivament ikkonstatat li l-oppożizzjoni magħmula kontra l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija fondata, għandu jiġi nnotat li minn qari ta’ l-Artikolu 63(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 flimkien, jirriżulta li r-riforma ta’ deċiżjoni tal-Bordijiet ta’ l-Appell hija possibbli biss jekk din hija vvizzjata b’illegalità ta’ mertu jew ta’ forma [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002; eCopy vs UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra, p. II-5301, punt 46]. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, li, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata b’din l-illegalità u li, għandha ssir evalwazzjoni sħiħa tar-riskju ta’ konfużjoni f’dan il-każ, meta wieħed iqis l-elementi kollha rilevanti.

44     Għalhekk, it-talba ta’ riforma min-naħa ta’ l-intervenjenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

45     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet ta’ l-UASI u ta’ l-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.


Cooke

Labucka

Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2005.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke


Reġistratur

 

      Il-President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.