Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja) fis-16 ta’ Ottubru 2023 – MTÜ Eesti Suurkiskjad vs Keskkonnaamet

(Kawża C-629/23, Eesti Suurkiskjad)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Riigikohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MTÜ Eesti Suurkiskjad

Konvenut: Keskkonnaamet

Domandi preliminari

L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi, fl-adozzjoni tal-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni, li jiġi żgurat stat ta’ konservazzjoni favorevoli għal popolazzjoni reġjonali ta’ speċi fi Stat Membru partikolari, fis-sens tal-Artikolu 1(i), jew jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni kollha fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni kollha fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva 92/43 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippreżumi kooperazzjoni formali bejn l-Istati Membri li fuqhom testendi l-firxa tal-popolazzjoni fid-dawl tal-konservazzjoni ta’ din il-popolazzjoni jew huwa biżżejjed li l-Istat Membru li jadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/43 jidentifika s-sitwazzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi fl-Istati Membri l-oħra kkonċernati jew jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tagħha fi pjan nazzjonali ta’ tmexxija?

L-Artikolu 1(i) tad-Direttiva 92/43 jista’ jiġi interpretat fis-sens li popolazzjoni reġjonali ta’ speċi kklassifikata fil-kategorija ta’ riskju “vulnerabbli” (VU) skont il-kriterji tal-lista ħamra tal-IUCN jista’ jkollha stat ta’ konservazzjoni favorevoli, fis-sens tad-Direttiva 92/43?

L-Artikolu 1(i) tad-Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 2(3), jista’ jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ speċi, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.