Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Diċembru 2012 - Changshu City Standard Parts Factory vs Il-Kunsill

(Kawża T-558/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: City Standard Parts Factory (Changshu, iċ-Ċina) (rappreżentanti: R. Antonini u E. Monard, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012, tal-4 ta' Ottubru 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-esklużjoni mill-kalkolu ta' dumping ta' ċerti tranżazzjonijiet ta' esportazzjoni tar-rikorrenti tikser l-Artikoli 2(11), 2(8), 2(9), 2(7)(a) u 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u l-Artikolu 2.4.2 tal-Ftehim ta' Implementazzjoni tad-WTO tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li ċ-ċaħda ta' ċerti aġġustamenti mitluba mir-rikorrenti tikser l-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/1990, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea u l-Artikolu 2.4 tal-Ftehim ta' Implementazzjoni tad-WTO tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill kiser l-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

____________