Language of document : ECLI:EU:C:2016:784

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2016 (1)

Kawża C‑477/16 PPU

Openbaar Ministerie

vs

Ruslanas Kovalkovas

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni kwadru 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew — Kunċetti ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ u ta’ ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ — Ordni ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ Stat Membru għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad mil-libertà”





1.        Ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) f’dan ir-rinviju preliminari tagħmel l-istess domandi li għamlet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża oħra (2) bid-differenza li l-mandat ta’ arrest Ewropew (3) inkwistjoni nħareġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja. Fil-kawża Poltorak il-mandat ta’ arrest Ewropew ħareġ mid-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali Svediż, u f’din il-kawża għandu jiġi deċiż jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja Litwan jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI (4).

2.        Minħabba l-identiċità tad-domandi, ser nirrepeti parti kbira mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-konklużjonijiet li nippreżenta, f’din l-istess data, fil-kawża Poltorak. Għall-bqija, l-awtoritajiet Litwani fl-2014 irrevedew is-sistema tagħhom tal-mandat ta’ arrest Ewropew sabiex jadattawha, fit-termini ssuġġeriti mill-Kunsill, għar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Qafas, li jfisser li minn perspettiva ġenerali, dan ir-rinviju għandu portata nettament “storika”, illimitat għall-mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku li l-eżekuzzjoni tiegħu hija inkwistjoni f’dan il-każ.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

3.        Skont l-Artikolu 6 TUE:

“1.      L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem, il-“Karta”] […], li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li tirregola l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud tal-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.      L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”)]. Din l-adeżjoni ma għandhiex taffettwa l-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati.

3.      Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-[KEBD], u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.”

2.      Il-Karta

4.        Skont l-Artikolu 47, taħt it-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

3.      Id-Deċiżjoni Qafas

5.        Il-premessa 5 tipprovdi:

“L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b’sistema ta’ ċediment bejn awtoritajiet ġudizzjarji.[…]”

6.        Skont il-premessa 6:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.”

7.        Il-premessa 8 tipprovdi:

“Deċiżjonijiet fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni fuq iċ-ċediment tiegħu jew tagħha.”

8.        Barra minn hekk, il-premessa 10 tipprovdi li:

“Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza [fiduċja] bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skont l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.”

9.        Skont l-Artikolu 1, taħt it-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop tal-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.”

10.      L-Artikolu 6, taħt it-titolu “Determinazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”, jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-manadat [emittenti] għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li jesegwixxi li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

11.      Skont l-Artikolu 7, dwar l-awtorità ċentrali:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.      Stat Membru jista’, jekk huwa meħtieġ bħala riżultat tal-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità jew awtoritajiet ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u r-riċeviment ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

[…]”

12.      F’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ma’ strumenti legali oħra, l-Artikolu 31(1)(a) jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru għandha, mill-1 ta’ Jannar 2004, tibdel id-disposizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam tal-estradizzjoni f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

a)      il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957, il-protokoll addizjonali tagħha tal-15 ta’ Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizjonali tas-17 ta’ Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta’ Jannar 1977 sa fejn hi nvoluta l-estradizzjoni;

[…]”.

B –    Id-dritt Litwan

Europos arešto orderioišdavimo ir asmens perėmimo pagal Europos arešto orderj taisyklės (Regoli għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u għall-konsenja ta’ persuna skont mandat ta’ arrest Ewropew fis-seħħ fl-2013) (5)

13.      Skont il-paragrafu I(4) tiegħu, il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew sabiex tiġi arrestata persuna kkundannata għal piena ta’ priġunerija permezz ta’ sentenza u li tkun ħarbet sabiex tevita l-eżekuzzjoni tal-piena, sakemm il-perijodu ta’ eżekuzzjoni pendenti jkun mill-inqas erba’ xhur u jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tista’ tkun tinsab fi Stat Membru.

14.      Skont il-paragrafu II, numru 7, fil-każ ta’ kundanna mogħtija in absentia, il-qorti għandha tibgħat kopja tas-sentenza tal-kundanna lill-Ministeru tal-Ġustizzja, flimkien mal-abbozz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jidhru fir-Regoli nfushom.

15.      Skont il-paragrafu II, numru 8, jekk il-persuna kkundannata taħrab, it-talba għal mandat ta’ arrest Ewropew għandha tintbagħat lill-Ministeru tal-Ġustizzja mill-istituzzjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena.

16.      Skont il-paragrafu III, numru 12, il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu jeżamina d-dokumenti mibgħuta mill-awtorità ġudizzjarja jew tal-ħabs u, jekk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istess Regoli, joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew wara evalwazzjoni tal-gravità u t-tip ta’ reat, kif ukoll tal-personalità tal-persuna kkundannata. Jekk ma jarax raġuni valida sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu jirritorna t-talba lill-istituzzjoni li tkun għamlitha.

17.      Skont il-paragrafu III, numru 16, jekk jinħareġ, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ffirmat mill-Ministru tal-Ġustizzja jew mid-delegat tiegħu.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.      Fid-29 ta’ Ġunju 2016, il-prosekutur assenjat lir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) talab lil din il-qorti li tagħti segwitu lil mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’Awwissu 2013, f’ġurnata mhux speċifikata, mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja, bil-għan li jiġi arrestat u kkonsenjat R Kovalkovas, ċittadin Litwan mingħajr domiċilju jew residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi u li bħalissa jinżamm fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Zwaag (il-Pajjiżi l-Baxxi).

19.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu bħala għan l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti ta’ Jonava (il-Litwanja) tat-13 ta’ Frar 2012, li fiha R Kovalkovas ingħata piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u sitt xhur, bħala awtur ta’ diversi reati ta’ korriment.

20.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew inħariġx minn “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, u, għaldaqstant, jekk huwiex “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tagħha.

21.      F’dan il-kuntest, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-espressjonijiet ‘awtorità ġudizzjarja’ msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] […] u ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] […] huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva: abbażi ta’ liema kriterji jista’ jiġi ddeterminat jekk awtorità tal-Istat Membru emittenti hijiex ‘awtorità ġudizzjarja’ ta’ din il-kwalità u jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minnha huwiex, għaldaqstant, ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ ta’ din il-kwalità?

3)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva: il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jaqa’ fil-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas […] u l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn din l-awtorità huwa, għaldaqstant, ‘deċiżjoni ġudizzjarja’ kif imsemmi fl-Artikolu I(1) tad-Deċiżjoni Qafas […]?

4)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: l-indikazzjoni ta’ awtorità bħall-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja bħala awtorità ġudizzjarja emittenti hija konformi mad-dritt tal-Unjoni?”

22.      Il-qorti tar-rinviju tiġġustifika dawn id-domandi preliminari bir-raġunijiet esposti fid-digriet tar-rinviju fil-kawża Poltorak (C‑452/16 PPU), li żżid magħhom numru ta’ osservazzjonijiet (6).

23.      Fl-ewwel lok, hija tindika li, skont il-proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija differenti peress li għandha natura essenzjalment ġudizzjarja, minħabba li tħassar il-fażi politika tipika tal-proċedura ta’ estradizzjoni.

24.      Fit-tieni lok, hija tenfasizza li, fid-dawl tal-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas, din tal-aħħar għandha l-għan li teskludi l-intervent tar-responsabbli politiċi fid-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

25.      Fit-tielet lok, il-fatt li d-Deċiżjoni Qafas ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” ma jippermettix li jiġi konkluż li Ministeru tal-Ġustizzja jista’ jiġi deskritt bħala tali, sew jekk jiġi rrikonoxxut li dan il-kunċett huwa kategorija separata tad-dritt nazzjonali, kif ukoll jekk jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

26.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ minħabba sentenza mogħtija minn qorti jista’ jkollu impatt, għaliex ikollu jiġi kkunsidrat li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, u li, għaldaqstant, il-Ministeru tal-Ġustizzja ħareġ dan fuq talba tal-qorti Litwana. Ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam), f’dan ir-rigward, tirrepeti sentenza tas-Supreme Court (qorti suprema, ir-Renju Unit) li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom ikun possibbli li mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn ministru jiġi kkunsidrat bħala li nħareġ minn awtorità ġudizzjarja (7). Peress li din is-sentenza ngħatat qabel dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bob-Dogi (8), għar-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) id-domanda preliminari hija rilevanti, minħabba li f’din is-sentenza tal-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet li l-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ biss minn awtorità li l-istatus u l-kompetenzi tagħha jippermettulha tipprovdi protezzjoni ġuridika suffiċjenti.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Settembru 2016, bit-talba li jiġi pproċessat permezz ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE).

28.      Fil-laqgħa amministrattiva tat-12 ta’ Settembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet li tindirizza l-kwistjoni skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari u flimkien mal-kawża Poltorak (C‑452/16 PPU). Hija qablet ukoll li, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli ta’ Proċedura, ma tużax proċedura bil-miktub u, skont l-Artikolu 109 tar-Regoli msemmija, tistieden lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tipprovdi ċerti dettalji dwar is-sistema tagħha tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

29.      L-informazzjoni mitluba lir-Repubblika tal-Litwanja ġiet mibgħuta permezz ta’ ittra tal-Gvern Litwan irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2016.

30.      Fil-5 ta’ Ottubru 2016 inżammet seduta pubblika flimkien ma’ dik tal-Kawża C-452/16, li fiha dehru r-rappreżentanti proċedurali ta’ K. M. Poltorak, tal-Gvern Olandiż, tal-Gvern Ġermaniż, tal-Gvern Grieg, tal-Gvern Finlandiż u tal-Gvern Svediż, kif ukoll tal-Kummissjoni.

IV – Analiżi

31.      Kif diġà pprovdejt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-domandi magħmula mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) huma analogi għal dawk tal-kawża Poltorak. L-analoġija, fil-fatt, hija sħiħa, għalkemm għal din il-qorti r-rinviju l-ġdid għandu “dimensjoni partikolari”, peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ “minn responsabbli politiku li jaġixxi bħala rappreżentant tal-Ministeru tal-Ġustizzja” (9).

32.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, din iċ-ċirkustanza kwalitattivament ma hijiex differenti minn dik tal-kawża Poltorak. Ebda wieħed mill-korpi li ħarġu l-mandat ta’ arrest Ewropew f’kawża jew oħra ma jistgħu jingħataw l-istatus ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas; kemm jekk, bħal fl-ewwel każ, minħabba l-kundizzjoni “ta’ pulizija” tagħhom, jew jekk, bħal f’dan il-każ, minħabba l-kundizzjoni “politika” tagħhom. Fl-aħħar nett, dawn ma jistgħux jipprovdu l-garanzija tar-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, li hija l-bażi tal-fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata s-sistema tad-Deċiżjoni Qafas.

33.      Konsegwentement, għar-raġunijiet esposti fil-punti 27 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Poltorak, nemmen li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jistħoqqilha risposta affermattiva u li, għaldaqstant, l-espressjonijiet “awtorità ġudizzjarja” u “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 1(1), rispettivament, tad-Deċiżjoni Qafas, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea.

34.      Ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi, f’konformità mal-argumenti żviluppati fil-punti 34 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Poltorak, għandha tkun li awtorità bħall-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi maħtura bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. L-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija Svediża huma paragunabbli, mutatis mutandis, mal-Ministeru tal-Ġustizzja Litwan, li “jiddefinixxi u […] jeżegwixxi l-politika tal-Istat” f’materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu (10).

35.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju li tirriżulta minn rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill tal-2007 (11), il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mir-Repubblika tal-Litwanja jiddependi fuq l-eżistenza ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali jew sentenza ta’ kundanna definittiva. F’dan il-każ, il-qorti ta’ eżekuzzjoni jew, fil-każ ta’ ħarba wara li tingħata kundanna, l-awtoritajiet tal-ħabs jistgħu jitolbu lill-Ministeru tal-Ġustizzja joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Dan tal-aħħar għandu joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew wara li jkun eżamina d-dokumenti rilevanti u jiżgura ruħu li jkun hemm raġunijiet validi sabiex joħroġ dan.

36.      Din is-sistema, fil-fehma tiegħi, ma hijiex konformi mad-Deċiżjoni Qafas (12). Kif nispjega fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Poltorak, il-mudell analizzat jista’ jaqa’ fiha biss jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja Litwan ikun “[ji]ssodisfa r-rekwiżiti li ġejjin, li nikkunsidra essenzjali sabiex jinżamm il-livell ta’ garanziji ġudizzjarji li fuqhom hija bbażata s-sistema tal-Mandati ta’ Arrest Ewropej: a) għandu jaġixxi fuq mandat u taħt is-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas; u b) ma jistax ikollu setgħat diskrezzjonali u lanqas marġni ta’ evalwazzjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, peress li għandu jikkonforma mal-mandat mogħti lilu mill-awtorità ġudizzjarja. Din tal-aħħar, għandha, ukoll, fil-każ ta’ dubji dwar il-mandat, tikkonsulta permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.”

37.      L-inizjattiva għall-proċedura tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtoritajiet tal-ħabs, mingħajr l-intervent tal-awtorità ġudizzjarja, tfisser li ma jkunx ġie ssodisfatt l-ewwel rekwiżit imsemmi hawn fuq.

38.      Meta, għall-kuntrarju, l-inizjattiva tiġi mill-awtorità ġudizzjarja, il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk finalment joħroġx il-mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr ma d-deċiżjoni tiegħu tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

39.      Fir-risposta tiegħu għat-talba għal informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Litwan isostni li l-Ministeru tal-Ġustizzja jista’ jiddeċiedi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew biss ladarba l-ġurisdizzjoni tkun tikkunsidra li dan il-ħruġ huwa konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità jew ta’ ekonomija tal-proċedura (13). Jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja jkollu dubji f’dan ir-rigward, jista’ jindirizza lill-qorti sabiex tiġġustifika b’mod iktar preċiż li l-applikazzjoni għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun tirrispetta dawn il-prinċipji (14). B’ċerta ambigwità, il-Gvern Litwan jispjega, imbagħad, li jekk dan jirċievi “risposta negattiva mill-qorti fir-rigward tal-konformità tal-ħruġ tal-[mandat ta’ arrest Ewropew] mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ekonomija […]”, dan ma jinħariġx. Għall-kuntrarju, jekk jirċievi “risposta fis-sens li l-ħruġ tal-[mandat ta’ arrest Ewropew]” jirrispetta dawn il-prinċipji, dan jinħareġ (15).

40.      Ngħid li l-allegazzjoni tal-Gvern Litwan hija kemmxejn ambigwa minħabba li mill-ispjegazzjonijiet tiegħu jista’ jiġi dedott li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità għandha ssir biss mill-qorti. Madankollu, il-fattur determinanti ma huwiex tant ir-“risposta” tal-imħallef iżda l-evalwazzjoni li jieħu minnha l-Ministeru tal-Ġustizzja stess. Inkella diffiċli li wieħed jifhem kif il-qorti tista’ tagħti “risposta negattiva […] dwar il-konformità ta’ ħruġ tal-[mandat ta’ arrest Ewropew] mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tal-ekonomija”. In-negattività inkwistjoni hija pjuttost ir-riżultat tal-evalwazzjoni ta’ din ir-risposta mill-Ministeru tal-Ġustizzja, li, kif jirriżulta mir-Regola Numru 12 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, jieħu d-deċiżjoni finali dwar jekk ikunx opportun li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew.

41.      F’din is-sitwazzjoni, il-kundizzjoni li rreferejt għaliha fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Poltorak ma hijiex sodisfatta, jiġifieri, li l-awtorità li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew taġixxi taħt “l-ordni u l-istħarriġ ta’ awtorità ġudizzjarja reali li tissorveljaha” (16).

42.      B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal sa issa, ma nistax ma nsemmix ċirkustanza li tissepara din il-kawża minn dik ta’ Poltorak. Dan huwa fatt li ma għandux x’jaqsam ma’ “dimensjoni partikolari”, politika, tal-awtorità li ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda, kif innotat mill-qorti tar-rinviju stess (17), u kif ġie kkonfermat mill-Gvern Litwan, ir-Repubblika tal-Litwanja infurmat lill-Kunsill, fis-6 ta’ Frar 2014, bil-fatt li sussegwentement il-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ biss minn ċerti qrati, bl-esklużjoni, għaldaqstant, lill-Ministeru tal-Ġustizzja.

43.      Għalkemm dan il-fatt, fih innifsu, ma jfissirx li d-domanda preliminari saret mingħajr skop (peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew diskuss fil-proċedura fil-kawża prinċipali kien inħareġ taħt is-sistema preċedenti u ma jirriżultax li l-awtoritajiet ġudizzjarji Litwani ħarġu ieħor sabiex jissostitwixxuh), hija ċertament rilevanti, peress li l-bidla regolamentarja: a) trendi mhux neċessarju kwalunkwe ndħil minimu fil-qasam tal-awtonomija proċedurali tal-Istat membru, bid-differenza li, fil-fehma tiegħi, dan kien inevitabbli fil-kawża Poltorak; u b) ir-Repubblika tal-Litwanja stess għażlet li taġġusta l-mudell tagħha skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas.

44.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba magħmula mill-Gvern tal-Litwanja (18), u sostnuta matul is-seduta mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti Ġustizzja jekk fiha tiġi miċħuda n-natura ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja, nirreferi għall-punti 68 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Poltorak fejn nispjega r-raġunijiet għaliex nemmen li ma hemmx lok għal din il-limitazzjoni.

V –    Konklużjoni

45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-termini li ġejjin:

“1)      L-espressjonijiet “deċiżjoni ġudizzjarja” u “awtorità ġudizzjarja” li jinsabu, rispettivament, fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, Nru 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, Nru 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni u għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

2)      Awtorità li s-setgħat tagħha jiġu stabbiliti bħal dawk tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja ma tissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tiġi maħtura bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, u l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minnha f’dan il-każ lanqas ma għandu natura ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2–      Kawża Poltorak, C-452/16 PPU, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


3–      Nota irrelevanti fil-verżjoni Maltija.


4–      Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 1 u rettifika ĠU L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24). Iktar ’il quddiem, “Deċiżjoni Qafas”.


5      Ordni Nru IR-195/I-114, tas-26 ta’ Awwissu 2004. Iktar ’il quddiem, ir-“Regoli dwar mandat ta’ arrest Ewropew”.


6–      Punt 4.2 tad-digriet tar-rinviju.


7–      Bucnys vs Ministry of Justice [2013] UKSC 71 (20 ta’ Novembru 2013), punt 66: “A European arrest warrant issued by a Ministry in respect of a convicted person with a view to his or her arrest and extradition can be regarded as issued by a judicial authority for the purposes of Council Framework Decision 2002/584/JHA and Part 1 of the Extradition Act 2003 if the Ministry only issues the warrant at the request of, and by way of endorsement of a decision that the issue of such a warrant is appropriate made by: a) the court responsible for the sentence.”


8–      Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016. Bob-Dogi (C-241/15, EU:C:2016:385).


9–      Punt 4.1, in fine, tad-digriet tar-rinviju.


10–      Risposta tal-Gvern Litwan, punt 15


11–      Evaluation report on the fourth round of mutual evaluations “the practical application of the European Arrest Warrant and corresponding surrender procedures between Member States” (Dokument tal-Kunsill Nru 12399/1/07 REV 1. Iktar ’il quddiem, ir-“rapport ta’ evalwazzjoni”).


12–      Dan huwa wkoll kif ġie meqjus mill-Kunsill fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu, p. 30, punt 7.2.1.1.


13–      Punt 38 tar-risposta tal-Gvern Litwan.


14–      Punt 39 tar-risposta tal-Gvern Litwan. Il-Gvern Litwan jirreferi għal din il-possibbiltà bħala “dritt” tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Madankollu, min-numru 12 tar-Regoli dwar mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi dedott li dan huwa pjuttost obbligu.


15–      Punt 40 tar-risposta tal-Gvern Litwan.


16–      Naħseb, barra minn hekk, li dan huwa l-ispirtu tal-ġurisprudenza Britannika ċċitata mill-qorti tar-rinviju, li rreferejt għaliha fin-nota 7.


17–      Il-paragrafu 4.1 tal-ordni tar-rinviju.


18–      Il-paragrafu 48 tar-risposti tal-Gvern Litwan għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.