Language of document : ECLI:EU:C:2021:729

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 (1)

Kawża C461/20

Advania Sverige AB,

Kammarkollegiet

vs

Dustin Sverige AB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 72(1)(d)(ii) – Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom – Insolvenza – Trasferiment ta’ ftehimiet qafas wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-parti kontraenti inizjali – Parti kontraenti ġdida – Kunċett ta’ ‘modifika sostanzjali tal-kuntratt’ – Eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt – Kundizzjonijiet”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża, relatata mad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku (2), tirrigwarda waħda mill-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, jiġifieri meta d-detentur tal-kuntratt isir insolventi matul l-eżekuzzjoni tiegħu. L-eċċezzjoni msemmija tinsab fl-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”).

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kundizzjonijiet li fihom tapplika din l-eċċezzjoni u, b’mod iktar partikolari, dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet jeħtiġux li s-sostitut tal-parti kontraenti inizjali jieħu f’idejh mhux biss il-kuntratt ikkonċernat, iżda wkoll mill-inqas parti mill-attività ta’ din tal-aħħar.

3.        Il-kwistjoni tqum fil-kuntest ta’ tilwima bejn minn naħa l-Kammarkollegiet, l-Aġenzija Svediża tas-Servizzi Legali, Finanzjarji u Amministrattivi, u Advania Sverige AB (iktar ’il quddiem “Advania”), is-sostitut tal-parti kontraenti inizjali, u min-naħa l-oħra Dustin Sverige AB (iktar ’il quddiem “Dustin”), kumpannija kkonċernata mill-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din tal-aħħar tikkontesta t-trasferiment lil Advania ta’ ftehimiet qafas inizjalment attribwiti lil Misco AB, wara li din il-parti kontraenti inizjali ġiet iddikjarata falluta, mingħajr sejħa għal offerti konformement mad-Direttiva 2014/24 u mingħajr ma dan it-trasferiment ġie akkumpanjat mit-trasferiment mill-inqas ta’ parti mill-attività ta’ Misco, jiġifieri dik li tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-ftehimiet qafas.

4.        L-insolvenza tal-offerent rebbieħ inizjali segwita mis-sostituzzjoni ta’ dan tal-aħħar b’parti kontraenti ġdida hija sitwazzjoni li, bħala prinċipju, ma hijiex mistennija u hija straordinarja, peress li normalment jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex tiġi żgurata s-solvenza tal-offerenti. Madankollu din hija problema li kultant jaffaċċjaw l-awtoritajiet kontraenti fil-ħajja tal-impriżi, kif tikkonferma l-kawża prinċipali, u li l-leġiżlatur iddeċieda li jkopri għall-ewwel darba fid-dispożizzjoni kontenzjuża. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tirrifletti dwar jekk din id-dispożizzjoni tippermettix li parti kontraenti ġdida tiġi magħżula, b’mod partikolari minn amministratur legali, mingħajr ftuħ mill-ġdid ta’ sejħa għal offerti u mingħajr obbligu għall-parti kontraenti l-ġdida li tieħu f’idejha parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali, u madankollu mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li d-Direttiva 2014/24 għandha l-għan li żżomm.

5.        Fi tmiem l-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-eċċezzjoni prevista mid-dispożizzjoni kontenzjuża ma teħtieġx li l-parti kontraenti l-ġdida, li tiġi attribwita l-kuntratt billi tissostitwixxi lill-parti kontraenti inizjali, għandha takkwista wkoll parti mill-attività ta’ din tal-aħħar.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2014/24

6.        Il-premessi 107 u 110 tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxu:

“(107)      Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet skont liema, il-modifiki għal kuntratt matul it-twettiq tiegħu jeħtieġu proċedura ta’ akkwist [proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt] ġdida, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija meħtieġa proċedura ta’ akkwist ġdida fil-każ ta’ bidliet materjali fil-kuntratt inizjali, b’mod partikolari għall-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet, inkluża d-distribuzzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Dawn il-bidliet juru l-intenzjoni tal-partijiet li jerġgħu jinnegozjaw it-termini jew il-kondizzjonijiet essenzjali ta’ dak il-kuntratt. Dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk il-kondizzjonijiet emendati kien ser ikollhom influwenza fuq l-eżitu tal-proċedura, kieku dawn kienu parti mill-proċedura inizjali.

[…]

(110)      F’konformità mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, l-offerent magħżul ma għandux, pereżempju fejn kuntratt jiġi mitmum minħabba nuqqasijiet fil-prestazzjoni, jiġi sostitwit minn operatur ekonomiku ieħor mingħajr ma jerġa’ jinfetaħ mill-ġdid il-kuntratt għall-kompetizzjoni. Madankollu, l-offerent li jwettaq il-kuntratt għandu jkun jista’, b’mod partikolari fejn il-kuntratt ikun ingħata lill-aktar minn impriża waħda, li jgħaddi minn ċerti bidliet strutturali matul it-twettiq tal-kuntratt, bħar-riorganizzazzjonijiet purament interni, takeovers, amalgamazzjonijiet u akkwisti jew insolvenza. Tali bidliet strutturali ma għandhomx awtomatikament jirrikjedu proċeduri ta’ akkwist ġodda għall-kuntratti pubbliċi kollha mwettqa minn dak l-offerent.”

7.        L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist [ta’ għoti ta’ kuntratti]”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. […]”

8.        L-Artikolu 57(4)(b) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist [ta’ għoti ta’ kuntratt] kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      fejn l-operatur ekonomiku jkun fallut jew huwa soġġett għal proċeduri ta’ insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew mill-qorti, fejn jinsab fi ftehim ma’ kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu huma sospiżi jew qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili taħt il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;”

9.        L-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 intitolat “Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom”, jiddisponi:

“1.      Kuntratti u ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida tal-akkwist [ta’ għoti ta’ kuntratt] f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

[…]

(d)      fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti bħala konsegwenza ta’ wieħed minn dawn:

[…]

(ii)      suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv, inkluż it-teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni, akkwist jew insolvenza ta’ operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kwalitattiva inizjalment stabbiliti, dejjem jekk din ma twassalx għal modifiki sostanzjali oħrajn għall-kuntratt u ma għandhiex l-għan li tevita l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; […]

[…]

(e)      fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, mhumiex sostanzjali skont it-tifsira tal-paragrafu 4.

[…]

4.      Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta’ kandidati oħra minbarra dawk inizjalment magħżula jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist;

(b)      il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali jew il-ftehim qafas;

(c)      il-modifika testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas b’mod konsiderevoli;

(d)      fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt il-punt (d) tal-paragrafu 1.”

B.      Id-dritt Svediż

10.      Il-lag (2016:1145) om offentlig upphandling (il-Liġi (2016:1145) dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“LOU”) (3) kienet tipprevedi fl-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 tagħha li kuntratt jew ftehim qafas jista’ jiġi mmodifikat minħabba l-fatt li fornitur ikun ġie ssostitwit b’fornitur ieħor mingħajr sejħa għal offerti ġdida, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

“1)      il-fornitur il-ġdid jissostitwixxi, kompletament jew parzjalment, lill-fornitur inizjali wara operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-kumpannija, b’mod partikolari ta’ teħid ta’ pussess, ta’ amalgamazzjoni, ta’ akkwist jew ta’ insolvenza, u

2)      il-fatt li fornitur ġdid jissostitwixxi, kompletament jew parzjalment, lill-fornitur inizjali ma jwassalx għal modifiki sostanzjali oħra tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas.”

11.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li mit-tieni kundizzjoni jirriżulta li tali sostituzzjoni ta’ fornitur tippreżumi li l-fornitur il-ġdid ma għandux jiġi eskluż skont il-motivi ta’ esklużjoni previsti minn din il-liġi u li din tissodisfa l-kriterji ta’ għażla stabbiliti fil-kuntratt inizjali.

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Il-Kammarkollegiet kienet ħarġet sejħa għal offerti għall-forniment ta’ materjal informatiku, b’mod partikolari kompjuters, skrins tal-kompjuters u tablets, permezz ta’ proċedura ristretta (4), konformement mal-LOU.

13.      Sbatax-il kandidat, fosthom Advania, kienu wrew li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Konformement mar-regoli dwar il-proċedura ristretta (5), il-Kammarkollegiet kienet ipprevediet li jekk iktar minn disa’ kandidati jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel disa’ kklassifikati biss jiġu mistiedna jippreżentaw offerta. Advania ma kinitx tagħmel parti minnhom.

14.      Kienu ġew iffirmati ftehimiet qafas ma’ sitt fornituri f’oqsma differenti. Misco ġiet attribwita erba’ ftehimiet qafas li kienu jkopru l-oqsma kollha kkonċernati. Dustin ġiet attribwita ftehimiet qafas fi tnejn minn dawn l-oqsma.

15.      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2017, Misco talbet lill-Kammarkollegiet tawtorizza t-trasferiment tal-erba’ ftehimiet qafas tagħha lil Advania. Fit‑12 ta’ Diċembru 2017, Misco ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment. Fit‑18 ta’ Jannar 2018, l-amministratur legali kkonkluda ftehim ma’ Advania li kien jipprevedi t-trasferiment tal-erba’ ftehimiet qafas. It-trasferiment ġie awtorizzat mill-Kammarkollegiet fix-xahar ta’ Frar 2018.

16.      Wara dan it-trasferiment, Dustin adixxiet lill-Förvaltningsrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), bit-talba li l-ftehimiet qafas bejn Advania u l-Kammarkollegiet jiġu ddikjarati nulli.

17.      Din il-qorti ċaħdet din it-talba. Hija ddeċidiet li Advania kienet kisbet il-ftehimiet qafas u akkwistat il-fergħat tal-attività ta’ Misco li jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-ftehimiet qafas, kif jeħtieġ l-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 tal-LOU.

18.      Dustin ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja), li laqgħet dan l-appell filwaqt li kkonkludiet dwar in-nullità tal-erba’ ftehimiet qafas bejn Advania u l-Kammarkollegiet. Il-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) ikkonstatat li l-Kammarkollegiet kienet awtorizzat it-trasferiment tal-ftehimiet qafas minħabba l-insolvenza ta’ Misco. Madankollu hija qieset, għall-kuntrarju tal-qorti tal-ewwel istanza, li, ħlief għall-ftehimiet qafas inkwistjoni, Misco prattikament ma kinitx ittrasferixxiet l-attività lil Advania u, għaldaqstant, li Advania ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li ssuċċediet b’mod universali jew partikolari lil Misco, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 tal-LOU. Din il-qorti tal-appell irrilevat b’mod partikolari li impjegat wieħed biss ta’ Misco kien sussegwentement ingħaqad ma’ Advania, li l-lista tal-klijenti ta’ Misco ttrasferita lil Advania ma kinitx kompletament aġġornata jew rilevanti, u li ma kien hemm l-ebda element li jagħti prova li Advania kienet ħadet f’idejha s-subappaltaturi ta’ Misco.

19.      Advania u l-Kammarkollegiet ippreżentaw appell minn din is-sentenza tat-tieni istanza quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja). Fl-appell tagħhom, huma ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell fir-rigward tal-elementi misluta mill-massa fallimentari u inklużi fit-trasferiment. Madankollu, huma jsostnu li tali trasferiment jissodisfa l-kundizzjoni ta’ suċċessjoni universali jew parzjali skont l-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 tal-LOU u d-Direttiva 2014/24.

20.      Skont Advania u l-Kammarkollegiet, la l-LOU u lanqas id-Direttiva 2014/24 ma jeżiġu li tiġi ttrasferita lill-fornitur il-ġdid, minbarra l-ftehimiet qafas, attività ta’ ċerta natura jew ta’ ċertu portata.

21.      Dustin tqis, min-naħa tagħha, li mill-kliem “jissuċċedi b’mod universali jew partikolari lill-fornitur inizjali” assoċjat mal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpannija” li jinsab fid-dispożizzjoni kontenzjuża, jirriżulta li l-parti kontraenti l-ġdida għandha tieħu f’idejha, flimkien mal-ftehim qafas, l-attività kollha jew parti minnha tal-parti kontraenti inizjali stabbilita fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

22.      Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-interpretazzjonijiet differenti, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija għandha bżonn tingħata kjarifika dwar il-portata tad-dispożizzjoni kontenzjuża u b’mod partikolari dwar x’għandu jinftiehem b’sostituzzjoni wara “suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv, inkluż it-teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni, akkwist jew insolvenza”.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt li fornitur ġdid daħal fid-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur inizjali li jirriżultaw minn ftehim qafas wara li dan il-ftehim ġie ttrasferit lilu mill-istralċjarju wara li l-fornitur inizjali ġie ddikjarat insolventi, jimplika li l-fornitur il-ġdid għandu jitqies bħala li ssuċċeda għall-fornitur inizjali fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva [2014/24]?”

24.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tal‑15 ta’ Settembru 2020, tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2020.

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Advania, il-Kammarkollegiet, Dustin, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

26.      Sabiex tiġi evalwata l-portata tad-dispożizzjoni kontenzjuża, infakkar qabel kollox, kif qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza pressetext Nachrichtenagentur (6), li l-bidla ta’ kontroparti kontraenti tikkostitwixxi, b’mod ġenerali, tibdil ta’ wieħed mit-termini essenzjali tal-kuntratt pubbliku. Din il-kunsiderazzjoni kienet ġiet riprodotta fl-Artikolu 72(4)(d) tad-Direttiva 2014/24.

27.      Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, is-sostituzzjoni tal-offerent rebbieħ inizjali tikkostitwixxi modifika sostanzjali tal-kuntratt li twassal għal proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt (7), konformement mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament li huma fil-bażi tal-obbligu ta’ kompetizzjoni bejn il-kandidati potenzjalment interessati tal-Istati Membri differenti (8).

28.      Bħala eċċezzjoni, id-dispożizzjoni kontenzjuża tipprevedi l-possibbiltà li jiġi nnominat sostitut għall-offerent rebbieħ inizjali, fil-każ ta’ insolvenza ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma tiġi implimentata tali proċedura.

29.      Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar f’liema kundizzjonijiet preċiżament tapplika din l-eċċezzjoni u, b’mod partikolari, jekk huwiex neċessarju li s-sostitut jieħu f’idejh mill-inqas parti mill-attività tal-offerent rebbieħ inizjali.

30.      Ġew ippreżentati żewġ interpretazzjonijiet diverġenti tad-dispożizzjoni kontenzjuża lill-Qorti tal-Ġustizzja.

31.      Skont l-ewwel interpretazzjoni, difiża mill-Kammarkollegiet, Advania u l-Gvern Awstrijak, id-dispożizzjoni kontenzjuża għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sostituzzjoni tal-parti kontraenti inizjali, wara l-insolvenza tagħha, ma teħtieġx li t-trasferiment tal-kuntratt lill-parti kontraenti l-ġdida jiġi akkumpanjat mit-teħid minn din tal-aħħar ta’ parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali. Huma jikkunsidraw li għalkemm dawn it-termini għandhom jiġu mifhuma fis-sens li għandu jkun hemm trasferiment ta’ kwalunkwe attività, l-applikabbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija limitata ħafna.

32.      It-tieni interpretazzjoni, difiża minn Dustin u l-Kummissjoni, tibbaża għall-kuntrarju fuq il-preżunzjoni li l-parti kontraenti l-ġdida tieħu f’idejha mill-inqas parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali. Dustin tikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ dan, dan kważi jwitti t-triq għat-traffikar ta’ ftehimiet li jkunu s-suġġett ta’ sejħiet għal offerti.

33.      Skont Dustin u l-Kummissjoni, huwa importanti, sabiex ma jiġux ippreġudikati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza u, għaldaqstant, bl-għan li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni, li l-identità materjali tal-offerent rebbieħ inizjali tinżamm, jiġifieri li l-assi użati għall-eżekuzzjoni tal-ftehim qafas, jew mill-inqas parti minnhom, jiġu ttrasferiti lis-sostitut, sabiex ikun hemm kontinwità bejn il-parti kontraenti inizjali u s-sostitut tagħha. Il-Kummissjoni tammetti li dan jista’ jkun impossibbli meta l-attività tal-parti kontraenti inizjali tiġi kompletament likwidata. Iżda, jibqa’ għalhekk neċessarju, fil-fehma tagħha, f’tali sitwazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti inizjali, li l-awtorità kontraenti tagħti prijorità lilhom, billi timxi, pereżempju, skont l-ordni ta’ klassifikazzjoni wara l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inizjali.

34.      Hemm interessi sinjifikattivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tippreċiża l-marġni ta’ manuvra li għandha l-awtorità kontraenti fil-każ ta’ insolvenza tal-offerent rebbieħ inizjali sabiex tissostitwixxi lil dan tal-aħħar.

35.      Fil-fehma tiegħi, it-test tad-dispożizzjoni kontenzjuża ma jippermettix interpretazzjoni, bħal dik proposta minn Dustin u l-Kummissjoni. Iktar ’il quddiem fl-analiżi tiegħi, ser nipprova nuri li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem konformement mal-ewwel interpretazzjoni, billi nibbaża fuq il-formulazzjoni tagħha (Taqsima A), fuq il-kuntest intern u estern tagħha, jiġifieri fuq id-dispożizzjonijiet li jirregolawha u fuq ix-xogħol preparatorju (Taqsima B), kif ukoll fuq l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur (Taqsima C).

A.      Fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni kontenzjuża

36.      Nirrileva, qabel kollox, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/24 tipprevedi li l-ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt f’ħames każijiet elenkati fil-punti (a) sa (e) ta’ din id-dispożizzjoni. Il-punt (d)(ii), li huwa suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, isemmi b’mod espliċitu l-insolvenza tal-parti kontraenti inizjali bħala li hija wieħed mill-każijiet li fihom ftehim qafas jista’ jiġi attribwit lil parti kontraenti ġdida mingħajr ma ssir proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratti, għalkemm din il-bidla tikkostitwixxi modifika sostanzjali tal-kuntratt.

37.      Id-dispożizzjoni kontenzjuża tissuġġetta l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni għal diversi kundizzjonijiet, iżda dawn ma jinkludux b’mod espliċitu t-trasferiment ta’ parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali.

38.      Dawn il-kundizzjonijiet huma tlieta, jiġifieri:

–        Il-parti kontraenti l-ġdida hija operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kwalitattiva. Huwa stabbilit li din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-parti kontraenti l-ġdida, f’dan il-każ Advania, kienet parti mill-impriżi kkunsidrati bħala li jikklassifikaw bħala kandidati (9).

–        Is-sostituzzjoni mill-parti kontraenti l-ġdida ma twassalx għal modifiki sostanzjali oħrajn għall-kuntratt. Din il-kundizzjoni lanqas ma jidher li tqajjem dubju fil-kawża prinċipali kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju.

–        Is-sostituzzjoni mill-parti kontraenti l-ġdida ma għandhiex l-għan li tevita l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Is-sostituzzjoni inkwistjoni ma għandhiex tkun mod kif l-awtorità kontraenti ddur mal-proċedura biex tagħżel il-parti kontraenti tal-għażla tagħha, mingħajr sejħa għal offerti tal-kandidati interessati. Jien ser nerġa’ niġi lura għal din l-aħħar kundizzjoni li hija intiża sabiex jiġi evitat l-evitar tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratt previsti minn din id-direttiva (10). Madankollu nippreċiża, qabel kollox, li ma ġiex issuġġerit mill-qorti tar-rinviju li, fil-kawża prinċipali, in-nomina tal-parti kontraenti l-ġdida kienet intiża sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

39.      Dustin u l-Kummissjoni jsostnu, madankollu, li n-neċessità tat-trasferiment ta’ mill-inqas parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali tirriżulta b’mod impliċitu mill-kliem stess tad-dispożizzjoni kontenzjuża li jgħid li l-parti kontraenti inizjali tiġi ssostitwita minn operatur ekonomiku ieħor wara “suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur  inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv, inkluż it-teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni, akkwist jew insolvenza (11)”.

40.      Nirrileva li l-kliem użat ivarja ftit minn verżjoni lingwistika għal oħra tad-dispożizzjoni kontenzjuża. Għalhekk, fil-verżjoni tal-lingwa Ingliża u Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni, jintuża l-kliem “suċċessjoni universali jew parzjali”, filwaqt li fil-verżjoni tal-lingwa Svediża tad-dispożizzjoni kontenzjuża, jingħad li operatur ekonomiku ieħor “jissostitwixxi għalkollox jew parzjalment” lill-fornitur inizjali.

41.      Madankollu, fil-kuntest inkwistjoni, dan il-kliem jidhirli fil-biċċa l-kbira ekwivalenti.

42.      Mill-enfasi magħmula mill-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “suċċessjoni”, jirriżulta, fil-fehma tiegħi, ġustament, li l-parti kontraenti l-ġdida tissuċċedi b’mod universali jew partikolari lill-parti kontraenti inizjali. Il-verżjoni tal-lingwa Ingliża terġa’ toħroġ din l-idea billi tispeċifika li s-sostituzzjoni sseħħ “bħala konsegwenza” ta’ suċċessjoni universali jew parzjali (12).

43.      Minn dan jirriżulta li l-parti kontraenti l-ġdida tieħu f’idejha l-patrimonju kollu jew parti minnu tal-parti kontraenti inizjali. Madankollu nenfasizza li l-kunċett ta’ “parti” ma huwiex iddefinit fid-dispożizzjoni kontenzjuża. Il-parti tista’ tkun xi ftit jew wisq kbira skont l-avveniment li jwassal għal din is-suċċessjoni (13). Il-qari letterali ta’ dan il-kliem jippermetti għalhekk li jiġi kkunsidrat li l-parti kontraenti l-ġdida tista’ tieħu f’idejha biss kuntratt pubbliku jew ftehim qafas.

44.      Għall-kuntrarju nippreċiża li l-kunċett ta’ “parti”  ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li tista’ tiġi ttrasferita parti biss minn kuntratt jew minn ftehim qafas għax dan jikkostitwixxi bidla sinjifikattiva tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas u jmur kontra l-kundizzjoni li tgħid li ma għandux ikun hemm “modifiki sostanzjali” oħra. Tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, fil-fatt, fil-fehma tiegħi, jista’ b’mod ċar jimmodifika l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt favur il-parti kontraenti l-ġdida b’mod li ma kienx previst fil-ftehim qafas inizjali u, għaldaqstant, jikkostitwixxi “modifika sostanzjali” fis-sens tal-Artikolu 72(4)(b) tad-Direttiva 2014/24.

45.      Minn dan isegwi li l-parti kontraenti l-ġdida li tissostitwixxi lill-offerent rebbieħ inizjali, billi tissuċċedih, għandha tieħu f’idejha l-ftehim qafas jew il-kuntratt pubbliku kollu kemm hu. Fi kliem ieħor, hija għandha taċċetta d-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dan il-kuntratt (14).

46.      Kif huwa speċifikat, fil-kumplament tad-dispożizzjoni kontenzjuża, l-avveniment li jwassal għas-suċċessjoni għandu jkun ristrutturazzjoni tal-kumpannija, li tista’ tieħu diversi forom. Il-leġiżlatur jelenka erba’ eżempji u għalhekk b’mod mhux eżawrjenti. Nikkonstata, bħall-Kummissjoni, li l-ewwel tliet eżempji ċċitati, jiġifieri t-teħid ta’ pussess, l-amalgamazzjoni u l-akkwist għandhom ċertu xebh. Fit-tliet każijiet, l-operazzjonijiet intiżi jimplikaw it-tkomplija tal-impriża kkonċernata, jiġifieri t-tkomplija tal-attività tagħha kif ukoll tal-mezzi materjali u umani neċessarji għaliha.

47.      Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ insolvenza, imsemmija bħala r-raba’ eżempju, l-impriża ma tibqax neċessarjament teżisti. Jistgħu jiġu previsti diversi sitwazzjonijiet. L-impriża tista’ ċertament tkompli tiġi operata kollha kemm hi, iżda hija tista’ wkoll tiġi likwidata u l-assi tagħha mibjugħa, jekk ikun il-każ, wieħed wieħed. F’dan l-aħħar każ, ftehim qafas li jikkostitwixxi wieħed mill-assi tal-impriża jista’ jiġi ttrasferit waħdu lil terz, mingħajr ma dan jieħu l-ebda assi ieħor ta’ din l-impriża.

48.      Bil-qari tal-formulazzjoni biss tad-dispożizzjoni kontenzjuża, ma nara xejn li jwassal biex wieħed jaħseb li, fil-każ ta’ insolvenza tal-parti kontraenti inizjali, minbarra t-trasferiment ta’ ftehim qafas li kienet id-detentur tiegħu, parti tal-assi l-oħra li kellha għandha neċessarjament tiġi ttrasferita lill-parti kontraenti l-ġdida.

49.      Għalhekk ma naqbilx mal-perspettiva tal-Kummissjoni li tgħid li l-fatt li l-ewwel tliet eżempji jimplikaw iż-żamma tal-attività tal-offerent rebbieħ inizjali u li l-insolvenza hija, fi kliemha, imqiegħda fuq l-istess livell bħal dawn l-eżempji, jippreżupponi wkoll kontinwità totali jew mill-inqas parzjali tal-attività sottostanti tal-parti kontraenti inizjali. Għalhekk, skont din l-istituzzjoni, il-leġiżlatur ma pprevediex il-każ fejn l-attività tal-parti kontraenti inizjali tiġi kompletament likwidata.

50.      Inqis, min-naħa tiegħi, li fl-assenza ta’ limitazzjoni espliċita, fit-test tad-Direttiva 2014/24, tal-portata tal-kunċett ta’ “insolvenza”, dan it-terminu ma jistax jinftiehem bil-mod tant ristrett kif tipproponi l-Kummissjoni.

51.      Dan il-qari, fil-fehma tiegħi, huwa kkonfermat mill-kuntest tad-dispożizzjoni kontenzjuża.

B.      Fuq il-kuntest tad-dispożizzjoni kontenzjuża

52.      Ix-xogħol preparatorju juri fil-fehma tiegħi li l-insolvenza ma tikkostitwixxix eżempju ta’ ristrutturazzjoni li jixbah it-teħid ta’ pussess, l-amalgamazzjoni u l-akkwist, li minnhom jirriżulta li l-parti kontraenti l-ġdida għandu jkollha identità materjali (15) mal-parti kontraenti inizjali u, konsegwentement, iżżomm il-parti tal-attività li din tal-aħħar kienet allokat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Għall-kuntrarju, minn dan ix-xogħol jirriżulta li l-leġiżlatur, mill-bidu nett, ippreveda l-insolvenza f’sens wiesa’, bħala li tikkostitwixxi sitwazzjoni distinta mit-teħid ta’ pussess, l-amalgamazzjoni u l-akkwist.

53.      Ninnota qabel kollox li fil-Ktiba Ħadra dwar l-akkwist pubbliku (16), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jesprimu ruħhom b’mod speċifiku dwar il-modifiki li jikkonċernaw lill-offerent rebbieħ meta s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar tinbidel wara inċidenti li jkollhom effett fuq il-kapaċità ta’ twettiq tal-kuntratt, bħall-falliment. Il-Kummissjoni enfasizzat li kellha ssir diskussjoni biex jiġi aċċertat jekk l-istrumenti fil-livell tal-Unjoni kinux meħtieġa biex jgħinu lill-awtoritajiet kontraenti jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet b’mod xieraq. Hija għalhekk kienet talbet lil dawn il-partijiet interessati jekk kinux jikkunsidraw li d-dritt tal-Unjoni kellu jipprevedi l-obbligu jew id-dritt espliċitu tal-awtoritajiet kontraenti biex ibiddlu l-fornituri jew itemmu l-kuntratt f’ċerti ċirkustanzi u jekk kellux jistabbilixxi wkoll proċeduri speċifiċi dwar kif il-fornitur ġdid għandu jintgħażel (17).

54.      Il-Kummissjoni kienet tipprevedi b’mod partikolari l-possibbiltà li tiġi ssostitwita l-parti kontraenti inizjali, fl-ipoteżi fejn din issir insolventi, permezz ta’ proċedura ssemplifikata jew jinħatar min ġie fit-tieni post fil-proċedura oriġinali tas-sejħa għall-offerti jew anki li tinfetaħ mill-ġdid il-kompetizzjoni biss bejn l-offerenti li pparteċipaw fil-proċedura oriġinali, sakemm il-proċedura ta’ qabel ma tkunx seħħet wisq żmien qabel (18).

55.      Fil-proposta inizjali tagħha għal direttiva (19), imfassla bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kummenti li waslu dwar il-Ktiba Ħadra tagħha, il-Kummissjoni pproponiet li l-eċċezzjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku tapplika fil-każ ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpannija jew insolvenza (20). Il-Kummissjoni għalhekk għamlet distinzjoni ċara bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet billi ppreċiżat fil-preambolu tal-proposta tagħha għal direttiva t-tipi ta’ sitwazzjonijiet previsti, ikklassifikati bħala “bidliet strutturali”, jiġifieri r-riorganizzazzjoni interna, l-amalgamazzjonijiet u l-akkwisti kif ukoll l-insolvenza (21).

56.      Il-fatt li r-redazzjoni finali tad-dispożizzjoni kontenzjuża ma tagħmilx din id-distinzjoni b’mod espliċitu u li l-leġiżlatur ipprefera jelenka l-eżempji ta’ sitwazzjonijiet previsti, ma jimplikax, fil-fehma tiegħi, li qiegħed fuq l-istess livell l-insolvenza, minn naħa, u t-teħid ta’ pussess, l-amalgamazzjoni u l-akkwist, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-trasferiment ta’ attività lill-parti kontraenti l-ġdida.

57.      L-analiżi tiegħi hija kkonfermata mis-sens tal-kliem “operazzjonijiet ta’ ristrutturar” li ma huwiex limitat għall-każijiet fejn jinżammu l-attivitajiet tal-impriża kkonċernata (22).

58.      Għalhekk inqis li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jippreċiża fid-dispożizzjoni kontenzjuża stess u mhux biss fil-preambolu tad-Direttiva 2014/24, kif propost preċedentement, it-tipi ta’ sitwazzjonijiet previsti, mingħajr madankollu ma jagħti x’jifhem li dawn kollha għandhom karatteristiċi simili fir-rigward tat-teħid tal-attività tal-parti kontraenti inizjali li tippermetti l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku.

59.      Il-kuntest intern tad-dispożizzjoni kontenzjuża fi ħdan id-Direttiva 2014/24 jikkonferma, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni.

60.      Id-dispożizzjoni kontenzjuża tagħmel parti mill-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva, intitolat “Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom”, li jiddeskrivi bir-reqqa fid-diversi paragrafi tiegħu l-eċċezzjonijiet għall-obbligu li jiġu osservati r-regoli proċedurali tal-għoti ta’ kuntratt u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-paragrafi 1 u 2 tiegħu jelenkaw il-każijiet li fihom il-kuntratti u l-ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt u l-paragrafu 5 tiegħu jerġa’ jenfasizza li fil-każijiet ta’ modifiki minbarra dawk previsti f’dawn iż-żewġ paragrafi, tkun meħtieġa proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt. Il-paragrafu 4 tiegħu jippreċiża x’jikkostitwixxi modifika sostanzjali ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas billi jenfasizza li n-nomina ta’ parti kontraenti ġdida tikkostitwixxi tali modifika ħlief, fost oħrajn, fil-każijiet previsti fil-paragrafu 1(d) u għalhekk, b’mod partikolari, fil-każ ta’ insolvenza kif ippreċiżat fid-dispożizzjoni kontenzjuża.

61.      Dan l-Artikolu 72 jippreċiża għal kull każ previst il-kundizzjonijiet li fihom japplikaw l-eċċezzjonijiet għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt. Issa, kif diġà rrilevajt, dawn ma jsemmux l-obbligu li tiġi ttrasferita mill-inqas parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali lill-parti kontraenti l-ġdida, fil-każ tal-insolvenza tal-parti kontraenti inizjali.

62.      Fir-rigward ta’ eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, id-dispożizzjoni kontenzjuża għandha ċertament tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta fir-rigward tal-kunċett ta’ insolvenza. Madankollu, din l-interpretazzjoni ma tistax iċċaħħad l-eċċezzjoni mill-effett utli tagħha. Issa, dan ikun il-każ (23), fil-fehma tiegħi, kieku l-kunċett ta’ insolvenza kien limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom l-operat tal-impriża kkonċernata jkun jista’ jitkompla, mill-inqas parzjalment, u ma kienx mifhum fis-sens abitwali iktar wiesa’ tiegħu. Nenfasizza f’dan ir-rigward li l-kelma “insolvenza” tintuża b’mod ġenerali u li fil-fehma tiegħi ma tistax tkopri s-sitwazzjonijiet kollha ta’ insolvenza msemmija fl-Artikolu 57(4)(b) tad-Direttiva 2014/24 (24).

63.      Għalhekk inqis li l-eċċezzjoni dwar l-insolvenza tapplika mingħajr kundizzjoni oħra minbarra t-tlieta msemmija fid-dispożizzjoni kontenzjuża u mfakkra fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

64.      Il-premessa 110 ta’ din id-direttiva tissostanzja din l-analiżi billi tistabbilixxi li, fil-każ ta’ “ċerti bidliet strutturali” tal-offerent rebbieħ matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li fosthom hemm l-insolvenza, il-ftuħ ta’ proċedura ġdida ma jkunx awtomatikament neċessarju. L-espressjoni “ċerti bidliet strutturali” twassal, bil-mod ġenerali tagħha, biex il-kliem “operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv” jinftehmu f’sens partikolarment wiesa’. L-eżempji ċċitati jiġbru inċidenti jew avvenimenti li jistgħu jaffettwaw l-istruttura nnifisha ta’ kumpannija u huma wkoll differenti mir-ristrutturazzjoni purament interna jew l-insolvenza, permezz tat-teħid ta’ pussess ta’ kumpannija.

65.      L-interpretazzjoni li nipproponi tad-dispożizzjoni kontenzjuża, li tgħid li ma huwiex possibbli li mill-formulazzjoni u mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jiġi dedott li parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali għandha tiġi ttrasferita lill-parti kontraenti l-ġdida sabiex tkun tista’ tapplika l-eċċezzjoni marbuta mal-insolvenza tal-parti kontraenti inizjali, hija kkonfermata wkoll mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2014/24.

C.      L-għanijiet tad-Direttiva 2014/24

66.      L-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur jirriżultaw mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva.

67.      Filwaqt li jikkonferma l-għan li tiġi żgurata l-kompetizzjoni bejn il-kandidati fl-Istati Membri kollha u li jerġa’ jafferma, għal dan l-għan, il-prinċipji ta’ transparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlatur xtaq, l-ewwel, jieħu inkunsiderazzjoni għanijiet oħra (25) u, it-tieni, jintroduċi doża ta’ flessibbiltà u ta’ semplifikazzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli (26). Il-proposta għal direttiva tenfasizza għalhekk ir-rieda li jitnaqqas il-formaliżmu u li tingħata soluzzjoni b’mod prammatiku għall-problemi konkreti li jaffaċċjaw l-awtoritajiet kontraenti u l-offerenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

68.      Kif enfasizzat fil-kummentarji (27), filwaqt li d-direttivi fil-qasam tal-kuntratt pubbliku kienu preċedentement iffokati fuq ir-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u, b’mod partikolari, għas-sejħa għal offerti tal-kandidati qabel l-għoti ta’ kuntratti fil-veru sens tal-kelma, id-Direttiva 2014/24 (28) tirrigwarda wkoll l-eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi u, għaldaqstant, il-fażi ta’ wara l-għoti ta’ kuntratt, li tinkludi l-modifika eventwali tal-kuntratti matul l-eżekuzzjoni tagħhom.

69.      F’dan l-aħħar rigward, id-Direttiva 2014/24 tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi tikkodifikaha. Iżda, kif ser nuri, din marret ferm iktar lil hinn. Huwa utli li tiġi eżaminata din il-ġurisprudenza u l-mod kif hija riflessa fid-direttiva sabiex jiġu evalwati l-elementi ġodda introdotti minn din tal-aħħar.

70.      Is-sentenza pressetext (29) hija determinanti f’dan ir-rigward. Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-modifika ta’ kuntratt pubbliku matul l-eżekuzzjoni tiegħu u kienet tikkonċerna b’mod partikolari lill-offerent rebbieħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-direttiva eżistenti ma kinitx tittratta l-kwistjoni (30), għalkemm kien fiha indikazzjonijiet rilevanti.

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk enfasizzat li din id-direttiva kienet intiża sabiex tiżgura kemm it-trasparenza tal-proċeduri kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u tilħaq għalhekk l-għan prinċipali ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha (31). Minn dan iddeduċiet li modifiki tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku matul il-perijodu ta’ validità tiegħu jikkostitwixxu għoti ġdid ta’ kuntratt, meta jkollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk tal-kuntratt inizjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat x’kellu jinftiehem b’modifiki sostanzjali billi indikat li dawn ikopru l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet li, kieku kienu preżenti fil-proċedura inizjali ta’ għoti ta’ kuntratt, kienu jwasslu għall-aċċettazzjoni ta’ offerenti oħra barra minn dawk inizjalment aċċettati jew kienu jippermettu li tintgħażel offerta differenti minn dik inizjalment magħżula (32).

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, b’mod ġenerali, is-sostituzzjoni ta’ parti kontraenti ġdida għal dik li l-awtorità kontraenti kienet inizjalment attribwixxiet il-kuntratt għandha tkun ikkunsidrata bħala li tammonta għal tibdil ta’ wieħed mit-termini essenzjali tal-kuntratt pubbliku (33).

73.      Is-sentenza pressetext tippreċiża s-sitwazzjonijiet fejn ċerti bidliet li jaffettwaw lill-offerent rebbieħ madankollu ma jikkostitwixxux modifika essenzjali.

74.      L-istess jgħodd meta, bħal fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, l-attività tal-offerent rebbieħ tiġi ttrasferita lil waħda mis-sussidjarji tiegħu li huwa jikkontrolla 100 %, li huwa jmexxi u li għaliha huwa responsabbli in solidum u meta s-servizz komplessiv eżistenti ma jinbidilx. Arranġament bħal dan ma hu xejn ħlief riorganizzazzjoni interna tal-parti kontraenti li ma tbiddilx b’mod essenzjali t-termini tal-kuntratt inizjali (34).

75.      L-istess jgħodd ukoll meta l-offerent rebbieħ ikun persuna ġuridika kkostitwita fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-Borża. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li jirriżulta, fil-fatt, min-natura stess ta’ tali kumpannija li l-azzjonisti tagħha jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe mument. Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, sitwazzjoni bħal din ma tpoġġix fid-dubju l-validità tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil kumpannija bħal din (35).

76.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-persuni ġuridiċi kkostitwiti fil-forma ta’ kooperattiva rreġistrata b’responsabbiltà limitata, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza pressetext. Tibdil eventwali fil-kompożizzjoni tal-grupp tas-soċji ta’ kooperattiva bħal din bħala prinċipju ma jinvolvix modifika sostanzjali tal-kuntratt mogħti lilha (36).

77.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma riflessi bis-sħiħ fid-Direttiva 2014/24, minn naħa, fid-dispożizzjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, fil-premessi 107 u 110. Il-premessa 107 tirreferi b’mod espliċitu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-premessa 110 ssemmi kemm ir-ristrutturazzjonijiet purament interni kif ukoll it-teħid ta’ pussess, l-amalgamazzjonijiet u l-akkwisti, li jimplikaw bidla fl-azzjonisti jew fis-soċji u, għaldaqstant, fil-proprjetarji.

78.      Nenfasizza madankollu li d-Direttiva 2014/24 ma tillimitax ruħha għat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tagħlimiet tas-sentenza pressetext u li din tindirizza tipi oħra ta’ sitwazzjonijiet.

79.      Fil-fatt, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat is-sitwazzjonijiet fejn bidla li taffettwa lill-offerent rebbieħ ma tikkostitwixxix modifika sostanzjali u, għaldaqstant, ma tagħtix lok għal proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, id-Direttiva 2014/24 tispeċifika barra minn hekk fid-dispożizzjoni kontenzjuża l-każijiet fejn bidla relatata mal-offerent rebbieħ, filwaqt li tikkostitwixxi normalment modifika sostanzjali, madankollu lanqas ma teħtieġ ftuħ mill-ġdid ta’ sejħa għal offerti.

80.      L-istess jgħodd, b’mod partikolari, fil-każijiet ta’ teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni u akkwist, sakemm il-kundizzjonijiet elenkati fid-dispożizzjoni kontenzjuża jkunu ssodisfatti.

81.      Fuq kollox, fir-rigward ta’ dak li jinteressa lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, id-Direttiva 2014/24 tipprevedi b’mod speċifiku l-każ tal-insolvenza li kien għadu ma ġiex suġġett għall-evalwazzjoni tagħha.

82.      It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar sitwazzjoni jikkostitwixxi innovazzjoni fir-rigward kemm tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-ġurisprudenza eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24. Dan jissodisfa problema prattika affaċċjata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti.

83.      Din il-problema hija dik li jiġi żgurat li, meta l-awtorità kontraenti ssib ruħha f’pożizzjoni fejn offerent rebbieħ ma jkunx għadu jista’ jonora l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku minħabba l-insolvenza tiegħu, ikun jista’ jiġi nnominat sostitut, mingħajr ma ġġarrab dewmien sporporzjonat u lanqas iżżid l-ispiża b’mod sproporzjonat tal-kuntratt ikkonċernat permezz ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt. Id-dispożizzjoni kontenzjuża hija intiża sabiex twieġeb din il-problema billi tipprevedi soluzzjoni fl-interess kemm tal-awtorità kontraenti kif ukoll tal-offerent rebbieħ u tal-kredituri tiegħu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-problema maħluqa mis-sitwazzjoni ta’ insolvenza ma tkunx inqas sinjifikattiva skont jekk l-impriża li saret insolventi tibqax teżisti parzjalment jew tiġix kompletament likwidata. F’kull każ, għandu jinstab sostitut. Għalhekk, billi ma jagħmilx differenzi espliċiti bejn dawn is-sitwazzjonijiet, jidher li l-leġiżlatur xtaq jagħti soluzzjoni b’mod prammatiku għal dawn is-sitwazzjonijiet kollha filwaqt li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari l-projbizzjoni għall-awtorità kontraenti li tillimita artifiċjalment il-kompetizzjoni billi tevita l-applikazzjoni tad-direttiva.

84.      Fil-fatt, f’dan l-aħħar rigward, nenfasizza qabel kollox li, fil-każ fejn l-offerent rebbieħ inizjali jsir insolventi, il-ftehim qafas diġà kien is-suġġett ta’ sejħa għal offerti (37) u li l-offerta li kienet ġiet aċċettata ma tistax tiġi mmodifikata b’mod sostanzjali. Kif tistabbilixxi b’mod espliċitu d-dispożizzjoni kontenzjuża, jekk jiġu introdotti modifiki sostanzjali oħra, minbarra l-bidla tal-kontroparti kontraenti, waħda mit-tliet kundizzjonijiet previsti fid-dispożizzjoni kontenzjuża (38) ma tkunx osservata u għandha ssir proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt.

85.      Sussegwentement, l-okkorrenza tal-insolvenza tal-offerent rebbieħ, mingħajr ma hija avveniment rari, tikkostitwixxi sitwazzjoni straordinarja li, normalment, la hija prevista mill-awtorità kontraenti jew mill-offerent rebbieħ inizjali, u lanqas hija mixtieqa. Infakkar li l-kapaċità ekonomika u finanzjarja hija waħda mit-tliet kriterji ta’ għażla tal-kandidati previsti fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, l-insolvenza ta’ operatur ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 57(4)(b) ta’ din id-direttiva hija raġuni ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, fakultattiva jew obbligatorja, skont id-dritt nazzjonali.

86.      Din in-natura straordinarja tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza jkollha, b’mod ġenerali, l-effett li tevita li s-sostituzzjoni tal-offerent rebbieħ b’parti kontraenti ġdida tikkostitwixxi manuvra min-naħa tal-awtorità kontraenti sabiex tevita l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Nirrimarka li r-riskju ta’ tali manuvra huwa inqas u inqas probabbli meta jkun ġie maħtur amministratur legali, bħal fil-kawża prinċipali, li ma jirrappreżentax l-interessi tal-awtorità kontraenti, iżda dawk tal-kredituri tal-offerent rebbieħ u jeżerċita l-attività tiegħu taħt il-kontroll ta’ qorti.

87.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-partijiet ikkonċernati ma wettqux tali manuvra. Hija b’mod partikolari għandha tivverifika li l-eżami tal-kriterji ta’ għażla, bħal dawk relatati mal-kapaċità finanzjarja tal-offerent rebbieħ, kien twettaq tajjeb. Id-data li fiha saret l-insolvenza, b’mod partikolari jekk din hija qrib id-data li fiha ġie konkluż il-kuntratt, tista’ tkun indizju li l-verifika tal-osservanza ta’ dan il-kriterju kwalitattiv ma kinitx twettqet b’mod korrett. Fir-rigward ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ninnota li ma ngħatat l-ebda preċiżjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, iżda li l-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma ssuġġerixxiet li l-partijiet ikkonċernati kellhom l-intenzjoni li jevitaw l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

88.      Nikkonstata, finalment, li, meta amministratur legali jkun ġie maħtur sabiex jamministra l-assi tal-offerent rebbieħ li sar insolventi, l-għażla tal-parti kontraenti l-ġdida taqa’ fl-ewwel lok fuq dak l-amministratur u mhux fuq l-awtorità kontraenti. Issa, infakkar li skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24 dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-għoti ta’ kuntratt huwa ddefinit bħala l-akkwist ta’ provvisti jew servizzi permezz ta’ kuntratt pubbliku minn awtorità kontraenti mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti. Għalhekk fl-assenza ta’ għażla mill-awtorità kontraenti, l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkunx meħtieġ fir-rigward tad-Direttiva 2014/24, minkejja li hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-kontroparti kontraenti mill-awtorità kontraenti.

89.      Fir-rigward ta’ kuntratt li jimplika obbligi reċiproċi bejn il-parti kontraenti l-ġdida u l-awtorità kontraenti, din l-approvazzjoni, mingħajr ma hija prevista mid-Direttiva 2014/24, hija fil-fatt neċessarja, konformement mad-dritt tal-Istati Membri fil-qasam tal-kuntratti. L-awtorità kontraenti tista’ wkoll tkun ġiet ikkonsultata jew tkun ipparteċipat f’ċerti negozjati qabel in-nomina tal-parti kontraenti l-ġdida kif jidher li kien il-każ fil-kawża prinċipali (39). Dan ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi kkunsidrat li l-awtorità kontraenti “għażlet” il-kontroparti kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2014/24 (40).

90.      Huwa ċar li l-possibbiltà li tiġi nnominata parti kontraenti ġdida fil-każ ta’ insolvenza tal-parti kontraenti inizjali, mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt, tintroduċi marġni ta’ manuvra sinjifikattiv fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Iżda, din tikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għall-intenzjoni tal-leġiżlatur filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, sakemm it-tliet kundizzjonijiet, imfakkra fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirregolaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, ikunu ssodisfatti.

91.      L-interpretazzjoni ta’ Dustin u tal-Kummissjoni li tgħid li l-parti kontraenti l-ġdida tista’ għalhekk tiġi nnominata biss jekk tieħu f’idejha mill-inqas il-parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali li tippermetti l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, minbarra li ma hijiex prevista b’mod espliċitu mil-leġiżlatur u, fil-fehma tiegħi, tmur lil hinn mis-sens tad-dispożizzjoni kontenzjuża, toħloq iktar problemi milli ssolvi.

92.      Nosserva, fl-ewwel lok, li l-obbligu li tittieħed parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali jnaqqas b’mod sinjifikattiv il-portata tal-eċċezzjoni dwar l-insolvenza, peress li f’diversi każijiet l-impriża tiġi kompletament likwidata. Wieħed jista’ jistaqsi, barra minn hekk, liema proporzjon tal-attivitajiet tal-parti kontraenti inizjali għandu jiġi ttrasferit sabiex l-eċċezzjoni tkun applikabbli.

93.      Fit-tieni lok, tali obbligu jista’ jrendi l-kompitu tal-amministratur legali partikolarment diffiċli. Dan jista’ wkoll imur kontra s-setgħat mogħtija lilu, konformement mad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza, biex jinnegozja fl-interessi tal-kredituri (41).

94.      F’dan ir-rigward, naqbel mal-perspettiva tal-Gvern Awstrijak, li tgħid li l-fatt li jiġu ttrasferiti biss kuntratti jew ftehimiet qafas jista’ jkun jew le komuni skont is-settur tal-attività. Fil-kuntest tal-insolvenza ta’ impriża tal-kostruzzjoni, pereżempju, it-trasferiment ta’ ċerti siti kbar tal-kostruzzjoni jista’ possibbilment jimplika t-trasferiment ta’ materjali u ta’ persunal. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex neċessarjament il-każ għas-servizzi informatiċi jew il-forniment ta’ materjal informatiku. Nenfasizza, barra minn hekk, bħal dan il-gvern, li xi drabi impriża li saret insolventi tista’ madankollu tkompli bl-operat tagħha, bil-kundizzjoni li ċċedi kuntratt pubbliku. Issa, kieku din il-possibbiltà kellha tiġi eskluża, dan mhux talli jrendi impossibbli s-sostituzzjoni tal-parti kontraenti, talli jista’ jipperikola wkoll l-ilħuq tal-għanijiet tal-proċedura ta’ insolvenza li tippreserva kemm jista’ jkun l-impriża eżistenti fl-interessi tal-kredituri.

95.      Fit-tielet lok, l-impożizzjoni ta’ tali trasferiment ta’ patrimonju bl-għan li jiġi evitat evitar tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tkunx biss soluzzjoni oneruża, iżda wieħed jista’ wkoll jistaqsi hijiex neċessarja peress li t-trasferiment tal-kuntratt pubbliku huwa, fi kwalunkwe każ, suġġett għall-kundizzjoni stabbilita fid-dispożizzjoni kontenzjuża li ma jikkostitwixxix mezz li jevita l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

96.      Ser nittratta, fir-raba’ lok, il-problemi speċifiċi li tqajjem il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ obbligu għall-amministratur legali li javviċina lill-offerenti inizjali fil-każ ta’ tmiem totali tal-attività tal-offerent rebbieħ inizjali.

97.      Infakkar li, skont il-Kummissjoni, l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx li jipprevedi l-każ fejn l-attività tal-parti kontraenti inizjali tiġi kompletament likwidata (42). Iżda din l-istituzzjoni tammetti li tali sitwazzjoni tista’ sseħħ (43) u li kuntratt pubbliku jkun l-uniku assi li jifdal.

98.      F’tali każ, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni kontenzjuża tista’ tiġi interpretata fis-sens li tapplika l-eċċezzjoni għat-tnedija ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt, bil-kundizzjoni li l-kuntratt pubbliku jkun propost lill-offerenti inizjali kollha li jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla, b’mod nondiskriminatorju u ekwivalenti, pereżempju billi dawn jiġu indirizzati skont l-ordni ta’ klassifikazzjoni tagħhom (44).

99.      Madankollu, nenfasizza, l-ewwel, li tali kundizzjoni ma tinsabx fid-dispożizzjoni kontenzjuża u li din tidher li tmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur. Fil-fatt, kif indikajt fil-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni kienet ipprevediet, matul ix-xogħol preparatorju, il-possibbiltà li proċedura speċifika tapplika fil-każ ta’ falliment, billi pprevediet b’mod partikolari li l-awtorità kontraenti tindirizza mill-ġdid lill-offerenti inizjali. Finalment, id-Direttiva 2014/24 ma adottatx din il-proposta u ma ssostitwixxietha bl-ebda test ieħor. Minn dan niddeduċi li l-leġiżlatur ċaħad b’mod ċar tali obbligu li jiġu indirizzati l-offerenti inizjali.

100. It-tieni, jekk il-kuntratt pubbliku jew il-ftehim qafas għandu jiġi propost lill-offerenti inizjali skont l-ordni ta’ klassifikazzjoni tagħhom, dan jimplika li għandu jiġi attribwit lill-ewwel wieħed minnhom li jaċċettah. Iżda, dan l-approċċ ma jiħux inkunsiderazzjoni l-approvazzjoni neċessarja tal-parti kontraenti l-ġdida mill-awtorità kontraenti (45). Offerent preċedenti, minkejja li jokkupa l-ogħla pożizzjoni fil-klassifikazzjoni wara l-offerent rebbieħ inizjali ma għandux dritt awtomatiku sabiex jikseb il-kuntratt f’tali ċirkustanzi.

101. It-tielet, jekk l-amministratur legali jkun marbut javviċina wkoll lill-offerenti inizjali, dan jista’ jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jfittex lill-akkwirent li joffri l-iktar, fl-interessi tal-kredituri. Issa, mid-Direttiva 2014/24 bl-ebda mod ma jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jirrestrinġi għalhekk is-setgħat eventwalment mogħtija lill-amministraturi legali mid-dritt nazzjonali (46).

102. Għalhekk ma nistax naqbel mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni.

103. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, inqis li, sa fejn it-tliet kundizzjonijiet previsti fid-dispożizzjoni kontenzjuża u mfakkra fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma ssodisfatti, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li din tippermetti t-trasferiment lil parti kontraenti ġdida tal-uniku ftehim qafas jew kuntratt pubbliku mogħti preċedentement, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi implimentata proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt u mingħajr ma din il-parti kontraenti l-ġdida tkun marbuta tieħu f’idejha attività oħra tal-parti kontraenti inizjali, issolvi problema konkreta tal-ħajja tal-impriżi filwaqt li tosserva l-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratt pubbliku stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24.

V.      Konklużjoni

104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li parti kontraenti ġdida daħlet fid-drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti inizjali li jirriżultaw minn ftehim qafas wara li dan il-ftehim ġie ttrasferit lilha mill-amministratur legali wara li l-parti kontraenti inizjali ġiet iddikjarata insolventi, jimplika li l-parti kontraenti l-ġdida għandha titqies bħala li ssuċċediet kompletament jew parzjalment għall-parti kontraenti inizjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Ma huwiex neċessarju li dan it-trasferiment ikun akkumpanjat minn trasferiment lill-parti kontraenti l-ġdida ta’ parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali ddedikata għall-eżekuzzjoni tal-ftehim qafas.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).


3      Il-qorti tar-rinviju tindika li minn dak iż-żmien din il-liġi ġiet imħassra.


4      Din il-proċedura hija spjegata fid-dettall fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24.


5      Ara l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Tnaqqis tan-numru ta’ kandidati kwalifikati mod ieħor li għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem”.


6      Sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2008 (C‑454/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza pressetext”, EU:C:2008:351, punt 40). Ser neżamina iktar fid-dettall il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza fil-punti 70 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza pressetext, punt 47, u l-Artikolu 72(1)(e) tad-Direttiva 2014/24.


8      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Finn Frogne (C‑549/14, EU:C:2016:634, punt 28). Dawn il-prinċipji u l-obbligu ta’ kompetizzjoni huma mfakkra fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24.


9      Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Ara l-punti 84 u 86 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Enfasi miżjuda minni.


12      Il-verżjoni tal-lingwa Ingliża tgħid: “as a consequence of universal or partial succession into the position of the initial contractor”.


13      Ara l-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


14      Nosserva li dan il-punt ma huwiex ikkontestat. Dustin tenfasizza li l-ftehim qafas ma jistax jiġi ttrasferit parzjalment biss lill-parti kontraenti l-ġdida.


15      Il-kunċett ta’ “identità materjali” bejn l-operaturi ekonomiċi jintuża fil-kuntest tal-verifika tal-konformità ma’ offerti ppreżentati mill-offerenti u huwa marbut mal-kunċett ta’ “identità legali”. Għandu jkun hemm identità legali u materjali bejn l-operaturi ekonomiċi magħżula minn qabel u dawk li jippreżentaw l-offerti (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 40), u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Telecom Italia (C‑697/17, EU:C:2019:599, punt 34)). Madankollu nenfasizza li dan ir-rekwiżit huwa meħtieġ fl-istadju tal-għoti ta’ kuntratti u mhux f’dak tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti.


16      Ktiba Ħadra tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Jannar 2011 dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti  (KUMM(2011) 15 finali, iktar ’il quddiem il-“Ktiba Ħadra”).


17      Ara l-Mistoqsija 41 tal-Ktiba Ħadra.


18      Ara l-paġna 27 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 61 tal-Ktiba Ħadra.


19      Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (KUMM (2011)896 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”).


20      Ara l-proposta għal direttiva, l-Artikolu 72(3).


21      Ara l-premessa 47 tal-proposta għal direttiva.


22      Kif jirriżulta mill-opinjoni tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) (Taqsima tal-Finanzi) tat‑8 ta’ Lulju 2000 (Trasferiment ta’ kuntratti – Nru 141654), operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tista’ tirriżulta mit-tmiem tad-detentur inizjali tal-kuntratt pubbliku.


23      Fuq il-ksur tal-effett utli tad-dispożizzjoni kontenzjuża, ara wkoll il-punti 92 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      B’mod partikolari l-protezzjoni ambjentali, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, tal-impjiegi u tal-inklużjoni soċjali (ara l-punt 1 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva).


26      Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva.


27      Ara, b’mod partikolari, Treumer, S., “Contract changes and the duty to retender under the new EU public procurement Directive”, Public Procurement Law Review, 2014, 3, p. 148.


28      Dawn il-kummenti japplikaw bl-istess mod għad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).


29      Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Ara l-punt 30 tas-sentenza pressetext. Din kienet id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).


31      Ara l-punti 31 u 34 tas-sentenza pressetext.


32      Ara l-punt 35 tas-sentenza pressetext.


33      Ara l-punt 40 tas-sentenza pressetext.


34      Ara l-punt 45 tas-sentenza pressetext.


35      Ara l-punt 51 tas-sentenza pressetext.


36      Ara l-punt 52 tas-sentenza pressetext.


37      Ara Treumer, S., “Regulations of contract changes leading to a duty to retender the contract: the European Commission’s proposals of December, 2011”, Public Procurement Law Review, 2012, 5, p. 135 sa 166, li jenfasizza li “r-regoli tal-kuntratt pubbliku diġà kellhom ir-rwol tagħhom”.


38      Ara t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Sue Arrowsmith tikkunsidra, madankollu, li jekk l-awtorità kontraenti żżomm il-possibbiltà li tinfluwenza d-determinazzjoni tal-kontroparti kontraenti għal raġunijiet minbarra dawk relatati mal-kapaċità teknika jew finanzjarja tagħha, hija tagħżel lil din tal-aħħar u din l-għażla għandha tkun suġġetta għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti; ara The law of Public and Utilities procurement: Regulations in the EU and UK, Sweet and Maxwell, it-tielet edizzjoni, 2014, punt 6 sa 290.


41      Mill-proċess f’din il-kawża jirriżulta li tali setgħat huma previsti mid-dritt nazzjonali fl-Isvezja u fl-Awstrija. Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9) jenfasizza, fil-premessa 22 tiegħu, li jeżistu liġijiet sostantivi tal-Istati Membri f’dan il-qasam li huma differenti ħafna minn xulxin. Ara, ukoll f’dan ir-rigward, id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar [u] l-insolvenza) (ĠU 2019, L 172, p. 18), b’mod partikolari l-premessi 1, 4, 7, 8 u 12 tagħha.


42      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Il-Kummissjoni tindika li d-dritt Taljan jidher li adotta soluzzjoni ta’ dan it-tip. Nirrimarka li fil-kummenti tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2014/24, Marion Comba u Sara Richetto jsemmu li dan l-Istat Membru ppreveda, fl-Artikolu 110 D Lgs 50/2016, il-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tavviċina lill-offerenti inizjali skont l-ordni ta’ klassifikazzjoni tagħhom (ara Treumer, S., u Comba, M., Modernising Public Procurement: The approach of EU member States, Elgar, 2018, Kapitolu 7, p. 149).


45      Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Nippreċiża li minn dan ma jirriżultax li kull diffikultà finanzjarja tal-offerent rebbieħ inizjali tista’ twassal għan-nomina ta’ sostitut, mingħajr sejħa ġdida għal offerti konformement mad-Direttiva 2014/24. Xorta jkun meħtieġ li tkun inbdiet proċedura formali ta’ insolvenza, bħal fil-kawża prinċipali.