Language of document : ECLI:EU:C:2022:72

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Frar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 72 – Modifika ta’ kuntratti matul it‑terminu tagħhom – Trasferiment tal‑ftehimiet qafas – Parti kontraenti ġdida li, wara d‑dikjarazzjoni ta’ falliment tal‑parti kontraenti inizjali, daħlet fid‑drittijiet u l‑obbligi attribwiti lil din tal‑aħħar bis‑saħħa ta’ ftehim qafas – Neċessità jew nuqqas ta’ neċessità ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt”

Fil-Kawża C‑461/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Suprema Amministrattiva, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2020, fil‑kawża

Advania Sverige AB,

Kammarkollegiet

vs

Dustin Sverige AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Advania Sverige AB, minn T. Wanselius,

–        għall‑Kammarkollegiet, minn A. Ekberg u A. Thomsen, bħala aġenti,

–        għal Dustin Sverige AB, minn C. Bokwall u L. Håkansson Kjellén, advokater,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, K. Simonsson u G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id‑Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Advania Sverige AB (iktar ’il quddiem “Advania”) u l-Kammarkollegiet (l-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali, Finanzjarji u Amministrattivi, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali”), minn naħa, u Dustin Sverige AB (iktar ’il quddiem “Dustin”), min-naħa l-oħra, dwar id-deċiżjoni ta’ din l-aġenzija li tapprova t-trasferiment ta’ erba’ ftehimiet qafas mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt konformement mad-Direttiva 2014/24.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 107 u 110 tad-Direttiva 2014/24 jiddikjaraw:

“(107)      Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet skont liema, il-modifiki għal kuntratt matul it-twettiq tiegħu jeħtieġu proċedura ta’ akkwist [ta’ għoti] ġdida, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija meħtieġa proċedura ta’ akkwist ġdida fil-każ ta’ bidliet materjali fil-kuntratt inizjali, b’mod partikolari għall-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet, inkluża d-distribuzzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Dawn il-bidliet juru l-intenzjoni tal-partijiet li jerġgħu jinnegozjaw it-termini jew il-kondizzjonijiet essenzjali ta’ dak il-kuntratt. Dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk il-kondizzjonijiet emendati kien ser ikollhom influwenza fuq l-eżitu tal-proċedura, kieku dawn kienu parti mill-proċedura inizjali.

[…]

(110)      F’konformità mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, l-offerent magħżul ma għandux, pereżempju fejn kuntratt jiġi mitmum minħabba nuqqasijiet fil-prestazzjoni, jiġi sostitwit minn operatur ekonomiku ieħor mingħajr ma jerġa’ jinfetaħ mill-ġdid il-kuntratt għall-kompetizzjoni. Madankollu, l-offerent li jwettaq il-kuntratt għandu jkun jista’, b’mod partikolari fejn il-kuntratt ikun ingħata lill-aktar minn impriża waħda, li jgħaddi minn ċerti bidliet strutturali matul it-twettiq tal-kuntratt, bħar-riorganizzazzjonijiet purament interni, takeovers, amalgamazzjonijiet u akkwisti jew insolvenza. Tali bidliet strutturali ma għandhomx awtomatikament jirrikjedu proċeduri ta’ akkwist [ta’ għoti] ġodda għall-kuntratti pubbliċi kollha mwettqa minn dak l-offerent.”

4        L-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Modifika ta’ kuntratti matul it‑terminu tagħhom”, jipprovdi:

“1.      Kuntratti u ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida tal-akkwist [tal-għoti] f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

[…]

(d)      fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti bħala konsegwenza ta’ wieħed minn dawn:

(i)      klawżola ta’ reviżjoni mhix ekwivoka jew għażla f’konformità mal-punt (a);

(ii)      suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv, inkluż it-teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni, akkwist jew insolvenza ta’ operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kwalitattiva inizjalment stabbiliti, dejjem jekk din ma twassalx għal modifiki sostanzjali oħrajn għall-kuntratt u ma għandhiex l-għan li tevita l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; jew

(iii)      f’każ li l-awtorità kontraenti nnifisha tassumi l-obbligi tal-kuntrattur prinċipali lejn is-sottokuntratturi tiegħu fejn din il-possibbiltà hija prevista taħt il-leġislazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 71;

(e)      fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, mhumiex sostanzjali skont it-tifsira tal-paragrafu 4.

[…]

4.      Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta’ kandidati oħra minbarra dawk inizjalment magħżula jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist;

(b)      il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali jew il-ftehim qafas;

(c)      il-modifika testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas b’mod konsiderevoli;

(d)      fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt il-punt (d) tal-paragrafu 1.

[…]”

 Id-dritt Svediż

5        Il-lagen (2016:1145) om offentlig upphandling (il-Liġi Nru 1145 tal‑2016 dwar il‑Kuntratti Pubbliċi) tipprevedi, fl-paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 tagħha, li kuntratt jew ftehim qafas jista’ jiġi mmodifikat minħabba l-fatt li fornitur ikun ġie ssostitwit b’fornitur ieħor mingħajr sejħa għal offerti ġdida, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

“1)      il-fornitur il-ġdid jissostitwixxi, kompletament jew parzjalment, lill-fornitur inizjali wara operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-kumpannija, b’mod partikolari ta’ teħid ta’ pussess, ta’ amalgamazzjoni, ta’ akkwist jew ta’ insolvenza, u

2)      il-fatt li fornitur ġdid jissostitwixxi, kompletament jew parzjalment, lill‑fornitur inizjali ma jwassalx għal modifiki sostanzjali oħra tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas.”

6        Skont il-qorti tar-rinviju, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 jirriżulta li tali sostituzzjoni ta’ fornitur tippreżupponi li l-fornitur il-ġdid ma għandux jiġi eskluż bis-saħħa ta’ wieħed mill-motivi ta’ esklużjoni previsti minn din il-liġi u li din tissodisfa l‑kriterji ta’ għażla stabbiliti fil-kuntratt inizjali.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Erba’ ftehimiet qafas b’sejħa għal offerti, għax-xiri ta’ materjal informatiku differenti, ġew attribwiti mill-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali bis-saħħa ta’ proċedura ristretta taħt il-lagen (2007:1091) om offentlig upphandling (il-Liġi Nru 1091 tal-2007 dwar il-Kuntratti Pubbliċi), li sadanittant tħassret. F’din il‑proċedura, sbatax‑il kandidat ikkwalifikaw għas-selezzjoni, fosthom Advania, Dustin u Misco AB. Filwaqt li Dustin u Misco kienu jirriżultaw fost id-disa’ kandidati li ġew mistiedna jissottomettu offerta, Advania ma kinitx. Fi tmiem din il-proċedura, Misco ġiet attribwita ftehimiet qafas fl-erba’ oqsma inkwistjoni u Dustin ġiet attribwita ftehimiet qafas f’żewġ oqsma.

8        Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2017, Misco talbet lill-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali biex tawtorizza t-trasferiment lil Advania tal-erba’ ftehimiet qafas tagħha. Fit‑12 ta’ Diċembru 2017 Misco ġiet iddikjarata falluta u, fit‑18 ta’ Jannar 2018, l-istralċjarju tagħha kkonkluda ftehim ma’ Advania li kien jipprevedi t-trasferiment ta’ dawn il-ftehimiet qafas. L-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali awtorizzat dan it-trasferiment fix-xahar ta’ Frar 2018.

9        Dustin għalhekk adixxiet il-Förvaltningsrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) b’rikors intiż sabiex il-ftehimiet qafas bejn Advania u l-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali jiġu ddikjarati nulli.

10      Il-Förvaltningsrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva Sedenti fi Stokkolma) ċaħdet dan ir-rikors. Hija kkunsidrat li l-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali kienet korrettament ikkonstatat li s-suċċessjoni inkwistjoni kienet tirriżulta mill‑operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni ta’ Misco u li Advania kienet kisbet il‑ftehimiet qafas inkwistjoni u kienet akkwistat il-fergħat ta’ attività li jippermettu l-eżekuzzjoni tagħhom taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tal‑Kapitolu 17 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li tittrasponi l‑Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 fid-dritt Svediż.

11      Dustin appellat mis-sentenza tal-Förvaltningsrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma) quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (il‑Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma, l-Isvezja) li laqgħet dan l‑appell billi ddikjarat in-nullità tal-erba’ ftehimiet qafas bejn Advania u l‑Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali. Dik il-qorti qieset li Advania ma setgħetx titqies li ssuċċediet lil Misco b’mod universali jew b’mod partikolari, fis‑sens tal-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, peress li, bl-eċċezzjoni tal-ftehimiet qafas inkwistjoni, Misco prattikament ma ttrasferixxietx negozju lil Advania. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il‑Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) irrilevat li impjegat wieħed biss ta’ Misco sussegwentement ingħaqad ma’ Advania, li l-lista tal-klijenti ta’ Misco ma kinitx kompletament aġġornata jew rilevanti, li klijenti ta’ Misco kienu diġà biddlu fornitur u li ebda element ma kien tali li jipprova li Advania kienet ħadet f’idejha wħud mis-subappaltaturi ta’ Misco jew li xi ftehimiet qafas pubbliċi oħra kienu ġew ittrasferiti lil Advania, minkejja li Misco kienet minn tal-inqas parti fi ftehim qafas pubbliku ieħor.

12      Kemm Advania kif ukoll l-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali appellaw mis-sentenza tal-Kammarrätten i Stockholm (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Stokkolma) quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja). Fl-appelli tagħhom, huma ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell dwar in-natura u l-portata tal-elementi koperti mit-trasferiment inkwistjoni. Madankollu, huma jsostnu li tali trasferiment jissodisfa l-kundizzjoni ta’ suċċessjoni universali jew parzjali taħt l-Artikolu 13 tal-Kapitolu 17 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

13      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Advania ssostni li d-Direttiva 2014/24 ma tirrikjedix li tiġi ttrasferita, minbarra l-ftehimiet qafas, attività ta’ ċerta natura jew ta’ ċerta portata lill-parti kontraenti l-ġdida li tissostitwixxi lil dik li lilha l-awtorità kontraenti inizjalment tat il-kuntratt.

14      L-Aġenzija Nazzjonali tas-Servizzi Legali ssostni fir-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju li l-kunċett ta’ “suċċessjoni universali jew parzjali”, li jikkostitwixxi waħda mill-modalitajiet ta’ trasferiment previsti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi u tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kontraent ċessjonarju huwa biss obbligat jissostitwixxi ruħha mal-kontraent inizjali fid-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt jew mill-ftehim qafas inkwistjoni. Billi barra minn din is-sostituzzjoni tirrikjedi t-trasferiment ta’ attivitajiet jew it-trasferiment ta’ assi, l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun limitata ħafna. Il-punt fundamentali huwa li l-parti kontraenti l-ġdida tkun tista’ teżegwixxi l-kuntratt jew il-ftehim qafas inkwistjoni konformement mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżiti stabbiliti inizjalment.

15      Min-naħa tagħha, Dustin issostni, quddiem dik il-qorti, li l-kundizzjoni dwar is-suċċessjoni universali jew parzjali tal-parti kontraenti inizjali wara operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpannija prevista fl-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-fergħat ta’ attività kkonċernati mill-kuntratt jew mill-ftehim qafas inkwistjoni jiġu ttrasferiti lill-parti kontraenti l-ġdida. It-trasferiment tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas inkwistjoni huwa biss aċċessorju fir-rigward tat-trasferiment ta’ negozju. It-trasferiment ta’ kuntratti jew ta’ ftehimiet qafas li kienu s-suġġett ta’ sejħiet għal offerti mingħajr it-trasferiment simultanju tal-fergħat ta’ attività kkonċernati ma jwassalx biss għat-traffikar ta’ tali kuntratti jew ftehimiet qafas, iżda jippermetti wkoll it-trasferiment ta’ drittijiet u ta’ obbligi parzjali li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti jew ftehimiet qafas.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt li fornitur ġdid daħal fid-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur inizjali li jirriżultaw minn ftehim qafas wara li dan il-ftehim ġie ttrasferit lilu mill-istralċjarju wara li l-fornitur inizjali ġie ddikjarat insolventi, jimplika li l-fornitur il-ġdid għandu jitqies bħala li ssuċċeda għall-fornitur inizjali fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva [2014/24]?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku li, wara l-falliment tal-parti kontraenti inizjali li wassal għall-istralċ tagħha, daħal unikament fid-drittijiet u l-obbligi ta’ din tal-aħħar li jirriżultaw minn ftehim qafas konkluż ma’ awtorità kontraenti għandu jitqies li ssuċċeda lil din il-parti kontraent inizjali fil-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, is-sostituzzjoni ta’ parti kontraenti ġdida ma’ dik li lilha l-awtorità kontraenti kienet inizjalment tat il-kuntratt għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi bidla ta’ wieħed mit-termini essenzjali tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, u, sussegwentement, bħala modifika sostanzjali tal-kuntratt li għandha tagħti lok għal proċedura ġdida ta’ għoti tal-kuntratt li tirrigwarda l-kuntratt hekk immodifikat, konformement mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament li fuqhom huwa bbażat l-obbligu ta’ kompetizzjoni bejn il-kandidati potenzjalment interessati tad-diversi Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur, C‑454/06, EU:C:2008:351, punti 40 u 47). Dan il-prinċipju ġie kkodifikat fl-Artikolu 72(4)(d) tad-Direttiva 2014/24.

19      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan jipprekludu sitwazzjoni li, wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti u l-offerent rebbieħ jimmodifikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk tal-kuntratt inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Finn Frogne, C‑549/14, EU:C:2016:634, punt 28).

20      Bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 72(1)(d)(ii) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li parti kontraenti ġdida tista’, mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt konformement mal-istess direttiva, tissostitwixxi lill-parti kontraenti li lilha l-awtorità kontraenti inizjalment tat il-kuntratt wara suċċessjoni universali jew parzjali tal-parti kontraenti inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar ta’ kumpannija, b’mod partikolari ta’ akkwiżizzjoni, ta’ amalgamazzjoni, ta’ akkwist jew insolvenza, minn operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva inizjalment stabbiliti, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal modifiki sostanzjali oħra tal-kuntratt u ma jkollux l-intenzjoni li jeskludi lilu nnifsu mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

21      Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li dan jissuġġetta b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni għall-kundizzjoni li s-sostituzzjoni tal-ex parti kontraenti hija dovuta għal suċċessjoni universali jew parzjali li sseħħ wara operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpannija, b’mod partikolari ta’ insolvenza.

22      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk il-kundizzjoni ta’ suċċessjoni universali jew parzjali tal-parti kontraenti inizjali wara insolvenza hijiex issodisfatta meta l-parti kontraent l-ġdida tassumi biss id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim qafas konkluż mal-awtorità kontraenti u ma tassumix parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali li taqa’ fil-portata ta’ dan il-ftehim qafas.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24, l-ewwel, li s-sostituzzjoni tal-parti kontraenti li lilha l-awtorità kontraenti inizjalment tat il-kuntratt hija awtorizzata biss wara “suċċessjoni universali jew parzjali tal-kuntrattur [parti kontraenti] inizjali”. Minn dan jirriżulta li din is-suċċessjoni tista’ tinvolvi t-teħid, mill-parti kontraenti l-ġdida, tal-assi kollha jew ta’ parti biss mill-assi tal-parti kontraenti inizjali, u tista’ għalhekk tinvolvi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-trasferiment biss ta’ kuntratt pubbliku jew ta’ ftehim qafas li jaqa’ taħt l-assi tal-parti kontraenti inizjali.

24      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-impożizzjoni ta’ trasferiment ta’ assi bil-għan li ma jkunx hemm evitar tar-regoli ta’ għoti ma jirriżultax neċessarju peress li t-trasferiment tal-kuntratt pubbliku jew tal-ftehim qafas huwa, fi kwalunkwe każ, suġġett għall-kundizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24, li dan ma jikkostitwixxix mezz biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

25      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “suċċessjoni parzjali” li jinsab fl-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 ma hijiex biżżejjed sabiex tiżgura, waħedha, li l-parti kontraenti l-ġdida teżegwixxi l-kuntratt jew il-ftehim qafas inkwistjoni b’kapaċità ekwivalenti għal dik tal-parti kontraenti inizjali, kif issostni Dustin, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tipprevedi li tali suċċessjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-parti kontraenti l-ġdida tissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva stabbiliti inizjalment.

26      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-kunċett ta’ “insolvenza”, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ ristrutturar”, jinkludi l-bidliet strutturali tal-parti kontraenti inizjali, b’mod partikolari l-insolvenza li tinkludi l-falliment li jwassal għall-istralċ.

27      It-tieni, fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta’ “insolvenza”, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ ristrutturar”, għandu jiġi eżaminat jekk dan jippreżupponix li l-parti kontraenti l-ġdida tassumi f’idejha l-attività kollha jew parti minnha li taqa’ fil-portata tal-ftehim qafas.

28      Għalkemm l-ewwel tliet sitwazzjonijiet elenkati bħala eżempji ta’ “operazzjonijiet ta’ ristrutturar” fl-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24, jiġifieri l-akkwiżizzjoni, l-amalgamazzjoni u l-akkwist, jistgħu jinvolvu ż-żamma ta’ mill-inqas parti mill-attività tal-parti kontraenti inizjali, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni telenka wkoll l-insolvenza bħala eżempju ta’ ristrutturazzjoni, li tista’ twassal, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, għax-xoljiment tal-kumpannija insolventi. Issa, ma hemm ebda indikazzjoni fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-kunċett ta’ “insolvenza” għandu jinftiehem mhux fis-sens normali tiegħu msemmi iktar ’il fuq, iżda bħala li huwa limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom l-attività tal-parti kontraenti inizjali li tippermetti l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku titkompla minn tal-inqas parzjalment.

29      Tali indikazzjoni lanqas ma tidher fil-premessa 110 ta’ din id-direttiva li ssemmi l-insolvenza flimkien mar-ristrutturazzjonijiet purament interni, l-akkwiżizzjoni, l-amalgamazzjonijiet u l-akkwisti, bħala sitwazzjonijiet li jinvolvu “ċertu tibdil strutturali” tal-offerent rebbieħ.

30      F’dan ir-rigward, għandu, ċertament, jiġi rrilevat li l-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24, u bl-istess mod il-kunċett ta’ “insolvenza”, għandu jiġi interpretat b’mod strett sa fejn, kif jirriżulta mill-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu jistabbilixxi eċċezzjoni. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni ma tistax iċċaħħad lil din l-eċċezzjoni mill-effett utli tagħha. Issa, dan ikun il-każ li kieku l-kunċett ta’ “insolvenza” kien limitat għas-sempliċi sitwazzjonijiet li fihom l-attività tal-parti kontraenti inizjali li tidħol fil-portata tal-ftehim qafas inkwistjoni kellha titkompla mill-parti kontraenti l-ġdida, minn tal-inqas parzjalment, u li kieku dan il-kunċett ma kienx intiż fis-sens normali usa’ tiegħu.

31      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-kunċett ta’ “ristrutturazzjoni” jinkludi l-bidliet strutturali tal-parti kontraenti inizjali, b’mod partikolari l-insolvenza li tinkludi l-falliment li jwassal għall-istralċ.

32      Din l-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 hija, barra minn hekk, konformi mal-għan prinċipali li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva, kif stabbilit fil-premessi 107 u 110 tagħha. Skont dawn il-premessi, id-Direttiva 2014/24 għandha l-intenzjoni li tippreċiża kundizzjonijiet li fihom modifiki magħmula fuq kuntratt li jkun qiegħed jiġi eżegwit jimponu proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam u tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 hija bbażata fuq is-sens normali tal-kunċetti li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, mingħajr ma teħtieġ, b’differenza mill-interpretazzjoni proposta minn Dustin u l-Kummissjoni, kriterji addizzjonali li ma jinsabux fiha.

34      Fit-tieni lok, l-imsemmija interpretazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:351) li minnha jirriżulta li l-organizzazzjonijiet interni mill-ġdid tal-parti kontraenti inizjali jistgħu jikkostitwixxu modifiki mhux sostanzjali tat-termini tal-kuntratt pubbliku kkonċernat li ma jimponux il-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

35      Fil-fatt, fil-premessa 110 tad-Direttiva 2014/24, l-insolvenza hija mingħajr riżerva elenkata bħala wieħed mill-eżempji ta’ bidliet strutturali tal-parti kontraenti inizjali li ma jmorrux kontra l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament li fuqhom din il-ġurisprudenza tibbaża ruħha. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 84 u 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-insolvenza tal-parti kontraenti inizjali, inkluż il-falliment li jwassal għall-istralċ tagħha, tirrappreżenta ċirkustanza straordinarja li qabel ma seħħet il-kuntratt pubbliku jew il-ftehim qafas inkwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ sejħa għal offerti konformi mad-Direttiva 2014/24 u, bis-saħħa tal-Artikolu 72(1)(d)(ii) ta’ din id-direttiva, la jista’ jwassal għal modifiki sostanzjali oħra, b’mod partikolari dawk relatati mal-kriterji ta’ selezzjoni kwalitattiva stabbiliti inizjalment, u lanqas ma jista’ jevita l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

36      Madankollu, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza la tirrigwarda l-insolvenza tal-parti kontraenti inizjali u lanqas, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet fejn bidla sostanzjali tal-parti kontraenti inizjali ma teħtieġx ftuħ mill-ġdid tas-sejħa għal offerti. Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza ma tipprekludix l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza.

37      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 fis-sens stabbilit fil-punt 31 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-għan speċifiku tal-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, li hija, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tiġi introdotta ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli sabiex jiġu ttrattati b’mod pragmatiku sensiela ta’ sitwazzjonijiet straordinarji, bħall-insolvenza tal-offerent rebbieħ, li tipprekludih milli jeżegwixxi l-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-problema maħluqa mill-insolvenza, li għaliha l-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jsib soluzzjoni, ma tqumx b’mod differenti skont jekk l-attivitajiet tal-offerent rebbieħ li jkun sar insolventi jitkomplew, minn tal-inqas parzjalment, jew jitwaqqfu kompletament.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku li, wara l-falliment tal-parti kontraenti inizjali li wassal għall-istralċ tagħha, daħal biss għad-drittijiet u l-obbligi ta’ din tal-aħħar li jirriżultaw minn ftehim qafas konkluż ma’ awtorità kontraenti għandu jitqies li ssuċċeda parzjalment lil din il-parti kontraenti inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ din il-kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 72(1)(d)(ii) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku li, wara l-falliment tal-parti kontraenti inizjali li wassal għall-istralċ tagħha, daħal biss għad-drittijiet u l-obbligi ta’ din tal-aħħar li jirriżultaw minn ftehim qafas konkluż ma’ awtorità kontraenti għandu jitqies li ssuċċeda parzjalment lil din il-parti kontraenti inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni ta’ din il-kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.