Language of document : ECLI:EU:T:2023:65

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

15 ta’ Frar 2023 (*)(i)

“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Qafas ta’ implimentazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali – Proċedura ta’ adozzjoni tal-modalitajiet, tal-kundizzjonijiet u tal-metodoloġiji – Rifjut tal-proposta konġunta tal-operaturi tas-sistema – Kompetenza tal-ACER – Żball ta’ liġi – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑607/20,

Austrian Power Grid AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa mniżżel fl-anness (1), irrappreżentati minn M. Levitt, avukat, B. Byrne u D. Jubrail, solicitors,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolatorju tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn E. Ameye, avukata, A. Tellidou u E. Tremmel, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, V. Tomljenović, P. Škvařilová-Pelzl (Relatriċi), I. Nõmm u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Austrian Power Grid AG u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom huwa mniżżel fl-anness, jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tas‑16 ta’ Lulju 2020 li tikkonferma d-Deċiżjoni 03/2020 tal-ACER tal‑24 ta’ Jannar 2020 dwar il-qafas ta’ implimentazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma mFRR”) u li tirrifjuta l-appelli tagħhom fil-Każ A-002-2020 (konsolidat), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lilhom, kif ukoll l-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 03/2020 u tal-Artikolu 3(3) u (5)(b), tal-Artikolu 4(6), tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 11(1)(c) u (2)(c), u tal-Artikolu 12 tal-qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma mFRR, kif stipulat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 03/2020 (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija tal-mFRR” jew l-“mFRRIF”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Wara d-dħul fis-seħħ, fit‑18 ta’ Diċembru 2017, tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195, tat‑23 ta’ Novembru 2017, li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6), l-operaturi kollha tas-sistema ta’ trażmissjoni (iktar ’il quddiem it-“TSO”) fasslu, f’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, proposta dwar il-metodoloġija tal-mFRR.

3        Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, it-TSO, f’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2)(a) tar-Regolament 2017/2195, bagħtu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha (iktar ’il quddiem l-“ARN”), għal skopijiet ta’ approvazzjoni, il-proposta tagħhom ta’ metodoloġija tal-mFRR (iktar il quddiem il-“proposta inizjali tal-mFRRIF”). L-Artikolu 12 tal-imsemmija proposta, intitolat “Proposta ta’ entità”, kien jipprovdi dan li ġej:

“1. It-TSO kollha għandhom jaħtru entità inkarigata li twettaq il-funzjonijiet kollha [meħtieġa għall-operat] tal-pjattaforma mFRR.

2. L-entità għandha tkun magħmula minn konsorzju ta’ TSO jew minn kumpannija proprjetà tat-TSO.”

4        Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Lulju 2019, il-President tal-Forum tar-Regolaturi tal-Enerġija (FRE), f’isem l-ARN kollha, informat lill-ACER li huma kienu ddeċidew b’mod konġunt, skont l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195, li jitolbuha tiddeċiedi dwar il-proposta inizjali tal-mFRRIF (iktar ’il quddiem it-“talba konġunta”). Din l-ittra kienet akkumpanjata minn “nota informali mill-[ARN] kollha approvata mill-[FRE] dwar il-proposta [inizjali tal-mFRRIF] f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament [2017/2195]” (iktar ’il quddiem in-“nota informali tal-ARN”).

5        Fil-kuntest tal-iskambji u tal-konsultazzjonijiet li kellha mal-ANR u t-TSO sa minn Lulju 2019 ’il quddiem, l-ACER qieset li l-proposta inizjali tal-mFRRIF, li kienet tipprevedi li l-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR setgħet tieħu l-forma ta’ konsorzju ta’ TSO, ma kinitx konformi mar-Regolament 2017/2195.

6        Permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika tat‑28 ta’ Novembru 2019, it-TSO bagħtu lill-ACER it-tieni verżjoni tal-proposta ta’ metodoloġija tal-mFRR (iktar ’il quddiem it-“tieni proposta tal-mFRRIF”). L-Artikolu 12 tat-tieni proposta tal-mFRRIF kien jipprovdi li l-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet kollha meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR kienet ser tkun kumpannija proprjetà tat-TSO. F’nota ta’ spjegazzjoni mehmuża ma’ dan il-messaġġ tal-posta elettronika, it-TSO speċifikaw x’kien l-għan imfittex mill-imsemmi artikolu.

7        Wara li eżaminat it-tieni proposta tal-mFRRIF, l-ACER qieset mill-ġdid li din ma kinitx konformi mar-Regolament 2017/2195, minħabba li din kienet tindika biss l-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO, filwaqt li l-imsemmi regolament kien jirrikjedi li tiġi indikata entità inkarigata minn kull waħda mill-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, inklużi l-funzjonijiet li, bħall-ġestjoni tal-kapaċità, bħala proċess ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli għall-finijiet tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar, kienu funzjonijiet ta’ pjattaformi multipli, sa fejn il-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli kienet data li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni f’kull waħda mill-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar. Barra minn hekk, hija ssuġġeriet li t-TSO, sabiex josservaw l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, iżommu ż-żewġ għażliet proposti għall-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, jiġifieri jew TSO wieħed, jew kumpannija proprjetà tat-TSO.

8        Permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika tat‑13 ta’ Diċembru 2019, it-TSO, permezz ta’ membru tan-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku, bagħtu lill-ACER it-tielet verżjoni tal-proposta ta’ metodoloġija tal-mFRR (iktar ’il quddiem it-“tielet proposta tal-mFRRIF”).

9        L-Artikolu 12 tat-tielet proposta tal-mFRRIF kien jipprovdi kif ġej:

“[…]

2. It-TSO kollha għandhom jaħtru entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-[funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni] u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO tal-pjattaforma [mFRR]. Din l-entità għandha tkun TSO wieħed jew kumpannija proprjetà tat-TSO.

[…]

5. Meta t-TSO jimplimentaw funzjoni ta’ pjattaformi multipli, it-TSO kollha għandhom jaħtru entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-imsemmija funzjoni, li tista’ tkun differenti mill-entità msemmija fil-[paragrafu] 2.

6. Fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tal-[metodoloġija] ta’ pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ enerġija tal-bbilanċjar mir-riżervi ta’ rimpjazzament b’attivazzjoni [manwali jew awtomatika], it-TSO kollha għandhom jaħtru l-entità proposta għall-eżekuzzjoni tal-[funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità].

[…]”.

10      Permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika tas‑17 ta’ Diċembru 2019 indirizzat lin-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku, l-ACER informat lit-TSO li l-emendi magħmula fl-Artikolu 12 fit-tielet proposta tal-mFRRIF kienu baqgħu mhux konformi mar-Regolament 2017/2195. Fil-fatt, peress li, skont l-imsemmija proposta, il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR jistgħu jiġu eżegwiti minn diversi entitajiet, din il-proposta għandha tosserva r-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, li ma kienx intwera li huwa l-każ.

11      Permezz ta’ messaġġ tal-posta elettronika tat‑18 ta’ Diċembru 2019 indirizzat minn membru tal-persunal tat-TSO Belġjan bi tweġiba għall-messaġġ tal-posta elettronika tal-ACER tas‑17 ta’ Diċembru 2019, it-TSO bagħtu lill-ACER verżjoni emendata tat-tielet proposta tal-mFRRIF (iktar ’il quddiem it-“tielet proposta emendata tal-mFRRIF”). Huma kkonfermaw li entità waħda (TSO wieħed jew kumpannija proprjetà tat-TSO) kienet ser tkun inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet speċifikament meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, jiġifieri l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, u li, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, li kienet funzjoni ta’ pjattaformi multipli, din tista’ tiġi fdata lil entità unika oħra (TSO wieħed jew kumpannija proprjetà tat-TSO).

12      Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, l-ACER fasslet verżjoni finali tal-abbozz tagħha ta’ deċiżjoni dwar il-metodoloġija tal-mFRR, li ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti.

13      Fl‑24 ta’ Jannar 2020, l-ACER adottat id-Deċiżjoni 03/2020, dwar il-metodoloġija tal-mFRR, li magħha kien hemm mehmuża, fl-Anness I, metodoloġija tal-mFRR, kif emendata u approvata minnha (iktar ’il quddiem l-“mFRRIF ikkontestat”).

14      L-Artikolu 12 tal-mFRRIF ikkontestat jipprovdi dan li ġej:

“[…]

2. It-TSO kollha għandhom jaħtru entità, li tkun TSO jew kumpannija proprjetà tat-TSO, inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-[funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni] u l-[funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO] tal-pjattaforma mFRR. Mhux iktar tard minn tmien xhur qabel ma l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità ssir funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-TSO kollha għandhom jiżviluppaw proposta ta’ emenda tal-mFRRIF li għandha taħtar entità responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità f’konformità mal-Artikolu 20(3)(e) [tar-Regolament 2017/2195], u li għandha tippreċiża jekk il-pjattaforma mFRR għandhiex tiġi operata minn entità waħda jew minn diversi entitajiet.

3. Il-ħatra tal-entità għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 20(4) [tar-Regolament 2017/2195].

[…]”

15      Fit‑23 ta’ Marzu 2020, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), Austrian Power Grid, ČEPS, a.s., Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., Red Eléctrica de España SA, RTE Réseau de transport d’électricité u Svenska kraftnät (iktar ’il quddiem il-“grupp A”), ippreżentaw appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER kontra, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni 03/2020, li inizjalment kien irreġistrat bin-numru A-002-2020. TenneT TSO BV u TenneT TSO GmbH ippreżentaw appell quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER kontra, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni 03/2020, li inizjalment kien irreġistrat bin-numru A-005-2020. Sa fejn dawn il-każijiet kellhom l-istess suġġett, il-Bord tal-Appell sussegwentement ġabarhom flimkien taħt in-numru tal-Każ A-002-2020 (konsolidat).

16      Fl-appell tiegħu, il-grupp A, skont l-Artikolu 20(3)(d) tad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Nru 1-2011, kif emendata fil‑5 ta’ Ottubru 2019, li tistabbilixxi r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER, talab lil dan tal-aħħar jordna lill-ACER sabiex tiżvela (iktar ’il quddiem it-“talba ta’ żvelar”), f’forma mhux redatta, diversi dokumenti, jiġifieri, minn naħa, kopja tal-evalwazzjoni li saret mill-ACER fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2017/2195 u, min-naħa l-oħra, kopja tal-formoli li fihom l-opinjonijiet ifformulati mill-Bord tar-Regolaturi tal-ACER dwar id-Deċiżjoni 03/2020 u l-metodoloġija tal-mFRR, qabel l-adozzjoni finali ta’ dawn tal-aħħar mill-ACER (iktar ’il quddiem id-“dokumenti kkontestati”), u talab il-possibbiltà li jikkummenta dwar dawn id-dokumenti. Il-grupp A irrepeta din it-talba ta’ żvelar f’ittra tat‑28 ta’ Mejju 2020.

17      Fit‑2 ta’ Ġunju 2020, ir-Reġistru tal-Bord tal-Appell ikkomunika lill-grupp A d-deċiżjoni li permezz tagħha l-President tal-imsemmi bord ċaħad it-talba tagħhom għal żvelar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ żvelar”).

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Lulju 2020, il-Bord tal-Appell adotta d-deċiżjoni kkontestata, li kkonfermat d-Deċiżjoni 03/2020 u ċaħdet l-appelli tal-appellanti fil-Każ A-002-2020 (konsolidat).

 Ittalbiet talpartijiet

19      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernahom;

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 03/2020 kif ukoll l-Artikolu 3(3) u (5)(b), l-Artikolu 4(6), l-Artikolu 6, l-Artikolu 11(1)(c) u (2)(c) u l-Artikolu 12 tal-mFRRIF ikkontestat;

–        tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

20      L-ACER essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà tattieni kap tattalbiet tarrikors

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ rikors stabbiliti mill-Artikolu 263 TFUE jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku u għalhekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżaminahom ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Pebagua vs Il‑Kummissjoni, C‑204/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:425, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, wara li l-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikors, li huwa intiż għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 03/2020 u ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-mFRRIF ikkontestat.

23      F’dan ir-rigward, mill-premessa 34, mill-Artikolu 28(1) u mill-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942 kif ukoll mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, jirriżulta li r-rikorrenti li ma humiex privileġġjati jistgħu biss iressqu azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, MEKH u FGSZ vs ACER, T‑684/19 u T‑704/19, EU:T:2022:138, punti 31 sa 42).

24      Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti, li ma għandhomx l-istatus ta’ rikorrenti privileġġjati, jistgħu biss ifittxu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, adottata mill-Bord tal-Appell, iżda mhux l-annullament tad-Deċiżjoni 03/2020 u tal-annessi tagħha.

25      Għaldaqstant, dan il-każ għandu jkun limitat għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari sa fejn din tikkonferma kompletament id-Deċiżjoni 03/2020 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-mFRRIF ikkontestat, fid-dawl tal-motivi u tal-ilmenti mressqa mir-rikorrenti kif ukoll tal-motivi jew tal-ilmenti li għandhom, fejn xieraq, jiġu invokati ex officio fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq ilmertu

26      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, ibbażati essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi u tar-Regolament 2019/942 imwettaq mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, meta kkonstata li l-ACER setgħet, fid-Deċiżjoni 03/2020, titbiegħed, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, mit-talba konġunta tal-ARN; it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, billi ma kkonstatax li l-ACER kienet kisret, permezz tad-Deċiżjoni 03/2020, l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195; u t-tielet wieħed, fuq ksur, mill-Bord tal-Appell, matul il-proċedura quddiemu, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligi legali imposti fuqu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jirriżulta minn ksur tal-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi u tar-Regolament 2019/942 imwettaq mill-Bord tal-Appell meta kkonstata li l-ACER setgħet titbiegħed, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, mit-talba konġunta tal-ARN

27      L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ACER ma kinitx tbiegħdet mill-pożizzjoni komuni tal-ARN, kif stabbilita fit-talba konġunta. It-tieni parti hija bbażata fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, fi kwalunkwe każ, l-ACER kienet awtorizzata titbiegħed mill-pożizzjoni komuni tal-ARN, kif stabbilita fit-talba konġunta.

28      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tibda bl-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

29      Fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ACER setgħet titbiegħed mill-pożizzjoni komuni tal-ARN, kif stabbilita fit-talba konġunta, filwaqt li l-kamp tal-kompetenza tal-ACER kien iddefinit mit-talba konġunta u li, billi tbiegħdet mit-termini ta’ din tal-aħħar, fid-Deċiżjoni 03/2020, abbażi tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 u tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, sabiex issegwi l-aġenda politika tagħha, hija kienet aġixxiet ultra vires, bi ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Il-fatt li wħud mill-ANR ikkonċernati ma kkontestawx id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward ma jċaħħadx lill-ANR l-oħra mid-dritt tagħhom li jagħmlu dan.

30      L-ewwel, skont ir-rikorrenti, mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament 2019/942, mill-ġurisprudenza u mill-prassi deċiżjonali tal-ACER jirriżulta li l-kompetenza deċiżjonali tal-ACER ma tistax testendi għall-punti li dwarhom l-ANR kienu diġà qablu jew li ma talbuhiex tiddeċiedi dwarhom. F’dan il-każ, l-ACER ġiet adita biss biż-żewġ punti ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-ARN imsemmija fin-nota informali, dwar il-kontroattivazzjonijiet ipprogrammati u l-kwistjoni dwar jekk dawn kellhomx jiġu awtorizzati sa mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-pjattaforma mFRR, minn naħa, u d-dettalji dwar il-volum iggarantit u l-offerti li kellhom jagħmlu parti minnha, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk humiex biss l-offerti l-iktar għolja li kellhom jiġu ddikjarati mhux disponibbli għall-attivazzjoni minn TSO oħra.

31      It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li, billi adottat deċiżjoni li kienet taqbeż il-limiti tal-kompetenza tagħha, kif iddefiniti mit-talba konġunta, l-ACER kisret il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE. Il-metodoloġija tal-mFRR ġiet adottata abbażi tar-Regolament 2017/2195, li huwa att ta’ implimentazzjoni. Kif jirriżulta mill-premessa 16 tiegħu, ir-Regolament 2017/2195 jistabbilixxi l-limiti tal-kompetenza mogħtija lill-ACER u hija biss il-Kummissjoni Ewropea li tista’, permezz tal-proċedura ta’ kumitat, tibdel l-imsemmija limiti. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Bord tal-Appell, fil-punt 108 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ACER ma eżerċitatx, f’dan il-każ, kompetenza rispettiva, iżda kompetenza ddelegata jew idderivata tal-ARN. Skont il-ġurisprudenza, hija biss in-neċessità li jiġi żgurat l-effett utli tar-Regolament 2017/2195 li tista’ tiġġustifika li l-ACER teċċedi l-limiti tal-kompetenza mogħtija lilha. Madankollu, mill-punt 69 tas-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, E-Control vs ACER (T‑332/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:761), jirriżulta li xejn ma jiġġustifika li, bħal f’dan il-każ, l-ACER tissostitwixxi l-pożizzjoni tagħha għal dik tal-ARN, kif espressa fit-talba konġunta, dwar il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u l-entità jew l-entitajiet maħtura sabiex jeżegwixxuhom.

32      It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament 2019/942, adottata mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex l-ACER tingħata setgħa ġenerali li tirrevedi l-proposti tat-TSO sottomessi lill-ARN, kienet żbaljata, sa fejn din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli għall-proċess deċiżjonali msemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tal-imsemmi regolament u ma kinitx tosserva l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, kif imfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq. F’dan il-każ, l-adozzjoni tal-metodoloġija tal-mFRR kienet taqa’, fl-ewwel lok, taħt il-kompetenza tal-ARN u, fit-tieni lok u fin-nuqqas ta’ qbil bejniethom jew fuq talba konġunta tagħhom, taħt il-kompetenza tal-ACER.

33      Ir-raba’, ir-rikorrenti jqisu li l-invokazzjoni, mill-ACER, tan-natura allegatament “minn isfel għal fuq” tal-proċess regolatorju previst mir-Regolament 2019/942 ma tiġġustifikax li, fid-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER tbiegħdet mill-pożizzjoni komuni tal-ARN, u dan indipendentement mill-opinjoni favorevoli maħruġa mill-Bord tar-Regolaturi dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-ACER. Permezz tad-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER imponiet fuq it-TSO numru ta’ obbligi li huma kienu ċaħdu b’mod kostanti u li l-ANR ma kinux identifikaw, fit-talba konġunta, bħala punti ta’ nuqqas ta’ qbil bejniethom u li jeħtieġu arbitraġġ mill-ACER. Id-Deċiżjoni 03/2020, kif ikkonfermata mill-Bord tal-Appell, mhux biss kienet illegali, iżda kienet ukoll ta’ preġudizzju għat-TSO. Fil-fatt, hija ċaħdithom mill-possibbiltà li jaħtru konsorzju ta’ TSO sabiex jeżegwixxi l-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO u imponitilhom li, f’ċertu terminu ta’ żmien, jinkludu l-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u jaħtru wieħed mit-TSO jew kumpannija proprjetà tat-TSO sabiex teżegwixxi din il-funzjoni, f’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament 2017/2195. Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195, kienu t-TSO li kellhom jiddefinixxu l-metodoloġija tal-mFRR u l-ACER ma setgħetx timponi din il-metodoloġija fuqhom, filwaqt li tistaħba wara possibbiltà ipotetika, għat-TSO, li jippreżentaw proposta ta’ emenda tal-imsemmija metodoloġija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2017/2195.

34      L-ACER titlob li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

35      F’dan il-każ, f’konformità mad-determinazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors u tal-utilità tal-motivi invokati insostenn tiegħu fil-punt 25 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord tal-Appell wettaqx żball ta’ liġi meta naqas, fid-deċiżjoni kkontestata, milli jikkonstata li, billi adottat id-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER kienet qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha, kif allegaw ir-rikorrenti insostenn tal-appell ippreżentat quddiemu.

36      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza dwar ir-regoli li jirregolaw il-kompetenza tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni trid tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Frar 2011, Cantiere navale De Poli vs Il‑Kummissjoni, T-584/08, EU:T:2011:26, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li hija l-uniku att li r-rikorrenti jistgħu jikkontestaw il-legalità tiegħu fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), jiġifieri fis‑16 ta’ Lulju 2020, ir-Regolament 2019/942 kien applikabbli. Barra minn hekk, ir-Regolament 2017/2195 ukoll kien fis-seħħ u applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 65 tiegħu, mit‑18 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri l-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fit‑28 ta’ Novembru 2017. Issa, l-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 u l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 jawtorizzaw lill-ACER li, fi żmien sitt xhur, tiddeċiedi jew tadotta deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet jew problemi regolatorji li jkollhom effetti fuq il-kummerċ transkonfinali jew is-sigurtà tas-sistemi transkonfinali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ARN, bħall-adozzjoni tal-metodoloġija tal-mFRR, jekk l-ARN kompetenti ma jkunux waslu għal qbil fit-terminu mogħti lilhom sabiex jagħmlu dan jew jekk l-ARN kompetenti kienu għamlulha talba konġunta f’dan ir-rigward. Fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu biss dawn id-dispożizzjonijiet li setgħu joffru bażi legali lill-imsemmija deċiżjoni.

38      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 u l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 kinux ta’ natura li jistabbilixxu l-kompetenza tal-ACER sabiex tadotta b’mod definittiv il-metodoloġija tal-mFRR, kif tinstab fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, li jimplika li l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha tiġi interpretata.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu interpretati dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jifformaw parti minnha (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2018, COBRA, C‑192/17, EU:C:2018:554, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Jannar 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard), C‑122/18, EU:C:2020:41, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, it-TSO kollha, kif kienu obbligati jagħmlu skont l-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament 2017/2195, issottomettew għall-approvazzjoni tal-ARN tagħhom proposta ta’ metodoloġija tal-mFRR, jiġifieri l-proposta inizjali tal-mFRRIF. Skont l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 u l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, l-ACER madankollu kellha, fil-każ ta’ talba konġunta mill-ARN, tiddeċiedi hija stess fuq din il-proposta f’terminu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika ta’ din it-talba. Issa, huwa paċifiku li, permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Lulju 2019, l-ANR talbu b’mod konġunt lill-ACER, skont l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195, sabiex tiddeċiedi dwar il-proposta inizjali tal-mFRRIF li t-TSO kienu ssottomettewlhom (punt 4 iktar ’il fuq).

41      Għalhekk, il-kompetenza tal-ACER sabiex tiddeċiedi jew tadotta deċiżjoni definittiva dwar il-metodoloġija tal-mFRR kienet ibbażata, f’dan il-każ, fuq il-fatt, imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195, li l-ARN kollha kienu talbuha b’mod konġunt li tiddeċiedi dwar din il-metodoloġija.

42      Issa, l-ewwel, mill-kliem tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 u tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ tali kompetenza u lil hinn mill-obbligu tagħha, skont l-Artikolu 6(11) tar-Regolament 2019/942, li tikkonsulta lill-ARN u lit-TSO ikkonċernati fl-istadju tal-preparazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-ACER kienet marbuta mill-osservazzjonijiet trażmessi minn dawn tal-aħħar. B’mod partikolari, mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-kompetenza tal-ACER hija limitata biss għall-aspetti li fuqhom l-ARN ma rnexxilhomx jilħqu qbil. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 u l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 iqisu li l-“kwistjonijiet regolatorji” jew il-“proposti sottomessi [għall-]metodoloġiji [mit-TSO]”, li inizjalment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ARN qabel ma jaqgħu, wara talba konġunta minn dawn tal-aħħar, taħt il-kompetenza tal-ACER, bħala ħaġa waħda indiviżibbli, li fir-rigward tagħhom l-ARN, u sussegwentement l-ACER, ikunu aditi b’mod globali mingħajr ma ssir tali distinzjoni. Fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 u l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 għandhom għalhekk jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ talba konġunta mill-ARN dwar kwistjonijiet regolatorji jew proposti sottomessi mit-TSO, l-ACER hija awtorizzata tiddeċiedi hija stess dwar dawn il-kwistjonijiet jew dawn il-proposti.

43      It-tieni, din l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 u tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 hija sostnuta mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti dawn id-dispożizzjonijiet, kif iċċarati mix-xogħol preparatorju ta’ din tal-aħħar.

44      F’dan ir-rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (COM/2007/0530 final), li wasslet għar-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2009, L 211, p. 1), li sussegwentement kien ġie ssostitwit bir-Regolament 2019/942, jirriżulta li d-dispożizzjonijiet inklużi fih kienu bbażati b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni li, “[m]inkejja li s-suq intern ta’ l-enerġija [kien] żviluppa konsiderevolment, [kien] għad hemm lakuna regolatorja dwar kwistjonijiet transkonfinali” u li “[l]-approċċ […] li fil-prattika s-soltu [kien] jeħtieġlu l-kunsens ta’ 27 regolatur u aktar minn 30 TSO biex jilħaq qbil, [ma kienx qiegħed] iħalli riżultati suffiċjenti” u “[ma kienx] għal deċiżjonijiet reali fuq il-kwistjonijiet diffiċli li jeħtieġ li jittieħdu”. Għal dawn ir-raġunijiet, kien ġie deċiż li tinħoloq l-Aġenzija “[li kienet ser t]ikkomplement[a], fuq il-livell Ewropew, il-ħidmiet regolatorji li jwettquhom ir-regolaturi nazzjonali”, b’mod partikolari bl-għoti ta’ “[s]etgħat ta’ deċiżjoni f’każijiet individwali”. L-imsemmija setgħat kellhom jingħataw lill-ACER “[b]il-għan li jiġu ttrattati kwistjonijiet speċifiċi transkonfinali”, b’mod partikolari “dwar is-sistema regolatorja applikabbli għall-infrastruttura fi ħdan it-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed”, kif kien finalment previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009.

45      Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (COM/2016/0863 final) jirriżulta li d-dispożizzjonijiet inklużi fiha kellhom b’mod partikolari jippermettu “[l]-adattament tas-sorveljanza regolatorja għas-swieq reġjonali”. B’mod partikolari, ma deherx iktar xieraq għar-realtajiet il-ġodda ta’ dawn is-swieq li “d-deċiżjonijiet regolatorji ewlenin kollha jittieħdu mir-regolaturi nazzjonali, anki f’każijiet meta jkun hemm bżonn ta’ soluzzjoni reġjonali komuni” u li “[s]-sorveljanza regolatorja [kienet] għadha frammentata, u dan [kien qiegħed] iwassal għal riskju ta’ deċiżjonijiet diverġenti u għal dewmien bla bżonn”. Għal dawn ir-raġunijiet, kien ikkunsidrat li “[t]-tisħiħ tas-setgħat tal-ACER fil-kuntest ta’ dawn il-kwistjonijiet transkonfinali li [kienu]jeħtieġu deċiżjoni reġjonali koordinata kieku jikkontribwixxi lejn proċess aktar mgħaġġel u effettiv ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali”, filwaqt li ġie osservat li “[r]-regolaturi nazzjonali, li jiddeċiedu fi ħdan l-ACER rigward dawk il-kwistjonijiet permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza, jibqgħu involuti b’mod sħiħ fil-proċess”. L-għoti lill-ACER ta’ “kompetenzi addizzjonali limitati” kien meqjus bħala konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, sa fejn dan kien isir “fl-oqsma li fihom it-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali frammentati dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza transkonfinali jistgħu jwasslu għal problemi jew għal inkonsistenzi fis-suq intern”. Barra minn hekk, dan kien meqjus konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn “[l-]ACER għandha tingħata kompiti addizzjonali, speċjalment fl-operat reġjonali tas-sistema tal-enerġija, filwaqt li r-regolaturi nazzjonali għandhom iżommu r-rwol ċentrali tagħha fir-regolamentazzjoni tal-enerġija”. Huwa f’dan il-kuntest li l-proposta għal regolament, fil-“Kapitolu [I,] [t]iddefinixxi għadd ta’ kompiti ġodda għall-ACER, […] b’rabta mas-superviżjoni ta’ Operaturi Nominati tas-Suq tal-Elettriku u li huma relatati mal-approvazzjoni ta’ metodi, kif ukoll proposta dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni u t-tħejjija għar-riskji”. Dawn il-kompiti l-ġodda tal-ACER ġew b’mod partikolari fformalizzati fl-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942.

46      Mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ dawn il-proposti għal regolament toħroġ ir-rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali, li huma diffiċli iżda indispensabbli, iktar effiċjenti u rapidi, u dan permezz ta’ tisħiħ tas-setgħat ta’ deċiżjoni f’każijiet individwali tal-ACER b’mod kompatibbli maż-żamma tar-rwol ċentrali tal-ARN fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-enerġija.

47      Dan jikkorrispondi wkoll għal uħud mill-għanijiet segwiti mir-Regolamenti Nru 713/2009 u 2019/942. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-premessa 10 tar-Regolament 2019/942, li qabel kienet il-premessa 5 tar-Regolament Nru 713/2009, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib u jeliminaw l-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali tal-elettriku u tal-gass naturali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u twaqqaf korp ċentrali indipendenti, jiġifieri l-ACER, sabiex jimla l-lakuna regolamentari fil-livell tal-Unjoni u sabiex jikkontribwixxi għall-funzjonament effikaċi tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali. Għalhekk, kif huwa indikat fil-premessa 11 tar-Regolament 2019/942, li qabel kienet il-premessa 6 tar-Regolament Nru 713/2009, l-ACER għandha tiżgura li l-funzjonijiet regolatorji ssodisfatti mill-ARN ikunu kkoordinati korrettament u, jekk meħtieġ, issupplimentati fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, hija għandha, kif ġie ppreċiżat fil-premessi 33 u 34 tar-Regolament 2019/942, li qabel kienu l-premessi 18 u 19 tar-Regolament Nru 713/2009, setgħat rispettivi ta’ deċiżjoni sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod effiċjenti, trasparenti, motivat u, fuq kollox, indipendenti fir-rigward tal-produtturi tal-elettriku u tal-gass, tat-TSO u tal-konsumaturi. Hija għandha teżerċita dawn is-setgħat billi tiżgura l-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet mad-dritt tal-Unjoni dwar l-enerġija, taħt il-kontroll tal-Bord tal-Appell, li jagħmel parti mill-ACER filwaqt li huwa indipendenti fi ħdan din tal-aħħar, u taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

48      Minn dan isegwi li l-ACER b’mod partikolari ingħatat funzjonijiet regolatorji u setgħat deċiżjonali rispettivi, li hija teżerċita b’indipendenza sħiħa u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, sabiex tkun tista’ tissupplimenta lill-ANR meta l-kooperazzjoni volontarja tagħhom ma tippermettilhomx li jaddottaw deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet jew dwar problemi partikolari li jaqgħu taħt il-kompetenza regolatorja tagħhom. Kif huwa indikat fil-premessi 11 u 45 tar-Regolament 2019/942, li qabel kienu l-premessi 6 u 29 tar-Regolament Nru 713/2009, l-ACER b’hekk issir kompetenti sabiex tiddeċiedi, b’indipendenza sħiħa u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, fuq kwistjonijiet regolatorji jew problemi importanti għall-funzjonament effikaċi tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass naturali, biss meta u sa fejn, f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità esposti fl-Artikolu 5 TUE, l-għanijiet segwiti mill-Unjoni ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati, minħabba n-nuqqas ta’ qbil ġenerali milħuq bejn l-ARN tagħhom dwar kwistjonijiet regolatorji jew problemi li inizjalment jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom. Dan japplika a fortiori meta l-ANR stess jaqblu li huwa iktar xieraq li l-ACER tiddeċiedi hija stess dwar dawn il-kwistjonijiet jew dwar dawn il-problemi.

49      Għalhekk, il-loġika tas-sistema li fuqha huma bbażati l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942, li qabel kien l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 713/2009, u l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 hija li, meta l-ANR, fil-livell tal-Istati Membri, iqisu li jkun iktar xieraq li l-ACER tiddeċiedi hija stess permezz ta’ deċiżjoni individwali dwar kwistjonijiet regolatorji jew dwar problema li taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, li huma importanti għall-funzjonament effikaċi tas-swieq interni tal-elettriku, bħall-iżvilupp tal-metodoloġija tal-mFRR previst fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament 2017/2195, il-kompetenza għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun tal-ACER, mingħajr ma jkun previst li parti minn dik il-kompetenza tista’ tinżamm, fil-livell nazzjonali, mill-ARN, pereżempju għal ċerti kwistjonijiet regolatorji jew għal ċerti aspetti tal-problema inkwistjoni li dwarhom ikunu laħqu qbil.

50      Barra minn hekk, sa fejn l-ACER teżerċita l-kompetenza tagħha b’indipendenza sħiħa u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta indika, fil-punt 110 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa ma jistax ikun marbut mill-pożizzjoni meħuda mill-ANR kompetenti fuq ċerti kwistjonijiet regolatorji jew dwar ċerti aspetti tal-problemi sottomessi lilhom u li dwarhom huma kienu waslu għal qbil, b’mod partikolari meta jqis li din il-pożizzjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni dwar l-enerġija. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma jikkontestawx, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

51      Barra minn hekk, sa fejn is-setgħat rispettivi ta’ deċiżjoni ġew mogħtija lill-ACER sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod effettiv, l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 u l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 iridu jinftiehmu fis-sens li jawtorizzaw lill-ACER temenda l-proposti tat-TSO sabiex tiżgura l-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni dwar l-enerġija, qabel l-approvazzjoni tagħhom. Din is-setgħa hija indispensabbli sabiex l-ACER tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet regolatorji tagħha b’mod effettiv, peress li, kif ġustament enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 125 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament 2019/942 jew tar-Regolament 2017/2195 ma tipprevedi li l-ACER tista’ titlob lit-TSO jemendaw il-proposta tagħhom, qabel ma tapprovaha.

52      Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, fir-Regolament 2019/942, is-setgħat ta’ deċiżjoni mogħtija lill-ACER ġew irrikonċiljati maż-żamma tar-rwol ċentrali rrikonoxxut lill-ARN fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-enerġija peress li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament, l-ACER, permezz tad-Direttur tagħha, għandha tordna jew tadotta d-deċiżjonijiet tagħha biss wara li tkun irċeviet jew kisbet l-opinjoni favorevoli tal-Bord tar-Regolaturi li fih l-ARN kollha huma rrappreżentati flimkien mal-Kummissjoni, fejn kull membru tal-imsemmi Bord għandu vot wieħed u fejn dan il-Bord jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, kif previst fl-Artikolu 21 u fl-Artikolu 22(1) tal-istess regolament.

53      Għalhekk, l-għan tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 u tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 kif ukoll il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkonfermaw li, f’każ ta’ talba konġunta mill-ARN dwar kwistjonijiet regolatorji jew proposti sottomessi mit-TSO, l-ACER hija awtorizzata tirregola jew tiddeċiedi hija stess dwar dawn il-kwistjonijiet jew dawn il-proposti, bla ħsara għaż-żamma tar-rwol ċentrali rrikonoxxut lill-ARN permezz tal-opinjoni ta’ qbil tal-Bord tar-Regolaturi u mingħajr ma l-kompetenza tagħha tkun limitata biss għall-aspetti partikolari li fuqhom ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-imsemmija ARN.

54      L-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li r-Regolament 2017/2195 huwa att ta’ implimentazzjoni, li l-Bord tal-Appell ikkwalifika b’mod żbaljat il-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala wieħed “minn isfel għal fuq” jew ma osservax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) (b) tar-Regolament 2019/942 għandhom jiġu miċħuda bħala li huma, fi kwalunkwe każ, ineffettivi, sa fejn dawn ma humiex ta’ natura li jbiddlu l-fatt li, f’dan il-każ, l-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 u l-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 kienu jipprovdu lill-Bord tal-Appell b’bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni definittiva tal-metodoloġija tal-mFRR, kif tinstab fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata.

55      It-tielet, il-fondatezza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 u tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 esposta fil-punt 53 iktar ’il fuq hija kkonfermata mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-każ inkwistjoni.

56      Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament 2017/2195 jirriżulta li l-metodoloġija tal-mFRR hija maħsuba bħala sett regolatorju indiviżibbli, li għandu jagħti lok għal approvazzjoni waħda min-naħa tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

57      Fit-tieni lok u sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għall-kontenut tan-nota informali tal-ARN, għandu jiġi osservat li din tal-aħħar tikkostitwixxi dokument, maħruġ mill-ARN, li ma huwiex legalment vinkolanti għall-ACER u li la jista’ jinfluwenza d-determinazzjoni tal-portata tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 jew tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195, u lanqas dik tal-kompetenzi jew tad-dmirijiet tal-ACER li jirriżultaw minnu. Fi kwalunkwe każ, il-kontenut ta’ dan id-dokument ma jsostnix l-allegazzjoni tar-rikorrenti li n-nota informali tal-ARN iddistingwiet b’mod konkret il-kwistjonijiet regolatorji jew l-aspetti tal-metodoloġija tal-mFRR li għalihom l-ARN kollha kienu laħqu qbil, b’mod partikolari dwar il-fatt li l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, iżda mhux il-ġestjoni tal-kapaċità, kienu funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u l-għażla ta’ konsorzju għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija funzjonijiet kienet għażla kompatibbli mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, fost dawk li dwarhom ma kinux laħqu tali qbil u għalhekk irreferewhom għall-ACER għal deċiżjoni.

58      Fil-fatt, fin-nota informali tal-ARN, dawn tal-aħħar, wara li fakkru li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni, innotaw, b’mod mhux vinkolanti għall-ACER, il-qbil tagħhom dwar il-fatt li l-proposta inizjali tal-mFRRIF kellha tipprevedi li l-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli kellu jitwettaq mit-TSO kollha, b’mod iċċentralizzat u kkoordinat għall-pjattaformi Ewropej kollha tal-ibbilanċjar u, barra minn hekk, kellha tiġi essenzjalment ifformulata mill-ġdid sabiex tippreċiża, mingħajr ambigwità, jekk huma xtaqux jinkarigaw lil entità waħda jew lil diversi entitajiet bl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma tal-mFRR, peress li konsorzju ta’ TSO, mingħajr personalità ġuridika kien ewkivalenti għal struttura b’entitajiet multipli. Dawn l-osservazzjonijiet tal-ANR juru li l-qbil tagħhom kien jirrigwarda, f’dan il-każ, mhux daqstant il-validazzjoni tal-artikoli tal-proposta inizjali tal-mFRRIF dwar il-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli u l-indikazzjoni tal-entitajiet inkarigati mill-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR iżda iktar in-neċessità, għat-TSO, li jiżviluppaw l-artikoli relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet li kien hemm fil-proposta inizjali tal-mFRRIF.

59      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex fondati meta jakkużaw lill-ACER li injorat il-fatt li n-nota informali tal-ARN kienet turi li dawn tal-aħħar kienu jaqblu fuq il-fatt li l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, iżda mhux il-ġestjoni tal-kapaċità, kienu funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u li l-għażla ta’ konsorzju għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija funzjonijiet kienet għażla kompatibbli mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195.

60      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa ma kkonstatax li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER kienet marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenza tagħha meta ddeċidiet fuq punti tal-metodoloġija tal-mFRR li fin-nota informali tal-ARN kienu ssemmew bħala punti li dwarhom kien hemm qbil bejniethom.

61      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Peress li l-eżami ta’ din tal-aħħar ippermetta li jiġi kkonstatat li l-ACER kellha, fi kwalunkwe każ, kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq punti tal-metodoloġija tal-mFRR li fin-nota informali tal-ARN kienu ssemmew bħala punti li dwarhom kien hemm qbil bejniethom, il-kwistjoni dwar jekk, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER effettivament tbegħditx mill-pożizzjoni komuni tal-ARN, kif stabbilita fit-talba konġunta tagħhom, issir irrilevanti. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, u għalhekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Bord tal-Appell billi ma kkonstatax li l-ACER kienet kisret l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195

62      It-tieni motiv jinqasam fi tmien partijiet, li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament, fejn meħtieġ billi jinġabru flimkien.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li t-TSO kienu imponew fuqhom stess l-obbligu li jużaw entità waħda

63      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat, fil-punt 162 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-TSO kienu imponew fuqhom stess l-obbligu li jużaw entità waħda sabiex iwettqu l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. L-imsemmi bord ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proposta li jinħatar TSO wieħed, li tinsab fit-tielet proposta tat-TSO, kienet ir-riżultat tal-oppożizzjoni kostanti tal-ACER, fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali, għall-ħatra ta’ konsorzju ta’ TSO u l-preferenza tagħha għal entità ġuridika waħda, fil-forma ta’ TSO jew ta’ kumpannija maħluqa mit-TSO. L-ACER għalhekk imponiet b’mod illegali l-pożizzjoni tagħha fuq it-TSO, bl-iskuża tan-natura allegatament “minn isfel għal fuq” tal-proċess regolatorju previst mir-Regolament 2019/942. Il-fatt li wħud mill-ANR ikkonċernati ma kkontestawx id-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward ma jċaħħadx lill-ANR l-oħra mid-dritt tagħhom li jagħmlu dan.

64      L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

65      L-ewwel, l-ewwel parti tat-tieni motiv tqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-ACER setgħetx, jew saħansitra kellhiex, tieħu inkunsiderazzjoni l-proposti suċċessivi tal-mFRRIF li t-TSO kienu ppreżentawlha, wara li hija kienet ġiet mitluba tiddeċiedi dwar il-proposta inizjali tal-mFRRIF fuq talba konġunta tal-ARN.

66      F’dan il-każ, mid-dokument, b’korrezzjonijiet apparenti, li jinsab fl-Anness A.6.1 tar-rikors kif ukoll mill-punt 162 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER żammet il-proposta inizjali tal-mFRRIF bħala d-dokument bażiku li fuqu hija kienet mitluba tiddeċiedi, u li hija sussegwentement fl-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni it-tielet proposta emendata tal-mFRRIF sabiex tfassal l-mFRRIF inkwistjoni, li l-abbozz finali tiegħu ġie kkomunikat lit-TSO fl‑20 ta’ Diċembru 2019 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

67      F’dan ir-rigward, ma hemmx ostakolu legali sabiex, minn naħa, matul il-fażi ta’ konsultazzjoni li l-ACER għandha twettaq, f’konformità mal-Artikolu 6(11) tar-Regolament 2019/942, it-TSO jippreżentawlha suċċessivament verżjoni waħda jew iktar emendati tal-proposta tagħhom inizjalment mibgħuta lill-ARN u sabiex, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-imsemmija konsultazzjoni, l-ACER tieħu inkunsiderazzjoni emendi suċċessivi hekk magħmula mit-TSO.

68      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sottomissjoni tal-proposti suċċessivi tal-mFRRIF fuq l-inizjattiva proprja tat-TSO, f’tentattiv biex jiġu mwieġba l-osservazzjonijiet tal-ACER. F’tali ċirkustanza, huwa konformi mal-ispirtu tal-leġiżlazzjoni applikabbli u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li għandu jipprevali fil-kuntest tal-konsultazzjoni li l-ACER għandha twettaq, f’konformità mal-Artikolu 6(11) tar-Regolament 2019/942, li din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni l-aħħar proposta tal-mFRRIF sottomessa mit-TSO sabiex tfassal il-verżjoni finali tal-abbozz tagħha ta’ deċiżjoni dwar il-metodoloġija tal-mFRR, kif ikkomunikat lit-TSO fl‑20 ta’ Diċembru 2019.

69      Issa, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti stess, fit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, finalment meħuda inkunsiderazzjoni mill-ACER, it-TSO kienu pproponew li jaħtru TSO wieħed, u mhux struttura li għandha l-forma ta’ konsorzju, sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR.

70      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstata li l-ACER, fid-Deċiżjoni 03/2020, ma kinitx imponiet struttura b’entità waħda u kkuntentat ruħha “li tallinja mill-qrib il-[metodoloġija] tal-mFRR mat-tielet proposta [emendata tal-mFRRIF]” sabiex tirrifletti “dak li t-TSO kienu qegħdin jitolbu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71      It-tieni u fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 176 tad-deċiżjoni kkontestata, mid-Deċiżjoni 03/2020 jirriżulta li l-ACER ma kinitx eskludiet li l-entità maħtura mit-TSO sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR tieħu l-forma ta’ konsorzju. Għall-kuntrarju, l-istess bħall-ARN fin-nota informali tagħhom, hija dejjem ikkunsidrat li, kieku t-TSO kellhom jgħażlu tali forma, peress li din ma tagħtix personalità ġuridika lill-entità inkwistjoni, hija ma kinitx tkun tista’ titqies li hija entità waħda.

72      Għandu jiġi kkonstatat li konsorzju huwa grupp mingħajr personalità ġuridika. Fin-nuqqas ta’ personalità ġuridika mogħtija lil din l-entità, huma t-TSO li jkomplu, fid-dawl tal-personalità ġuridika tagħhom, jiżguraw l-operat tal-pjattaforma mFRR.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-forma tal-konsorzju kellha titqies bħala struttura b’entitajiet multipli, li huma t-TSO li jkunu membri tal-konsorzju, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat meta qies, l-istess bħall-ARN u bħall-ACER, li t-TSO kellhom juru, fil-proposta tagħhom tal-mFRRIF, li r-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 kienu ġew osservati.

74      Għaldaqstant, l-argument, ripetut diversi drabi mir-rikorrenti, li l-ACER irrifjutat li l-entità maħtura mit-TSO tieħu l-forma ta’ konsorzju u imponiet il-preferenza tagħha għal struttura b’entità waħda, jiġifieri TSO wieħed jew kumpannija proprjetà tat-TSO, huwa infondat fil-fatt u għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat.

75      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell billi ma kkonstatax il-ksur mill-ACER tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195

76      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ma kkonstatax, fid-deċiżjoni kkontestata, il-ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195 imwettaq mill-ACER fid-Deċiżjoni 03/2020 billi rrifjuta l-ħatra, mit-TSO, ta’ konsorzju ta’ TSO, minħabba li l-imsemmija dispożizzjoni kienet tipprevedi biss żewġ għażliet, għal entità unika, jiġifieri jew TSO, jew kumpannija maħluqa mit-TSO, u mhux konsorzju. Ma kien hemm xejn li jiġġustifika li, fil-premessa 83 tad-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER issostni li l-entità msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195 kellu jkollha kapaċità ġuridika u għalhekk ma setgħetx tkun konsorzju, li ma għandux tali kapaċità.

77      L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

78      Kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv, fil-punt 71 iktar ’il fuq, l-ACER qatt ma eskludiet il-possibbiltà li l-entità maħtura mit-TSO tieħu l-forma ta’ konsorzju. Għall-kuntrarju, hija indikat b’mod kostanti li, li kieku din kellha tkun il-forma adottata mit-TSO, dawn ikunu entitajiet multipli, fid-dawl tan-nuqqas ta’ personalità ġuridika tal-konsorzju, u li t-TSO jridu juru, fil-proposta tagħhom tal-mFRRIF, li r-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 kellhom jiġu ssodisfatti.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(2) tal-mFRRIF ikkontestat, kif iċċitat fil-punt 14 iktar ’il fuq, inizjalment, it-TSO kienu meħtieġa jaħtru entità waħda, jiġifieri TSO wieħed jew kumpannija proprjetà tat-TSO, inkarigata mill-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO. Wara dan, huma kellhom, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, jistabbilixxu proposta għall-ħatra tal-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità u, f’dan ir-rigward, jippreċiżaw jekk il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR kinux ser jitwettqu minn entità waħda jew minn entitajiet multipli, li jkollhom jikkoordinaw ruħhom.

80      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-mFRRIF ikkontestat ma jirriżultax li l-ACER ċaħdet l-għażla tal-konsorzju.

81      Barra minn hekk, kif issostni l-ACER, hija ma żiditx kundizzjoni supplimentari, jiġifieri l-“kapaċità ġuridika”, sabiex allegatament teskludi l-għażla tal-konsorzju, iżda invokat biss in-nuqqas ta’ kapaċità ġuridika tal-konsorzju sabiex tiġġustifika li dan tal-aħħar ma jistax jitqies bħala entità unika, iżda entitajiet multipli.

82      Din il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kapaċità legali tal-konsorzju ġiet espliċitament irrilevata mill-ARN fin-nota informali tagħhom. B’hekk, taħt it-titolu “Artikolu 12 – proposta ta’ entità”, tal-punt B, intitolat “Kwistjonijiet li fuqhom l-[ARN] jaqblu”, dawn indikaw li huma ma kinux kollha favur il-proposta tat-TSO dwar il-ħatra tal-entità jew tal-entitajiet inkarigati mill-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, skont l-Artikolu 12 tal-mFRRIF, u li huma kienu talbu li l-imsemmija proposta tiġi emendata, billi għamlu riferiment għall-osservazzjonijiet simili magħmula dwar il-proposta fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-pjattaforma Ewropea għall-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi. Essenzjalment, l-ANR xtaqu li t-TSO jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl taż-żewġ għażliet imsemmija fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, jekk huma jkollhom jipprevedu li l-pjattaforma mFRR tkun operata minn entità maħluqa minnhom, din l-entità kellha tkun legalment separata minnhom u jkollha kapaċità legali sħiħa. Issa, skont l-ARN, konsorzju ma kellux tali kapaċità, sa fejn ma kellux personalità ġuridika, b’tali mod li ma kienx jikkostitwixxi entità legalment separata mit-TSO. L-ARN madankollu kienu ppreċiżaw li dan ma kienx jippermetti li jiġi eskluż li konsorzju jkun jista’ jopera pjattaforma, iżda li, f’dan il-każ, it-TSO li jifformaw parti mill-konsorzju kienu kompletament responsabbli għal dan l-operat u li, fil-preżenza ta’ struttura b’entitajiet multipli, kellu jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 jiġu osservati.

83      L-argument tar-rikorrenti li l-ACER żiedet il-kundizzjoni li l-entità jkollha kapaċità ġuridika rispettiva għandu għalhekk jiġi miċħud.

84      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(35) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125), TSO huwa ddefinit bħala “persuna fiżika jew ġuridika li hija responsabbli li tħaddem, li tiżgura l-manutenzjoni ta’, u jekk ikun meħtieġ li tiżviluppa, is-sistema tat-trażmissjoni f’żona partikolari u, meta jkun applikabbli, l-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trażmissjoni tal-elettriku”. Skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2019/944, it-TSO huma organizzati f’waħda mill-forom legali stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46). Issa, l-imsemmi anness jelenka d-diversi forom ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, fi ħdan l-Istati Membri, li kollha kemm huma għandhom personalità ġuridika, li għalihom jirreferi b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 1, intitolata “Inkorporazzjoni tal-kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata”, tal-Kapitolu II, intitolat “L-inkorporazzjoni u n-nullità tal-kumpanija u l-validità tal-obbligi tagħha”, tat-Titolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali u l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata”. Għaldaqstant, it-TSO, kemm jekk ikunu persuna fiżika kif ukoll jekk ikunu persuna ġuridika, għandhom personalità ġuridika u, għalhekk, il-kapaċità ġuridika li tippermettilhom iwettqu, fir-rigward tas-setgħat u tad-drittijiet tagħhom, il-kompiti fdati lilhom b’indipendenza sħiħa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2019/944.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn, skont l-ewwel għażla, prevista fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, il-pjattaforma hija operata mit-TSO u, għaldaqstant, minn persuni ġuridiċi li għandhom kapaċità ġuridika, ma għandux ikun mod ieħor għall-entità li t-TSO jistgħu joħolqu, skont it-tieni għażla prevista minn dan l-istess artikolu.

86      Għaldaqstant, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet li diġà saru fil-punt 72 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta qies, l-istess bħall-ACER u l-ARN, li, skont il-proposta tat-TSO li tinħatar entità fil-forma ta’ konsorzju, peress li dan tal-aħħar ma għandux personalità ġuridika u, għaldaqstant, kapaċità ġuridika, kien xieraq li jitqies li ma kienx il-konsorzju iżda t-TSO li jifformawh li kienu responsabbli għall-operat tal-pjattaforma mFRR, b’tali mod li t-TSO kellhom juru li r-rekwiżiti addizzjonali tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 kienu ssodisfati.

87      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell meta rrifjuta li jikkonstata ksur mill-ACER tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195, minħabba li l-entità unika msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-metodoloġija tal-mFRR kienet provviżorja

88      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Bord tal-Appell jidher li qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-ħatra ta’ entità waħda sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, imputat lill-ACER, kien biss provviżorju, sa fejn it-TSO dejjem kellhom il-possibbiltà, skont l-Artikolu 12(2) tal-mFRRIF ikkontestat, li jipproponu emenda għal dan tal-aħħar sabiex jaħtru diversi entitajiet, bħal konsorzju tat-TSO. Fi kwalunkwe każ, tali kunsiderazzjoni allegatament kienet infondata, peress li l-Artikolu 12(2) tal-mFRRIF ikkontestat ma jipprevedix li l-entità unika maħtura sabiex teżegwixxi l-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO tista’ tiġi kkonvertita f’diversi entitajiet. Fi kwalunkwe każ, tali konverżjoni ma kinitx telimina l-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195 imwettaq mill-ACER fid-Deċiżjoni 03/2020 u kienet tkun purament teoretika peress li l-ACER kienet ser tibqa’ tqis li l-entità msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195 setgħet tkun biss entità ġuridika unika, u mhux konsorzju.

89      L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li t-tielet parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

90      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, billi kkonferma d-Deċiżjoni 03/2020 li tiġi imposta struttura b’entità waħda, anki jekk provviżorja, sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195, iktar u iktar peress li l-konverżjoni potenzjali ta’ din l-entità waħda f’entitajiet multipli kienet teoretika, peress li l-ACER kienet eżiġiet li l-entità maħtura tkun persuna ġuridika, u dan kien jeskludi kull possibbiltà li tinħatar entità li tieħu l-forma ta’ konsorzju.

91      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, il-pjattaforma mFRR kellha tiġi operata jew mit-TSO stess, jew minn entità maħluqa minn dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-proposta ta’ metodoloġija li t-TSO jiżviluppaw, skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, tinkludi b’mod partikolari, skont l-Artikolu 20(3)(e) ta’ dan ir-regolament, l-entità jew l-entitajiet proposti sabiex jassumu l-funzjonijiet iddefiniti fil-proposta u, meta t-TSO jipproponu li jaħtru diversi entitajiet, il-proposta trid turi u tiggarantixxi l-osservanza ta’ diversi rekwiżiti addizzjonali.

92      F’dan il-każ, kif irrilevat l-ACER fil-premessa 83 tad-Deċiżjoni 03/2020, fil-proposta inizjali tal-mFRRIF, it-TSO kienu pprevedew li jaħtru konsorzju sabiex jeżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Madankollu, fil-premessi 84 u 85 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkonstatat li, filwaqt li konsorzju ma kellux personalità ġuridika u li, konsegwentement, il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR kellhom jiġu eżegwiti mid-diversi TSO membri tal-konsorzju, il-proposta kellha turi li r-rekwiżiti addizzjonali previsti, f’tali każ, fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 kienu ssodisfatti. Issa, il-proposta ma kienx fiha tali prova. Fil-premessa 95 tad-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER irrilevat li, fid-dawl tal-kliem tat-tielet proposta tal-mFRRIF emendata, it-TSO la kienu pproponew struttura b’entitajiet multipli, li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, u lanqas struttura b’entità waħda inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet kollha meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Għaldaqstant, fl-istess premessa, hija ddeċidiet li taċċetta parzjalment il-proposta tat-TSO, sa fejn din kienet tipprevedi li l-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO jiġu eżegwiti minn entità waħda. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità, li fir-rigward tagħha t-TSO kienu pproponew li din tista’ tiġi eżegwita minn entità oħra, l-ACER rrilevat li ma kienx intwera li, f’tali każ, ir-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 kienu ser jiġu osservati. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fil-premessa 96 tad-Deċiżjoni 03/2020, peress li l-ACER kienet ikkonstatat li l-ħatra tal-entità responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità kienet għadha ma ġietx iffinalizzata fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u li din setgħet tiġi posposta sabiex tippermetti li t-TSO jieħdu d-deċiżjoni l-iktar effiċjenti f’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li t-TSO kellhom jissottomettu iktar ’il quddiem proposta għal emenda tal-metodoloġija tal-mFRR li fiha huma kienu ser jaħtru l-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, f’konformità mar-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195.

93      Kif ġustament issostni l-ACER, dawn il-motivi tad-Deċiżjoni 03/2020 jirriproduċu t-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, li kienet tipprevedi l-ħatra, inizjalment, ta’ TSO wieħed biss jew kumpannija proprjetà tat-TSO għall-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO u, fi stadju ulterjuri, l-istess entità jew entità differenti sabiex tiġi eżegwita l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità.

94      Sa fejn, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni partijiet tat-tieni motiv, ir-rikorrenti kienu żbaljati li jsostnu li l-ACER irrifjutat l-għażla tat-TSO li jużaw struttura fil-forma ta’ konsorzju u imponitilhom struttura b’entità waħda sabiex teżegwixxi l-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO, kienu wkoll żbaljati meta allegaw li l-ACER kisret l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195 billi rrifjutatilhom tali għażla, anki jekk biss b’mod temporanju.

95      Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi, imwettaq mill-Bord tal-Appell, meta kkonstata b’mod żbaljat li l-inklużjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR ma kinitx ġiet imposta fuq it-TSO mill-ACER, iżda kienet tirriżulta direttament mill-applikazzjoni tar-Regolament 2017/2195

96      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 188 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ACER ma kinitx imponiet fuq it-TSO l-obbligu li jinkludu l-funzjoni tal- ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, peress li dan kien jirriżulta direttament mill-applikazzjoni tar-Regolament 2017/2195.

97      L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 180 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR ma kienet ibbażata fuq l-ebda dispożizzjoni legali. L-inklużjoni tal-kliem “tal-anqas”, fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, kellha l-għan li tippreċiża li funzjonijiet oħra minbarra t-titjib tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO setgħu jkunu meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, iżda mhux li dawn il-funzjonijiet supplimentari setgħu jinkludu l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità. L-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195 kien jipprevedi li t-TSO jiddefinixxu, fil-proposta tagħhom, il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, b’tali mod li l-ACER kienet awtorizzata li timponilhom, bħala tali, biss funzjonijiet ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, li kienu l-uniċi li kienu espressament imsemmija fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi, fil-punt 189 tad-deċiżjoni kkontestata, meta qies, essenzjalment, li l-ACER setgħet tinkludi l-ġestjoni tal-kapaċità mal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, bl-istess mod bħall-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 20(2) u (3)(c) tar-Regolament 2017/2195.

98      It-tieni, ir-rikorrenti jqisu li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell fil-punti 183, 189, 192 u 193 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 kien jimponi fuq it-TSO l-obbligu li jaġġornaw b’mod kontinwu d-disponibbiltà tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali ma kienx jippermetti li l-ġestjoni tal-kapaċità titqies bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fis-sens tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, ir-Regolament 2017/2195 stabbilixxa distinzjoni bejn il-funzjonijiet speċifiċi meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar u l-komponenti jew il-proċessi tal-ibbilanċjar tas-sistema tal-elettriku. L-affermazzjoni kuntrarja tal-ACER, fil-premessa 56 tad-Deċiżjoni 03/2020, ma kienet ibbażata fuq l-ebda bażi legali.

99      It-tielet, ir-rikorrenti jargumentaw li l-ebda raġuni oħra mressqa mill-Bord tal-Appell sabiex jiġġustifika l-inklużjoni mill-ACER tal-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR ma tista’ tintlaqa’. Qabelxejn, peress li l-modulu informatiku tal-ġestjoni tal-kapaċità propost mit-TSO kien ġie ċċentralizzat, għal-livell ta’ pjattaformi multipli, il-Bord tal-Appell ma setax, fil-punt 193 tad-deċiżjoni kkontestata, jibbaża ruħu fuq is-sempliċi fatt li l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità kienet meħtieġa fuq il-livell tekniku sabiex jikklassifikaha bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma setax, fil-premessa 87 tad-Deċiżjoni 03/2020, jirreferi għal kriterji, ibbażati fuq l-effikaċja tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità għall-operat tal-pjattaforma mFRR, li huwa ma kienx spjega b’mod ċar. Sussegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li qies il-Bord tal-Appell fil-punt 199 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-eżekuzzjoni tal-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni, li kienet funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, kienet teħtieġ aġġornament kontinwu tad-disponibbiltà tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali allegatament ma kienx biżżejjed sabiex jiġġustifika li l-ġestjoni tal-kapaċità stess tkun ikklassifikata bħala funzjoni meħtieġa għal dan l-operat, peress li l-modulu informatiku tal-ġestjoni tal-kapaċità ċċentralizzata kien jopera fil-livell ta’ pjattaformi multipli u għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, u għalhekk suġġett għall-konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195. Barra minn hekk, sa fejn il-pjattaforma mFRR kellha tiffunzjona, għal perijodu tranżitorju ta’ sentejn, qabel ma tiġi introdotta l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità fil-forma ta’ modulu informatiku tal-ġestjoni tal-kapaċità ċċentralizzata, il-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat, fil-punt 200 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan ma kienx jikkonfuta l-klassifikazzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, suġġetta għall-osservanza tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195. Fl-aħħar, sa fejn ir-Regolament 2017/2195 kien att ta’ implimentazzjoni, la l-ACER u lanqas il-Bord tal-Appell ma kellhom il-libertà li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, billi jinkludu l-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, kif huma allegatament għamlu fid-Deċiżjoni 03/2020 u fil-punti 190 u 191 tad-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3(1)(c) u fil-premessa 5 tal-imsemmi regolament. Fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ma spjegax għaliex il-modulu informatiku tal-ġestjoni tal-kapaċità ċċentralizzata, propost mit-TSO, ma kienx biżżejjed sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet u sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, iċċitati fil-punt 183 tad-deċiżjoni kkontestata.

100    L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li r-raba’ parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

101    Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija parti, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat jekk il-ġestjoni tal-kapaċità kinitx tikkostitwixxi waħda mill-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fis-sens tar-Regolament 2017/2195. Fil-fatt, din il-klassifikazzjoni tirriżulta determinanti sabiex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e)(i) sa (iii) tar-Regolament 2017/2195 kellhomx jiġu osservati, fil-każ fejn it-TSO jipproponu li jaħtru diversi entitajiet sabiex jassumu dawn id-diversi funzjonijiet. Huwa biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel mistoqsija li, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qies li l-ACER ma kinitx imponiet fuq it-TSO li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR.

102    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament 2017/2195 jistax jiġi interpretat fis-sens li l-ġestjoni tal-kapaċità hija funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-imsemmi regolament, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti.

103    Għall-finijiet ta’ interpretazzjoni letterali, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “funzjonijiet meħtieġa biex titħaddem il-pjattaforma [mFRR]” ma huwiex iddefinit fit-test tar-Regolament 2017/2195, b’mod partikolari fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament. Jintuża biss fl-Artikolu 20 tal-istess regolament.

104    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament 2017/2195, huma t-TSO li għandhom ifasslu l-proposta għal metodoloġija tal-mFRR. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(3)(a) u (c) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-imsemmija proposta għandha tinkludi, mill-inqas, “id-disinn ta’ livell għoli tal-pjattaforma Ewropea” u “id-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa biex titħaddem il-pjattaforma [mFRR]”. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, li jipprovdi b’mod partikolari li “[l]-pjattaforma [mFRR] imħaddma mit-TSOs jew permezz ta’ entità maħluqa mit-TSOs infushom, għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-governanza u proċessi tan-negozju komuni u għandha tinkludi, tal-anqas, il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO”.

105    Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 104 iktar ’il fuq jirriżulta li l-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO għandhom impliċitament jitqiesu li huma funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR li għandhom, bħala tali, jiġu ddefiniti fil-proposta ta’ metodoloġija tal-mFRR sottomessa mit-TSO. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195 jistabbilixxi li l-pjattaforma mFRR tinkludi “tal-anqas, il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO”, din id-dispożizzjoni ma teskludix li, fil-kuntest tad-disinn ta’ pjattaforma mFRR ta’ “livell għoli”, funzjoni oħra, minbarra l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO”, bħall-ġestjoni tal-kapaċità, tidher li tkun meħtieġa għall-operat ta’ din il-pjattaforma u, bħala tali, tiġi ddefinita fil-proposta għal metodoloġija tal-mFRR tat-TSO f’konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 2017/2195, b’mod partikolari jekk iż-żieda ta’ funzjoni bħal din tidher li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat disinn ta’ livell għoli ta’ dik il-pjattaforma li jissodisfa l-prinċipji ta’ governanza u proċessi tan-negozju komuni.

106    Huwa għalhekk essenzjalment mill-għanijiet segwiti mir-Regolament 2017/2195 u mill-kuntest tal-każ li għandu jiġi identifikat jekk il-ġestjoni tal-kapaċità kellhiex, bħall-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, titqies li hija funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR.

107    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2017/2195 jippermettux li l-ġestjoni tal-kapaċità titqies bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-premessa 1 tal-imsemmi regolament, suq intern tal-enerġija kompletament funzjonali u interkonness huwa kruċjali għaż-żamma tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni u l-garanzija li l-prezzijiet tal-enerġija jkunu raġonevoli għall-konsumaturi kollha. L-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament 2017/2195 jindika, f’dan is-sens, li dan l-istess regolament huwa intiż b’mod partikolari li jintegra s-swieq tal-ibbilanċjar u jippromwovi l-opportunitajiet ta’ skambji ta’ servizzi tal-ibbilanċjar filwaqt li jikkontribwixxi għas-sigurtà operazzjonali. Kif huwa indikat fil-premessa 10 tal-imsemmi regolament, l-istabbiliment ta’ pjattaformi komuni Ewropej għall-implimentazzjoni tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi u l-kisba tal-kundizzjonijiet għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar tal-enerġija għandu jippermetti li tali integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar tiġi ffaċilitata.

108    Kif huwa spjegat fil-premessa 6 tiegħu, ir-Regolament 2017/2195 għandu wkoll l-għan li jiggarantixxi l-aħjar ġestjoni tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku Ewropea. L-Artikolu 3(2)(c) tal-istess regolament jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri, l-ARN kompetenti u t-TSO għandhom japplikaw il-prinċipju tal-ottimizzazzjoni bejn l-ogħla effiċjenza globali u l-kostijiet totali l-iktar baxxi għall-partijiet kollha involuti.

109    Huwa f’dan il-kuntest li l-premessa 7 tar-Regolament 2017/2195 tesponi li “[j]enħtieġ li TSO […] jibqgħu responsabbli għall-kompiti fdati lilhom […] għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji mifruxa madwar l-Ewropa kollha, kif ukoll l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ pjattaformi Ewropej għall-ibbilanċjar” u li l-premessa 10 tal-imsemmi regolament tippreċiża li “[l]-kooperazzjoni bejn it-TSOs jenħtieġ li tkun strettament limitata għal dak li huwa neċessarju għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-operat siguri u effiċjenti ta’ dawn il-pjattaformi Ewropej”.

110    Għaldaqstant, interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-kunċett ta’ funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR twassal sabiex jitqies li din hija funzjoni li, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak legali, tidher li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni u għal operat effikaċi u sigur tal-imsemmija pjattaforma.

111    Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorroborata minn tqabbil tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195, li minnu jirriżulta li l-kliem “required” bl-Ingliż jew “requis” bil-Franċiż ġew tradotti, b’mod partikolari fil-verżjonijiet biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bil-Kroat, bit-Taljan, bis-Slovakk u bis-Sloven ta’ din id-dispożizzjoni, b’termini li jista’ jkollhom ukoll it-tifsira ta’ “nécessaire” bil-Franċiż jew “necessary” bl-Ingliż.

112    F’dan ir-rigward, kif tesponi l-ACER fil-punti 138 sa 143 tar-risposta, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li n-neċessità li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li fuqha hija bbażata l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, tiġi aġġornata b’mod kontinwu hija kemm realtà teknika kif ukoll obbligu legali impost fuq it-TSO.

113    Fuq il-livell tekniku, kif jirriżulta mill-proposti suċċessivi tal-mFRRIF u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3(4)(b) ta’ dawn tal-aħħar, fil-kuntest tal-pjattaforma mFRR, l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli huwa fattur essenzjali tal-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni, li fiha nnifisha hija funzjoni meħtieġa tal-pjattaforma mFRR intiża sabiex ittejjeb l-attivazzjoni tal-offerti tal-enerġija tal-ibbilanċjar li għandhom l-aħjar klassifikazzjoni (fil-lista fl-ordni tal-mertu komuni) filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet tat-trażmissjoni transżonali limitati li huma disponibbli. Fil-fatt, sabiex jiġu organizzati skambji tal-enerġija tal-ibbilanċjar li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fuq it-trażmissjoni u, għaldaqstant, sabiex l-imsemmija skambji jiġu allokati l-kapaċitajiet tat-trażmissjoni limitati b’mod ottimali, jeħtieġ, l-ewwel, li l-kapaċitajiet tat-trażmissjoni disponibbli jkunu jistgħu jkunu magħrufin u jiġu kkalkolati. Għalhekk, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, li fil-kuntest tagħha jsir l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, hija element teknikament indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tal-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 194 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li huwa sottostanti għall-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, għandu jitwettaq u li r-riżultat tiegħu għandu jiddaħħal fil-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni sabiex il-pjattaforma mFRR tkun tista’ tiġi operata b’mod effiċjenti.

114    Fil-livell ġuridiku, l-Artikolu 37(1) tar-Regolament 2017/2195 jimponi fuq it-TSO, wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata, li jaġġornaw il-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli kontinwament, jiġifieri kull darba li parti mill-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali tintuża jew li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali tiġi kkalkolata mill-ġdid, għall-finijiet tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew tan-nettjar tal-iżbilanċi. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 37(3) tar-Regolament 2017/2195, kien previst li, sa ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, it-TSO kollha ta’ reġjun ta’ kalkolu tal-kapaċità kellhom jiżviluppaw metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali fil-perijodu taż-żmien tal-ibbilanċjar. Qabel l-implimentazzjoni ta’ din il-metodoloġija, dawn l-istess TSO kellhom, skont l-Artikolu 37(2) ta’ dan ir-regolament, jużaw il-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali li jifdal wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata.

115    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni doppja, il-funzjoni li tippermetti li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli tiġi kkalkolata u aġġornata b’mod kontinwu, billi tiġi segwita metodoloġija armonizzata fir-rigward tat-TSO kollha, għandha tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat operat effiċjenti u sigur tal-pjattaforma mFRR segwit mir-Regolament 2017/2195, bħala li hija, kemm mil-lat tekniku kif ukoll minn dak ġuridiku, funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma li d-disinn tagħha, kif imfakkar fl-Artikolu 20(3)(a) tar-Regolament 2017/2195, irid ikun ta’ livell għoli u jikkonforma mal-prinċipji ta’ governanza u ma proċessi tan-negozju komuni.

116    Il-fatti tal-każ jikkonfermaw li l-funzjoni li tippermetti, fil-kuntest tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli tiġi kkalkolata u aġġornata kontinwament għall-finijiet tal-inklużjoni awtomatika tagħha, bħala fattur, fil-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni tal-pjattaforma mFRR ġiet tabilħaqq meqjusa bħala li hija funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ din il-pjattaforma, li kienet ir-raġuni għaliex it-TSO iddeċidew li jżiduha magħha, għalkemm iddifferew din iż-żieda għal żmien iktar ’il quddiem.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa mill-proposta inizjali tal-mFRRIF, it-TSO indikaw, fl-Artikolu 3(4)(b) u (7) tal-imsemmija proposta, li jiddeskrivu l-arkitettura ta’ livell għoli li kellu jkollha l-pjattaforma mFRR, li, fil-kuntest ta’ din il-pjattaforma, l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli kien fattur essenzjali tal-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni li kellu jiġi kkalkolat, minn kull TSO, f’konformità mal-proċess deskritt fl-Artikolu 4(2) tal-istess proposta. Dan l-aħħar artikolu, dwar il-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli bħala fattur għall-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni, kien jiddeskrivi b’mod espliċitu, fil-paragrafu 5 tiegħu, il-proċess ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli bħala parti integrali mill-pjattaforma mFRR. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) u (4) tal-proposta inizjali tal-mFRRIF, intitolat “Funzjonijiet tal-pjattaforma mFRR”, kien jipprovdi li, jekk dan jitqies li huwa effiċjenti waqt l-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali fil-perijodu taż-żmien tal-ibbilanċjar, f’konformità mal-Artikolu 37(3) tar-Regolament 2017/2195, ma’ din il-pjattaforma tista’ tiżdied funzjoni ta’ kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li l-għan tagħha jkun li timplimenta l-imsemmija metodoloġija. Fl-aħħar, l-Artikolu 12 tal-proposta inizjali tal-mFRRIF kien jipprevedi li l-funzjonijiet kollha tal-pjattaforma mFRR għandhom jiġu eżegwiti minn entità waħda maħtura mit-TSO kollha kkonċernati, li tkun jew konsorzju tal-imsemmija TSO, jew kumpannija proprjetà ta’ dawn l-istess TSO.

118    Matul il-fażi ta’ konsultazzjoni li saret dwar il-proposta inizjali tal-mFRRIF, l-ewwel mal-ANR, imbagħad mal-ACER, żviluppa dibattitu dwar l-aħjar mod li bih għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-mFRRIF, il-proċess ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli. Fid-dawl ta’ dan id-dibattitu, it-TSO, bi qbil komuni, aċċettaw li jiżviluppaw il-proposta inizjali tal-mFRRIF biex jinkludu formalment, fl-Artikoli 3, 4 u 6 tal-proposti emendati, riferiment għall-ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni li tippermetti li t-TSO kollha u l-pjattaforma mFRR jipproċedu bl-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli sabiex, f’kull mument, il-limiti neċessarji għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew tan-nettjar tal-iżbilanċi jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Din il-funzjoni kellha tiġi introdotta fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-pjattaforma mFRR. Barra minn hekk, skont il-prinċipju tal-ottimizzazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament 2017/2195 (ara l-punt 108 iktar ’il fuq), it-TSO indikaw lill-ARN u lill-ACER l-intenzjoni tagħhom li jadottaw approċċ ikkoordinat u ċċentralizzat għall-proċess tal-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, fil-kuntest tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità għall-pjattaformi Ewropej kollha għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar. Huma xtaqu li, jekk pjattaformi oħra minbarra l-pjattaforma mFRR kellu jkollhom l-istess funzjoni bħall-ġestjoni tal-kapaċità, din il-funzjoni kellha tkun identika għal dawk il-pjattaformi kollha, dejjem sakemm l-obbligu ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli jkun impost fuq kull waħda minnhom. L-Artikolu 12 li jinsab fit-tielet proposta tal-mFRRIF emendata sottomessa, bi qbil komuni, mit-TSO kien jipprovdi li l-funzjonijiet kollha speċifikament meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR kellhom jiġu eżegwiti minn entità waħda maħtura mit-TSO kollha kkonċernati u li kellha tkun jew waħda minn dawn it-TSO, jew kumpannija proprjetà tal-imsemmija TSO.

119    Kif jirriżulta mill-iskema ta’ governanza tal-pjattaforma mFRR riprodotta fil-parti “Introduzzjoni” tat-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, it-TSO, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-obbligu ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli kien impost fuq kull waħda mill-pjattaformi Ewropej ta’ skambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar, ikkonstataw, bi qbil komuni, li l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità kienet, fil-fatt, funzjoni ta’ pjattaformi multipli, fis-sens li kien ser ikollha titwettaq, maż-żmien, b’mod ikkoordinat u ċċentralizzat minn dawn il-pjattaformi kollha. Il-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar permezz tal-pjattaforma mFRR kellu jiġi mmaniġjat, għat-TSO kollha kkonċernati, minn “modulu informatiku tal-ġestjoni tal-kapaċitajiet” li jdaħħal direttament ir-riżultati miksuba fil-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni tal-pjattaforma mFRR. It-TSO indikaw li xtaqu jibqgħu liberi li jkunu jistgħu jafdaw il-ġestjoni tal-kapaċità, f’din il-forma kkoordinata u ċċentralizzata, lil entità li ma hijiex l-entità unika responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO. Fl-istennija tal-implimentazzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, f’din il-forma kkoordinata u ċċentralizzata, it-TSO kienu jqisu li, teoretikament, l-entità unika responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO tista’ wkoll teżegwixxi l-ġestjoni tal-kapaċità billi ddaħħal, fil-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni, id-data li tkun ġiet ipprovduta minn kull wieħed mit-TSO ikkonċernati.

120    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-TSO responsabbli mill-implimentazzjoni u mill-operat tal-pjattaforma mFRR, li kellha tkun pjattaforma “ta’ livell għoli” u “bbażata fuq il-prinċipji tal-governanza u proċessi tan-negozju komuni”, iddeċidew huma stess, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, li jżidu mal-pjattaforma mFRR, funzjoni għall-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li hija sottostanti għall-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità, f’konformità ma’ dak li kien ġie sistematikament previst fl-Artikolu 6(1) tal-proposti suċċessivi tagħhom għall-mFRRIF. Is-sempliċi fatt li ż-żieda ta’ din il-funzjoni ġiet iddifferita għal żmien iktar ’il quddiem ma jbiddel xejn mill-fatt li, sa mill-bidu, din il-funzjoni l-ġdida kienet meqjusa bħala funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ pjattaforma mFRR ta’ livell għoli. Fil-fatt, dan id-differiment kien legalment previst u teknikament neċessarju sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa u f’konformità mal-Artikolu 37(3) tar-Regolament 2017/2195, it-TSO kellhom ifasslu minn qabel metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali fil-perijodu taż-żmien tal-ibbilanċjar u, min-naħa l-oħra u sa fejn, sabiex jissodisfaw il-prinċipju ta’ ottimizzazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament 2017/2195, l-imsemmija TSO kienu ddeċidew li din il-funzjoni għandha tiġi eżegwita permezz ta’ modulu informatiku, b’mod ikkoordinat u ċċentralizzat, fil-livell ta’ pjattaformi multipli, huma kellhom ukoll jimplimentaw minn qabel dan il-modulu u jorganizzaw il-ġestjoni tiegħu.

121    B’hekk, l-argument irrepetut diversi drabi mir-rikorrenti, b’mod partikolari waqt is-seduta, li l-pjattaforma mFRR kienet ser topera, għal xi żmien, mingħajr ma tiġi introdotta funzjoni ġdida ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, f’forma kkoordinata u ċċentralizzata, huwa irrilevanti peress li, sa mill-bidu, iż-żieda ta’ tali funzjoni mal-imsemmija pjattaforma kienet prevista, sabiex din tissodisfa, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak legali, ir-rekwiżiti ta’ dan id-disinn ta’ livell għoli, f’termini ta’ effiċjenza u sigurtà, u l-fatt li din iż-żieda ġiet iddifferita b’sentejn, li jimplika operat inqas minn ottimali tal-pjattaforma mFRR matul dan il-perijodu inizjali, kien biss dovut għal-limitazzjonijiet tekniċi u legali li ltaqa’ magħhom l-iżvilupp ta’ dik il-funzjoni.

122    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-funzjoni ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li hija sottostanti għall-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, u, għaldaqstant, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità stess għandhom jiġu kklassifikati globalment bħala funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Din il-konklużjoni hija kkorroborata wkoll min-neċessità li jiġi ggarantit li l-funzjonijiet meħtieġa, jiġifieri l-ġestjoni tal-kapaċità, l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, fil-każ fejn dawn jiġu eżegwiti minn entitajiet differenti, jiġu eżegwiti b’mod ikkoordinat, koerenti u effiċjenti, f’konformità mar-rekwiżiti addizzjonali tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195. Għalhekk, tali klassifikazzjoni ma ċċaħħad lit-TSO mill-ebda libertà fir-rigward tal-għażla tal-entità proposta sabiex teżegwixxi l-ġestjoni tal-kapaċità, li tista’ tkun differenti minn dik inkarigata mill-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO. F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti barra minn hekk baqgħu ma wrewx, b’mod suffiċjenti fid-dritt, raġuni fattwali rilevanti li għaliha l-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità ma għandhiex tosserva, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti addizzjonali tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195.

123    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegawx, u lanqas ma stabbilixxew a fortiori, kif il-fatt li r-Regolament 2017/2195 għandu n-natura ta’ att ta’ implimentazzjoni jista’ jkollu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Għaldaqstant, l-argument tagħhom f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

124    Mill-evalwazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, li l-ACER ma kinitx imponiet li t-TSO jieħdu inkunsiderazzjoni l-ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR huwa infondat fil-fatti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 122 iktar ’il fuq, huwa l-Artikolu 21(3)(c) tar-Regolament 2017/2195, moqri fid-dawl tal-Artikolu 37 tal-istess regolament, u mhux id-Deċiżjoni 03/2020 jew l-mFRRIF ikkontestat, kif ikkonfermati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, li imponew fuq it-TSO l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ġestjoni tal-kapaċità, bħala proċess ikkoordinat u ċċentralizzat fil-livell ta’ pjattaformi multipli ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195. Fir-rigward tal-fatt li l-ACER, kif ikkonfermat f’dan ir-rigward mill-Bord tal-Appell, qieset li hija kellha tevalwa l-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tat-tielet proposta emendata tal-mFRRIF sottomessa mit-TSO, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195, dan kien totalment iġġustifikat fid-dawl tal-kompetenza deċiżjonali li din kellha, skont l-Artikolu 6(10)(b) tar-Regolament 2019/942, moqri flimkien mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 u f’konformità mal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, jekk il-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195, kien hemm lok, sa fejn għall-eżekuzzjoni tagħha t-TSO kellhom l-intenzjoni li jaħtru entità differenti minn dawk responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO, li huma juru u jiggarantixxu li r-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 jiġu osservati.

125    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames u s-sitt parti tat-tieni motiv, ibbażati, minn naħa, fuq eżami insuffiċjenti mill-Bord tal-Appell tal-motivi speċifiċi invokati quddiemu fir-rigward tal-applikazzjoni illegali mill-ACER tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 għall-ġestjoni tal-kapaċità u għall-funzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u, min-naħa l-oħra, fuq l-allegazzjoni li dan il-Bord kien żbaljat meta ddeċieda li l-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 kien japplika għall-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli u għall-funzjonijiet l-oħra meħtieġa

126    Fost ir-rikorrenti, il-grupp A, fil-kuntest tal-ħames parti tat-tieni motiv, jilmenta li l-Bord tal-Appell ma vverifikax l-applikazzjoni mill-ACER, fid-Deċiżjoni 03/2020, tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 fid-dawl tal-motivi speċifiċi kollha li huwa kien invoka quddiemu. Kif indika fil-motivi tiegħu, il-ġestjoni tal-kapaċità ma kinitx funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Barra minn hekk, l-ebda ARN ma kienet eżiġiet l-inklużjoni tagħha fost il-funzjonijiet meħtieġa elenkati fil-proposta inizjali tal-mFRRIF. Fl-aħħar, it-TSO ma pproponewx li jaħtru, sabiex teżegwixxi l-ġestjoni tal-kapaċità, entità oħra għajr dik diġà inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO.

127    Fil-kuntest tas-sitt parti tat-tieni motiv, il-grupp A jsostni li l-ACER illegalment imponiet fuq it-TSO l-obbligu li jinkludu l-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u li, anki jekk jitqies li l-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 kien applikabbli għall-ġestjoni tal-kapaċità, hija kienet żbaljata meta imponiet fuq it-TSO, fl-Artikolu 12(2) tal-mFRRIF ikkontestat, l-obbligu li josservaw ir-rekwiżiti addizzjonali, previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, li kienu jkunu applikabbli biss kieku t-TSO kienu effettivament iddeċidew li jaħtru diversi entitajiet biex jeżegwixxu l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

128    L-ACER tikkontesta l-argumenti tal-grupp A u titlob li l-ħames parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

129    F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kkonferma d-Deċiżjoni 03/2020 li kienet teżiġi li t-TSO juru li l-proposta tagħhom kienet tosserva r-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, għar-raġuni li, fil-fehma tiegħu, dawn it-TSO kienu eventwalment ipprevedew li jaħtru entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, differenti minn dik inkarigata mill-implimentazzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO.

130    Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-ħames u s-sitt partijiet tat-tieni motiv, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-Grupp A, l-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 japplikax biss għall-funzjonijiet iddefiniti fil-proposta tat-TSO jew, kif issostni l-ACER, għall-funzjonijiet kollha meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fosthom il-ġestjoni tal-kapaċità.

131    L-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 jipprovdi kif ġej:

“Il-proposta [tal-metodoloġija tal-mFRR i]msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

[…]

e)      id-deżinjazzjoni proposta tal-entità jew entitajiet li jwettqu l-funzjonijiet definiti fil-proposta. Fejn it-TSOs jipproponu li jiddeżinjaw aktar minn entità waħda, il-proposta għandha turi u tiżgura:

i)      allokazzjoni koerenti tal-funzjonijiet lill-entitajiet li jħaddmu l-pjattaforma Ewropea; Il-proposta għandha tqis bis-sħiħ il-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-funzjonijiet differenti allokati lill-entitajiet li joperaw il-pjattaforma Ewropea;

ii)      li l-konfigurazzjoni proposta tal-pjattaforma Ewropea u l-allokazzjoni ta’ funzjonijiet tiżgura governanza, tħaddim u superviżjoni [mill-ARN] effiċjenti u effettivi, tal-pjattaforma Ewropea kif ukoll jappoġġaw l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament;

iii)      proċess effettiv għall-koordinazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex tissolva kull pożizzjoni konfliġġenti bejn l-entitajiet li joperaw il-pjattaforma Ewropea”.

132    Ċertament, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, isir riferiment biss għall-“funzjonijiet definiti fil-proposta”. Madankollu, fid-dawl tad-dikjarazzjoni fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-uniċi funzjonijiet li għandhom jiġu ddefiniti fil-proposta huma, skont l-Artikolu 20(3)(c) tal-imsemmi regolament, il-“funzjonijiet meħtieġa biex titħaddem il-pjattaforma [mFRR]”.

133    Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament 2017/1295 jirriżulta b’mod ċar li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) ta’ dan ir-regolament hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-ħatra, fil-proposta għal metodoloġija tal-mFRR, ta’ diversi entitajiet inkarigati mill-funzjonijiet differenti meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, kif iddefiniti f’konformità mal-Artikolu 20(3)(c) ta’ dan ir-regolament.

134    Issa, f’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-ACER, fid-Deċiżjoni 03/2020, l-istess bħall-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, ilmentat li t-TSO, filwaqt li kienu pproponew li jaħtru entità inkarigata mill-ġestjoni tal-kapaċità li tista’ tkun differenti minn dik inkarigata mill-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, ma kinux urew u ma żgurawx, f’tali ipoteżi, l-osservanza tar-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195.

135    Min-naħa l-oħra, it-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, li finalment ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-ACER, kienet tipprevedi l-indikazzjoni ta’ entità unika inkarigata miż-żewġ funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195, li kienu espressament imsemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ dan l-istess regolament, jiġifieri l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO. Il-ġestjoni tal-kapaċità kienet ukoll ittieħdet inkunsiderazzjoni, fit-tielet proposta tal-mFRRIF, bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli li l-eżekuzzjoni tagħha kienet neċessarja għall-operat tal-pjattaforma mFRR, anki jekk ma kinitx ġiet ikklassifikata, fiha, bħala funzjoni meħtieġa għall-imsemmi operat, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) tar-Regolament 2017/2195. Madankollu, f’konformità mal-konklużjoni misluta fil-punt 122 iktar ’il fuq fi tmiem l-eżami tar-raba’ parti tat-tieni motiv, il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, l-istess bħall-ACER fid-Deċiżjoni 03/2020 tagħha, ġustament qies li l-ġestjoni tal-kapaċità, kif prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, kienet tikkostitwixxi funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) tal-istess regolament.

136    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-grupp A ma huwiex fondat li jsostni li r-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 ma kinux applikabbli għall-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità.

137    Għaldaqstant, il-ħames u s-sitt parti tat-tieni motiv, ikkunsidrati flimkien, għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq is-seba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li l-ġestjoni tal-kapaċità kellha tiġi inkluża fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR imsemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195, bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli marbuta mal-ibbilanċjar

138    Il-grupp A jilmenta li l-Bord tal-Appell, essenzjalment, illegalment iddeċieda li l-ġestjoni tal-kapaċità kellha tiġi inkluża fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR skont l-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195, meta din kienet funzjoni ta’ pjattaformi multipli marbuta mal-ibbilanċjar. L-ewwel, anki jekk jitqies li l-ACER kellha bażi legali, li hija ma identifikatx, sabiex tinkludi l-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR imsemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195, dan ir-regolament ma tagħha l-ebda kompetenza sabiex teżiġi, kif għamlet fl-Artikolu 4(6) tal-mFRRIF ikkontestat, li l-ġestjoni tal-kapaċità għandu jkollha kontenut identiku u tiġi eżegwita mill-istess entità għall-pjattaformi Ewropej kollha tal-ibbilanċjar. It-tieni, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat, fil-punt 223 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rekwiżit li l-ġestjoni tal-kapaċità tiġi introdotta fil-forma ta’ funzjoni ta’ pjattaformi multipli ma kienx obbligu ġdid impost mill-ACER. Dan kien kontradett mill-argumenti tal-ACER esposti fil-punt 172 tar-risposta tagħha quddiem il-Bord tal-Appell u ma kienx ikkonfermat mir-rapport tal-ACER tal-2015, dwar l-għanijiet tal-ibbilanċjar tal-enerġija, imsemmi fil-punt 223 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jirrigwarda biss l-iskambji transkonfinali tal-enerġija tal-ibbilanċjar u mhux il-funzjonijiet ta’ pjattaformi multipli. Dan lanqas ma ġie kkonfermat mill-evalwazzjonijiet tat-TSO dwar l-effiċjenza u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità komuni għall-pjattaformi Ewropej kollha tal-ibbilanċjar, imsemmija fil-punti 225 u 226 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġew ifformulati fir-rigward tal-modulu informatiku tal-ġestjoni tal-kapaċità ċċentralizzata f’livell ta’ pjattaformi multipli u mhux għall-ġestjoni tal-kapaċità, bħala funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ dawn il-pjattaformi kollha. Fl-aħħar, huwa irrilevanti li jsir riferiment, f’dan ir-rigward, għan-nota informali tal-ARN, peress li l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli mit-TSO, f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, ma hijiex funzjoni tal-pjattaformi Ewropej tal-ibbilanċjar, b’tali mod li titwettaq taħt il-kontroll tal-ARN, mingħajr ma taqa’ taħt is-sorveljanza regolatorja tal-ACER.

139    L-ACER tikkontesta l-argumenti mressqa mill-grupp A u titlob li s-seba’ parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

140    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament 2017/2195 jipprevedu l-adozzjoni ta’ metodoloġija għal kull waħda mill-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar, jiġifieri, rispettivament, il-pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi ta’ rimpjazzament, il-pjattaforma mFRR, il-pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ enerġija mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika u l-pjattaforma Ewropea għall-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi. L-imsemmija artikoli kollha kemm huma jinkludu dispożizzjonijiet simili, b’mod partikolari paragrafu 3(e), li jipprovdi li, fil-preżenza ta’ diversi entitajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma Ewropea ddefiniti fil-proposta għall-metodoloġija inkwistjoni, l-imsemmija proposta għandha turi u tiggarantixxi l-osservanza ta’ tliet rekwiżiti addizzjonali.

141    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, fl-introduzzjoni tat-tielet proposta tal-mFRRIF, it-TSO indikaw b’mod espliċitu li “[l-]pjattaformi kollha [kellhom] jużaw l-istess funzjoni ta’ pjattaformi multipli tal-ġestjoni tal-kapaċità […] minbarra l-funzjonijiet speċifiċi tal-pjattaformi previsti”. Huma kienu ppreċiżaw li entità waħda kienet ser tkun inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet speċifiċi għall-pjattaformi, jiġifieri l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, u li entità waħda, fil-forma ta’ TSO jew ta’ kumpannija proprjetà tat-TSO, kienet ser tkun inkarigata mill-ġestjoni tal-kapaċità, bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli. Dijagramma intitolata “Struttura ta’ governanza”, li turi żewġ żoni vertikali li kull waħda minnhom tikkorrispondi għal żewġ pjattaformi differenti, jiġifieri l-pjattaforma mFRR u l-pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika, kienet tidentifika b’mod ċar, minn naħa, iż-żewġ funzjonijiet speċifiċi għal kull waħda minn dawk il-pjattaformi, jiġifieri l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, eżegwiti minn entità waħda, u min-naħa l-oħra, entità waħda għaż-żewġ pjattaformi, inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità.

142    It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li din l-istess dijagramma, intitolata mill-ġdid “Struttura ta’ governanza u funzjonijiet”, ġiet riprodotta fit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, meħuda inkunsiderazzjoni mill-ACER. Min-naħa l-oħra, it-TSO kienu ppreċiżaw li l-ġestjoni tal-kapaċità ma kinitx funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma kkonċernata, iżda funzjoni ta’ pjattaformi multipli, miżjuda sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni bejniethom. Bl-istess mod, dejjem fit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, it-TSO kienu indikaw li huma kellhom l-intenzjoni “li jimmassimizzaw l-effiċjenza tal-pjattaformi billi jistabbilixxu funzjonijiet ta’ pjattaformi multipli”. Minn dan huma kienu ddeduċew li, peress li l-ġestjoni tal-kapaċità ma kinitx funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ pjattaforma, ir-rekwiżiti addizzjonali previsti fil-paragrafi 3(e) tal-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament 2017/1295, fil-każ li jinħatru diversi entitajiet inkarigati sabiex jeżegwixxu tali funzjoni, ma kinux applikabbli.

143    Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif issostni l-ACER, it-TSO stess, fit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF kienu pproponew, għal raġunijiet intiżi li jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-pjattaformi ta’ bbilanċjar, li tinħatar entità unika inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli. Ċertament, għall-kuntrarju tal-ACER, it-TSO kienu sostnew li l-ġestjoni tal-kapaċità ma kinitx funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ kull pjattaforma. Madankollu, f’konformità mal-konklużjoni misluta fil-punt 122 iktar ’il fuq wara l-eżami tar-raba’ parti tat-tieni motiv, din l-allegazzjoni ma hijiex fondata. Fi kwalunkwe każ, mit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF jirriżulta li t-TSO stess esprimew l-interess tagħhom li jaħtru entità waħda sabiex teżegwixxi l-imsemmija funzjoni, kif sostnew ukoll l-ACER u l-Bord tal-Appell.

144    Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkonferma d-Deċiżjoni 03/2020, li bl-ebda mod ma kienet imponiet fuq it-TSO li jqisu l-ġestjoni tal-kapaċità, bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli, fil-proposta tagħhom għall-mFRRIF, peress li huma stess aċċettaw li jiżviluppawha matul il-fażi ta’ konsultazzjoni, l-ewwel mal-ANR, imbagħad mal-ACER.

145    Konsegwentement, is-seba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tmien parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li l-ACER ma kinitx kisret ir-Regolament 2017/2195, b’mod partikolari l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 10 tiegħu, billi obbligat lit-TSO jipproponu emenda għall-metodoloġija tal-mFRR

146    Il-grupp A jikkritika lill-Bord tal-Appell talli wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-obbligu impost mill-ACER fuq it-TSO li jippreżentaw proposta għal emenda tal-metodoloġija tal-mFRR kien legali, minkejja li ma kienet teżisti l-ebda bażi legali sabiex isir dan u li l-ACER ma kellha l-ebda kompetenza sabiex iġġiegħel lit-TSO jippreżentaw proposta għall-emenda ta’ din il-metodoloġija. Mill-punti 146 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li l-ACER sostniet quddiemu, il-Bord tal-Appell qies li dan l-obbligu kien previst mir-Regolament 2017/2195 u ma kienx jirriżulta mid-Deċiżjoni 03/2020. Kien b’mod kontradittorju li l-Bord tal-Appell, fil-punt 150 tad-deċiżjoni kkontestata, allega li l-konsultazzjoni pubblika fuq l-ewwel proposta tat-TSO kienet konformi mal-Artikolu 10 tar-Regolament 2017/2195, filwaqt li la l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, u lanqas il-proposta għal emenda tal-metodoloġija tal-mFRR ma ssemmew f’din il-proposta. Fl-aħħar, f’deċiżjoni sussegwenti tat‑22 ta’ Diċembru 2020, fil-Każ A-008-2020, il-Bord tal-Appell qies, għall-kuntrarju ta’ dak li kien għamel fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2017/2195 ma kienx japplika għall-ħolqien, iżda biss għall-emenda, ta’ metodoloġija ta’ pjattaforma tal-ibbilanċjar Ewropea.

147    L-ACER tikkontesta l-argumenti mressqa mill-grupp A u titlob li t-tmien parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda.

148    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 03/2020 kif ikkonfermata mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, l-ACER kienet talbet lit-TSO jfasslu proposta għall-emenda tal-metodoloġija tal-mFRR, sabiex jipproċedu, kif kien previst fit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, bil-ħatra tal-entità responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità.

149    Madankollu, din it-talba tal-ACER kienet espliċitament iġġustifikata mill-fatt li l-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u li, għaldaqstant, fil-każ fejn diversi entitajiet ikunu inkarigati mill-eżekuzzjoni tad-diversi funzjonijiet meħtieġa għall-operat ta’ din il-pjattaforma, ir-rekwiżiti addizzjonali, previsti fl-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, iridu jiġu osservati.

150    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessi 90 sa 98 tad-Deċiżjoni 03/2020 u, b’mod partikolari, fil-premessa 96 tagħha, l-ACER formalment iddikjarat li l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità għandha tiġi introdotta, bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, iżda li, sabiex it-TSO jingħataw iż-żmien neċessarju biex isolvu l-problemi marbuta man-natura ta’ pjattaformi multipli tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità, il-proposta ta’ entità inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ din il-funzjoni setgħet tiġi posposta u ssir sa sentejn wara l-implimentazzjoni tal-pjattaforma mFRR. Huwa għalhekk li hija talbet lit-TSO jagħmlu proposta għall-emenda tal-metodoloġija tal-mFRR li fiha huma kellhom jindikaw l-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195.

151    F’konformità mal-konklużjoni misluta fil-punt 122 iktar ’il fuq fi tmiem l-eżami tar-raba’ parti tat-tieni motiv, l-ACER u, sussegwentement, il-Bord tal-Appell ġustament ikklassifikaw il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-kompetenza deċiżjonali li hija għandha abbażi tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, moqri flimkien mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195 u f’konformità mal-Artikolu 20 ta’ dan l-aħħar regolament, l-ACER kellha tindika lit-TSO jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet l-mFRRIF propost minnhom kienx jew kienx ser ikun konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti għażliet li kienu għadhom iridu jsiru, b’mod partikolari fir-rigward tal-entità li kienet ser tkun inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità fil-mument tal-introduzzjoni tagħha f’forma ċentralizzata, f’Lulju 2024.

152    Barra minn hekk, l-approvazzjoni mill-ACER tal-metodoloġija tal-mFRR proposta mit-TSO, taħt ċerti kundizzjonijiet relatati mal-fatt li din il-metodoloġija tiġi kkompletata mit-TSO, f’ċertu perijodu ta’ żmien, fir-rigward ta’ ċerti aspetti li tħallew miftuħa, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, ma għandhiex titħawwad ma’ proposta tat-TSO li temenda din il-metodoloġija stess, wara l-approvazzjoni tagħha mill-awtoritajiet regolatorji. F’dan il-każ, il-kundizzjoni, imposta fl-mFRRIF ikkontestat, li tgħid li, tmien xhur qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, it-TSO għandhom jaħtru l-entità inkarigata li teżegwixxi l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità f’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament 2017/2195, hija kundizzjoni għall-approvazzjoni stess tal-imsemmi mFRRIF u mhux emenda sussegwenti għal dan tal-aħħar, introdotta f’konformità mal-proċedura ta’ emenda prevista fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament 2017/2195.

153    Għaldaqstant, it-tmien parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

154    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha magħmula dwar it-tmien partijiet tat-tieni motiv, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur mill-Bord tal-Appell, matul il-proċedura quddiemu, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-obbligi legali imposti fuqu

155    Sa fejn, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jew il-grupp A biss jinvokaw ksur mill-Bord tal-Appell, matul il-proċedura quddiemu, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandu jiġi rrilevat li dawn jakkużaw, b’mod iktar preċiż, lill-imsemmi bord li kiser l-obbligu tiegħu li jittratta l-każijiet miġjuba quddiemu b’mod indipendenti, imparzjali u diliġenti, id-dritt tagħhom għal smigħ, id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl u l-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, huma jallegaw li l-Bord tal-Appell ma wettaqx stħarriġ sħiħ fuq id-Deċiżjoni 03/2020 u li wettaq żball ta’ interpretazzjoni u għamel eżami insuffiċjenti tal-motivi li huma kienu qajmu quddiemu.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ eżami diliġenti

156    Ir-rikorrenti jsostnu li, f’konformità mal-Artikolu 41 tal-Karta, minn qari flimkien tal-premessa 34 kif ukoll tal-Artikolu 26(2) u tal-Artikolu 28(4) tar-Regolament 2019/942 jirriżulta li l-eżami tal-appelli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-ACER għandu jsir mill-Bord tal-Appell b’indipendenza u b’imparzjalità sħiħa u b’mod kuxjenzjuż u diliġenti. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, dan fuq kollox għamel sforz sabiex jiġġustifika d-Deċiżjoni 03/2020 u, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-ACER lanqas ma wieġbet għall-motivi u għall-ilmenti tagħhom. L-ewwel, minn naħa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kkontesta li l-ACER kienet imponiet il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità, minkejja li din stess kienet ammettiet dan, fil-punt 208 tar-risposta li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tal-proċedura quddiemu. Min-naħa l-oħra, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-preżentazzjoni tal-fatti, huwa kkonstata li l-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni speċifika tal-pjattaforma mFRR, billi ċaħad li huma kienu kkontestaw dan quddiemu u billi rriproduċa elementi tar-risposta tal-ACER. It-tieni, filwaqt li l-assenza ta’ konsultazzjoni organizzata mill-ACER fuq it-tielet proposta emendata tal-mFRRIF kienet ġiet ikkritikata quddiemu mill-grupp A, il-Bord tal-Appell, fil-parti ddedikata għall-preżentazzjoni tal-fatti tad-deċiżjoni kkontestata, indika li l-ACER kienet ġiet limitata mit-terminu ta’ sitt xhur li hija kellha sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-proposta tat-TSO, li kien jiskadi fl‑24 ta’ Jannar 2020, u li hija ma setgħetx titlob li t-TSO jikkompletaw mill-ġdid il-proposta tagħhom. Fil-punti 163, 200 u 261 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr spjegazzjoni jew prova, il-Bord tal-Appell ta ġudizzju pożittiv u suġġettiv dwar l-aġir tal-ACER f’dan ir-rigward. It-tielet, kien mingħajr ebda ġustifikazzjoni, ħlief biex jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti u jsaħħaħ il-linja ta’ difiża tal-ACER, li l-Bord tal-Appell akkużahom, fil-punti 177 u 202 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kinux esprimew l-oppożizzjoni tagħhom, waqt il-konsultazzjoni pubblika, għall-għażla ta’ entità unika sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Ir-raba’, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Bord tal-Appell talli ċaħad b’mod żbaljat il-motiv sussidjarju tagħhom, ibbażat fuq ksur tal-Karta li jirriżulta mill-fatt li l-ACER ma kinitx iġġustifikat, fid-Deċiżjoni 03/2020, il-pożizzjoni tagħha favur entità ġuridika waħda, minflok konsorzju ta’ TSO, sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet kollha meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. L-assenza ta’ oġġettività tal-imsemmi bord f’dan ir-rigward tirriżulta mill-fatt li huwa ma eżaminax l-iffrankar ta’ EUR 60 miljun, fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, invokat mill-grupp A sabiex jiġġustifika l-għażla ta’ konsorzju ta’ TSO. Il-ħames, in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Appell jirriżulta wkoll mill-invokazzjoni bbażata fuq fehma żbaljata, minnu, tan-natura allegatament “minn isfel għal fuq” tal-proċess regolatorju previst mir-Regolament 2019/942, sabiex id-Deċiżjoni 03/2020 tiġi eskluża minn stħarriġ ġuridiku veru.

157    L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

158    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta, li, skont l-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Dan id-dritt jimplika, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑220/20, EU:T:2021:716, punt 32).

159    Skont il-ġurisprudenza, l-amministrazzjoni hija marbuta, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-kawża li jkollha quddiemha u li tiġbor il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha kif ukoll li tiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li hija timplimenta (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑220/20, EU:T:2021:716, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit tal-imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu responsabbli mill-każ ma għandu juri parzjalità jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu għandu joffri garanziji suffiċjenti sabiex, f’dan ir-rigward, jiġi eskluż kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑220/20, EU:T:2021:716, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Il-Bord tal-Appell ġie stabbilit, fi ħdan l-ACER, sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu, wara li jisma’ l-partijiet, dwar l-appelli ammissibbli ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-ACER, f’konformità mal-Artikolu 28(4) tar-Regolament 2019/942.

162    Kif tipprevedi l-premessa 34 tar-Regolament 2019/942, il-Bord tal-Appell jagħmel parti mill-ACER, iżda huwa indipendenti mill-istruttura amministrattiva u regolatorja tagħha.

163    Għal dan il-għan, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament 2019/942 jipprovdi li l-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa u ma għandhom ikunu marbutin b’ebda istruzzjoni. L-eżerċizzju, minnhom, ta’ funzjonijiet fi ħdan l-ACER jew il-possibbiltà li jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom huma rregolati b’tali mod li tiġi ggarantita l-indipendenza tagħhom.

164    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova li l-Bord tal-Appell kien kiser il-prinċipji ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ eżami diliġenti fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, ittrattat il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-argumenti mqajma mill-partijiet fil-proċedura quddiemu, id-Deċiżjoni 03/2020 u l-mFRRIF ikkontestat kinux fondati u, b’mod partikolari, jekk setgħux ikunu bbażati fuq il-konstatazzjoni doppja li l-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u li, jekk, għal din il-pjattaforma, it-TSO jkollhom jagħżlu li din il-funzjoni tiġi eżegwita minn entità differenti minn dik inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, ir-rekwiżiti addizzjonali stipulati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195 iridu jiġu ssodisfatti.

165    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell għamel sforz, fiha, sabiex iwieġeb għall-kwistjoni dwar jekk, jew taħt liema kundizzjonijiet, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata mit-TSO dwar il-proposta inizjali tal-mFRRIF matul il-fażi ta’ konsultazzjoni mwettqa mill-ACER mal-ANR u mat-TSO, f’konformità mal-Artikolu 6(11) tar-Regolament 2019/942, u, b’mod partikolari, tal-proposti suċċessivi tal-mFRRIF li t-TSO kienu ssottomettewlha, l-mFRRIF finalment propost mit-TSO kienx ser ikun konformi mar-Regolament 2017/2195 u mar-Regolament (UE) 2017/1485 tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU 2017, L 220, p. 1) kif ukoll ma’ regolamenti oħra applikabbli.

166    F’dan il-kuntest, mill-proċess ma jirriżultax li l-Bord tal-Appell, b’mod ġenerali, jew uħud mill-membri tiegħu, b’mod partikolari, urew xi parzjalità jew preġudizzju personali li wassalhom sabiex jevitaw l-istħarriġ tal-konformità tal-proposta tal-mFRRIF sottomessa mit-TSO mal-leġiżlazzjoni applikabbli jew li ma ddeċidewx, f’dan ir-rigward, b’indipendenza sħiħa, wara l-konsultazzjoni mal-ARN u mat-TSO. Bl-istess mod, mill-proċess ma jirriżultax li l-kuntest li fih il-Bord tal-Appell ħa d-deċiżjoni kkontestata ma kienx joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż, f’dan ir-rigward, kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità jew l-indipendenza tiegħu.

167    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jikkonfutawx din il-konstatazzjoni.

168    Għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma ppruvax jaħbi, fid-deċiżjoni kkontestata, aġir illegali mill-ACER li allegatament kien jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq it-TSO, fl-mFRRIF ikkontestat, tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ funzjoni, jiġifieri l-ġestjoni tal-kapaċità, li ma kinitx meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Fid-deċiżjoni kkontestata, huwa qies biss li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostnew l-appellanti quddiemu, il-ġestjoni tal-kapaċità kellha tiġi kklassifikata bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) u (e) tar-Regolament 2017/2195, li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fl-mFRRIF kien intalab ukoll mill-ARN u li barra minn hekk kien ġie inkorporat fit-tieni u fit-tielet proposti tal-mFRRIF sottomessi mit-TSO. Sussegwentement, huwa silet il-konsegwenzi kollha li rriżultaw minn dan, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kwistjoni dwar jekk, fid-Deċiżjoni 03/2020 tagħha u fl-mFRRIF ikkontestat, l-ACER setgħetx ġustament tikkunsidra li, fil-każ fejn it-TSO jafdaw l-eżekuzzjoni ta’ din il-funzjoni lil entità differenti minn dik inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-issetiljar TSO-TSO, fil-kuntest tal-operat tal-pjattaforma mFRR, ir-rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 20(3)(c)(e) tar-Regolament 2017/2195 għandhomx jiġu osservati. Il-fatt li l-Bord tal-Appell seta’ eventwalment żbalja fl-interpretazzjoni tiegħu tal-leġiżlazzjoni applikabbli, imwettqa taħt l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li dan kien parzjali jew li huwa kien nieqes mill-indipendenza fid-deċiżjoni tiegħu.

169    Bl-istess mod, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-assenza ta’ konsultazzjoni tat-TSO organizzata mill-ACER bejn id-data ta’ meta rċeviet it-tielet proposta emendata tal-mFRRIF, fit‑18 ta’ Diċembru 2019, u l-istabbiliment tal-verżjoni finali tad-Deċiżjoni 03/2020, adottata fl‑24 ta’ Jannar 2020, kienet iġġustifikata mit-terminu li kien mogħti lill-ACER sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, bl-ebda mod ma turi nuqqas ta’ imparzjalità jew ta’ indipendenza min-naħa tal-imsemmi bord. Fil-fatt, din tirrifletti biss it-teħid inkunsiderazzjoni, minnu, ta’ fatt oġġettiv, jiġifieri li t-terminu ta’ sitt xhur, wara li din tkun intalbet tintervjeni, li kien mogħti lill-ACER sabiex tieħu d-deċiżjoni tagħha, skont l-Artikolu 6(12) tar-Regolament 2019/942, kien jiskadi fl‑24 ta’ Jannar 2020.

170    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li l-Bord tal-Appell għamel fid-deċiżjoni kkontestata li, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER kienet aġixxiet fi spirtu ta’ kooperazzjoni u in bona fide, meqjus il-kuntest ristrett, b’mod partikolari f’termini ta’ żmien, li fih hija kellha tieħu din id-deċiżjoni (ara l-punt 169 iktar ’il fuq), ma tiżvelax nuqqas ta’ imparzjalità jew ta’ indipendenza min-naħa tal-imsemmi bord, iżda t-teħid inkunsiderazzjoni, min-naħa tiegħu, ta’ fatti oġġettivi li kienu jixhdu li l-ACER kienet għamlet sforzi biex tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqat tat-TSOs kollha, u dan anki meta s-soluzzjonijiet mixtieqa minn dawn tal-aħħar ma kinux, f’għajnejha, ideali. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ressaq elementi li jippermettu li jinftiehem li t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-ACER, tad-differiment b’sentejn tal-implimentazzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità u tal-ħatra tal-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tagħha juri r-rieda tiegħu li jħalli lit-TSO biżżejjed żmien biex isolvu, skont approċċ ikkoordinat u ċċentralizzat fil-livell ta’ pjattaformi multipli, il-proċess ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li kien sottostanti għall-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità.

171    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, li, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 03/2020, it-TSO ma kinux urew, matul il-fażi ta’ konsultazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-oppożizzjoni tagħhom għall-fatt li l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR kienu ser jiġu eżegwiti minn struttura b’entità waħda wkoll huwa fatt oġġettiv. Ir-rikorrenti ma ċċitaw l-ebda silta mill-osservazzjonijiet tat-TSO matul l-imsemmija fażi, b’mod partikolari mill-Anness II tad-Deċiżjoni 03/2020, li kienet tannulla tali konstatazzjoni. Is-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ fatt oġġettiv ma jurix, min-naħa tiegħu, nuqqas ta’ imparzjalità jew ta’ indipendenza.

172    Sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell talli ma vverifikax jekk, fid-Deċiżjoni 03/2020, l-ACER kinitx iġġustifikat l-għażla tagħha favur struttura b’entità waħda sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u ċ-ċaħda tagħha ta’ struttura fil-forma ta’ konsorzju, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, mill-proċess ma jirriżultax li, f’xi mument partikolari, l-ACER imponiet fuq it-TSO l-obbligu li jużaw struttura b’entità waħda jew ostakolat l-użu ta’ struttura li tieħu l-forma ta’ konsorzju. Fil-fatt, l-ACER siltet biss il-konsegwenzi li, fil-fehma tagħha, kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-għażliet magħmula mit-TSO fil-proposta inizjali tagħhom tal-mFRRIF, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni tat-TSO fid-diversi verżjonijiet suċċessivi ta’ din il-proposta li huma ssottomettewlha. F’dan il-kuntest, hija indikat b’mod partikolari li, jekk it-TSO jkollhom jagħżlu l-istruttura ta’ konsorzju, li ma għandux personalità ġuridika, din kienet tkun struttura b’diversi entitajiet, ikkostitwiti mid-diversi TSO li jkunu membri tal-konsorzju, u mhux struttura b’entità waħda u, konsegwentement, l-imsemmija struttura kellha tkun konformi mar-rekwiżiti addizzjonali previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195, punt li ma jirriżultax mill-proposta inizjali tal-mFRRIF. Hija fakkret ukoll fil-pożizzjoni tagħha li dawn l-istess rekwiżiti għandhom jiġu osservati jekk it-TSO finalment jagħżlu li jafdaw id-diversi funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR lil diversi entitajiet. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti huwa infondat fil-fatt.

173    Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ivvinta l-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali minn isfel għal fuq” sabiex l-azzjonijiet tal-ACER ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġuridiku wkoll huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 54 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jsostnux b’mod utli li l-kwalifikazzjoni tal-proċess deċiżjonali, mill-Bord tal-Appell, bħala “minn isfel għal fuq” kienet illegali, għar-raġuni li hija ma kienet ibbażat fuq ebda bażi legali fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

174    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ eżami diliġenti għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

–       Fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

175    Il-grupp A jikkritika lill-Bord tal-Appell talli, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonferma d-deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ żvelar, li kienet ġiet adottata bi ksur kemm tad-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. Ir-raġunijiet għad-deċiżjoni li tiċħad it-talba ta’ żvelar, kif miġbura fil-qosor fil-punti 275 sa 285 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu li, l-ewwel, peress li ACER ma kinitx talbet trattament kunfidenzjali tal-annessi għar-risposta tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, il-Grupp A kellu aċċess għal informazzjoni sħiħa dwar id-dokumenti skambjati bejn l-ACER u t-TSO qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 03/2020 u, it-tieni, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) kienu applikabbli, fin-nuqqas ta’ interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar, il-Grupp A ma stabbilixxiex il-ħtieġa ta’ tali żvelar biex jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dokumenti li l-iżvelar tagħhom kien mitlub ma kinux rilevanti biżżejjed għall-argumenti li huwa kien ippreżenta quddiem il-Bord tal-Appell.

176    L-ewwel, il-grupp A jqis li r-rispett tad-drittijiet tiegħu ma setax jiddependi fuq id-deċiżjoni tal-ACER li tehmeż jew ma tehmiżx id-dokumenti msemmija fit-talba ta’ żvelar f’anness mar-risposta tagħha quddiem il-Bord tal-Appell. It-tieni, huwa jfakkar li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, li fuqu kienet ibbażata esklużivament it-talba ta’ żvelar, huwa separat u indipendenti mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previst mir-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-ġurisprudenza, dan id-dritt ma jistax jiġi ssodisfatt minn żvelar selettiv tad-dokumenti inkwistjoni, u lanqas ma jista’ jiġi evalwat fir-rigward tal-fondatezza tat-talba ta’ żvelar. It-tielet, il-Bord tal-Appell kien infondat u, fi kwalunkwe każ, żbaljat meta kkritikah talli ma spjegax kif l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni kien neċessarju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. Ir-raba’, l-imsemmija dokumenti kienu rilevanti quddiem il-Bord tal-Appell peress li, matul seduta, l-imsemmi bord kien għamel lill-ACER mistoqsija direttament marbuta mal-kontenut tagħhom u, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa bbaża ruħu fuq l-imsemmi kontenut sabiex jiċħad ir-rikors tiegħu. Dan il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl allegatament influwenza l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, għad-detriment tiegħu, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ġestjoni tal-kapaċità kellhiex tiġi inkluża fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR u jekk il-Bord tar-Regolaturi kienx appoġġja l-pożizzjoni tal-ACER favur entità ġuridika waħda li teżegwixxi dawn il-funzjonijiet kollha.

177    L-ACER tikkontesta l-argumenti tal-grupp A u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

178    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li t-talba mressqa mill-grupp A fil-punt 160(d) tal-appell li huwa kien ippreżenta quddiem il-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942 kienet intiża sabiex l-imsemmi bord jadotta miżura proċedurali, skont l-Artikolu 20(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, dwar il-produzzjoni ta’ verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti kkontestati (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), li huwa qies bħala utli għall-finijiet tal-proċedura miftuħa quddiem l-istess bord kontra d-Deċiżjoni 03/2020. Id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar għandha għalhekk tiġi analizzata bħala deċiżjoni, adottata mill-President tal-Bord tal-Appell li kien qiegħed jaġixxi f’isem dan tal-aħħar, li tiċħad il-miżura proċedurali mitluba.

179    Id-dokumenti kkontestati kienu marbuta mal-proċedura leġiżlattiva, li tinvolvi t-TSO, l-ARN u l-ACER, li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 03/2020 u tal-metodoloġija tal-mFRR li kienet annessa magħha.

180    Minn dan isegwi li t-talba mressqa mill-grupp A lill-Bord tal-Appell la kienet talba ta’ aċċess għall-fajl tal-proċedura miftuħa quddiem dan tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, u lanqas talba ta’ aċċess għal dokumenti, fis-sens tal-Artikolu 42 tal-Karta u tar-Regolament Nru 1049/2001.

181    Fid-dawl tat-test tal-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Nru 1‑2011, kif emendata fil‑5 ta’ Ottubru 2019, li tistabbilixxi r-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER u ta’ applikazzjoni, b’analoġija, tal-ġurisprudenza applikabbli għat-talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji fil-kuntest ta’ proċeduri miftuħa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punti 90 sa 93, u tat‑12 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Meierhofer, T‑560/08 P, EU:T:2010:192, punt 61), għandu jiġi kkonstatat li, sabiex dan il-bord, irrappreżentat mill-President tiegħu, ikun jista’ jiddetermina jekk tali produzzjoni kinitx utli għat-tmexxija tajba tal-proċeduri miftuħa quddiemu, il-Grupp A mhux biss talli kellu jidentifika, fir-rikors tiegħu d-dokumenti mitluba, iżda talli kellu wkoll jipprovdi lill-Bord tal-Appell b’ammont minimu ta’ provi dwar l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-għanijiet ta’ dik il-proċedura. Il-ħtieġa li l-miżura proċedurali mitluba tiġi adottata billi titneħħa, jekk ikun il-każ, il-kunfidenzjalità tad-dokumenti kkontestati fir-rigward tal-Grupp A kienet taqa’ sussegwentement taħt l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell irrappreżentat mill-President tiegħu, fejn l-imsemmi grupp jista’, jekk ikun il-każ, jikkontesta din l-evalwazzjoni fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, f’konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament 2019/942, kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata, jekk huwa jqis li n-nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżura proċedurali mitluba kellu impatt fuq il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni.

182    Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar setgħet tiġi legalment adottata mill-Bord tal-Appell irrappreżentat mill-President tiegħu biss fuq il-bażi, esposta fil-punti 9 u 10 tal-imsemmija deċiżjoni u riprodotta fil-punti 282 u 283 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-grupp A naqas milli jipprovdilu, insostenn tat-talba tiegħu għal miżura proċedurali, l-ammont minimu ta’ elementi li setgħu jissostanzjaw l-utilità tad-dokumenti kkontestati għall-ħtiġijiet tal-proċedura inkwistjoni, kif kien neċessarju sabiex huwa jkun jista’ jilqa’ t-talba tiegħu.

183    Madankollu, il-grupp A joġġezzjona li ġġustifika l-utilità tad-dokumenti kkontestati għall-ħtiġijiet tal-proċedura miftuħa quddiem il-Bord tal-Appell fil-punti 76 u 156 tal-appell li huwa kien ippreżenta quddiem dan tal-aħħar.

184    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 76 tal-imsemmi rikors, dwar it-tielet motiv imqajjem mill-grupp A, huwa bl-ebda mod ma spjega kif il-kopja ta’ eventwali evalwazzjoni mwettqa mill-ACER f’konformità mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2017/2195 u intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk u kif it-TSO setgħu jwettqu l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji neċessarja sabiex issostni l-emenda meħtieġa mill-Artikolu 12(2) tal-metodoloġija tal-mFRR kienet allegatament neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan il-motiv, li kien essenzjalment intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-ACER kienet kisret l-Artikolu 10 u l-Artikolu 20(5) tar-Regolament 2017/2195, billi marret lil hinn mill-kompetenza tagħha, billi obbligat lit-TSO jissottomettulha proposta għal emenda tal-metodoloġija tal-mFRR, impożizzjoni li hija ma kellhiex is-setgħa li tagħmel skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942 jew tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament 2017/2195. Fil-fatt, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell, irrappreżentat mill-President tiegħu, fil-punt 12 tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar, l-eżistenza tad-dokument li ntalab l-iżvelar tiegħu kienet irrilevanti għall-evalwazzjoni, f’dan ir-rigward, tal-kompetenza tal-ACER fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

185    Min-naħa l-oħra, fil-punt 156 tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, dwar is-seba’ aggravju invokat fih, moqri flimkien mal-ewwel sat-tielet aggravji, il-Grupp A bl-ebda mod ma spjega kif kopja tal-eventwali formoli li fihom l-opinjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi u tal-ACER dwar id-Deċiżjoni 03/2020 u l-metodoloġija tal-mFRR annessa magħha, qabel l-adozzjoni tagħhom, li kienet tagħmilha possibbli, kif isostni l-Grupp A, li jkunu magħrufa l-kontenut u l-portata tad-diskussjonijiet li kienu saru fir-rigward tiegħu fi ħdan l-ACER, kienet allegatament meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni dwar is-seba’ aggravju tal-appell, li essenzjalment kien intiż li jikkonstata li l-ACER kienet kisret kemm l-Artikoli 6(11) u 14(6) tar-Regolament 2019/942 kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta billi naqset milli tikkonsulta suffiċjentement lit-TSOs u l-ARN ikkonċernati qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 03/2020 u tal-metodoloġija tal-mFRR annessa magħha, u billi ma mmotivatx suffiċjentement din l-aħħar deċiżjoni.

186    Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrappreżentat mill-President tiegħu kien fondat li ma jilqax it-talba għall-produzzjoni tad-dokumenti kkontestati mressqa mill-Grupp A, skont l-Artikolu 20(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, fil-punt 160(d) tal-appell tiegħu ppreżentat quddiem dak l-istess bord.

187    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tad-“dritt ta’ aċċess għall-fajl” għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

–       Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

188    Il-grupp A jsostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser, f’diversi aspetti, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqu. L-ewwel, huwa ma mmotivax b’mod suffiċjenti ċ-ċaħda tal-ilment, imqajjem fil-kuntest tas-sitt aggravju tal-appell li huwa kien ippreżenta quddiemu, ibbażat fuq ksur mill-ACER tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, fid-Deċiżjoni 03/2020, hija kienet imponiet fuq it-TSO l-obbligu li jaħtru entità ġuridika waħda sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, inkluża l-ġestjoni tal-kapaċità, filwaqt li dan ir-rekwiżit la kien neċessarju u lanqas xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament 2017/2195. It-tieni, għall-kuntrarju ta’ dak li allegat li għamel fil-punti 246 sa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma eżaminax u, a fortiori, ma mmotivax il-fatt li kien ċaħad l-argument prinċipali, invokat insostenn tat-tieni motiv tar-rikors ippreżentat quddiemu, li l-ACER kienet għamlet emenda fundamentali, wara t-tielet proposta emendata tal-mFRRIF imressqa mit-TSO, billi inkludiet il-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità fl-Artikolu 12(2) tal-mFRRIF ikkontestat, li dwarha l-imsemmija TSO ma kinux ġew ikkonsultati u la ma kinitx tinsab fil-verżjoni finali tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-ACER.

189    L-ACER tikkontesta l-argumenti tal-grupp A u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

190    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, hija l-amministrazzjoni li għandha timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

191    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, E‑Control vs ACER, T‑63/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:456, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Madankollu, ma jistax jiġi meħtieġ minn Bord tal-Appell li jipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemu. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u tagħmilha possibbli li l-qorti kompetenti jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, E‑Control vs ACER, T‑63/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:456, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-ewwel, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tal-grupp A li l-Bord tal-Appell ċaħad l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-ACER mingħajr ma spjega kif ir-rekwiżit ta’ struttura b’entità waħda għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, inkluża l-ġestjoni tal-kapaċità, kien adegwat sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti. Fil-fatt, prinċipalment, il-Bord tal-Appell ċaħad li l-ACER kienet imponiet fuq it-TSO struttura b’entità waħda sabiex teżegwixxi l-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR. Sussidjarjament, hija osservat li l-ACER ma setgħetx tapprova metodoloġija tal-mFRR li ma kinitx konformi, fil-fehma tagħha, mal-leġiżlazzjoni applikabbli u li kien neċessarju u proporzjonat li hija ssemmi, fid-deċiżjoni tagħha, il-kundizzjonijiet għal tali konformità. Din il-motivazzjoni kienet suffiċjenti sabiex tippermetti li l-grupp A jifhem ir-raġunament, prinċipali u sussidjarju, li fuqu l-Bord tal-Appell kien ibbaża ċ-ċaħda, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-ACER u sabiex jikkontestah, jekk ikun il-każ, quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, din kienet suffiċjenti sabiex tippermetti li l-Qorti Ġenerali tistħarreġ, jekk ikun il-każ, il-fondatezza ta’ tali ċaħda. F’dan il-kuntest, il-grupp A ma jistax jikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma rrispondiex għall-argumenti kollha li kienu ġew żviluppati quddiemu.

194    It-tieni, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni għaċ-ċaħda tal-ilment li l-ACER kienet għamlet emenda fundamentali fil-kliem tal-Artikolu 12(2) tal-mFRRIF ikkontestat, meta mqabbla mal-verżjoni finali tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2019, billi inkludiet il-ġestjoni tal-kapaċità fiha bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma tal-mFRR, mingħajr ma t-TSOs ġew ikkonsultati dwar din l-emenda, mill-kuntest li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni 03/2020 u, b’mod partikolari, mit-tweġibiet tagħha għat-tieni u t-tielet proposti tal-mFRRIF, jirriżulta li t-TSO ma setgħux ma kinux konxji li l-ACER kienet tqis, minn naħa, li l-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma tal-mFRR u, min-naħa l-oħra, li jekk il-funzjonijiet kollha meħtieġa għall-operat ta’ din il-pjattaforma kellhom jitwettqu minn aktar minn entità waħda, kellhom jiġu osservati r-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(3)(e) tar-Regolament 2017/2195.

195    Għalhekk, huwa b’għarfien sħiħ tal-fatti li t-TSO rrifjutaw li jissodisfaw, fit-tielet proposta emendata tal-mFRRIF tagħhom, l-aspettattivi tal-ACER f’dan ir-rigward, sa fejn, kif jirriżulta minn dan ir-rikors, uħud minnhom ma kinux jikkondividu l-opinjoni tagħha dwar ir-rekwiżiti li allegatament irriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-każ inkwistjoni. Huwa f’dan il-kuntest li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, bi tweġiba għall-ilment tal-grupp A li t-TSO ma kinux ġew ikkonsultati dwar emenda fundamentali tal-metodoloġija tal-mFRR introdotta fl-aħħar mument mill-ACER, indika li l-kwistjoni kkonċernata minn din l-emenda kienet tinsab fil-qalba tad-diskussjonijiet bejnha u t-TSO matul il-fażi ta’ konsultazzjoni u li t-TSO kienu f’pożizzjoni li jiddiskutu bis-sħiħ mal-ACER dwar il-pożizzjonijiet meħuda minnha, iżda li, fid-dawl tal-limitazzjonijiet taż-żmien għas-setgħa deċiżjonali tagħha, l-ACER finalment kienet adottat l-mFRRIF ikkontestat filwaqt li indikat il-kundizzjonijiet li taħthom l-għażliet li jsiru mit-TSO fir-rigward tal-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità kellhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli.

196    Fid-dawl tal-kuntest li fih ingħatat, din il-motivazzjoni kienet suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex tippermetti li l-grupp A jifhem ir-raġunijiet li għalihom, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ilment tiegħu kien miċħud mill-Bord tal-Appell u sabiex jikkontestahom, jekk meħtieġ, quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, din kienet suffiċjenti sabiex tippermetti li l-Qorti Ġenerali tistħarreġ, jekk ikun il-każ, il-fondatezza ta’ tali ċaħda.

197    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

–       Fuq il-ksur tal-obbligu tal-Bord tal-Appell li jwettaq stħarriġ sħiħ tad-deċiżjonijiet tal-ACER

198    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, meta ma wettaqx stħarriġ sħiħ tad-Deċiżjoni 03/2020, fir-rigward tal-motiv, li huma kienu qajmu quddiemu, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament 2017/2195 li jirriżulta mill-fatt li l-ACER kienet imponiet fuq it-TSO l-obbligu li jaħtru entità ġuridika waħda għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaforma mFRR, inkluża l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità. Mis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542, punti 69 u 70), jirriżulta li l-Bord tal-Appell għandu jwettaq stħarriġ sħiħ tad-deċiżjonijiet tal-ACER. Issa, filwaqt li, fil-paragrafu 169 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika b’mod ċar li kellu jwettaq stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ dritt imqajma mir-rikorrenti, huwa, fil-prattika u f’konformità mal-prassi deċiżjonali tiegħu, wettaq stħarriġ ristrett, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 83 ta’ din l-istess deċiżjoni. Fil-prattika, l-ACER ma wrietx li l-Bord tal-Appell kien wettaq, fid-deċiżjoni kkontestata, stħarriġ sħiħ tad-Deċiżjoni 03/2020.

199    L-ACER tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

200    Huwa minnu li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-kontenut tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 83 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dak tal-punt 193 tal-imsemmija deċiżjoni, jagħtu x’jifhem li l-Bord tal-Appell, f’konformità mal-prassi deċiżjonali tiegħu ta’ dak iż-żmien, wettaq stħarriġ sħiħ biss dwar l-evalwazzjonijiet legali tal-ACER fid-Deċiżjoni 03/2020 tagħha, iżda li huwa llimita ruħu li jwettaq biss stħarriġ limitat, għat-tfittxija ta’ żbalji manifesti, dwar l-evalwazzjonijiet fattwali kumplessi tagħha, ta’ natura teknika, billi rrikonoxxa, f’dan ir-rigward, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-ACER.

201    Issa, b’mod partikolari mill-punt 69 tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, taħt appell, EU:T:2020:542), jirriżulta li l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu f’deċiżjoni tal-ACER ma għandux ikun limitat għall-istħarriġ limitat tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, billi jibbaża ruħu fuq il-perizja xjentifika tal-membri tiegħu, l-imsemmi bord għandu jeżamina jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti jistgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-ACER humiex ivvizzjati bi żbalji.

202    Għalhekk, kif jenfasizzaw ġustament ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kien obbligat iwettaq, fid-deċiżjoni kkontestata, stħarriġ sħiħ tad-Deċiżjoni 03/2020.

203    Madankollu, minn eżami bir-reqqa tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fiha, il-Bord tal-Appell essenzjalment wettaq l-istħarriġ tiegħu fuq l-evalwazzjonijiet legali mwettqa mill-ACER fid-Deċiżjoni 03/2020, li fir-rigward tagħhom huwa wettaq stħarriġ sħiħ.

204    Barra minn hekk, fil-każijiet rari fejn, bħal fil-punt 193 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ntalab jistħarreġ evalwazzjonijiet ta’ natura teknika kumplessi, il-Bord tal-Appell, fil-prattika, wettaq stħarriġ li jmur lil hinn minn sempliċi stħarriġ ristrett, sabiex b’hekk, de facto, dan tal-aħħar ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li huwa kellu jwettaq dwar id-Deċiżjoni 03/2020. Fil-fatt, fil-paragrafu inkwistjoni, il-Bord tal-Appell, wara li rrileva li din kienet evalwazzjoni ta’ natura teknika kumplessa li għaliha l-ACER kienet tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni, madankollu vverifika jekk din setgħetx ġustament tikkonkludi li l-proċess ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, f’forma ċċentralizzata jew deċentralizzata, kien funzjoni meħtieġa, fuq il-livell tekniku, għall-operat tal-pjattaforma mFRR.

205    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-Bord tal-Appell li jwettaq stħarriġ sħiħ tad-deċiżjonijiet tal-ACER għandu jiġi miċħud kollu kemm huwa.

–       Fuq żball ta’ interpretazzjoni u eżami insuffiċjenti, mill-Bord tal-Appell, tal-motivi mqajma quddiemu

206    Il-grupp A jikkritika lill-Bord tal-Appell bi żball ta’ interpretazzjoni u eżami insuffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-motivi li huwa kien qajjem quddiemu. L-ewwel, il-Bord tal-Appell eżamina l-appell li huwa kien ippreżenta quddiemu mingħajr ma fehem il-portata u s-suġġett ta’ dan l-appell. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Bord tal-Appell fil-punti 76, 142 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kkontesta l-fatti msemmija fil-punti 81 sa 98 tad-Deċiżjoni 03/2020 u ppreżenta appell kontra l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 4(6) tal-mFRRIF ikkontestat. Barra minn hekk, fil-paragrafi 81 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma esponiex il-fatti, iżda ġabar fil-qosor il-pożizzjoni tal-ACER. Fir-rigward tal-iżbalji tal-Bord tal-Appell li ġew ikkorreġuti b’rettifika inkluża fil-proċess ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti kkontestaw, permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Bord tal-Appell u inklużi fil-proċess ta’ din il-kawża, li dawn kienu sempliċi żbalji tal-kitba, pjuttost milli fuq il-mertu. It-tieni, il-grupp A jikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma silitx il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-eżami tat-tielet aggravju li huwa kien qajjem quddiemu. Fil-fatt, sa fejn dan kien ikkonstata li l-obbligu previst fl-Artikolu 12(2) tal-mFRRIF ikkontestat kien ġie impost mill-ACER u ma kienx jirriżulta direttament mir-Regolament 2017/2195, huwa kellu jilqa’ dan l-aggravju jew, fin-nuqqas ta’ dan, jesponi r-raġunijiet li għalihom, minkejja l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, l-ACER ma kinitx marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenza tagħha.

207    L-ACER tikkontesta l-argumenti tal-grupp A u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

208    Fir-rigward tal-kritika tal-Grupp A li l-Bord tal-Appell ma fehemx il-portata u s-suġġett tal-appell li huwa kien ippreżenta quddiemu, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi Bord wettaq ċerti żbalji jew nuqqasijiet.

209    Fl-ewwel lok, huwa minnu u, barra minn hekk, l-ACER tirrikonoxxi dan, fil-punt 220 tar-risposta, li l-Bord tal-Appell kien indika b’mod żbaljat, fil-punti 142 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-grupp A ma kienx ikkontesta, quddiemu, il-legalità tal-Artikolu 6(4) u tal-Artikolu 4(6) tal-mFRRIF ikkontestat.

210    Fit-tieni lok, huwa minnu li l-Bord tal-Appell indika, preliminarjament, fil-punt 76 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-grupp A ma kienx ikkontesta quddiemu, il-“fatti li jinsabu fil-[premessi] 81 [sa] 98 tad-[Deċiżjoni 03/2020]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fatt li kien skomdu, sa fejn, f’dawn il-premessi, il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni purament fattwali kienet imħallta ma’ dik tal-interpretazzjoni legali tal-leġiżlazzjoni applikabbli mill-ACER, li ma kinitx kondiviża mill-grupp A.

211    Madankollu, indipendentement mir-rettifika li saret fil‑21 ta’ Diċembru 2020, wara l-preżentata u, għalhekk, fid-dawl ta’ dan ir-rikors, punt li ġie ddenunzjat mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li huma la jallegaw u lanqas, a fortiori, ma juru li dawn l-iżbalji fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li sussegwentement ġew ikkorreġuti, kellhom impatt fuq id-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, u għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw l-annullament ta’ din tal-aħħar.

212    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kritiki indirizzati kontra l-premessi 81 sa 98 tad-Deċiżjoni 03/2020, għandu jiġi rrilevat li, fihom, il-Bord tal-Appell indika b’mod ċar li l-interpretazzjoni legali tal-leġiżlazzjoni applikabbli li kienet esposta kienet dik tal-ACER u li din ma kinitx kondiviża mir-rikorrenti, biex b’hekk l-ilment ifformulat mill-grupp A huwa infondat fil-fatti.

213    Fir-rigward tal-kritika tal-Grupp A li l-Bord tal-Appell ma silitx il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tiegħu tat-tielet aggravju li huwa kien qajjem quddiemu, din il-kritika hija bbażata fuq argument li diġà ġie miċħud fil-punt 168 iktar ’il fuq. Għall-istess raġunijiet, l-imsemmija kritika għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

214    Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-ilment ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni u fuq eżami insuffiċjenti mill-Bord tal-Appell tal-motivi mqajma quddiemu, it-tielet motiv u, konsegwentement, dan ir-rikors fl-intier tiegħu jiġu miċħuda.

 Fuq lispejjeż

215    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu l-kawża, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-ACER, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Austrian Power Grid AG u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

Papasavvas

Tomljenović

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

 

      Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Frar 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


i      Fl-okkju ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.