Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2024 mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Novembru 2023 fil-Kawża T-167/21, European Gaming and Betting Association vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-59/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: C.S. Schillemans, M.K. Bulterman, A. Hanje, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: European Gaming and Betting Association, il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal evalwazzjoni iktar iddettaljata;

tikkundanna lil European Gaming and Betting Association għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 1(h), l-Artikolu 4(3) u (4) u l-Artikolu 24 tar-Regolament 2015/1589 1 , kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Il-punti 29 sa 53 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. Billi kkonkludiet li d-drittijiet proċedurali ta’ European Gaming and Betting Association ġew miksura, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat irrikonoxxiet portata iktar wiesgħa għall-interess ta’ European Gaming and Betting Association u/jew għall-allegata miżura ta’ għajnuna mill-Istat li European Gaming and Betting Association kienet ikkontestat fl-ilment.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ilment dwar għajnuna mill-Istat indiretta allegatament mogħtija lill-assoċjazzjonijiet karitatevoli.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha peress li ma stabbilixxietx a) għaliex eżami dwar għajnuna mill-Istat indiretta għal assoċjazzjonijiet karitatevoli għandu jkun rilevanti fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat lil detenturi ta’ liċenzji u b) ma mmotivatx l-argumenti ta’ difiża tal-Kummissjoni, sostnuta mill-Pajjiżi l-Baxxi, kontra l-ilment ta’ European Gaming and Betting Association fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat indiretta.

Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C-57/19 P, EU:C:2021:663, u l-Artikolu 4(3) u (4) flimkien mal-Artikolu 24 tar-Regolament 2015/1589.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat lil European Gaming and Betting Association (impliċitament) bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat indiretta lil assoċjazzjonijiet karitatevoli.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).