Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2014 minn CR mis-sentenza mogħtija fit-12 ta’ Marzu 2014 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-128/12, CR vs Il-Parlament

(Kawża T-342/14 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: CR (Malling, Franza) (rappreżentant: A. Salerno, avukat)

Appellati: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta’ Marzu 2014;

tiddeċiedi hija stess it-tilwima tiegħu mal-Parlament Ewropew, billi tannulla d-deċiżjoni li huwa kkontesta quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sa fejn din timponi fuqu r-rimbors tas-somom kollha li huwa rċieva indebitament bħala allowances tal-familja; jew

sussidjarjament tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha taż-żewġ proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jikkontesta iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

It-tieni aggravju bbażat fuq assenza ta’ risposta għall-argumentazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tan-natura sproporzjonata tal-assenza ta’ kull preskrizzjoni fl-ipoteżi fejn l-Awtorità tal-Ħatra hija f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-persuna kkonċernata deliberatament żgwidat lill-amministrazzjoni bil-għan li tikseb il-ħlas tas-somma kkunsidrata.