Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-22 ta’ April 2022 – Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt. vs Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal

(Kawża C-277/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Global NRG Kereskedelmi és Tanácsadó Zrt.

Konvenut: Magyar Energetikai és Közmű-szabályozási Hivatal

Parti interessata intervenjenti insostenn tal-konvenut: FGSZ Földgázszállító Zrt.

Domandi preliminari

L-Artikolu 41(7) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE 1 , moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-proċedimenti tal-awtorità regolatorja ta’ dan l-Istat Membru fejn jiġu ffissati t-tariffi għall-użu tan-network, it-tariffi tas-servizzi li jistgħu jipprovdu l-operaturi tas-sistema permezz ta’ tariffi speċjali u t-tariffi ta’ konnessjoni, tiġi rikonoxxuta lill-operaturi tas-sistema unikament il-kundizzjoni ta’ parti direttament affettwata li, bħala tali, għandha dritt ta’ appell minn deċiżjoni adottata fil-proċedimenti?

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat bħala persuna affettwata mill-imsemmija deċiżjoni tal-awtorità regolatorja tal-Istat Membru li permezz tagħha jiġu ffissati t-tariffi għall-użu tan-network, it-tariffi tas-servizzi li jistgħu jipprovdu l-operaturi tas-sistema permezz ta’ tariffi speċjali u t-tariffi ta’ konnessjoni, u, bħala tali, li għandha dritt ta’ appell minn din id-deċiżjoni, aġent tas-suq tal-gass naturali li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti, li mingħandha l-operaturi tas-sistema jitolbu ħlas, abbażi ta’ din id-deċiżjoni, ta’ tariffa għas-servizz li jista’ jingħata għal tariffa speċjali?

____________

1 ĠU 2009, L 211, p. 94.