Language of document :

Appell ippreżentat fl-10 ta' Frar 2010 minn Brigitte Zangerl-Posselt mis-sentenza mogħtija fit-30 ta' Novembru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-83/07, Zangerl-Posselt vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-62/10 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Brigitte Zangerl-Posselt (Merzig, il-Ġermanja) (rappreżentant: S. Paulmann, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza apppellata;

tiddeċiedi dwar il-kawża, u kif sostnut mill-appellanti fl-ewwel istanza, tannulla d-deċiżjoni li ttieħdet bħala konsegwenza tal-ilment tat-13 ta' Diċembru 2007 u li tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AST/27/06, tal-25 ta' Lulju 2007, li ma tawtorizzax lill-appellanti tiegħu sehem fl-eżamijiet prattiċi u orali ta' din il-kompetizzjoni;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż taż-żewġ proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa intiż kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-30 ta' Novembru 2009 fil-Kawża F-83/07, Zangerl-Posselt vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha ġie miċħud ir-rikors tal-appellanti.

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi meta kkunsidra l-kundizzjonijiet tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni EPSO/AST/27/06. F'dan ir-rigward, huwa allegat, b'mod partikolari, li meta ddeċieda jekk l-appellanti kellhiex diploma fis-sens tal-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika l-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, skont l-appellanti, l-ispjegazzjonijiet li permezz tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fittex li jiċħad l-argumenti tal-appellanti huma vvizzjati minn numru ta' żbalji ta' liġi. F'dan ir-rigward, qiegħed jiġi sostnut, b'mod partikolari, li saru konstatazzjonijiet li l-illegalità tagħhom tidher mill-proċess, u li l-evidenza ġiet distorta.

L-appellanti ssostni wkoll li d-diskriminazzjoni indiretta abbażi tal-età li hija tallega, għalkemm ġiet ikkonfermata, tqieset li hija ġustifikata abbażi ta' raġunijiet li huma insuffiċjenti u foloz.

____________