Language of document : ECLI:EU:T:2014:1062

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

11 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Master — Trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti Coca-Cola u trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti C — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Xebh tas-sinjali — Provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”

Fil-Kawża T‑480/12,

The Coca-Cola Company, stabbilita f’Atlanta, Georgia (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn S. Malynicz, barrister, D. Stone, L. Ritchie, solicitors, u S. Baran, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Modern Industrial & Trading Investment Co. Ltd (Mitico), stabbilita f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentata minn A.-I. Malami, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tad-29 ta’ Awwissu 2012 (Każ R 2156/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn The Coca‑Cola Company u Modern Industrial & Trading Investment Co. Ltd (Mitico),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: JWeychert, amministratur,

wara li r-rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2012,

wara li r-rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2013,

wara li r-rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2013,

wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-10 ta’ Mejju 2010, l-intervenjenti, Modern Industrial & Trading Investment Co. Ltd (Mitico), ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-limitazzjoni li seħħet fil-proċedimenti quddiem l-UASI, fil-klassijiet 29, 30 u 32 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 29: “Jogurt, laħam, ħut, tjur domestiku u selvaġġ, estratt tal-laħam, frott u ħaxix ippreservat, iffriżat, imnixxef u msajjar, ġeli, marmellata, frott ippreservat, bajd ippreservat u ppreservat bil-ħall, insalati ppreparati bil-ħall, krisps tal-patata”;

–        klassi 30: “Kafè, tè, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sagu, kafè artifiċjali, dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, hlewwiet, ħelu, silġijiet u ġelati, għasel, għasel iswed, għaġin, dqiq, ħmira tal-furnara, trabijiet tal-ħami, melħ, mustarda, ħall, bżar, zlazi (kondimenti), ħwawar, bl-eċċezzjoni speċifikament ta’ prodotti tal-għaġina u tal-furnara, silġ, ċikkulata, gum, kull tip ta’ hors-d’œuvre magħmula mill-qamħirrum u mill-qamħ, bl-eċċezzjoni speċifikament ta’ prodotti tal-għaġina u tal-furnara”;

–        klassi 32: “Ilma minerali u naturali, xorb magħmul mix-xgħir, birra mingħajr alkoħol, xorb bil-gass mingħajr alkoħol ta’ kull xorta, b’mod partikolari mħawwra (kola, ananas, mango, larinġ, lumi, aromatizzat, tuffieħ, magħmul minn taħlita ta’ frott, tropikali, enerġetiċi, frawli, frott, luminati, rummien…), u kull tip ta’ xorb mingħajr alkoħol magħmul mill-frott naturali (tuffieħ, lumi, larinġ, taħlita magħmul mill-frott, rummien, ananas, mango…), u konċentrati ta’ meraq mingħajr alkoħol u konċentrati sabiex isiru meraq mingħajr alkoħol ta’ kull tip, trab u puré sabiex jiġi prodott puré mingħajr alkoħol”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 128/2010, tal-14 ta’ Lulju 2010.

5        Fl-14 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti, The Coca-Cola Company, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata, fl-ewwel lok, fuq erba’ trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti Coca-Cola, irriprodotti iktar ’il quddiem:

Image not found

Image not found

Image not found

Image not found

Marque n° 8792475

Marque n° 3021086

Marque n° 2117828

Marque n° 2107118

7        Dawn l-erba’ trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti kienu jindikaw b’mod partikolari l-prodotti u s-servizzi, rispettivament, għall-ewwel, fil-klassijiet 30, 32 u 33, għat-tieni, fil-klassi 32, għat-tielet, fil-klassijiet 32 u 43 u, għar-raba’, fil-klassijiet 32 u 43, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn it-trade marks u minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–        trade mark Komunitarja Nru 8792475:

–        klassi 30: “Kafé, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sago, kafé artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, prodotti tal-għaġina u prodotti ħelwin, ġelati; għasel, ġulepp tal-karamella; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondimenti); ħwawar; silġ”;

–        klassi 32: “Birra; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex jiġi ppreparat xorb”;

–        klassi 33: “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni ta’ birra)”;

–        trade mark Komunitarja Nru 3021086:

–        klassi 32: “Xorb, jiġifieri ilma tax-xorb, ilmijiet b’togħma, ilma minerali u bil-gass; u xorb ieħor mingħajr alkoħol, jiġifieri xorb mingħajr alkoħol, xorb enerġetiku u xorb għall-isportivi; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp, konċentrati u trab sabiex jiġi ppreparat xorb, jiġifieri ilmijiet b’togħma, ilma minerali u bil-gass, xorb rinfreskanti, xorb enerġetiku, xorb għall-isportivi, xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott”;

–        trade mark Komunitarja Nru 2117828:

–        klassi 32: “Birra; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex jiġi ppreparat xorb”;

–        klassi 43: “Catering (ikel u xorb); hosting temporanju”;

–        trade mark Komunitarja Nru 2107118:

–        klassi 32: “Birra; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex jiġi ppreparat xorb”;

–        klassi 33: “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni tal-birra)”.

8        L-oppożizzjoni kienet ibbażata, fit-tieni lok, fuq it-trade mark tar-Renju Unit figurattiva preċedenti C, irriprodotta iktar ’il quddiem:

Image not found

Marque n° 2428468

9        Din it-trade mark tar-Renju Unit figurattiva preċedenti kienet tindika b’mod partikolari l-prodotti fil-klassi 32 u tikkorrispondi mad-deskrizzjoni segwenti: “Birra; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq magħmul mill-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra sabiex jiġi ppreparat xorb”.

10      Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u fl-Artikolu 8(5) tal-istess regolament.

11      Fis-26 ta’ Settembru 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha.

12      Fis-17 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

13      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors.

14      Minn naħa, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, iddefinixxa l-konsumatur rilevanti bħala membru ordinarju tal-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea. It-tieni nett, huwa osserva li l-intervenjenti ma kkontestatx il-konklużjoni provviżorja tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li qalet li l-prodotti indikati mit-trade marks kunfliġġenti kienu identiċi. It-tielet nett, huwa qies li mill-bidu kien jidher li s-sinjali kunfliġġenti ma kinux għal kollox simili, peress li l-elementi verbali “coca-cola” u “master” tas-sinjali kunfliġġenti, iktar distinti mill-elementi figurattivi tagħhom, ma kellhom prattikament xejn komuni, apparti l-“linja” li kienet ittawwal l-ittra “c” u l-ittra “m” fl-imsemmija sinjali. Huwa ċaħad ukoll l-argument tar-rikorrenti li kien jgħid li x-xebh tas-sinjali, f’dan il-każ, ma kienx jiddependi minn koinċidenzi pperċepiti bejn l-elementi verbali, iżda mill-mod speċjali u distint kif dawn l-elementi verbali kienu rrappreżentati, fl-istess tipa magħrufa bħala “kitba spencerjana”, peress li tali karattru distintiv partikolari kellu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, u mhux dak tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti.

15      Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien hemm assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti għar-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, huwa rrileva li r-rikorrenti, għalkemm proprjetarja ta’ sensiela ta’ trade marks Coca-Cola ta’ reputazzjoni għolja u magħrufa, li r-reputazzjoni tagħhom kienet marbuta mar-rappreżentazzjoni tagħhom fi skrittura spencerjana, madankollu ma kinitx il-proprjetarja ta’ din l-iskrittura b’eleganza indiskutibbli, li setgħet tintuża b’mod ħieles minn kulħadd. Sussegwentement, huwa qies li, għalkemm il-prodotti, f’dan il-każ, kienu identiċi u li t-trade marks preċedenti jgawdu minn reputazzjoni inkontestata, kien diffiċli jara għaliex konsumatur ifixkel il-kelma “master”, flimkien ma’ kelma Għarbija, mat-trade marks preċedenti li jinkludu l-kliem “coca-cola”, meta ma kienx hemm koinċidenza fuq livell testwali. Skont dan, ma kien hemm xejn tanġibbli fis-sinjali preċedenti li kien ġie rriprodott fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, barra mill-element tal-“linja” li kien jibda mill-bażi tal-ittri “c” u “m” rispettivament. Madankollu, huwa qal ukoll li, dan l-element fih innifsu, isseparat mill-kuntest prinċipali ta’ Coca-Cola, ma kienx suffiċjenti sabiex joħloq livell ta’ xebh bejn is-sinjali, peress li l-provi ma jurux li l-konsumaturi kkonċentraw fuq dan id-dettall meta kien isseparat mill-imsemmi kuntest. Barra minn hekk, huwa qies li l-iskrittura spencerjana ma kinitx fantasjuża ħafna, minkejja l-linji, kurvi u tiżjin ieħor tagħha, u ma kellhiex karattru daqshekk distintiv li d-dehra tagħha fi trade marks oħra differenti minn dik tar-rikorrenti twassal għal suspett li dawn it-trade marks ikollhom l-istess oriġini kummerċjali. Fl-aħħar nett, huwa ċaħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li kient tgħid li, fil-prattika, l-intervenjenti pprovdiet prodotti li għandhom tikketti li jimitaw dawk li jidhru fil-prodotti tal-ewwel, peress li l-kwistjoni rilevanti f’dan il-każ kienet li jiġi stabbilit jekk it-trade mark hekk kif saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha kinitx tippreżenta xebh li seta’ jwassal għal konfużjoni mat-trade marks preċedenti hekk kif irreġistrati, u l-mod kif it-trade marks setgħu jintużaw fil-prattika jirriżulta irrilevanti għal tali evalwazzjoni.

16      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, qies li l-ewwel kundizzjoni meħtieġa sabiex tiġi applikata l-imsemmija raġuni, jiġifieri l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, ma kinitx issodisfatta, peress li t-trade marks ma kinux ġew ikkunsidrati simili fil-kuntest tal-analiżi tal-motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq probabbiltà ta’ konfużjoni (ara l-punti 14 u 15 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, huwa fakkar li, indipendentement mil-livell tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-ksur previst minn dan il-motiv kien il-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, li minħabba fiha l-pubbliku kkonċernat għamel konnessjoni bejn it-tnejn, jiġifieri stabbilixxa rabta bejniethom. Dan ma seħħx, huwa qal, f’dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti.

17      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ċaħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti, bi provi insostenn, li kienet tgħid li l-intervenjenti kkummerċjalizzat xorb mhux alkoħoliku taħt it-trade mark Master flimkien ma’ elementi oħra, b’tali mod li l-impressjoni globali li tingħata mill-prodott ippakkjat kienet tixbah dik li tirriżulta minn prodott tal-Coca-Cola tipiku, u kienet deliberatament adottat l-istess preżentazzjoni, immaġni, stil, tipa u ppakkjar bħal dawk adottati mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, huwa qies li, jekk tali fatti kienu seħħew, ir-rikorrenti setgħet raġonevolment issostni li l-intervenjenti kellha l-intenzjoni li tieħu vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, iżda li hija ma setgħetx madankollu tagħmel dan fil-kuntest tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li kellu jieħu inkunsiderazzjoni biss it-trade mark li kienet saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha mill-intervenjenti.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

19      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, hija tikkontesta lill-UASI li amalgamat l-evalwazzjoni tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti skont l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn l-imsemmija trade marks skont l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament. Fit-tieni parti, hija tikkritika lill-UASI li injora l-provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u rilevanti sabiex tintwera l-intenzjoni tal-intervenjenti li tieħu vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

21      Madankollu, ir-rikorrenti tindika speċifikament li hija ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

22      Għandu jiġi osservat ukoll li l-partijiet ma jikkontestawx l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-pubbliku rilevanti u tal-identiċità tal-prodotti previsti mit-trade marks kunfliġġenti. B’hekk, huwa stabbilit li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħal fil-każ tat-trade marks preċedenti, tkopri b’mod partikolari xorb mhux alkoħoliku fil-klassi 32, inklużi l-kolas (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

 Fuq l-ewwel parti

23      Fl-ewwel parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kien, b’mod żbaljat, amalgama l-kwistjoni tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 mal-kwistjoni tar-rabta bejn l-imsemmija trade marks skont l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament. Din il-parti tinqasam, essenzjalment, f’żewġ ilmenti, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti tikkostitwixxi fattur għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn l-imsemmija trade marks fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, u mhux kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn dawn it-trade marks.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, “malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ indebitu, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”.

25      Mill-kliem tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet segwenti: l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti; it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata f’oppożizzjoni; it-tielet nett, l-eżistenza ta’ riskju li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jippreġudikahom. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex tagħmel inapplikabbli l-imsemmija dispożizzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI — Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T‑67/04, Ġabra, EU:T:2005:179, punt 30; tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI — Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, Ġabra, EU:T:2007:93, punt 34, u tad-29 ta’ Marzu 2012, You-Q vs UASI — Apple Corps (BEATLE), T‑369/10, EU:T:2012:177, punt 25].

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-diversi ksur previsti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 huma l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn it-tnejn, jiġifieri rabta bejniethom, minkejja li mhux neċessarjament ifixkilhom. L-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni, li għandha tiġi evalwata globalment, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ preżenti, hija b’hekk kundizzjoni essenzjali sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni [sentenzi SPA-FINDERS, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2005:179, punt 41; tal-10 ta’ Mejju 2007, Antartica vs UASI — Nasdaq Stock Market (nasdaq), T‑47/06, EU:T:2007:131, punt 53, u BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 46; ara, ukoll, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra, EU:C:2003:582, punti 29, 30 u 38, u tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, Ġabra, EU:C:2008:655, punti 30, 41, 57, 58 u 66].

27      Fost dawn il-fatturi, jistgħu jiġu ċċitati, l-ewwel nett, il-livell ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, it-tieni nett, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom is-sinjali kunfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-livell ta’ prossimità jew nuqqas ta’ xebh ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, it-tielet nett, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ir-raba’ nett, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu tat-trade mark preċedenti u, il-ħames nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fi ħdan il-pubbliku (sentenzi Intel Corporation, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2008:655, punt 42, u BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 47).

28      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li jeħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tal-motiv uniku tagħha.

29      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ddeduċa l-assenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 unikament mill-assenza ta’ xebh bejn l-imsemmija trade marks, ikkonstatata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, u b’hekk mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din, l-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata globalment, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ preżenti. Hija tqis li l-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament, ma kellux jieħu “triq qasira” billi jibbaża ruħu biss fuq il-konklużjonijiet tiegħu dwar ix-xebh bejn is-sinjali, iżda kellu, billi japplika l-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, jikkonstata li l-parti l-kbira tagħhom iwasslu għall-konklużjoni li l-pubbliku jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti.

30      L-UASI u l-intervenjenti jirrispondu li l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti tikkostitwxxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament, li għandha tiġi evalwata bl-istess mod għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Peress li l-Bord tal-Appell ikkonstata, f’dan il-każ, li l-imsemmija trade marks ma kinux simili, iżda differenti, huwa, skont dawn, ġustament ikkonkluda li l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament ma kienx applikabbli mingħajr ma jeżamina l-fatturi l-oħra li jirriżultaw mill-ġurisprudenza.

31      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni tal-paragrafu 1(b) u tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009. Din il-kundizzjoni ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti tippreżupponi, kemm fil-kuntest tal-paragrafu 1(b), kif ukoll f’dak tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ xebh viżiv, uditiv jew kunċettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, Ġabra, EU:C:2011:177, punti 51 u 52).

32      Ċertament, il-livell ta’ xebh meħtieġ fil-kuntest ta’ waħda jew oħra mill-imsemmija dispożizzjonijiet huwa differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-implementazzjoni tal-protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 hija suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ tali livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti li teżisti, fi ħdan il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni mogħtija mill-paragrafu 5 tal-istess artikolu, ma hijiex meħtieġa l-eżistenza ta’ tali probabbiltà. B’hekk, il-ksur previst fil-paragrafu 5 jista’ jkun il-konsegwenza ta’ livell inqas ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u dawk li għalihom saret l-applikazzjoni, sa fejn dan ikun suffiċjenti sabiex il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn l-imsemmija trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Adidas-Salomon u Adidas Benelux, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2003:582, punti 27, 29 u 31, u Intel Corporation, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2008:655, punti 57, 58 u 66). Min-naħa l-oħra, ma jirriżulta la mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas mill-ġurisprudenza li x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti għandu jiġi evalwat b’mod differenti skont jekk jitwettaqx fir-rigward ta’ dispożizzjoni waħda jew oħra minn dawn (sentenza Ferrero vs UASI, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2011:177, punti 53 u 54).

33      Għalkemm l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, fejn livell baxx ta’ xebh bejn it-trade marks jista’ b’hekk jiġi kkumpensat permezz ta’ karattru distintiv b’saħħtu tat-trade mark preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ kwalunkwe xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata, l-għarfien jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kif ukoll l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti jew ta’ rabta bejniethom fi ħdan il-pubbliku kkonċernat. Fil-fatt, hekk kif ġie indikat fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti huma kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni, kemm tal-paragrafu 1(b) kif ukoll tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet huma manifestament inapplikabbli meta l-Qorti Ġenerali tiċħad li hemm kwalunkwe xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C‑254/09 P, Ġabra, EU:C:2010:488, punt 68). Huwa biss fil-każ fejn it-trade marks kunfliġġenti jippreżentaw ċertu xebh, anki żgħir, li l-imsemmija qorti għandha twettaq evalwazzjoni globali sabiex tiddetermina jekk, minkejja l-livell baxx ta’ xebh bejniethom, teżisti, minħabba l-preżenza ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-għarfien jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, probabbiltà ta’ konfużjoni jew rabta bejn dawn it-trade marks fi ħdan il-pubbliku kkonċernat (sentenza Ferrero vs UASI, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2011:177, punti 65 u 66).

34      Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ identiċità jew ta’ xebh, anki żgħira, bejn it-trade marks kunfliġġenti tikkostitwixxi kundizzjoni li hija suġġetta għaliha l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux sempliċi fattur għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn l-imsemmija trade marks fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din il-konklużjoni tirriżulta direttament mill-formulazzjoni segwenti, użata ma’ dan l-artikolu: “jekk [it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni] tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti”.

35      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ssostni li, jekk huwa minnu li l-livell ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti huwa fost il-fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ rabta bejn is-sinjali kunfliġġenti skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza stess ta’ xebh bejn l-imsemmija sinjali, ikun xi jkun il-livell, tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. B’hekk, dan l-artikolu jista’ japplika biss fil-każ li jkun hemm tali xebh, anki żgħir, sa fejn dan ix-xebh ikun konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq.

36      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li, jekk it-trade marks kunfliġġenti ma kinux simili, iżda differenti, huwa seta’ minnufih jikkonkludi li hemm l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 mingħajr ma jiġu eżaminati l-fatturi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta bejn l-imsemmija trade marks fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

37      Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

38      Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonkluda li ma kien hemm ebda xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, għalkemm kien huwa stess ammetta l-eżistenza, tal-inqas, ta’ ċertu livell ta’ xebh bejniethom, fil-“linja” simili tal-ittri “c” u “m”, u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija sinjali kienu jużaw it-tnejn li huma kaligrafija spencerjana simili. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell, meta sostna, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li “dan l-element fih innifsu [jiġifieri l-kaligrafija spencerjana], isseparat mill-kuntest ta’ ‘Coca-Cola’, ma [kienx] suffiċjenti sabiex jinħoloq livell ta’ xebh bejn is-sinjali”, kien issepara b’mod żbaljat il-kaligrafija spencerjana mill-kliem “coca-cola” jew “master”, pjuttost milli evalwa r-rappreżentazzjonijiet tat-trade marks fil-globalità tagħhom.

39      L-UASI u l-intervenjenti jinvokaw l-assenza globali ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u l-assenza ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti, b’mod li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex applikabbli. Fil-fatt, id-differenzi bejn l-elementi verbali “coca-cola” u “master”, jew anki l-iskrittura Għarbija fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jinfluwenzw ħafna iktar il-perċezzjoni tal-konsumaturi rilevanti milli l-elementi ta’ xebh bejn l-imsemmija sinjali, b’mod partikolari l-“linja” tagħhom. B’mod partikolari, wara li sostna li, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, “dan l-element fih innifsu” jindika l-“linja” u mhux “l-iskrittura spencerjana”, l-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell ma kellux l-intenzjoni li jissepara l-imsemmija “linja” minn kuntest “Coca-Cola” fit-trade marks preċedenti, iżda sostna li l-uniku element tanġibbli tat-trade marks preċedenti li ġie rriprodott fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien preċiżament din il-“linja”.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, żewġ trade marks ikunu simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejniethom ugwaljanza għall-inqas parzjali f’dak li jikkonċerna aspett wieħed jew iktar rilevanti, jiġifieri l-aspetti viżivi, fonetiċi u kunċettwali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra, EU:T:2002:261, punt 30; tal-31 ta’ Jannar 2012, Spar vs UASI — Spa Group Europe (SPA GROUP), T‑378/09, EU:T:2012:34, punt 27, u tal-31 ta’ Jannar 2013, K2 Sports Europe vs UASI — Karhu Sport Iberica (SPORT), T‑54/12, EU:T:2013:50, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata].

41      L-evalwazzjoni globali li għandha l-għan li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distinti u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din ir-rabta. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark b’mod globali u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T‑137/05, EU:T:2007:142, punt 35, u tad-9 ta’ Marzu 2012, Ella Valley Vineyards vs UASI — HFP (ELLA VALLEY VINEYARDS), T‑32/10, Ġabra, EU:T:2012:118, punt 38; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra, EU:C:2007:333, punt 35].

42      F’dan il-każ, hemm lok li jitqies, preliminarjament u kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell, fl-evalwazzjoni tiegħu, ma naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni t-trade marks Nru 3021086 u Nru 2107118, iżda impliċitament ħadhom inkkunsiderazzjoni fi ħdan il-familja omoġenea ta’ erba’ trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti li kull waħda tinkludi l-element “coca-cola” fi skrittura spencerjana (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), billi ffoka, fost dawn l-erba’ trade marks, fuq dik li kien jidhirlu li hija l-iktar qrib tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri t-trade mark Nru 2117828. F’kull każ, ir-referenza għat-trade mark Nru 2107118, viżivament iktar simili skont ir-rikorrenti, ma kinitx ta’ natura li tbiddel sostanzjalment l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

43      Barra minn hekk, jeħtieġ li jingħad li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tad-dipartimenti tal-UASI li jgħidu li dawn is-sinjali kunfliġġenti huma fonetikament u kunċettwalment differenti u, fis-seduta, ikkonfermat li t-tilwima kienet tirrigwarda biss ix-xebh viżiv tal-imsemmija sinjali.

44      Għalhekk, hemm lok li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċentra fuq l-eżami, fl-ewwel lok, tal-paragun viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti, fit-tieni lok, tal-evalwazzjoni globali tax-xebh bejniethom, fid-dawl tad-differenzi fonetiċi u kunċettwali tagħhom, u, fit-tielet u fl-aħħar lok, tal-konsegwenzi tal-imsemmija evalwazzjoni għall-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

45      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-paragun viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti, tista’ tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni li saret fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li s-sinjali preċedenti huma komposti mill-kliem stilizzat “coca-cola” jew mill-ittra stilizzata “c” u s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa kompost mill-kelma stilizzata “master”, li għandha kelma Għarbija fuqha. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi ppreċiżat li dan l-element bil-lingwa Għarbija għandu, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, importanza sekondarja meta pparagunat mal-element dominanti “master” [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2007, House of Donuts vs UASI — Panrico (House of donuts), T‑333/04 u T‑334/04, EU:T:2007:105, punt 32], minħabba li ma jistax jinftiehem mill-konsumatur rilevanti, membru ordinarju tal-pubbliku wiesgħa tal-Unjoni Ewropea (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

46      Ċertament, għandu jiġi osservat, bħal fil-każ tal-UASI u tal-intervenjenti, li s-sinjali kunfliġġenti għandhom differenzi viżivi manifesti kemm għan-numru u għall-bidu tal-elementi verbali, fl-assenza tal-ittra komuni li tokkupa l-istess pożizzjoni fihom, kif ukoll, sa ċertu punt inqas, fil-forma tal-elementi figurattivi.

47      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti għandhom ukoll elementi ta’ xebh viżiv.

48      L-ewwel nett, hekk kif sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata wara li kkonstata, ġustament, l-assenza ta’ koinċidenza testwali bejn l-elementi verbali “coca-cola” jew “c” u “master”, huwa stabbilit li s-sinjali kunfliġġenti għandhom kollha “linja” li ttawwal l-ittri inizjali rispettivi tagħhom “c” u “m” f’kurvatura fil-forma ta’ firma.

49      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell, ċertament, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ġustament fakkar il-ġurisprudenza li tgħid li meta trade mark tkun komposta minn elementi verbali u figurattivi, tal-ewwel għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li huma iktar distintivi mit-tieni, peress li l-konsumatur medju jagħmel riferiment iktar faċilment għall-prodott inkwistjoni billi jirreferi għall-isem tat-trade mark milli billi jiddeskrivi l-element figurattiv tagħha [sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, Wassen International vs UASI — Stroschein Gesundkost (SELENIUM-ACE), T‑312/03, Ġabra, EU:T:2005:289, punt 37].

50      Madankollu, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju għandu eċċezzjonijiet skont iċ-ċirkustanzi. Għalhekk kien ġie deċiż, fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel fil-klassijiet 29 u 30, li dawn huma normalment mixtrija f’supermarkets jew stabbilimenti simili u huma b’hekk magħżula direttament mill-konsumatur f’ringiela, pjuttost milli mitluba oralment. Bl-istess mod, f’tali stabbilimenti, il-konsumatur jitlef ftit ħin bejn ix-xiri suċċessiv tiegħu u, spiss, ma joqgħodx jaqra l-indikazzjonijiet kollha miġjuba fuq il-prodotti differenti, iżda jħalli li jiġi ggwidat mill-impatt viżiv ġenerali prodott mit-tikketti jew ippakkjar tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ eventwali probabbiltà ta’ konfużjoni jew rabta bejn is-sinjali inkwistjoni, ir-riżultat tal-analiżi tax-xebh viżiv isir iktar importanti mir-riżultat tal-analiżi tax-xebh fonetiku u kunċettwali. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-elementi figurattivi ta’ trade mark għandhom rwol iktar importanti mill-elementi verbali tagħha fil-perċezzjoni tal-konsumatur ikkonċernat [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI — Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, Ġabra, EU:T:2007:264, punt 109, u tat-2 ta’ Diċembru 2008, Ebro Puleva vs UASI — Berenguel (BRILLO’S), T‑275/07, EU:T:2008:545, punt 24].

51      F’dan il-każ, fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel fil-klassijiet 29, 30 u 32 u, b’mod partikolari, ta’ xorb mhux alkoħoliku, hemm lok, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-prinċipju mfakkar mill-Bord tal-Appell, li jitqies li l-elementi figurattivi tat-trade marks kunfliġġenti għandhom rwol, tal-inqas, tant importanti daqs l-elementi verbali tagħhom fil-perċezzjoni viżiva ġlobali tal-konsumatur ikkonċernat.

52      Isegwi li, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ xebh u tal-livell ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, il-preżenza ta’ element figurattiv komuni li jikkonsisti f’“linja” li ttawwal l-ittri inizjali rispettivi tagħhom “c” u “m” f’kurvatura fil-forma ta’ firma tirriżulta, tal-inqas, tant importanti daqs il-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ koinċidenza testwali bejn l-elementi verbali tagħhom.

53      It-tieni nett, hekk kif sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li x-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, tal-inqas għal dak li jirrigwarda l-erba’ trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti Coca-Cola u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Master, jirriżulta b’mod partikolari mir-rappreżentazzjoni speċjali u distintiva tagħhom bl-istess tipa, tal-“iskrittura spencerjana”.

54      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ċertament ġustament fakkar, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti jew il-karattru distintiv partikolari tagħha għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, u mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, li hija evalwazzjoni qabel dik tal-probabbiltà ta’ konfużjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, Ravensburger vs UASI — Educa Borras (EDUCA Memory game), T‑243/08, EU:T:2010:210, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata].

55      Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-ġurisprudenza ma tistax tkun biżżejjed, f’dan il-każ, sabiex dan l-argument tar-rikorrenti jiġi miċħud. Fil-fatt, jekk jiġi injorat il-karattru distintiv partikolari tal-iskrittura spencerjana, bil-kurvaturi u t-tiżjin eleganti ieħor tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li l-użu, mis-sinjali kunfliġġenti, tal-istess tipa, barra minn hekk ftit użata fin-negozju kontemporanju, jikkostitwixxi element rilevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejniethom.

56      B’hekk, f’kawża oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li xi elementi verbali differenti kienu madankollu jippreżentaw ċertu xebh fuq livell viżiv, peress li dawn kienu żewġ kelmiet qosra miktuba f’tipa li kienet tixbah l-iskrittura tat-tfal, u kkonkludiet li, minkejja d-differenzi viżivi sinjifikattivi bejn it-trade marks kunfliġġenti, l-eżistenza ta’ livell baxx ta’ xebh fil-livell viżiv bejn dawn it-trade marks ma setgħetx tiġi miċħuda [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comercial Losan vs UASI — McDonald’s International Property (Mc. Baby), T‑466/09, EU:T:2012:346, punti 33 u 35].

57      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti, meta jiġu pperċepiti, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, fl-intier tagħhom u mhux skont eżami analitiku tal-elementi verbali jew figurattivi tagħhom, jippreżentaw, minkejja d-differenzi tagħhom, ċertu xebh fuq livell viżiv dovut għall-użu komuni tagħhom ta’ tipa mhux komuni fin-negozju kontemporanju, jiġifieri l-iskrittura spencerjana.

58      Issa, il-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni — u mhux dik tax-xebh tas-sinjali — fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li “[m]a kien hemm xejn tanġibbli fis-sinjal tar-rikorrenti li kien irriprodott fis-sinjal tal-intervenjenti barra mill-element tal-‘linja’ li kienet tibda mill-qiegħ tal-ittra [‘c’] fis-sinjal ta[r-rikorrenti] u tal-ittra [‘m’] f’dik ta[l-intervenjenti]”. Madankollu, “dan l-element fih innifsu, isseparat minn kuntest ‘COCA-COLA’, ma kienx suffiċjenti sabiex joħloq livell ta’ xebh bejn is-sinjali” u “[i]l-provi ma wrewx li l-konsumaturi kkonċentraw fuq dan id-dettall meta kien separat mill-kuntest prinċipali ta’ ‘COCA-COLA’”.

59      F’dan ir-rigward, hemm lok li jintlaqa’ dak li ssostni r-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kien b’hekk b’mod żbaljat issepara l-kaligrafija spencerjana mill-kliem “coca-cola” jew “master”, pjuttost milli evalwa r-rappreżentazzjonijiet tat-trade marks fil-globalità tagħhom. Fil-fatt, jekk jeħtieġ, ċertament, li jingħad bħall-UASI, li mill-istruttura tal-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li “dan l-element fih innifsu” jindika l-“linja” u mhux “l-iskrittura spencerjana”, xorta jibqa’ l-fatt li l-Bord tal-Appell, billi kkonċentra l-analiżi tiegħu ta’ xebh tas-sinjali fuq l-element “linja” u billi sseparah mill-kuntest marbut mat-terminu “coca-cola” fit-trade marks preċedenti, naqas milli jwettaq evalwazzjoni globali tas-sinjali kunfliġġenti sa fejn it-tnejn huma mitkuba b’kaligrafija spencerjana u, b’hekk, li fil-fatt jistabbilixxi dan l-element ta’ xebh viżiv bejn is-sinjali kunfliġġenti.

60      Il-Bord tal-Appell, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni — u mhux dik tax-xebh tas-sinjali — fil-punti 27 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata, qies wkoll li r-rikorrenti “ma [kinitx] il-proprjetarja tal-iskrittura [spencerjana]” u li “[l-]iskrittura spencerjana, bħal kull skrittura oħra, setgħet tintuża liberament minn kulħadd”.

61      Anki fil-każ li l-Bord tal-Appell ikun qies dawn il-kunsiderazzjonijiet rilevanti sabiex jikkonkludi li ma kienx jeżisti xebh bejn is-sinjali, hemm lok li tiġi approvata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Bord tal-Appell kien b’hekk wettaq żball. Fil-fatt, tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti biss għall-finijiet tal-analiżi globali ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ rabta fi ħdan il-konsumatur ikkonċernat fis-sens tal-paragrafu 1(b) jew tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, iżda mhux għall-finijiet tal-analiżi oġġettiva tax-xebh bejn is-sinjali. B’hekk, hemm lok li jitqies li l-interess pubbliku li l-iskrittura spencerjana, bħal kull tipa oħra, tista’ tintuża liberament minn kulħadd ma jistax, fih innifisu, jipprekludi l-invokazzjoni tal-iskrittura spencerjana bħala element ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti fil-perċezzjoni tal-konsumatur rilevanti.

62      Barra minn hekk, għandu jingħad li kull tentattiv ta’ monopolizzazzjoni ta’ tipa partikolari minn operatur fis-suq imur kontra l-kundizzjonijiet stretti tal-motivi ta’ rifjut previsti fil-paragrafu 1(b) u fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, bħall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti jew l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom dannu (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

63      F’dan ir-rigward, hemm lok li jintlaqa’ dak li ssostni r-rikorrenti li hija ma tippruvax timmonopolizza l-kaligrafija spencerjana għall-prodotti jew is-servizzi kollha, iżda li, minħabba x-xebh bejn il-kaligrafiji u ta’ elementi oħra ta’ preżentazzjoni tat-trade marks kunfliġġenti, fosthom il-“linja” twila taħt l-ittri tagħhom “c” u “m”, il-konsumaturi jistabbilixxu rabta jew konnessjoni bejn it-trade marks inkwistjoni meta dawn jintużaw sabiex jikkummerċjalizzaw il-prodotti previsti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, b’mod partikolari, tax-xorb mhux alkoħoliku bħall-kolas. B’hekk huwa żbaljat li l-intervenjenti tallega li deċiżjoni li tammetti l-eżistenza ta’ xebh jew ta’ konnessjoni bejn it-trade marks ipparagunati jkollha mhux biss bħala effett li r-rikorrenti tieħu l-monopolju ta’ sfruttament ta’ din l-iskrittura, li b’hekk jipprekludi lil kull operatur ieħor milli jużaha għall-ittikkettjar tax-xarbiet mhux alkoħoliċi tiegħu u ta’ prodotti jew servizzi oħra, iżda tkun tista’ tiftaħ ukoll it-triq għal proprjetarji oħra ta’ trade marks magħrufa billi tippermettilhom jimmonopolizzaw tipi oħra ta’ skritturi.

64      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li s-sinjali kunfliġġenti jippreżentaw, minbarra d-differenzi viżivi manifesti tagħhom, elementi ta’ xebh viżiv mhux biss fil-“linja” li ttawwal l-ittri inizjali rispettivi tagħhom “c” u “m” f’kurvatura fil-forma ta’ firma, iżda wkoll fl-użu komuni tagħhom ta’ tipa li ma tantx tintuża fin-negozju kontemporanju, l-iskrittura spencerjana, ipperċepita kollha kemm hi mill-konsumatur rilevanti.

65      Minn evalwazzjoni globali ta’ dawn l-elementi ta’ xebh u ta’ differenza viżiva jirriżulta li s-sinjali kunfliġġenti, tal-inqas l-erba’ trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti Coca-Cola u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Master, għandhom livell baxx ta’ xebh viżiv, peress li d-differenzi fid-dettall tagħhom huma parzjalment ikkumpensati mix-xebh globali tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-trade mark Britannika preċedenti C, fid-dawl b’mod partikolari tal-qosor tagħha, hija viżivament differenti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Master.

66      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni globali tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenzi fonetiċi u kunċettwali bejn l-imsemmija sinjali, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, humiex ta’ natura li jeskludu kull xebh bejn dawn is-sinjali jew humiex pjuttost innewtralizzati mil-livell baxx ta’ xebh viżiv bejniethom.

67      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh eżistenti bejn it-trade marks ikkonċernati, hemm lok li jiġi stabbilit il-livell tagħhom ta’ xebh viżiv, fonetiku kif ukoll kunċettwali u, jekk ikun il-każ, li tiġi evalwata l-importanza li jeħtieġ li tingħata lil elementi differenti, fid-dawl tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni u tal-kundizzjonijiet li fihom huma kkummerċjalizzati, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali (sentenza Ferrero vs UASI, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2011:177, punti 85 u 86; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza UASI vs Shaker, punt 41 iktar ’il fuq, EU:C:2007:333, punt 36).

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-aspett viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti mhux dejjem għandu l-istess piż. L-importanza tal-elementi ta’ xebh jew ta’ differenza bejn is-sinjali tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mill-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dawn jew tal-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li t-trade marks kunfliġġenti jindikaw. Jekk il-prodotti indikati mit-trade marks inkwistjoni jinbiegħu normalment fi ħwienet self-service, fejn il-konsumatur stess jagħżel il-prodott u għandu, għalhekk, jiddependi prinċipalment fuq l-immaġni tat-trade mark applikata fuq dan il-prodott, xebh viżiv tas-sinjali jkun, bħala regola ġenerali, ta’ importanza ikbar. Jekk, min-naħa l-oħra, il-prodott previst huwa fuq kollox mibjugħ oralment, normalment jingħata iktar piż għal xebh fonetiku tas-sinjali. B’hekk, il-livell ta’ xebh fonetiku bejn żewġ trade marks huwa ta’ importanza mnaqqsa fil-każ ta’ prodotti li jiġu kkummerċjalizzati b’tali mod li, abitwalment, il-pubbliku rilevanti, matul ix-xiri, jipperċepixxi t-trade mark li tindikahom taħt forma viżiva [sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Esge vs UASI — De’Longhi Benelux (KMIX), T‑444/10, EU:T:2013:89, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi La Española, punt 50 iktar ’il fuq, EU:T:2007:264, punt 109, u BRILLO’S, punt 50 iktar ’il fuq, EU:T:2008:545, punt 24].

69      F’dan il-każ, fir-rigward ta’ prodotti fil-klassijiet 29, 30 u 32 li huma normalment mibjugħa fi ħwienet self-service, l-elementi ta’ xebh u ta’ differenza viżivi bejn is-sinjali kunfliġġenti b’hekk jirriżultaw li huma ta’ importanza ikbar mill-elementi ta’ xebh u ta’ differenza fonetiċi u kunċettwali bejn l-imsemmija sinjali.

70      Minn evalwazzjoni globali ta’ dawn l-elementi ta’ xebh u ta’ differenza jirriżulta li s-sinjali kunfliġġenti, tal-inqas l-erba’ trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti Coca-Cola u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Master, jippreżentaw livell baxx ta’ xebh, peress li d-differenzi fonetiċi u kunċettwali tagħhom, minkejja l-elementi ta’ differenza viżiva, huma nnewtralizzati mill-elementi ta’ xebh viżiv ġlobali, ta’ importanza ikbar. Min-naħa l-oħra, it-trade mark Britannika preċedenti C, fid-dawl b’mod partikolari tal-qosor tagħha, hija differenti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Master.

71      Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni globali hija konformi mal-ġurisprudenza tgħid li trade marks li għandhom differenzi fuq livell kemm viżiv, fonetiku u kunċettwali għandhom madankollu, fl-evalwazzjoni ta’ dan kollu, livell baxx jew livell baxx ħafna ta’ xebh [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2009, Arcandor vs UASI — dm drogerie markt (S-HE), T‑391/06, EU:T:2009:348, punt 54, u SPA GROUP, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2012:34, punt 54].

72      Fit-tielet u fl-aħħar lok, għandhom jiġu ppreċiżati l-konsegwenzi tal-imsemmija evalwazzjoni globali tax-xebh għall-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

73      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26, 27 u 31 sa 33 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżistenza ta’ xebh, anki dgħajjef, bejn is-sinjali kunfliġġenti tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, u li l-livell ta’ dan ix-xebh jikkostitwixxi fattur rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ rabta bejn l-imsemmija sinjali.

74      F’dan il-każ, l-evalwazzjoni globali intiża li tistabbilixxi l-eżistenza fi ħdan il-pubbliku rilevanti ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 twassal għall-konklużjoni li, fid-dawl tal-livell ta’ xebh, anki żgħir, bejn dawn it-trade marks, teżisti probabbiltà li dan il-pubbliku jista’ jistabbilixxi tali rabta. Fil-fatt, anki jekk is-sinjali kunfliġġenti għandhom ftit xebh, ma jistax jiġi eskluż li l-pubbliku rilevanti jagħmel rabta bejniethom u, anki fl-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, jiġi mġiegħel li jittrasferixxi l-immaġni u l-valuri tat-trade marks preċedenti għall-prodotti li jkollhom it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 71). B’hekk, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkonkluda fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sinjali kunfliġġenti għandhom livell ta’ xebh suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, sabiex il-pubbliku rilevanti jagħmel konnessjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks Komunitarji preċedenti, jiġifieri jistabbilixxi bejniethom rabta fis-sens ta’ dan l-artikolu.

75      Isegwi li l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) kellhom jiġu eżaminati mill-Bord tal-Appell. Issa, huwa, għalkemm kien kkonkluda li kien hemm l-eżistenza ta’ reputazzjoni għolja tat-trade marks preċedenti invokati fl-oppożizzjoni, ma tax deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew jikkawżalhom dannu. Peress li din il-kwistjoni ma ġietx eżaminata mill-Bord tal-Appell, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha ta’ legalità tad-deċiżjoni kkontestata [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punti 72 u 73; tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI — Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, Ġabra, EU:T:2011:739, punt 63, u BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata].

76      B’hekk huwa l-Bord tal-Appell li għandu jeżamina l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, ċertament baxx, iżda madankollu suffiċjenti sabiex il-pubbliku rilevanti jagħmel konnessjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks Komunitarji preċedenti, jiġifieri jistabbilixxi bejniethom rabta fis-sens ta’ dan l-artikolu.

77      Għalhekk, it-tieni lment għandu jintlaqa’.

78      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tintlaqa’ bħala fondata.

79      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina t-tieni parti tal-motiv uniku, sabiex il-kawża preżenti tiġi deċiża fir-rigward tal-provi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq it-tieni parti

80      Fit-tieni parti tal-motiv uniku tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-provi li jirrigwardaw il-mod ta’ kif l-intervenjenti tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha fil-prattika u kif jista’ jiġi preżunt li hija għandha l-intenzjoni li tuża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri fuq prodott li jimita l-immaġni tat-trade marks preċedenti u l-indikazzjonijiet viżivi tax-xarbiet tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-evalwazzjoni tal-vantaġġ indebitu, skont il-ġurisprudenza relatata ma’ dan l-artikolu, ma hijiex limitata għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-indikazzjonijiet tal-intenzjonijiet tal-intervenjenti.

81      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. B’mod partikolari, l-intervenjenti ssostni li l-provi prodotti mir-rikorrenti li jikkonċernaw l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma irrilevanti f’dan il-każ u ġew ġustament miċħuda mill-Bord tal-Appell, peress li evalwazzjoni skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss it-trade mark li għaliha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni.

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-vantaġġ indebitu meħud min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti huwa stabbilit b’mod partikolari fil-każ ta’ tentattiv ta’ sfruttament u ta’ parassitiżmu manifesti ta’ trade mark magħrufa (sentenzi SPA-FINDERS, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2005:179, punt 51; nasdaq, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2007:131, punt 55, u BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 63) u li jsir riferiment għalih permezz tal-kunċett ta’ “riskju ta’ parassitiżmu”. Fi kliem ieħor, hemm riskju li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi projettati minn din tal-aħħar imsemmija jiġu ttrasferiti lill-prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata minn din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni [sentenzi VIPS, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2007:93, punt 40, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Environmental Manufacturing vs UASI — Wolf (Rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ lupu), T‑570/10, Ġabra, EU:T:2012:250, punt 27].

83      Ir-riskju ta’ parassitiżmu huwa distint, minn naħa, mir-“riskju ta’ tidjif”, kunċett li jgħid li d-dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jiġi normalment stabbilit peress li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollu l-effett li t-trade mark preċedenti ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tqajjem assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti li għalihom hija rreġistrata u użata, u, min-naħa l-oħra, tar-“riskju ta’ titbigħ”, kunċett li jgħid li d-dannu kkawżat lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jiġi normalment stabbilit peress li l-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark jiġbdu lill-pubbliku b’mod li l-forza ta’ attrazzjoni tat-trade mark preċedenti titnaqqas minħabba dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SPA-FINDERS, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2005:179, punti 43 u 46; nasdaq, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2007:131, punt 55, u BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 63).

84      Skont ġurisprudenza stabbilita, konklużjoni ta’ riskju ta’ parassitiżmu, bl-istess mod ta’ riskju ta’ tidjif jew ta’ titbigħ, tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi ta’ probabbiltajiet, sa fejn dawn ma jkunux limitati għal sempliċi suppożizzjonijiet, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll kull ċirkustanza oħra tal-każ [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi nasdaq, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2007:131, punt 54; BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 62, u Rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ lupu, punt 82 iktar ’il fuq, EU:T:2012:250, punt 52, ikkonfermat, fuq dan il-punt, bis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Environmental Manufacturing vs UASI, C‑383/12 P, Ġabra, EU:C:2013:741, punt 43].

85      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-evalwazzjoni globali intiża sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, kellu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-użu tal-ippakkjar u tal-fliexken simili għal dawk tal-fwejjaħ imitati kellu l-għan li jittieħed vantaġġ, għal finijiet ta’ reklamar, mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tat-trade marks li bihom huma kkummerċjalizzati dawn il-fwejjaħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, meta terz ikun ipprova, bl-użu ta’ sinjal simili għal trade mark li għandha reputazzjoni, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark, il-vantaġġ miksub minn dan l-użu kellu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, Ġabra, EU:C:2009:378, punti 48 u 49).

86      F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti pprovdiet, fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, provi dwar l-użu kummerċjali mill-intervenjenti mit‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Dawn l-elementi jinkludu xhieda ta’ L. Ritchie, konsulent tar-rikorrenti, tat-23 ta’ Frar 2011, li magħha hija annettiet xeni tal-iskrin stampati fis-16 ta’ Frar 2011 mis-sit internet tal-intervenjenti, www.mastercola.com. Dawn ix-xeni tal-iskrin għandhom l-għan li juru li l-intervenjenti kienet tuża, fil-kummerċ, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni b’mod partikolari fil-forma segwenti:

Image not found

87      Il-Bord tal-Appell, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li, jekk, fuq il-bażi ta’ dawn il-provi, kellu jirriżulta li l-intervenjenti kienet “deliberatament adottat l-istess preżentazzjoni, immaġni, stil, tipa u kundizzjonament” bħal dawk adottati mir-rikorrenti, dan “b’hekk setgħa raġonevolment isostni li [l-intervenjenti] kellha l-intenzjoni li tieħu vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti”. Madankollu, “huwa ma jistax jagħmel dan fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikolu 8(5) tar-[Regolament Nru 207/2009], li għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss it-trade mark ta[l-intervenjenti] li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”.

88      Għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell tvarja mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 82 sa 85 iktar ’il fuq, li tgħid li, essenzjalment, konklużjoni li jeżisti riskju ta’ parassitiżmu fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi tal-probabbiltajiet u fid-dawl tal-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll ta’ kull ċirkustanza oħra tal-każ, inkluż l-użu, mill-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ta’ ppakkjar simili għal dak tal-prodotti tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti. B’hekk, din il-ġurisprudenza bl-ebda mod ma tillimita, għat-trade mark biss li għaliha saret l-applikazzjoni, l-elementi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet li jiġi stabbilit ir-riskju ta’ parassitiżmu, jiġifieri dak li jkun miksub vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, iżda tippermetti wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha ddestinati li joperaw l-imsemmija analiżi tal-probabbiltajiet fir-rigward tal-intenzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, a fortiori, dak tal-provi dwar l-użu kummerċjali effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

89      Issa, il-provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hekk kif prodotti mir-rikorrenti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jikkostitwixxu manifestament provi rilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit tali riskju ta’ parassitiżmu f’dan il-każ.

90      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ċaħad dawn il-provi fl-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

91      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-allegazzjoni tal-UASI li tgħid li r-rikorrenti tista’ ssostni dawn il-provi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, tali allegazzjoni tinjora l-istruttura ta’ dan ir-regolament u l-finalità tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, li tikkonsisti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, f’li jiġi żgurat li t-trade marks li l-użu tagħhom jista’, iktar ’l quddiem, jiġi kkontestat b’suċċess quddiem il-qrati ma jkunux irreġistrati iktar ’l fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 21; tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra, EU:C:2003:244, punt 59, u tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra, EU:C:2007:162, punt 48).

92      Madankollu, hekk kif intqal fil-punt 75 iktar ’il fuq, peress li l-kwistjoni tal-vantaġġ indebitu eventwali li jirriżulta mill-karattru distint jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma ġietx eżaminata mill-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiddeċiedi fir-rigward tagħha, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha tad-deċiżjoni kkontestata [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Edwin vs UASI, punt 75 iktar ’il fuq, EU:C:2011:452, punti 72 u 73; VÖLKL, punt 75 iktar ’il fuq, EU:T:2011:739, punt 63, u BEATLE, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2012:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata].

93      B’hekk, hija responsabbiltà tal-Bord tal-Appell, fl-eżami tiegħu tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 76 iktar ’il fuq), li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hekk kif prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni (trade marks).

94      Konsegwentement, it-tieni parti tal-motiv uniku għandha tintlaqa’ bħala fondata.

95      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-ewwel parti kif ukoll, għall-kumplament, tat-tieni parti tal-motiv uniku.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

97      Peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li, minn naħa, l-UASI jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti, b’mod konformi mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, li tiddeċiedi li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-29 ta’ Awwissu 2012 (Każ R 2156/2011‑2) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn The Coca‑Cola Company.

3)      Modern Industrial & Trading Investment Co. Ltd (Mitico) għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.