Language of document : ECLI:EU:T:2014:1062

Kawża T‑480/12

The Coca-Cola Company

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Master — Trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti Coca-Cola u trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti C — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Xebh tas-sinjali — Provi dwar l-użu kummerċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal‑11 ta’ Diċembru 2014

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Rabta bejn it-trade marks — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Trade mark Komunitarja figurattiva Master — Trade marks Komunitarji figurattivi Coca-Cola u C

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

1.      Mill-kliem tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, jirriżulta li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet segwenti: l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti; it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata f’oppożizzjoni; it-tielet nett, l-eżistenza ta’ riskju li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jippreġudikahom. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex tagħmel inapplikabbli l-imsemmija dispożizzjoni.

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-diversi ksur previsti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 huma l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn it-tnejn, jiġifieri rabta bejniethom, minkejja li mhux neċessarjament ifixkilhom. L-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni, li għandha tiġi evalwata globalment, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ preżenti, hija b’hekk kundizzjoni essenzjali sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

Fost dawn il-fatturi, jistgħu jiġu ċċitati, l-ewwel nett, il-livell ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, it-tieni nett, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom is-sinjali kunfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-livell ta’ prossimità jew nuqqas ta’ xebh ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, it-tielet nett, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, ir-raba’ nett, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu tat-trade mark preċedenti u, il-ħames nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fi ħdan il-pubbliku.

(ara l-punti 25-27)

2.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni tal-paragrafu 1(b) u tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. Din il-kundizzjoni ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti tippreżupponi, kemm fil-kuntest tal-paragrafu 1(b), kif ukoll f’dak tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ xebh viżiv, uditiv jew kunċettwali.

Ċertament, il-livell ta’ xebh meħtieġ fil-kuntest ta’ waħda jew oħra mill-imsemmija dispożizzjonijiet huwa differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-implementazzjoni tal-protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 hija suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ tali livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti li teżisti, fi ħdan il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni mogħtija mill-paragrafu 5 tal-istess artikolu, ma hijiex meħtieġa l-eżistenza ta’ tali probabbiltà. B’hekk, il-ksur previst fil-paragrafu 5 jista’ jkun il-konsegwenza ta’ livell inqas ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u dawk li għalihom saret l-applikazzjoni, sa fejn dan ikun suffiċjenti sabiex il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn l-imsemmija trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom.

Għalkemm l-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, fejn livell baxx ta’ xebh bejn it-trade marks jista’ b’hekk jiġi kkumpensat permezz ta’ karattru distintiv b’saħħtu tat-trade mark preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ kwalunkwe xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata, l-għarfien jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti kif ukoll l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti jew ta’ rabta bejniethom fi ħdan il-pubbliku kkonċernat. Fil-fatt, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti huma kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni, kemm tal-paragrafu 1(b) kif ukoll tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet huma manifestament inapplikabbli meta l-Qorti Ġenerali tiċħad li hemm kwalunkwe xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti. Huwa biss fil-każ fejn it-trade marks kunfliġġenti jippreżentaw ċertu xebh, anki żgħir, li l-imsemmija qorti għandha twettaq evalwazzjoni globali sabiex tiddetermina jekk, minkejja l-livell baxx ta’ xebh bejniethom, teżisti, minħabba l-preżenza ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-għarfien jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, probabbiltà ta’ konfużjoni jew rabta bejn dawn it-trade marks fi ħdan il-pubbliku kkonċernat.

Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ identiċità jew ta’ xebh, anki żgħira, bejn it-trade marks kunfliġġenti tikkostitwixxi kundizzjoni li hija suġġetta għaliha l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u mhux sempliċi fattur għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn l-imsemmija trade marks fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din il-konklużjoni tirriżulta direttament mill-formulazzjoni segwenti, użata ma’ dan l-artikolu: “jekk [it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni] tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti”.

(ara l-punti 31-34)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 64, 65, 70, 74-76)

4.      Il-vantaġġ indebitu meħud min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti huwa stabbilit b’mod partikolari fil-każ ta’ tentattiv ta’ sfruttament u ta’ parassitiżmu manifesti ta’ trade mark magħrufa u li jsir riferiment għalih permezz tal-kunċett ta’ “riskju ta’ parassitiżmu”. Fi kliem ieħor, hemm riskju li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi projettati minn din tal-aħħar imsemmija jiġu ttrasferiti lill-prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata minn din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni.

Ir-riskju ta’ parassitiżmu huwa distint, minn naħa, mir-“riskju ta’ tidjif”, kunċett li jgħid li d-dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jiġi normalment stabbilit peress li l-użu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollu l-effett li t-trade mark preċedenti ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tqajjem assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti li għalihom hija rreġistrata u użata, u, min-naħa l-oħra, tar-“riskju ta’ titbigħ”, kunċett li jgħid li d-dannu kkawżat lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jiġi normalment stabbilit peress li l-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark jiġbdu lill-pubbliku b’mod li l-forza ta’ attrazzjoni tat-trade mark preċedenti titnaqqas minħabba dan.

Skont ġurisprudenza stabbilita, konklużjoni ta’ riskju ta’ parassitiżmu, bl-istess mod ta’ riskju ta’ tidjif jew ta’ titbigħ, tista’ tiġi stabbilita b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi ta’ probabbiltajiet, sa fejn dawn ma jkunux limitati għal sempliċi suppożizzjonijiet, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll kull ċirkustanza oħra tal-każ.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-evalwazzjoni globali intiża sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, kellu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-użu tal-ippakkjar u tal-fliexken simili għal dawk tal-fwejjaħ imitati kellu l-għan li jittieħed vantaġġ, għal finijiet ta’ reklamar, mill-karattru distintiv u mir-reputazzjoni tat-trade marks li bihom huma kkummerċjalizzati dawn il-fwejjaħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, meta terz ikun ipprova, bl-użu ta’ sinjal simili għal trade mark li għandha reputazzjoni, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark, il-vantaġġ miksub minn dan l-użu kellu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark.

Madankollu, din il-ġurisprudenza bl-ebda mod ma tillimita, għat-trade mark biss li għaliha saret l-applikazzjoni, l-elementi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet li jiġi stabbilit ir-riskju ta’ parassitiżmu, jiġifieri dak li jkun miksub vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, iżda tippermetti wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha ddestinati li joperaw l-imsemmija analiżi tal-probabbiltajiet fir-rigward tal-intenzjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, a fortiori, dak tal-provi dwar l-użu kummerċjali effettiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

(ara l-punti 82-85, 88)