Language of document : ECLI:EU:T:2017:105

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

17 ta’ Frar 2017 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Speċifikazzjoni tar-rikors – Preskrizzjoni – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza – Danni materjali – Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallas – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali”

Fil-Kawża T-40/15,

Plásticos Españoles, SA (ASPLA), stabbilita f’Torrelavega (Spanja),

Armando Álvarez, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

inizjalment irrappreżentati minn M. Troncoso Ferrer, C. Ruixó Claramunt u S. Moya Izquierdo, sussegwentement minn Mes Troncoso u Moya Izquierdo, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. A. Placco, sussegwentement minn J. Inghelram, Á. Almendros Manzano u P. Giusta, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. P. Van Nuffel, F. Castilla Contreras u M. C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba skont l-Artikolu 268 TFUE u li hija intiża li tiżgura l-ħlas ta’ kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba t-tul tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippublikata, EU:T:2011:673),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, I. Labucka, E. Bieliūnas (Relatur), V. Kreuschitz u I. S. Forrester, Imħallfin,

Reġistratur: M. J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ atti li ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti, Plásticos Españoles, SA, (ASPLA), minn naħa, u Armando Álvarez, SA, min-naħa l-oħra, ippreżentaw, kull waħda minnhom, rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar prċoedura skont l-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354– Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”). Fir-rikorsi tagħhom, huma jitolbu, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċernahom jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom.

2        Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T‑76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi.

3        Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fl-24 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti appellaw mis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673).

4        Permezz tas-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il-Kummissjoni (C‑35/12 P, EU:C:2014:348), u tat-22 ta’ Mejju 2014, Armando Álvarez vs Il-Kummissjoni (C-36/12 P, EU:C:2014:349), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-appelli.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni Ewropea.

6        Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-9 u fil-21 ta’ April 2015, rispettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni invokaw, kull wieħed minnhom, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

7        B’digriet tas-27 ta’ April 2015, il-President tat-Tielet Awla, fuq talba tal-Kummissjoni ssospenda l-proċeduri f’din il-kawża sa ma tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm il-proċeduri fil-Kawża C-71/15 P, Il-Qorti tal-Ġustizzja vs Kendrion.

8        Permezz tad-digriet tat-18 ta’ Diċembru 2015, Il-Qorti tal-Ġustizzja vs Kendrion (C-71/15 P, li ma ġiex ippubblikat, EU:C:2015:857), il-kawża tħassret mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

9        Wara li reġgħet issoktat il-proċedura f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali, fis-17 ta’ Frar 2016, assenjat din il-kawża lit-Tielet Awla Estiża.

10      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Marzu 2016, ASPLA u Armando Álvarez vs L-Unjoni Ewropea (T-40/15, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2016:133), il-Kummissjoni ġiet eliminata minn din il-kawża bħala rappreżentant tal-Unjoni, wara r-rinunzja parzjali tar-rikorrenti.

11      Fil-11 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, talbet li tintervjeni insostenn tal-konklużjonjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

12      Fl-14 ta’ Marzu 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ippreżentat risposta.

13      Fl-4 ta’ April 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien neċessarju li jsir it-tieni skambju ta’ noti. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tindika jekk hija kinitx talbet u jekk kinitx kisbet l-awtorizzazzjoni mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproduċi ċerti dokumenti inklużi fl-annessi tar-risposta u li kienu marbuta mal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672) (iktar ’il quddiem il-“Kawża T-76/06”), u mal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673) (iktar ’il quddiem il-“Kawża T-78/06”).

14      Fid-19 ta’ April 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea wieġbet għall-mistoqsija msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq. Hija talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkunsidra, prinċipalment, li hija ma kellhiex titlob u tikseb l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni sabiex tipproduċi d-dokumenti marbuta mal-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u, sussidjarjament, li din l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat impliċitament mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni. Sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet li t-tweġiba tagħha tiġi pproċessata bħala talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura maħsuba sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-proċess tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u, b’mod partikolari, id-dokumenti annessi mar-risposta.

15      Fil-25 ta’ April 2016, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fl-ewwel lok, li tirtira mill-proċess id-dokumenti inklużi fl-annessi tar-risposta prodotta fil-kawża odjerna u li kienu marbuta mal-Kawżi T-76/06 u T‑78/06. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea la kienet talbet u lanqas kisbet l-awtorizzazzjoni mill-partijiet fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 sabiex tkun tista’ tipproduċi l-imsemmija dokumenti u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx talbet l-aċċess għall-proċess tal-imsemmija kawżi skont l-Artikolu 38(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fit-tieni lok, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, skont l-Artikolu 88(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tistieden lir-rikorrenti jadottaw pożizzjoni fuq it-talba għal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet saret b’mod sussidjarja ħafna mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-risposta tagħha tad-19 ta’ April 2016 imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq.

16      Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ April 2016, ASPLA u Armando Álvarez vs L-Unjoni Ewropea (T-40/15, li ma ġietx ippubblikata), il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent imressqa mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u speċifikat li d-drittijiet tal-Kummissjoni kienu dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

17      Fit-2 ta’ Mejju 2016, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrenti tippreżenta replika wara l-preżentazzjoni ta’ talba debitament immotivata minn dawn tal-aħħar.

18      Fl-10 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti adottaw pożizzjoni fuq it-talba għal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, huma enfasizzaw li ma kinux jopponu, li l-Qorti Ġenerali, jekk tħoss li dan huwa xieraq, tadotta l-imsemmija miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

19      Fil-31 ta’ Mejju 2016, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-smigħ u s-soluzzjoni tal-kawża odjerna kienu jirrikjedu, fid-dawl tas-suġġett tagħha, li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-proċessi tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06. Għalhekk, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar‑Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tinserixxi fil-proċess tal-kawża odjerna, il-proċessi tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

20      Fit-13 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw replika.

21      Fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet in-notifika tal-proċess tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

22      Fil-25 ta’ Lulju 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat kontroreplika.

23      Fit-23 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsija lir-rikorrenti u stednithom jipproduċu ċerti dokumenti. Ir-rikorrenti kkonformaw ruħhom mat-talbiet permezz tal-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2016.

24      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016.

25      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Diċembru 2016, ir-rappreżentant tar-rikorrenti informa lil din tal-aħħar li huwa kien għamel żball fil-kuntest ta’ waħda mit-tweġibiet tiegħu għal mistoqsija orali, liema tweġiba ġiet inserita fil-verbal tas-seduta.

26      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Diċembru 2016, il-fażi orali tal-proċedura nfetħet mill-ġdid. Fid-19 ta’ Diċembru 2016, l-ittra tar-rikorrenti msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq ġiet inserita fil-proċess.

27      Fil-21 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq.

28      Fid-9 ta’ Jannar 2017, ingħalqet il-fażi orali tal-proċedura.

29      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għar-riżarċiment tad-danni kkawżati lilhom riżultanti mill-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3 495 038.66, ammont li għandhom jiżdiedu miegħu l-interessi kumpensatorji u moratorji kkalkulati bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, dekorribbli sa mid-data tal-preżentata tar-rikors;

–        tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sostnuta mill-Kummissjoni, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, fin-nuqqas, tiddikjarah parzjalment inammissibbli fir-rigward tad-danni li mmaterjalizzaw qabel is-27 ta’ Jannar 2010;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba għal riżarċiment tad-danni materjali allegati bħala infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel waħda fuq, nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors u, it-tieni, fuq il-preskrizzjoni tat-talba għal riżarċiment tad-danni materjali allegati.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma prinċipalment u fuq nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fl-intier tiegħu, minħabba li r-rikors ma huwiex ċar u preċiż biżżejjed fir-rigward tad-danni subiti individwalment minn kull waħda minn ASPLA u Armando Álvarez.

33      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi l-indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun fondat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar partikolari, sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għar-riżarċiment tad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkun jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li subixxa, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T-79/13, EU:T:2015:756, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, huwa veru li, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-talbiet tar-rikors jinkludu talba għal riżarċiment tad-danni evalwata b’mod globali.

35      Madankollu, mill-preżentazzjoni tar-rikors u tad-dokumenti li jakkumpanjawh jirriżulta li r-rikors ġie ppreżentat kemm minn ASPLA kif ukoll minn Armando Álvarez. Barra minn hekk, it-talbiet inklużi fir-rikors, evalwati fid-dawl tal-kontenut ta’ dan tal-aħħar, jikkonċernaw ir-riżarċiment tad-danni materjali li ġew subiti mir-rikorrenti riżultanti minn allegat ksur tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza (iktar ’il quddiem it-“terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza”) fil-Kawżi T-76/06 u T‑78/06, li kienu jikkonċernaw, rispettivament lil ASPLA u lil Armando Álvarez.

36      Barra minn hekk, fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-danni subiti minn kull waħda mir-rikorrenti, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li din il-kwistjoni tirrikjedi eżami tal-provi prodotti minn dawn tal-aħħar u għaldaqstant taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors odjern. Fi kwalunkwe każ, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti pprovdew l-elementi neċessarji għall-identifikazzjoni tad-danni subiti minn kull waħda minnhom.

37      Fit-tieni lok, huwa veru li, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06, issupera t-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza b’24 xahar u bi 28 xahar rispettivament, peress li d-data tas-seduta ġiet ikkomunikata lilhom fl-14 ta’ Jannar 2011 f’kull waħda minn dawn il-kawżi u mhux sentejn wara l-preżentata tal-kontroreplika mill-Kummissjoni, jiġifieri, fit-12 ta’ Frar 2009 u fis-6 ta’ Ottubru 2008 rispettivament.

38      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-medja tas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 kienet ta’ 25.5 xahar u jivvalutaw id-danni tagħhom abbażi ta’ kalkolu sempliċi prorata bbażat fuq l-ammonti kollha li huma kienu ħallsu matul il-proċedura fil-Kawżi T‑76/06 u T-78/06 kif ukoll fil-Kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il-Kummissjoni (C-35/12 P, EU:C:2014:348), u tat-22 ta’ Mejju 2014, Armando Álvarez vs Il-Kummissjoni (C-36/12 P, EU:C:2014:349).

39      Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-preskrizzjoni. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-eżistenza tal-ksur allegat tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza kif ukoll il-portata ta’ tali ksur. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-eżistenza tad-danni kif ukoll il-portata tagħhom. Barra minn hekk, hija sostniet li teżisti karenza ta’ rabta kawżali. Fl-aħħar, waqt is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet f’pożizzjoni li tadotta pożizzjoni fuq ir-risposta tar-rikorrenti għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li fiha dawn tal-aħħar indikaw id-data li fiha huma kienu bdew isofru d-danni f’kull waħda mill-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

40      Minn dan isegwi li r-rikorrenti pprovdew l-elementi neċessarji għall-identifikazzjoni tad-danni subiti minn kull waħda minnhom u li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-argumenti difensivi tagħha, inkluż waqt it-trattazzjoni. Barra minn hekk, dawn l-elementi jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi.

41      L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha għalhekk tiġi miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma sussidjarjament u bbażata fuq il-preskrizzjoni tat-talab għal riżarċiment tad-danni materjali allegati

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż li jikseb riżarċiment ta’ danni subiti iktar minnn ħames snin qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri qabel is-27 ta’ Jannar 2010.

43      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, jipprovdi kif ġej:

“L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbiltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ l-Unjoni […]”

44      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-preskrizzjoni għandha l-funzjoni li tikkonċilja l-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittma u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. It-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni ġie ddeterminat b’kont meħud b’mod partikolari tal-ħin li jkollha bżonn il-parti allegatament vittma sabiex tiġbor l-informazzjoni adatta bil-ħsieb ta’ kawża eventwali u sabiex tivverifika l-fatti li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-469/11 P, EU:C:2012:705, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Lulju 2002, Autosalone Ispra dei Fratelli Rossi vs Il-Kummissjoni, C-136/01 P, EU:C:2002:458, punt 28).

45      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument li fih jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom huwa ssubordinat l-obbligu tar-riżarċiment (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-469/11 P, EU:C:2012:705, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Ċertament, l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preskrizzjoni ma tistax tiġi invokata kontra vittma li sofriet danni u li saret taf biss tard wisq bil-fatt li ta lok għal dawn id-danni u għalhekk ma setgħetx ikollha żmien raġonevoli biex tippreżenta r-rikors jew it-talba tagħha qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni. Madankollu, il-kundizzjonijiet li huwa ssubordinat għalihom l-obbligu ta’ riżarċiment tad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi għar-riżarċiment tal-imsemmija danni, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-469/11 P, EU:C:2012:705, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-danni mill-vittma ta’ dawn id-danni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-469/11 P, EU:C:2012:705, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il-Kummissjoni, C-460/09 P, EU:C:2013:111, punt 70).

48      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li “il-fatt li jagħti lok” għall-preżenti “azzjoni kontra l-Unjoni” hija irregolarità tal-proċedura fil-forma ta’ allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza minn qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-istabbiliment ta’ punt tat-tluq għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jieħu kont ta’ din iċ-ċirkustanza. B’mod partikolari, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri minn data li fiha jkun seħħ l-akkadut li jikkawża d-danni u l-punt tat-tluq ta’ dan it-terminu għandu jiġi stabbilit f’data li fiha l-akkadut li jikkawża d-danni jkun immaterjalizza ruħu b’mod konkret.

49      Għalhekk, fil-każ speċifiku ta’ rikors għad-danni intiż għar-riżarċiment ta’ danni allegatament subiti minħabba ksur eventwali ta’ terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza, il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu, meta deċiżjoni tkun waqfet it-terminu kontenzjuż għall-prolazzjoni ta’ sentenza, jiġi stabbilit bħala d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, tali data tikkostitwixxi data ċerta, stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Dan jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u jippermetti l-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti.

50      Fil-kawża odjerna, ir-rikorrenti jitolbu r-riżarċiment tad-danni allegatament subiti minnhom minħabba t-terminu għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06. Dawn il-kawżi ġew deċiżi bis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673). Għaldaqstant, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri sa mis-16 ta’ Novembru 2011.

51      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors tagħhom f’din il-kawża u b’hekk interrompew it-terminu ta’ preskrizzjoni fis-27 ta’ Jannar 2015, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-kawża odjerna ma hijiex preskritta.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

53      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jirriżulta li sabiex ikun hemm lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u għall-implementazzjoni tad-dritt għal riżarċiment tad-danni subiti għandhom jiġu sodisfatti assjem ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li jkun allegat li twettaq mill-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dak l-aġir u d-dannu allegat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 u C-121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106).

55      Peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, EU:C:1994:329, punt 81). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni ddeterminata (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C-257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

56      F’dan il-każ, prinċipalment, ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T‑76/06 u T-78/06 kiser it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza. Fit-tieni lok, huma jsostnu dan il-ksur irrekalhom dannu materjali li għandu jiġi riżarċit.

 Fuq l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T76/06 u T78/06

57      Ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 kiser it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza, fatt li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi. B’mod partikolari, huma jsostnu li dan il-ksur intwera fis-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C-58/12 P, EU:C:2013:770). Huma jżidu li l-Kawżi T-76/06 u T‑78/06, minn naħa, u l-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T-54/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:667), tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T-72/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:671), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T-79/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:674), min-naħa l-oħra, kellhom l-istess għan (l-istess deċiżjoni tal-Kummissjoni), kienu jikkonċernaw l-istess fatti u kellhom kawża paragunabbli (l-istess akkordju) u juru ċirkustanzi proċedurali identiċi jew simili ħafna.

58      Huma jsostnu li l-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 kellha tinfetaħ sentejn qabel il-preżentata tal-kontroreplika mill-Kummissjoni, jiġifieri, rispettivament, fit-12 ta’ Frar 2009 u fis-6 ta’ Ottubru 2008. Issa, id-data tas-seduta ġiet ikkomunikata lilhom fl-14 ta’ Jannar 2011. Minn dan huma jiddeduċu li l-proċeduri fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 issuperaw it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza b’24 xahar u bi 28 xahar.

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali hija waħidha kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża odjerna u ma huwiex possibbli li jiġu trasposti għall-Kawżi T-76/06 u T-78/06, il-konklużjonijiet li kienu nsiltu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C-50/12 P, EU:C:2013:771), u tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne vs Il-Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770). Fit-tieni lok, il-perijodu li ddekorra bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-kawżi T‑76/06 u T-78/06 kien jissupera bi 17-il xahar u b’21 xahar rispettivament, it-tul medju ta’ dan l-istadju tal-proċedura osservata, quddiem il-Qorti Ġenerali, bejn l-2007 u l-2010 fil-kawżi li kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, it-tul totali tal-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 issupera biss bi 15-il xahar it-tul medju tal-proċeduri kkonċernati, quddiem il-Qorti Ġenerali, bejn l-2006 u l-2015 fil-kawżi li kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fit-tielet lok, il-Kawżi T-76/06 u T‑78/06 kellhom jiġu kklassifikati bħala kumplessi. Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea topera f’ambjent multilingwali li ma jeżistix ieħor bħalu fl-Ewropa jekk mhux ukoll fid-dinja. Barra minn hekk, il-ħames kawżi marbuta ma’ rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 kienu jużaw sitt lingwi differenti. Fil-ħames lok, jeħtieġ li jittieħed kont tat-tul limitat tal-mandat tal-Imħallfin u tal-mard fuq tul twil ta’ żmien ta’ wieħed mill-membri tal-Awla li lilha kienu ġew assenjati iż-żewġ kawżi inkwistjoni. Fis-sitt lok, ma jistax jingħad li l-aġir tar-rikorrenti ma kellu x’jaqsam xejn mal-akkumulazzjoni ta’ dewmien fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

60      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi b’mod partikolari li “kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

61      Tali dritt, li l-eżistenza tiegħu ġiet ikkonfermata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ġie deċiż li huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, EU:C:2009:456, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06, il-proċedura bdiet fl-24 ta’ Frar 2006 bil-preżentata, fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ta’ rikors minn kull waħda mir-rikorrenti u ngħalqet bl-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673). Għalhekk, it-tul tal-proċedura f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi kien ta’ bejn wieħed u ieħor 5 snin u 9 xhur.

63      Issa, minn eżami ddettaljat tal-proċess rispettiv tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06 jirriżulta li t-tul tal-proċedura f’kull waħda minnhom ma seta’ jiġi ġġustifikat minn ebda ċirkustanza relattiva għall-imsemmija kawżi.

64      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kawżi T-76/06 u T-78/06 kienu jikkonċernaw vertenzi marbuta mal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali li għandhom jibbenefikaw minnu l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-għan li ma tiġix distorta l-kompetizzjoni fis-suq intern jikkostitwixxu interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrenti stess u għall-kompetituri tiegħu, iżda wkoll għal terzi, u dan minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u ta’ interessi finanzjarji inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, EU:C:2009:456, punt 186).

65      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-Kawża T-76/06, kien iddekorra perijodu ta’ madwar 3 snin u 10 xhur, jiġifieri 46 xahar, bejn, minn naħa, it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, li bdiet bil-preżentata, fis-16 ta’ Frar 2007, tal-kontroreplika tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, fit-23 ta’ Novembru 2010. Barra minn hekk, fil-Kawża T-78/06, kien iddekorra perijodu ta’ madwar 4 snin u xahrejn, jiġifieri 50 xahar, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, fid-9 ta’ Ottubru 2006, u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, fit-23 ta’ Novembru 2010.

66      Fi tmiem dan il-perijodu, il-qorti pproċediet, b’mod partikolari, billi pproduċiet sinteżi tal-argumenti tal-partijiet, billi semgħet il-kawżi, wettqet analiżi tal-fatti u tal-liġi u billi ppreparat għall-fażi orali tal-proċedura. B’hekk, it-tul ta’ dan il-perijodu jiddependi, b’mod partikolari fuq il-kumplessità tal-vertenza kif ukoll mill-aġir tal-partijiet u mill-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

67      Fir-rigward tal-kumplessità tal-vertenza, qabelxejn, hemm lok li jitfakkar li l-Kawżi T-76/06 u T-78/06 kienu jikkonċernaw kawżi ppreżentati kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni marbuta ma’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE.

68      Issa, kif jirriżulta mill-proċess tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06, ir-rikorsi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni jippreżentaw livell ta’ kumplessità ogħla minn tipi ta’ każi oħra, b’kont meħud, b’mod partikolari, tat-tul tad-deċiżjoni kkontestata, tal-volum tal-proċess u tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni ddettaljata tal-fatti numerużi u kumplessi, spiss estiżi fiż-żmien u fl-ispazju.

69      Għalhekk, tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmien tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-prinċipju jikkostitwixxi tul adegwat sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

70      Sussegwentement, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li kienu ġew ippreżentati diversi kawżi kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634.

71      Fil-fatt, kawżi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fil-prinċipju, jirrikjedi trattament parallel, anki meta dawn il-kawżi ma jkunux magħquda. Dan it-trattament parallel huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-konnessjoni tal-imsemmija kawżi kif ukoll min-neċessità li tiġi żgurata koerenza fl-analiżi ta’ dawn tal-aħħar u fir-risposta li dawn jeħtieġ li jingħataw.

72      Għalhekk, it-trattament parallel ta’ kawżi konnessi jista; jiġġustifika titwil, b’tul ta’ xahar għal kull kawża konnessa addizzjonali, tal-perijodu ta’ bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali ta’ din tal-aħħar.

73      F’dan il-każ, ġew ippreżentati ħames kawżi kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634. Madankollu, minn naħa, parti rikorrenti rtirat il-kawża tagħha kontra din id-deċiżjoni (digriet tas-6 ta’ Lulju 2006, Cofira-Sac vs Il-Kummissjoni, T-43/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2006:192). Min-naħa l-oħra, żewġ kawżi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 taw lok għas-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Wittenheim vs Il-Kummissjoni (T-26/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2010:387), u tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni (T-40/06, EU:T:2010:388).

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trattament ta’ tnax-il kawża oħra lkoll marbuta rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2005) 4634 ġġustifikat titwil tal-proċedura bi 11-il xahar fil-Kawża T-76/06 u fil-Kawża T-78/06.

75      Konsegwentement, it-tul ta’ 26 xahar (15-il xahar flimkien ma’ 11-il xahar) bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura kien, fil-prinċipju, adegwat sabiex jiġu ttrattati kull waħda miż-żewġ Kawżi T-76/06 u T-78/06.

76      Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet u tal-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali fil-kawżi T-76/06 u T-78/06, it-tul ta’ żmien dekors bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura f’kull waħda minn dawn il-kawżi bl-ebda mod ma influwenzat minn tali aġir jew mill-okkorrenza ta’ tali inċidenti.

77      Fl-aħħar, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li, fid- Deċiżjoni C(2005) 4634, il-Kummissjoni kienet imponiet multa fuq ir- rikorrenti b’mod konġunt u in solidum, peress li Armando Álvarez kellha 98.6 % mill-kapital ta’ ASPLA u li l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji kienet preżunta li eżerċitat influwenza determinanti fuq it-tieni waħda. Kien għalhekk li, fil-kuntest tar-rikors tagħha ppreżentat fil-Kawża T-78/06, Armando Álvarez talbet l-annullament tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 sa fejn din tal-aħħar kienet attribwiet ir-responsabbiltà tal-ksur ikkonstatat fl-imsemmija deċiżjoni.

78      Isegwi li l-Kawżi T-76/06 u T-78/06 kienu jippreżentaw rabta mill-qrib ħafna u li din ir-rabta kienet tiġġustifika li l-Kawża T-78/06 tiġi ttrattata mal-Kawża T-76/06 u bl-istess ritmu bħal din tal-aħħar. Għalkemm il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T-78/06 ngħalqet erba’ xhur qabel il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T-76/06, il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T-78/06 ma setgħetx b’hekk tinfetaħ f’data preċedenti għad-data tal-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T-76/06.

79      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-proċess tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06, l-Awla li kienet responsabbli għal dawn il-kawżi, fit-23 ta’ Novembru 2010, uriet li kellha veduta favorevoli fir-rigward tal-possibbiltà li l-imsemmija kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, mingħajr preġudizzju għall-osservazzjonijiet tal-partijiet f’kull waħda minn dawn il-kawżi. Fl-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-possibbiltà li jingħaqdu l-Kawżi T-76/06 u T-78/06, kull waħda mir-rikorrenti spjegat li huma ma kienu jaraw l-ebda ostakolu għal din l-għaqda f’każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li tali għaqda setgħet tikkontribwixxi għall-effettività tal-proċedura. Madankollu, il-Kummissjoni opponiet għal tali għaqda, li finalment ma ġietx ordnata.

80      Għaldaqstant, ir-rabta partikolarment mill-qrib bejn il-Kawża T-76/06 u l-Kawża T-78/06 ġġustifikat titwil, b’tul ta’ żmien ta’ erba’ xhur addizzjonali, tal-perijodu ta’ bejn l-aħħar tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T-78/06.

81      Konsegwentment, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw il-Kawżi T-76/06 u T-78/06, il-perijodu ta’ 46 xahar li ddekorra bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T-76/06 kif ukoll il-perijodu ta’ 50 xahar li ddekorra bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T-78/06 juru perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikata ta’ 20 xahar f’kull waħda miż-żewġ kawżi.

82      Fit-tielet lok, l-eżami tal-proċess rispettiv tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06 ma jirrileva l-ebda ċirkustanza li tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikata, minn naħa, bejn id-data tal-preżentata tar-rikorsi u d-data tal-preżentata tal-kontrorepliki u, min-naħa l-oħra, bejn il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura u l-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673).

83      Isegwi li l-proċedura li ġiet segwita fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u li ntemmet bl-għoti tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T‑76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673), kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn din issuperat b’20 xahar it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza, fatt li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi.

 Fuq id-danni materjali allegati u l-preżunta rabta kawżali

84      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-danni li jintalab ir-riżarċiment tagħhom permezz ta’ kawża għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni għandhom ikunu reali u ċerti, fatti li għandhom jiġu pprovati mill-parti rikorrenti (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C-243/05 P, EU:C:2006:708, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija din tal-aħħar li għandha tipproduċi provi konklużivi dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-danni invokati minnha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-362/95 P, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni marbuta mar-rabta kawżali stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta kawżali u effett suffiċjentement dirett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet u d-danni (sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-419/08 P, EU:C:2010:147, punt 53, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T-383/00, EU:T:2005:453, punt 193; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21). Hija l-parti rikorrenti li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-danni invokati (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu, fir-rikors, li huma sofrew danni materjali konsistenti f’telf subit, minn naħa, minħabba l-ħlas, matul il-perijodu eċċessiv medju ta’ 25.5 xahar tal-proċedura, l-interessi fuq l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqhom permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 (iktar ’il quddiem l-“interessi fuq l-ammont tal-multa”) u, min-naħa l-oħra, minħabba l-ħlas, matul dan l-istess perijodu eċċessiv, tal-ispejjeż tal-garanziji bankarji li huma kienu kkostitwixxew bil-għan li ma jħallsux immedjatament l-ammont tal-multa (iktar ’il quddiem l-i“spejjeż tal-garanzija bankarja”). Dawn id-danni kellhom jiġu evalwati permezz ta’ kalkolu sempliċi prorata bbażat fuq l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa bejn l-20 ta’ Frar 2006 u l-1 ta’ Awwissu 2014 kif ukoll fuq l-interessi fuq l-ammont tal-multa mħallsa bejn il-15 ta’ Marzu 2006 u t-22 ta’ Lulju 2014.

87      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rabta kawżali bejn id-danni allegati u l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza hija evidenti. Fil-fatt, jekk ma kienx hemm ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06, ir-rikorrenti ma kienx ikollhom iħallsu, matul 25.5 xahar, l-interessi fuq l-ammont tal-multa u l-ispejjeż tal-garanzija bankarja.

88      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta, fl-ewwel lok, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti marbuta mad-danni materjali subiti minnhom.

89      Prinċipalment, hija sostniet li l-interessi fuq l-ammont tal-multa u l-ispejjeż tal-garanzija bankarja ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala danni. Fil-fatt, minn naħa, l-interessi fuq l-ammont tal-multa kienu jikkostitwixxu kumpens peress li l-Kummissjoni ma setax ikollha għad-dispożizzjoni tagħha somma li hija kellha dritt tiddisponi minnha u r-rikorrenti kienu jibbenefikaw minn arrikkiment indebitu li kieku ngħataw kumpens f’ammont ekwivalenti għal dawn l-interessi. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja huwa piż li ġie liberament aċċettat mir-rikorrenti bħala korrispettiv għall-possibbiltà li ġiet offruta lilhom li ma jħallsux l-ammont tal-multa immedjatament. Għalhekk, sa fejn dan il-piż kien jinvolvi l-kisba ta’ vantaġġ, xejn ma kien jippermetti li dan jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi danni f’sens strett.

90      Sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li l-metodu użat mir-rikorrenti għall-kalkolu tal-allegati danni materjali ma huwiex wieħed korrett u ma jippermettix li dawn jiġu espressi f’ċifri. Minn naħa, il-kalkolu proporzjonali, bħal dak imwettaq mir-rikorrenti, ma kienx jippermetti li tiġi kkalkulata l-parti tal-ispejjeż imputabbli għall-perijodu li jikkorrispondi għad-dewmien mhux iġġustifikat. Min-naħa l-oħra, l-elementi użati mir-rikorrenti sabiex jikkalkulaw id-danni tagħhom ma kinux ta’ natura li jippermettulhom li jikkalkulaw id-danni ipotetiċi naxxenti mill-allegat dewmien li kien hemm fil-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06. Fil-fatt, ikun jinħtieġ, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ danni ipotetiċi li huma sofrew minħabba d-dewmien mhux iġġustifikat tal-proċedura, li jiġu pparagunati l-ispejjeż li huma kellhom effettivament ibatu sabiex titħallas il-multa u l-ispejjeż ipotetiċi li huma kellhom ibatu li kieku ma kienx hemm dewmien waqt il-proċedura u li kieku ħallsu l-multa qabel. Issa, huwa ferm possibbli li, f’ċerti ċirkustanzi, huwa iktar vantaġġuż għal impriża li tipposponi l-ħlas tal-multa, anki jekk dan il-ħlas pospost ikun jinvolvi l-obbligu tal-ħlas ta’ interessi addizzjonali b’rata fissa bħar-rata ta’ 3.56 % stabbilita mill-Kummissjoni. Fil-kontroreplika, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea żżid li l-ħlas pospost, mid-definizzjoni tiegħu, jipprovdi vantaġġ u li l-imsemmi vantaġġ jeżisti f’dan il-każ.

91      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssostni li ma teżistix rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, l-allegati danni materjali marbuta mal-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja u mal-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa u, min-naħa l-oħra, il-ksur allegat tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza. Fil-fatt, dawn id-danni materjali jirriżultaw mill-għażla proprja tar-rikorrenti li ma jeżegwixxux l-obbligu tagħhom li jħallsu l-multa fit-terminu stabbilit mid-Deċiżjoni C(2005) 4634, minkejja li din id-deċiżjoni kienet tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. L-għażla tar-rikorrenti kienet teżisti fil-mument li fih ir-rikorrenti ddeċidew li jikkostitwixxu garanzija bankarja kif ukoll matul il-perijodu kollu li matulu huma żammew l-imsemmija garanzija.

–       Osservazzjonijiet preliminari

92      Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 kien jipprevedi li l-multi imposti minn din id-deċiżjoni kellhom jitħallsu f’terminu ta’ tliet xhur dekorribbli min-notifika tagħha. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kien jispeċifika li, mal-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, għandhom ikunu dovuti awtomatikament l-interessi kkalkulati bir-rata tal-interess applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid mill-ewwel jum tax-xahar li fih ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni, miżjuda bi tlieta punt ħamsa perċentwal, jiġifieri rata ta 5.56 %.

93      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 TFUE, id-Deċiżjoni C(2005) 4634 kienet tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, peress li kienet tinkludi, fl-Artikolu 2 tagħha, obbligu prekunjarju impost fuq ir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, ma hijiex ikkontestata min-natura eżekutorja tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn, skont l-Artikolu 278 TFUE, il-kawżi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx effett ta’ sospensjoni.

94      Meta l-Kummissjoni nnotifikat id-Deċiżjoni C(2005) 4634 lir-rikorrenti, din l-istituzzjoni indikatilhom li, jekk huma jibdew proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienet ser tiġi adottata l-ebda miżura ta’ rkupru fil-pendenzi tal-kawża, sakemm jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas. Skont l-Artikolu 86(5) tar-Regolament Nru 2342/2002, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu s-segwenti: fl-ewwel lok, il-kreditu tal-Kummissjoni kellu jipproduċi interessi sa mid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas bir-rata ta’ 3.56 %, fit-tieni lok, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas kellha tingħata garanzija bankarja aċċettabbli għall-Kummissjoni, li tkopri kemm id-dejn kif ukoll l-interessi jew iż-żidiet tad-dejn.

95      Fl-atti tagħhom ippreżentati fil-kawża odjerna, ir-rikorrenti jispjegaw li huma ddeċidew li ma jħalssux l-ammont tal-multa imposta fuqhom immedjatament u li jikkostitwixxu garanzija bankarja, b’mod konformi mal-possibbiltà li ġiet offruta lilhom mill-Kummissjoni u li jħallsu l-interessi kkalkulati bir-rata ta’ 3.56 %.

96      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet jeħtieġ li jiġu eżaminati d-danni materjali allegati u r-rabta kawżali preżunta bejn dawn id-danni u l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

–       Fuq il-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa

97      Fl-ewwel lok, mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti oralment mir-rappreżentant ta’ dawn tal-aħħar, li ġew inseriti fil-verbal tas-seduta, jirriżulta li kienet Armando Álvarez li, fit-22 ta’ Lulju 2014, ħallset l-ammont totali tal-interessi fuq l-ammont tal-multa li mmaturaw matul il-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

98      Isegwi li ASPLA manifestament ma sofrietx danni personali konsistenti fil-ħlas ta’ interessi fuq l-ammont tal-multa matul il-perijodu li jikkorrispondi għas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T-78/06.

99      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-danni allegatament subiti minn Armando Álvarez, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, minħabba l-applikazzjoni magħquda tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE u tal-278 TFUE, imsemmija fil-punt 93 iktar ’il fuq, l-ammont tal-multa imposta mid-Deċiżjoni C(2005) 4634 kien dovut lill-Kummissjoni minkejja l-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni. B’hekk, l-interessi fuq l-ammont tal-multa li r-rata tagħhom kienet ta’ 3.56 % għandhom jiġu kklassifikati bħala interessi moratorji.

100    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, matul il-proċedura li jikkorrispondi mas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T-78/06, Armando Álvarez la ħallset l-ammont tal-multa u lanqas l-interessi moratorji. B’hekk, matul il-proċedura fl-imsemmija kawżi, Armando Álvarez kellha f’idha s-somma li kienet tikkorrispondi għall-ammont ta’ din il-multa miżjuda bl-interessi moratorji.

101    Issa, ir-rikorrenti ma jipproduċu l-ebda prova li tippermetti li jintwera li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06, l-ammont tal-interessi moratorji, imħallsa ulterjorment lill-Kummissjoni minn Armando Álvarez, kien jeċċedi l-vantaġġ li setgħet tibbenefika minnu din il-kumpannija minħabba d-disponibbiltà tas-somma, ekwivalenti għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti ma jurux li l-interessi fuq l-ammont tal-multa li ddekorrew matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza kienu jeċċedu l-vantaġġ li Armando Álvarez setgħet tikseb mill-assenza tal-ħlas tal-multa miżjuda bl-interessi li kienu mmaturaw fid-data li fiha seħħ inkiser it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza u tal-interessi li mmaturaw qabel ma seħħ dan il-ksur.

102    Isegwi li r-rikorrenti ma jurux li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T-78/06, Armando Álvarez sofriet telf reali u ċert minħabba l-ħlas tal-interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa imposta permezz tad-Deċiżjoni C(2005) 4634.

103    Għaldaqstant, it-talba għar-riżarċiment tal-allegati danni konsistenti fil-ħlas, mir-rikorrenti, ta’ interessi addizzjonali fuq l-ammont tal-multa għandha tiġi miċħuda, mingħajr il-bżonn li tiġi evalwata l-eżistenza allegata ta’ rabta kawżali.

–       Fuq il-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja

104    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-danni, mill-proċess jirriżulta, minn naħa, li ASPLA kkostitwixxiet garanzija bankarja fl-ammont ta’ EUR 10 731 000 miżjuda bl-interessi u, min-naħa l-oħra, li Armando Álvarez ikkostitwixxiet diversi garanziji bankarji minn erba’ banek differenti għal ammont totali ta’ EUR 31 269 000 miżjuda bl-interessi. Barra minnn hekk, l-elementi tal-proċess juru li kull waħda mir-rikorrenti ħallset, fil-forma ta’ kummissjonijiet ta’ kull tliet xhur, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

105    Għalhekk, fid-dawl tal-atti tal-proċess, hemm lok li jiġi kkunsidrat li kull waħda mir-rikorrenti turi li sofriet personalment danni ċerti u reali konsistenti f’telf subit minħabba l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

106    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabta kawżali, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li, kieku l-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 ma oltrapassatx it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza, ir-rikorrenti ma kienx ikollhom iħallsu l-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi għal dan is-superament.

107    Għalhekk, teżisti rabta ta’ kawża u effett bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u l-okkorrenza tad-danni subiti mir-rikorrenti konsistenti f’telf subit minħabba l-ħlas, minn kull waħda minnhom, tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza.

108    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi enfasizzat li, ċertament, l-aġir allegat għandu jkun il-kawża determinanti tad-danni (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofe vs Il-Kummissjoni, C-433/10 P, li ma ġiex ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127, u sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T-279/03, EU:T:2006:121, punt 130; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-419/08 P, EU:C:2010:147, punt 61). Fi kliem ieħor, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni possibbli mill-istituzzjonijiet lejn id-danni li qiegħed jintalab ir-riżarċiment tagħhom, l-imsemmija kontribuzzjoni tista’ tkun wisq imbiegħda minħabba responsabbiltà li tinkombi lil persuni oħra, fejn applikabbli anki lill-parti rikorrenti (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-419/08 P, EU:C:2010:147, punt 59, u digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il-Kummissjoni, C-433/10 P, li ma ġietx ippubblikata, EU:C:2011:204, punt 132).

109    Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li d-danni allegati, konsistenti fi spejjeż tal-garanzija bankarja sostnuti minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li wara ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, ma jirriżultawx direttament mill-illégalità ta’ din id-deċiżjoni, peress li dawn id-danni kienu jirriżultaw mill-għażla stess tal-kumpannija li tikkostitwixxi garanzija bankarja bil-għan li ma teżegwixxix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu stabbilit mid-deċżjoni kontenzjuża [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, T-28/03, EU:T:2005:139, punt 123, u d-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑113/04, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2007:377, punt 38].

110    Madankollu, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fl-ewwel lok, fi Frar 2006, jiġifieri fil-mument li fih ir-rikorrenti ppreżentaw il-kawża tagħhom u fil-mument li fih huma kkostitwixxew, rispettivament, garanzija bankarja waħda jew iktar, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza kien imprevedibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħu leġittimament jistennew li l-kawżi rispettivi tagħhom jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli.

111    Fit-tieni lok, is-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 seħħ wara l-għażla inizjali tar-rikorrenti li jikkostitwixxu garanziji bankarji.

112    B’hekk, il-fatti ta’ din il-kawża huma sostanzjalment differenti minn dawk li ġew ikkonstatati fis-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni (T-28/03, EU:T:2005:139), u fid-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2007, Atlantic Container Line et vs Kummissjoni, T-113/04, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2007:377), imsemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, ir-rabta bejn is-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi ma’ dan is-superament ma setgħetx, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ġiet interrotta permezz tal-għażla inizjali tar-rikorrenti li ma tħallasx immedjatament il-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634 u li tikkostitwixxi garanzija bankarja.

113    Minn dan isegwi li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u t-telf subit, mir-rikorrenti, minħabba l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament tal-imsemmi terminu.

114    Fit-tielet lok, qabelxejn, jeħtieġ li jitfakkar li r-rikorrenti jinvokaw ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza unikament fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06. Għaldaqstant huma ma jinvokawx ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza minħabba t-tul totali tal-proċedura, minn naħa, fil-Kawża T-76/06, flimkien mal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il-Kummissjoni (C-35/12 P, EU:C:2014:348), u, min-naħa l-oħra, fil-Kawża T-78/06, flimkien mal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Armando Álvarez vs Il-Kummissjoni (C-36/12 P, EU:C:2014:349).

115    Għalhekk, f’dan il-każ, ġie kkonstatat biss li l-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T‑78/06 kisret it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

116    Sussegwentement, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 ntemm mal-prolazzjoni tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T‑78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673).

117    Għalhekk, mis-16 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jevalwaw, minn naħa, l-eżistenza ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u, min-naħa l-oħra, id-danni soffruti minnhom minħabba l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament tal-imsemmi terminu.

118    Fl-aħħar, id-Deċiżjoni C(2005) 4634, li imponiet multa fuq ir-rikorrenti, saret definittiva biss fit-22 ta’ Mejju 2014 u l-fakultà offruta mill-Kummissjoni li tikkostitwixxi garanzija bankarja ntemmet f’din id-data minħabba l-għażla tar-rikorrenti li jappellaw mis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673).

119    Isegwi li l-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja wara l-prolazzjoni tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673), li temmew il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T‑78/06, ma jippreżentax rabta kawżali suffiċjentement diretta ma’ dan il-ksur, sa fejn il-ħlas ta’ tali spejjeż jirriżulta mill-għażla personali u awtonoma tar-rikorrenti, wara l-imsemmi ksur, li ma jħallsux il-multa, li ma jitolbux is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C(2005) 4634 u li jappellaw mis-sentenzi suesposti.

120    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u, min-naħa l-oħra, id-danni subiti mir-rikorrenti qabel il-prolazzjoni tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673), u konsistenti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament ta’ dan it-terminu raġonevoli.

–       Fuq l-evalwazzjoni tad-danni materjali subiti

121    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li t-tul tal-proċedura fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 issupera b’20 xahar it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi (ara l-punt 83 iktar ’il fuq).

122    Fit-tieni lok, fil-punti 116 sa 120 iktar ’il fuq, ġie kkonstatat li l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 ntemm fis-16 ta’ Novembru 2011 u li kienet teżisti rabta kawżali suffiċjentement, minn naħa, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 u, min-naħa l-oħra, id-danni subiti mir-rikorrenti “qabel” il-prolazzjoni tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673).

123    B’hekk, is-superament tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 seħħ 20 xahar qabel il-prolazzjoni tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673), jiġifieri fis-16 ta’ Marzu 2010, u kien minn din id-data li r-rikorrenti soffrew danni materjali.

124    B’risposta għal mistoqsija bil-miktub magħmul mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2016, spjegaw li huma kienu bdew isofru d-danni sentejn wara l-komunikazzjoni tal-kontroreplika tal-Kummissjoni, jiġifieri fis-6 ta’ Ottubru 2008, fil-Kawża T-78/06, u fit-12 ta’ Frar 2009, fil-Kawża T‑76/06.

125    Barra minn hekk, minkejja li ma ġewx mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti żiedu, fir-risposta tagħhom tal-10 ta’ Ottubru 2016, li d-dannu tagħhom kien ġie mitmum bil-komunikazzjoni tad-data tas-seduta fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

126    Fl-aħħar, mill-proċess rispettiv tal-Kawżi T-76/06 u T-78/06 jirriżulta li d-data tas-seduta f’kull waħda minn dawn il-kawżi ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fl-14 ta’ Jannar 2011.

127    Issa, mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, jirriżulta li l-kawża fil-prinċipju hija ddeterminata u ddefinita mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-272/12 P, EU:C:2013:812, punt 27, u tat-3 ta’ Lulju 2014, Electrabel vs Il-Kummissjoni, C-84/13 P, li ma ġietx ippubblikata, EU:C:2014:2040, punt 49).

128    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tinjora t-talba tar-rikorrenti u tiddeċiedi ex officio li tagħti kumpens għad-danni subiti minn dawn tal-aħħar wara l-14 ta’ Jannar 2011, jiġifieri matul perijodu kronoloġikament differenti minn dak li matulu huma jallegaw li sofrew id-danni.

129    Għaldaqstant, f’dan il-każ, id-danni jistgħu jiġu kkumpensati jikkorrispondu għall-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa mir-rikorrenti bejn is-16 ta’ Marzu 2010 u l-14 ta’ Jannar 2011.

130    Fit-tielet lok, mill-atti prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li huma ħallsu l-ispejjeż tal-garanzija bankarja fuq bażi ta’ kull tliet xhur.

131    L-elementi tal-proċess jikkonfermaw li, matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Marzu 2010 u l-14 ta’ Jannar 2011, ASPLA ħallset l-ispejjeż tal-garanzija bankarja ta’ kull tliet xhur kif ġej:

Trimestri

Ammont trimestrali

Xahar

Spejjeż (ewro)

20.2.2010-19.5.2010

12 259.43

2

8 172.95

20.5.2010-19.8.2010

12 259.43

3

12 259.43

20.8.2010-19.11.2010

12 259.43

3

12 259.43

20.11.2010-19.2.2011

12 259.43

3

12 259.43



Total

44 951.24


132    Għalhekk, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn ASPLA, matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Marzu 2010 u l-14 ta’ Jannar 2011, ammontaw għal EUR 44 951.24.

133    Barra minn hekk, l-elementi tal-proċess jikkonfermaw li, matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Marzu 2010 u l-14 ta’ Jannar 2011, Armando Álvarez ħallset l-ispejjeż tal-garanzija bankarja ta’ kull tliet xhur kif ġej:


Trimestri

Ammont trimestrali

Xahar

Spejjeż (ewro)


21.2.2010-20.5.2010

6 109.09

2

4 072.73

Bank A

21.5.2010-20.8.2010

6 156.34

3

6 156.34


21.8.2010-28.11.2010

6 203.59

3

6 203.59


29.11.2010-20.2.2011

6 290.57

3

6 290.57





22 723.23







22.2.2010-21.5.2010

6 000.00

2

4 000.00

Bank B

22.5.2010-21.8.2010

6 000.00

3

6 000.00


22.8.2010-21.11.2010

6 000.00

3

6 000.00


22.11.2010-21.2.2011

6 000.00

3

6 000.00





22 000.00







22.2.2010-21.5.2010

5 839.91

2

3 893.27

Bank C

21.5.2010-23.8.2010

5 839.91

3

5 839.91


23.8.2010-22.11.2010

5 839.91

3

5 839.91


22.11.2010-21.2.2011

5 839.91

3

5 839.91





21 413.00







16.2.2010-15.5.2010

12 075.34

2

8 050.23

Bank D

16.5.2010-15.8.2010

12 180.34

3

12 180.34


16.8.2010-15.11.2010

12 285.34

3

12 285.34


16.11.2010-15.2.2011

12 390.34

3

12 390.34





44 906.25









Total

111 042.48


134    Għalhekk, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn Armando Álvarez, matul il-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Marzu 2010 u l-14 ta’ Jannar 2011, ammontaw għal EUR 111 042.48.

135    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jitħallas ammont ekwivalenti għal EUR44 951.24 lil ASPLA u kumpens ekwivalenti għal EUR 111 042.48 lil Armando Álvarez, bħala kumpens għad-danni materjali li ġew ikkawżati lilhom mill-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06 rispettivament u li jikkonsisti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja addizzjonali.

–       Fuq l-interessi

136    Kif jirriżulta mill-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali li żżid l-ammont tal-kumpens, li jista’ jingħata lilhom, bl-interessi kumpensatorji u moratorji bir-rata applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, sa mid-data tal-preżentata tal-kawża.

137    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:2000:38, punt 55).

138    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interessi kumpensatorji, jeħtieġ li jitfakkar li l-konsegwenzi sfavorevoli li rriżultaw mit-trapass taż-żmien li ddekorra bejn l-okkorrenza tal-fatt li ta lok għad-danni u l-evalwazzjoni tal-kumpens ma jistgħux jiġu injorati, sa fejn hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inflazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1994, Grifoni vs Il-Kummissjoni, C-308/87, EU:C:1994:38, punt 40, u tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-260/97, EU:T:2005:283, punt 138). L-interessi kumpensatorji huma intiżi li jipprovdu kumpens għat-traspass taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-danni, indipendentement minn kull dewmien imputabbli lid-debitur (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs IPK International, C-336/13 P, EU:C:2015:83, punt 37).

139    It-tmiem tal-perijodu li jagħti d-dritt għal din l-evalwazzjoni monetarja mill-ġdid għandu, bħala prinċipju, jikkoinċidi mad-data tal-prolazzjoni tas-sentenza li tistabbilixxi l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:1992:217, punt 35; tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-260/97, EU:T:2005:283, punti 142 u 143, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2008:526, punti 54 u 55).

140    F’dan il-każ, fir-rigward tal-ammont dovut lil kull waħda mir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni materjali subiti minnhom rispettivament, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 138 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti kellhom dritt jitolbu li dan il-kumpens jiġi miżjud bl-interessi kumpensatorji kkalkulati mis-16 ta’ Marzu 2010.

141    Madankollu, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, kif enfasizzaw permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2016, li l-ammont tal-kumpens li għalih huma setgħu kellhom dritt, jiżdied bl-interessi kumpensatorji “sa mid-data tal-preżentata tal-kawża” fil-kawża odjerna, jiġifieri sa mis-27 ta’ Jannar 2015.

142    Għaldaqstant, l-interessi kumpensatorji, li għandhom jiżdiedu mal-ammont dovut lil kull waħda mir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni materjali subiti minnhom rispettivament, għandhom jiddekorru mis-27 ta’ Jannar 2015, skont it-talba fformulata mir-rikorrenti.

143    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, li jinvokaw telf subit, ma jipprovdu l-ebda prova li tippermetti li jintwera li l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn ASPLA bejn is-16 ta’ Marzu 2010 u l-14 ta’ Jannar 2011 kif ukoll l-ispejjeż tal-garanzija bankarja mħallsa minn Armando Álvarez bejn is-16 ta’ Marzu 2010 u l-14 ta’ Jannar 2011 setgħu jipproduċu interessi li r-rata għall-kalkolu tagħhom hija dik applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:2000:38, punt 219, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T-285/03, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2008:526, punt 49).

144    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jippretendu l-applikazzjoni ta’ interessi kumpensatorji kkalkulati abbażi tar-rata applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

145    Għall-kuntrarju, l-inflazzjoni marbuta mat-trapass taż-żmien hija riflessa permezz tar-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti r-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:2000:38, punti 220 u 221, tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-260/97, EU:T:2005:283, punt 139, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T-285/03, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2008:526, punt 50).

146    Konsegwentement, ir-rata tal-interessi kumpensatorji li għandhom jiżdiedu mal-ammont dovut lil kull waħda mir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni materjali subiti minnhom rispettivament tikkorrispondi mar-rata tal-inflazzjoni annwali kkonstatata mill-Eurostat fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti dawn il-kumpanniji. Dawn l-interessi kumpensatorji japplikaw, fil-limitu tat-talba tar-rikorrenti, għall-perijodu ta’ bejn is-27 ta’ Jannar 2015 u d-data tal-prolazzjoni tas-sentenza odjerna fir-rigward ta’ kull waħda mir-rikorrenti.

147    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interessi moratorji, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu tal-ħlas ta’ tali interessi jirriżulta, bħala prinċipju, sa mis-sentenza li tikkonstata l-obbligi ta’ riżarċiment tad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, EU:C:1990:259, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Għall-istabbiliment tar-rata tal-interessi moratorji, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 83(2)(b) u l-Artikolu 111(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rata tal-interessi għall-krediti mhux rimborsati fit-termini, hija r-rata applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid kif ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje Ċ, li daħlet fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar tad-data ta’ skadenza, miżjuda bi tliet punti u nofs perċentwali.

149    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kumpensi msemmija fil-punt 135 iktar ’il fuq, inklużi l-interessi kumpensatorji miżjuda mal-ammont dovut bħala kumpens għad-danni materjali subiti minn kull waħda mir-rikorrenti, għandhom jiżdiedu bl-interessi moratorji, mill-prolazzjoni tas-sentenza odjerna sal-ħlas sħiħ.

150    Barra minn hekk, ir-rata ta’ din iż-żieda għandha tiġi stabbilita fil-limitu tat-talba tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:1992:217, punt 35, u tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T-271/04, EU:T:2007:128, punt 184).

151    Għaldaqstant, ir-rata tal-interessi moratorji għandha tkun dik stabbilita mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, kif talbu r-rikorrenti.

–       Konklużjoni fuq l-ammont tal-kumpensi u fuq l-interessi

152    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, dan ir-rikors għandu jintlaqa’ parzjalment sa fejn huwa jitlob ir-riżarċiment tad-danni materjali subiti mir-rikorrenti minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T-76/06 u T-78/06.

153    L-ammont dovut lil ASPLA bħala kumpens għad-danni materjali subiti minnha minħabba l-ħlas tal-ispejjeż addizzjonali tal-garanzija bankarja jammonta għal EUR 44 951.24, miżjuda bl-interessi kumpensatorji, mis-27 ta’ Jannar 2015 sal-prolazzjoni tas-sentenza odjerna, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata mill-Eurostat fl-Istat Membru li fih hija stabbilita din il-kumpannija.

154    L-ammont dovut lil Armando Álvarez bħala kumpens għad-danni materjali subiti minnha minħabba l-ħlas tal-ispejjeż addizzjonali tal-garanzija bankarja jammont għal EUR 111 042.48, miżjuda bl-interessi kumpensatorji, mis-27 ta’ Jannar 2015 sal-prolazzjoni tas-sentenza odjerna, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata mill-Eurostat fl-Istat Membru li fih hija stabbilita din il-kumpannija.

155    L-ammonti msemmija fil-punti 153 u 154 iktar ’il fuq, inklużi l-interessi kumpensatorji miżjuda mal-kumpens dovut lil kull waħda mir-rikorrenti bħala kumpens għad-danni materjali subiti minnhom rispettivament, għandhom jiġu miżjuda bl-interessi moratorji skont il-kundizzjonijiet previsti fil-punti 149 u 151 iktar ’il fuq.

156    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

157    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

158    F’dan il-każ, ir-rikorrenti rebħu parzjalment fir-rigward tal-kapijiet tat-talbiet fuq il-mertu. Madankollu, huma tilfu t-talba tagħhom għal riżarċiment. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha.

159    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Hemm lok għaldaqstant li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 44 951.24 lil Plásticos Españoles, SA (ASPLA) u kumpens ta’ EUR 111 042.48 lil Armando Álvarez, SA għad-danni materjali subiti minn kull waħda minn dawn il-kumpanniji minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il-Kummissjoni (T-76/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il-Kummissjoni (T-78/06, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:673). Kull wieħed minn dawn il-kumpensi għandu jiġi evalwat mill-ġdid permezz tal-interessi kumpensatorji, dekorribbli mis-27 ta’ Jannar 2015 sal-prolazzjoni tas-sentenza odjerna, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali stabbilita, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istati Membru li fih huma stabbiliti dawn il-kumpanniji.

2)      Kull wieħed mill-kumpensi msemmija fil-punt 1) iktar ’il fuq għandu jiżdied bl-interessi moratorji, mill-prolazzjoni tas-sentenza odjerna sal-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      ASPLA u Armando Álvarez, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Labucka

Bieliūnas

Kreuschitz

 

Forrester

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2017.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma prinċipalment u fuq nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma sussidjarjament u bbażata fuq il-preskrizzjoni tat-talab għal riżarċiment tad-danni materjali allegati

Fuq il-mertu

Fuq l-allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-Kawżi T 76/06 u T78/06

Fuq id-danni materjali allegati u l-preżunta rabta kawżali

– Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq il-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa

– Fuq il-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja

– Fuq l-evalwazzjoni tad-danni materjali subiti

– Fuq l-interessi

– Konklużjoni fuq l-ammont tal-kumpensi u fuq l-interessi

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.