Language of document : ECLI:EU:T:2017:105

Kawża T-40/15

Plásticos Españoles, SA (ASPLA)
u
Armando Álvarez, SA

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Speċifikazzjoni tar-rikors – Preskrizzjoni – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza – Danni materjali – Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallas – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tas-17 ta’ Frar 2017

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti ta’ forma proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni

[Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21(1) u Artikolu 53(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c)]

2.      Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza – Responsabbiltà għall-fatt ta’ ksur ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni – Data tal-għoti tas-sentenza inkwistjoni

(Artikolu 340(2) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46 u 53(1))

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(Artikolu 340(2) TFUE)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Ksur ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni – Inklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 340(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47(2))

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova

(Artikolu 340(2) TFUE)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u li timponi multa – Natura eżekuttiva – Kontestazzjoni tad-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni – Assenza ta’ kontestazzjoni tan-natura eżekuttiva

(Artikolu 101 TFUE, 263 TFUE, 278 TFUE u 299(1) TFUE)

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Abbandun minħabba aġir illegali tar-rikorrenti u ta’ persuni oħra

(Artikolu 340(2) TFUE)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Kunċett – Spejjeż ta’ garanzija bankarja li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ impriża li ma tħallasx il-multa imposta mill-Kummissjoni – Ksur mill-qorti tal-Unjoni tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fuq rikors tal-imsemmija impriża – Eżistenza ta’ rabta kawżali – Kundizzjonijiet

(Artikolu 340(2) TFUE)

9.      Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Limiti – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita – Obbligu tg’ osservanza tal-kuntest tal-kawża ddefinit mill-partijiet – Possibbiltà li qorti tal-Unjoni tiddeċiedi ex officio li tagħti kumpens għal danni subiti matul perijodu differenti minn dak indikat fir-rikors – Esklużjoni

(Artikolu 268 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

10.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Danni – Kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni tal-inflazzjoni – Interessi kumpensatorji u moratorji – Modalitajiet ta’ kalkolu

[Artikolu 340(2) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikolu 83(2)(b) u Artikolu 111(4)(a)]

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 33)

2.      It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-mument li fih jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom huwa ssubordinat l-obbligu tar-riżarċiment imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Dawn il-kundizzjonijiet u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi għar-riżarċiment tal-imsemmija danni, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-danni mill-vittma ta’ dawn id-danni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ rikors għad-danni intiż għar-riżarċiment ta’ danni allegatament subiti minħabba ksur eventwali ta’ terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza, il-fatt li jagħti lok għall-azzjoni fis-sens tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija irregolarità tal-proċedura fil-forma ta’ allegat ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza minn qorti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-istabbiliment ta’ punt tat-tluq għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 għandu jieħu kont ta’ din iċ-ċirkustanza. B’mod partikolari, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri minn data li fiha jkun seħħ l-akkadut li jikkawża d-danni u l-punt tat-tluq ta’ dan it-terminu għandu jiġi stabbilit f’data li fiha l-akkadut li jikkawża d-danni jkun immaterjalizza ruħu b’mod konkret. Għalhekk, fil-każ speċifiku ta’ rikors għad-danni intiż għar-riżarċiment ta’ danni allegatament subiti minħabba ksur eventwali ta’ terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza, il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu, meta deċiżjoni tkun waqfet it-terminu kontenzjuż għall-prolazzjoni ta’ sentenza, jiġi stabbilit bħala d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u jippermetti l-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti.

(ara l-punti 45-49)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 54, 55)

4.      Il-proċedura segwita fiż-żewġ kawżi li t-tul tagħha kien ta’ bejn wieħed u ieħor 5 snin u 9, liema tul ma jista’ jiġi ġġustifkat minn ebda ċirkustanza relattiva għall-imsemmija kawżi, tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn din issuperat it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza, fatt li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi.

Fil-fatt, matul il-perijodu ta’ bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura li seħħ mal-preżentata tal-kontroreplika u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, saru, b’mod partikolari, is-sinteżi tal-argumenti tal-partijiet, it-tħejjija tal-kawżi, analiżi fil-fatt u fid-dritt tat-tilwimiet u l-preparazzjoni tal-fażi orali tal-proċedura. B’hekk, it-tul ta’ dan il-perijodu jiddependi, b’mod partikolari fuq il-kumplessità tal-vertenza kif ukoll mill-aġir tal-partijiet u mill-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kumplessità tal-kawża, qabel xejn, ir-rikorsi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni juru ċertu grad ta’ kumplessità ogħla minn tipi oħrajn ta’ kawżi, wara li jitqiesu, b’mod partikolari, it-tul tad-deċiżjoni kkontestata, il-volum tal-proċess u n-neċessità li ssir evalwazzjoni ddettaljata tal-fatti numerużi u kumplessi, ta’ spiss mifruxa fiż-żmien u fl-ispazju. Għalhekk, tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura jikkostitwixxi bħala prinċipju tul xieraq sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, kawżi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fil-prinċipju, jirrikjedi trattament parallel, anki meta dawn il-kawżi ma jkunux magħquda. Dan it-trattament parallel huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-konnessjoni tal-imsemmija kawżi kif ukoll min-neċessità li tiġi żgurata koerenza fl-analiżi ta’ dawn tal-aħħar u fir-risposta li dawn jeħtieġ li jingħataw. Għalhekk, it-trattament parallel ta’ kawżi konnessi jista’ jiġġustifika titwil, b’tul ta’ xahar għal kull kawża konnessa addizzjonali, tal-perijodu ta’ bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar, meta kumpannija sussidjarja ul-kumpannija parent tagħha jippreżentaw, kull waħda minnhom, rikors kontra deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li tikkundannhom b’mod konġunt u in solidum għall-ħlas ta’ multa, il-kawżi inkwistjoni jkollhom konnessjoni estremanent mill-qrib li tiġġustifka li jiġu ttrattai flimkien u bl-istess rittmu. F’dan il-każ, huwa b’hekk iġġustifikat li l-fażi orali tal-proċedura tinfetaħ fl-istess data għaż-żewġ kawżi minkejja li l-fażi bil-miktub tal-proċedura tkun ingħalqet qabel fl-oħra.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-perijodu li ddekorra bejn it-tmiem tal-fażi orali tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura f’kull waħda minn dawn il-kawżi bl-ebda mod ma kien influwenzat mill-aġir tal-partijiet jew mill-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

Konsegwentement, il-perijodu ta’ 46 xahar li ddekorra bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fl-ewwel kawża, kif ukoll il-perijodu ta’ 50 xahar li ddekorra bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fit-tieni kawża juru perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikata ta’ 20 xahar f’kull waħda miż-żewġ kawżi.

(ara l-punti 62, 63, 66, 68, 69, 71, 72, 76-78, 80, 81, 83)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 84, 85)

6.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 TFUE, deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, peress li tinkludi obbligu prekunjarju impost fuq id-destinatarji. Barra minn hekk, il-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, ma tikkontestax in-natura eżekutorja tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn, skont l-Artikolu 278 TFUE, il-kawżi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx effett ta’ sospensjoni.

(ara l-punt 93)

7.      Il-kundizzjoni relatata mar-rabta kawżali rikjesta mill-Artikolu 340 TFUE tirrikjedi li l-aġir allegat ikun il-kawża determinanti tad-danni. Fi kliem ieħor, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni possibbli mill-istituzzjonijiet lejn id-danni li qiegħed jintalab ir-riżarċiment tagħhom, l-imsemmija kontribuzzjoni tista’ tkun wisq imbiegħda minħabba responsabbiltà li tinkombi lil persuni oħra, fejn applikabbli anki lill-parti rikorrenti.

(ara l-punt 108)

8.      Huwa minnju li danni li jikkonsistu fi spejjeż ta’ garanzija bankarja sostnuti minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li wara ġiet annullata mill-qorti tal-Unjoni ma jirriżultawx direttament mil-legalitàta’ din id-deċiżjoni, peress li dawn id-danni jirriżultaw mill-għażla ta’ din il-kumpannija li tikkostitwixxi garanzija bankarja bil-għan li ma teżegwixxix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu stabbilit mid-deċżjoni kontenzjuża. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun waħda differenti meta l-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni tkun eċċediet it-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni tas-sentenza, peress li, fl-ewwel lok, fil-mument li fih ġiet ikkostitwita l-garanija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza kien imprevedibbli u li r-rikorrenti leġittimament setgħet leġittimament tistenna li l-kawża tagħha tiġi ttrattata f’terminu raġonevoli. Fit-tieni lok, is-superament tal-imsemmi terminu seħħ wara l-għażla inizjali tar-rikorrenti li tikkostitwixxi garanzija bankarja.

Minn dan jirriżulta li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, id-danni subiti mir-rikorrenti qabel il-prolazzjoni tas-sentenza inkwistjoni, u konsistenti fil-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mas-superament ta’ dan it-terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, il-ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija bankarja wara l-prolazzjoni tal-imsemmija sentenza, li temmet il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-kawża inkwistjoni, ma jippreżentax rabta kawżali suffiċjentement diretta ma’ dan il-ksur, sa fejn il-ħlas ta’ tali spejjeż jirriżulta mill-għażla personali u awtonoma tar-rikorrenti, wara l-imsemmi ksur, li ma jħallsux il-multa, li ma jitolbux is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li jappellaw mis-sentenza suesposta.

(ara l-punti 109-111, 119, 120)

9.      Mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-kawża hija, fil-prinċipju, iddeterminata u limitata mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita. Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tinjora t-talba tar-rikorrenti u tiddeċiedi ex officio li tagħti kumpens għad-danni subiti matul perijodu kronoloġikament differenti minn dak li matulu hija tallegaw li sofriet id-danni.

(ara l-punti 127, 128)

10.    Ladarba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-konsegwenzi sfavorevoli li rriżultaw mit-trapass taż-żmien li ddekorra bejn l-okkorrenza tal-fatt li ta lok għad-danni u l-evalwazzjoni tal-kumpens ma jistgħux jiġu injorati, sa fejn hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inflazzjoni. L-interessi kumpensatorji huma intiżi li jipprovdu kumpens għat-traspass taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-danni, indipendentement minn kull dewmien imputabbli lid-debitur. It-tmiem tal-perijodu li jagħti d-dritt għal din l-evalwazzjoni monetarja mill-ġdid għandu, bħala prinċipju, jikkoinċidi mad-data tal-prolazzjoni tas-sentenza li tistabbilixxi l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti. F’każ li r-rikorrenti ma turix li l-konsegwenzi sfavorevoli marbuta mat-trapass taż-żmien jistgħu jiġu kkalkulati bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, l-inflazzjoni marbuta mat-trapass taż-żmien hija riflessa permezz tar-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat fl-Istat Membru fejn hija stabbilita r-rikorrenti.

(ara l-punti 138, 139, 143, 145)