Language of document : ECLI:EU:T:2019:672

Kawża T-391/17

Ir-Rumanija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ Settembru 2019

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi – Tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika – Reġistrazzjoni parzjali – Prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi – Assenza ta’ nuqqas manifest ta’ kompetenzi leġiżlattivi tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 5(2) TUE – Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Artikolu 296 TFUE”

1.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni – Proposta li għandha taqa’ fl-ambitu tal-kompetenzi attribwiti lill-Kummissjoni – Eżami mill-Kummissjoni – Inizjattiva taċ-ċittadini intiża għall-adozzjoni ta’ atti ġuridiċi maħsuba għat-titjib tal-protezzjoni tal-minoritajiet nazzjonali u lingwistiċi u għat-tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni – Proposti xierqa għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet stabbiliti għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza rilevanti – Inklużjoni – Reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini

(Artikoli 2, 3(3), 5(2) u 13(2) TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, premessi 1 u 2 u Artikolu 4(2)(b), u l-Anness II)

(ara l-punti 35, 36, 39, 41, 42, 44 sa 47, 49, 50, 53, 56, 59, 72, 85)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistra proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Natura ġenerika tal-motivazzjoni dwar il-kompetenzi leġiżlattivi attribwiti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri proposti – Ammissibbiltà

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

(ara l-punti 88, 91, 92)

Sunt

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T-391/17), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-Rumanija kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (1) li tipproċedi għar-reġistrazzjoni parzjali ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini (IĊE) intitolata “Minority SafePack – miljun firma għad-diversità fl-Ewropa”. L-għan ta’ din l-IĊE kien li tistieden lill-Unjoni Ewropea ttejjeb il-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi kif ukoll li tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika fi ħdan l-Unjoni.

Fil-15 ta’ Lulju 2013, l-IĊE kkonċernata ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni minn kumitat taċ-ċittadini. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE minħabba li din tal-aħħar kienet manifestament tmur lil hinn mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija setgħet tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Adita mill-Kumitat, il-Qorti Ġenerali annullat (2) din id-deċiżjoni minħabba li l-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fid-29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tirreġistra parzjalment l-IĊE inkwistjoni, billi żewġ proposti li għalihom tirreferi l-IĊE kienu, skont il-Kummissjoni, manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

Fit-28 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi mill-Kummissjoni (3) u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previst mit-Trattat (4).

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li, konformement mal-għanijiet imfittxija mill-IĊE, li huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u sabiex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli, l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE mill-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għal tali inizjattiva għaċ-ċittadini.

Għalhekk, skont il-kliem tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 (5), qabel kull reġistrazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami inizjali tas-suġġett u tal-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE abbażi tal-informazzjoni li hija jkollha sabiex tiżgura ruħha li l-miżuri previsti mill-Proposta ta’ IĊE ma jkunux joħorġu manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha, filwaqt li eżami iktar komplet huwa speċifikament previst li jsir fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-proposta. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, li timplika l-ewwel evalwazzjoni tagħha fil-livell ġuridiku, ma tippreġudikax il-kontenut tal-komunikazzjoni li għandha tadotta l-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, u li tistabbilixxi l-pożizzjoni definittiva tagħha dwar il-preżentazzjoni jew le ta’ proposta għal att ġuridiku b’risposta għall-IĊE.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-atti ġuridiċi elenkati fl-anness tal-proposta ta’ IĊE huma manifestament intiżi, minn naħa, għat-twettiq tal-għan ġenerali tal-Unjoni li jikkonsisti f’li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi u, min-naħa l-oħra, li jintlaħaq, b’mod dirett, l-għan ġenerali ta’ osservanza u ta’ promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jirriżultax li din tal-aħħar irrikonoxxiet lill-Unjoni kompetenza leġiżlattiva ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, iżda biss li r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi u t-tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika, bħala valuri u għanijiet tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma koperti mill-proposta ta’ IĊE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li xejn ma għandu jipprekludi lill-Kummissjoni milli tkun tista’ tippreżenta proposti għal atti speċifiċi li, bħal f’dan il-każ, ikunu intiżi li jikkompletaw l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE u tar-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha kif previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE.

Wara analiżi ddettaljata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ċaħdet l-argument imressaq mir-Rumanija, li d-diversi proposti għal atti ġuridiċi li jinsabu fil-proposta ta’ IĊE ma humiex tali li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza rilevanti.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali osservat b’mod partikolari li, anki jekk il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE ma timplikax, bħala prinċipju, li l-awtur ta’ deċiżjoni għandu jesponi r-raġunijiet li wassluh sabiex jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni speċifika tad-dispożizzjoni legali rilevanti u jekk huwa biżżejjed li l-imsemmija istituzzjoni tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni, id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi, fi kwalunkwe każ, suffiċjentement skont il-liġi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata r-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE.


1      Deċiżjoni (UE) 2017/652 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (ĠU 2017, L 92, p. 100)


2      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack – one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59)


3      Artikolu 5(2) TUE u l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011


4      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE


5      Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1)