Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Frar 2012 - Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill

(Kawża T-110/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Iranian Offshore Engineering & Construction Co. (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: J. Viñals Camallonga, L. Barriola Urruticoechea u J. Iriarte Ángel, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK sa fejn dan jikkonċernaha u tneħħi isimha mill-anness tagħha.

tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 sa fejn dan jikkonċernaha u tneħħi isimha mill-anness tiegħu.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Dawn il-proċeduri tressqu kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif ukoll kontra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn id-dispożizjonijiet tagħhom jinkludu lir-rikorrenti bħala destinatarja tal-miżuri stabbiliti fihom.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta' twettiq tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-atti, peress li l-atti kkontestati jinkludu motivazzjoni żbaljata, li hija infondata fir-rigward tar-rikorrenti.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-motivazzjoni tal-atti, peress li r-rekwiżit ta' motivazzjoni ma ġiex osservat.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, inkwantu dan ġie ristrett mingħajr ġustifikazzjoni valida.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, peress li r-rikorrenti ġiet ittrattata bl-istess mod bħall-impriżi li attwalment ipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari tal-Iran, li inġustament jirrelegaha għal pożizzjoni kompetittiva inferjuri fir-rigward tal-entitajiet nazzjonali u barranin l-oħra li jikkompetu magħha fid-diversi swieq.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta' poter, peress li jeżistu provi oġġettivi, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi sostnut li, billi ġiet adottata l-miżura tal-iffriżar tal-fondi, ġew milħuqa għanijiet li huma differenti minn dawk sostnuti mill-Kunsill.

____________