Language of document : ECLI:EU:C:2016:129

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2016 (1)

Kawża C‑43/15 P

BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Rifjut parzjali għal reġistrazzjoni — Regoli ta’ proċedura dwar il‑preżentata ta’ appell għar-reviżjoni ta’ deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni — Appell ippreżentat b’mod prinċipali mill-applikanta skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Appell ippreżentat b’mod inċidentali mill-parti li qed topponi fil-kuntest tar‑risposta tagħha abbażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/96 — Ammissibbiltà tal-appell inċidentali — Portata tal-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 216/96 — Nuqqas ta’ garanziji proċedurali — Ksur tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju — Ksur ta’ awtorità ta’ res judicata — Rwol tal-qorti — Motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Dan l-appell jidħol fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni mibdija minn LG Electronics Inc. (2) dwar l-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja “compressor technology”, ippreżentata quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) minn BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH (3). Huwa jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Diċembru 2014 — BSH vs UASI – LG Electronics (compressor technology) (4).

2.        Dan l-appell fih żewġ partijiet.

3.        Minn naħa, għandu jippermetti għal darb’oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-każijiet li fihom il-qrati tal-Unjoni, sabiex jaqdu l-kompitu tagħhom li jiżguraw il-legalità, huma obbligati li jqajmu ex officio motiv ta’ dritt.

4.        Min-naħa l-oħra, għandu jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-istruttura u l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji użati quddiem l-UASI u intiżi għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet tad‑Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal‑Ġustizzja ser tkun mitluba tiddefinixxi l-portata u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal‑Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (5).

5.        Din id-dispożizzjoni tipprevedi hekk:

“Fil-proċeduri inter partes, il-parti tad-difiża tista’, fl-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, tħejji konklużjonijiet [talbiet] maħsuba għall-annullament jew għal tibdil tad-deċiżjoni kontestata fuq punt mhux imqajjem waqt l‑appell. Tali konklużjonijiet ma jkollhomx oġġett fil-każ li min iressaq l-appell jirtira.”

6.        F’din il-kawża, filwaqt li BSH ippreżentat, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (6), appell għar-reviżjoni tad‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar lista limitata ferm ta’ prodotti, LG ippreżentat appell inċidentali għar-reviżjoni ta’ din id‑deċiżjoni dwar lista ferm iktar sinjifikattiva ta’ prodotti, u dan fl‑osservazzjonijiet bħala risposta tagħha magħmula skont l‑Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96.

7.        Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2013 (7), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) ċaħad l‑appell ta’ BSH u laqa’ parzjalment it-talba ta’ LG.

8.        Hija l-legalità ta’ din id-deċiżjoni li hija inkwistjoni f’din il‑kawża.

9.        Filwaqt li r-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda biss l-evalwazzjoni tal-mertu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali f’kunflitt għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark “compressor technology”, l-appell ippreżentat quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja jqajjem żewġ kwistjonijiet purament kontenzjużi, relatati, minn naħa, mar-rwol tal-qorti u, min-naħa l-oħra, mal‑eżistenza u l-legalità ta’ rimedju ġudizzjarju.

10.      Fir-rigward tar-rwol tal-qorti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata mhux abbażi tal-motivi invokati minn BSH quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda għaliex il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrileva ex officio żewġ motivi ta’ ordni pubbliku, ibbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord tal-Appell biex jirrevedi d‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għal prodotti oħra minbarra dawk imsemmija mill-applikanta fl-appell prinċipali u, it-tieni nett, fuq il-ksur, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tad-dritt għal smigħ ta’ din tal‑aħħar.

11.      Peress li dawn iż-żewġ motivi kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nipproponilha li tirrilevahom ex officio u tiddeċiedi l-kawża hija stess.

12.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tasal, sabiex tistabbilixxi, b’mod partikolari, jekk, fid-dawl tar-regoli previsti fl‑Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll tal-garanziji proċedurali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 effettivament għandux l-għan li jistabbilixxi rimedju ġudizzjarju parallel għal dak previst fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009.

13.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun għalhekk mitluba ttemm l‑inċertezza legali preżenti, li tirriżulta minħabba n-nuqqas ta’ uniformità tal-approċċi difiżi mill-Bordijiet ta’ Appell differenti tal‑UASI u mill-kulleġġi ġudikanti differenti tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni.

14.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom l‑Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 ma jistax manifestament ikollu l‑ambizzjoni li joffri rimedju ġudizzjarju indipendentement minn dak previst fl-Artikoli 58 et seq tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, ser insostni li, billi laqa’ u ddeċieda favur appell li l-inammissibbiltà tiegħu kienet manifesta, il-Bord tal-Appell ma kienx awtorizzat jirrevedi d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir-rigward ta’ prodotti oħra minbarra dawk imsemmija fil-kuntest tal‑appell prinċipali u li qabeż il-limiti tal-kompetenza tiegħu.

15.      Sussidjarjament, ser nispjega wkoll li l-istess Bord tal-Appell kiser id‑drittijiet ta’ difiża ta’ BSH billi ma ppermettilhiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha wara l‑appell inċidentali ppreżentat minn LG.

16.      Konsegwentement, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

II – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

A –    Ir-Regolament Nru 207/2009

17.      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (8), ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 207/2009, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-introduzzjoni tal‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni inkwistjoni, f’dan il-każ l-24 ta’ Novembru 2008, li hija determinanti sabiex jiġi identifikat id-dritt materjali applikabbli, din il-kawża hija rregolata, minn naħa, bid‑dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 207/2009 u, min‑naħa l-oħra, bid-dispożizzjonijiet materjali tar-Regolament Nru 40/94.

18.      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, li l-kliem tiegħu ġie riprodott mingħajr emendi fir‑Regolament Nru 207/2009, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l‑identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit‑territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il‑probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

19.      L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Il-persuni li huma intitolati li jappellaw u li jkunu partijiet fi proċedimenti ta’ appell”, jagħmel parti mit-Titolu VII tiegħu, intitolat “Appelli”. Skont dan l-artikolu:

“Kull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella. […]”

20.      L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Terminu u forma tal-appell”, li jagħmel parti minn dan l-istess Titolu VII, jipprevedi:

“Għandha tiġi preżentata notifika tal-appell bil-miktub lill-[UASI] fi żmien xahrejn wara id-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. In‑notifika għandha titqies li ġiet preżentata biss meta l-miżata tal‑appell tkun ġiet imħallsa. […]”

21.      L-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżaminazzjoni ta’ appelli”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Waqt l-eżaminazzjoni tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il‑komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.”

22.      L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Deċiżjonijiet dwar appelli”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell, il-Bord tal‑Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri […]”.

23.      Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjonijiet tal-UASI “għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom”.

24.      Finalment, l-Artikolu 76 tal-imsemmi regolament, intitolat “L‑eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l‑inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.”

B –    Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95

25.      Skont il-ħames u s-sitt premessi tiegħu, ir-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (9), jistabbilixxi r‑regoli meħtieġa għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 207/2009 b’mod li jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal‑proċeduri quddiem l-UASI.

26.      Fir-rigward tal-regoli ta’ proċedura, huwa jissupplimenta għalhekk, fit-Titolu X tiegħu, ir-regoli relatati mal-preżentata u mal-eżami ta’ appell.

27.      Ir-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95, intitolata, “Rifjut tal‑appell bħala inammissibbli”, tispjega dan li ġej:

“1.      Jekk l-appell ma jħarisx [jissodisfax] l-Artikoli [58 sa 60 tar‑Regolament Nru 207/2009] u tar-Regola 48(1)(ċ) u (2) [dwar il‑kontenut tal-att tal‑appell], il-Bord tal-appell għandu jirrifjutaħ bħala inammissibbli […]

[…]

3.      Jekk il-miżata tal-appell jkun tħallas wara li jiskadi l-perjodu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-appell skond Artikolu [60 tar-Regolament Nru 207/2009], l-appell għandu jitqies li ma jkunx ġie ppreżentat […]”

C –    Ir-Regolament Nru 216/96

28.      Ir-Regolament Nru 216/96, jipprevedi, fl-Artikolu 8 tiegħu, intitolat “Twettiq tal-proċedura”, dan li ġej:

“[…]

2.      Fil-proċeduri inter partes, u mingħajr preġudizzju għall‑Artikolu [63(2) tar-Regolament Nru 207/2009] ir-riċevuta [in-nota] li tesponi r‑raġunijiet ta’ l-appell u l-osservazzjonijiet maħruġa bħala risposta jistgħu jkunu miżjuda minn risposta [replika] tal-persuna li tkun ressqet l-appell, imressqa mhux aktar tard minn xahrejn wara, li jibdew jgħoddu mid-data meta ssir in-notifika ta’ l-osservazzjonijiet bħala risposta, u minn duplikat [kontroreplika] tal-parti tad-difiża, imressqa mhux aktar tard minn xahrejn wara, li jibdew jgħoddu mid-data meta ssir in-notifika bħala risposta.

3.      Fil-proċeduri inter partes, il-parti tad-difiża tista’, fl‑osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, tħejji konklużjonijiet maħsuba għall-annullament jew għal tibdil tad-deċiżjoni kontestata fuq punt mhux imqajjem waqt l-appell. Tali konklużjonijiet ma jkollhomx oġġett fil-każ li min iressaq l-appell jirtira.”

III – Il-fatti tal-kawża

29.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2012, id-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni parzjalment ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat‑trade mark Komunitarja “compressor technology” magħmula minn BSH. Fil-fatt, hija ddeċidiet li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti “KOMPRESSOR”, li kellha LG, għal numru ta’ prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni fil-klassijiet 7, 9 u 11 skont il-Ftehim ta’ Nice (10), fosthom l-apparat elettriku ta’ tindif għall-użu tax‑xogħol tad-dar, inkluż l-apparat li jiġbed it-trab u l-apparat li jiġbed l‑iskart niexef u umidu (11).

30.      Għall-prodotti l-oħra li għalihom saret l-applikazzjoni fil‑klassijiet 7, 9 u 11, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l‑oppożizzjoni magħmula minn LG minħabba li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni.

31.      Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-partijiet fit-3 ta’ Mejju 2012.

32.      Fis-26 ta’ Ġunju 2012, BSH ippreżentat rikors għal annullament kontra tagħha, billi mliet il-formularju ta’ appell previst għal dan il‑għan, u ppreżentat n-nota tagħha li fiha spjegat il-motivi tal-appell tagħha fit-3 ta’ Settembru 2012. BSH talbet ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni inkwantu kienet tirrigwarda l‑evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-apparat elettriku ta’ tindif għall-użu tax‑xogħol tad-dar, inkluż l-apparat li jiġbed it-trab u l-apparat li jiġbed l‑iskart niexef u umidu, li jaqgħu fil‑klassi 7, iżda l-bqija tal-prodotti ma kinux ikkonċernati.

33.      Fil-31 ta’ Ottubru 2012, LG għalhekk, permezz ta’ att wieħed intitolat “Osservazzjonijiet bħala risposta”, minn naħa waħda, ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta għall-argumenti esposti minn BSH insostenn tal-appell tagħha u, min-naħa l-oħra, talbet ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni b’tali mod li l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark “compressor technology” tiġi miċħuda b’mod iktar wiesa’. B’mod partikolari, LG sostniet li, kuntrarjament għad-deċiżjoni mogħtija mid-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni, kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni mal-prodotti li ġejjin:

–        klassi 7: apparat elettriku ta’ rimi ta’ skart, jiġifieri tagħmir għall‑ħelsien tal-iskart u sabiex jiġi kkompressat l-iskart;

–        klassi 9: mwieżen għall-użu personali, apparat elettriku sabiex jingħaqad il-foil; apparat ta’ kontroll mill-bogħod, ta’ sinjalar u ta’ kontroll (elettriku/elettroniku) għal magni u apparat għax‑xogħol tad-dar u għall-kċina; mezzi ta’ ġarr ta’ data reġistrata u vojta użati minn magna għall-apparat tax-xogħol tad-dar; apparati elettriċi li jiddistribwixxu xorb jew ikel, distributuri awtomatiċi; partijiet inklużi fil-klassi 9 għall-prodotti kollha hawn fuq iċċitati.

Partijiet inklużi fil-klassi 9 għal apparat u strumenti elettriċi inklużi fil-klassi 9, jiġifieri, ħadidiet tal-mogħdija elettriċi, mwieżen tal-kċina;

–        klassi 11: lampi infraħomor (għajr dawk għal użu mediku); peds għat-tisħin (mhux għall-użu mediku), kutri tal-elettriku (mhux għall-użu mediku); magni għall-estrazzjoni tal-meraq (apparat għall-meraq) ta’ distribuzzjoni ta’ xorb frisk intiżi sabiex jintużaw flimkien mal-apparati ta’ tkessiħ ta’ xorb.

34.      Permezz tal-ittra tiegħu tat-8 ta’ Novembru 2012, intitolata “Kommunikazzjonijiet tal-osservazzjonijiet”, l-UASI bagħat lil BSH l‑“osservazzjonijiet” ippreżentati minn LG filwaqt li indikalha li l‑proċedura bil-miktub ingħalqet, li, konsegwentement, l‑osservazzjonijiet annessi qed jiġu kkomunikati biss bħala informazzjoni, li l-proċess ser jintbagħat lill-Bord tal-Appell fil-mument opportun u li dan ser jiddeċiedi dwar il-kawża” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

35.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, fil-punt 13 tagħha, iddeċieda li r-rikors ippreżentat minn BSH huwa ammissibbli, għaliex ippreżentat skont l-Artikoli 58 sa 60 tar-Regolament Nru 207/2009 u r‑Regola 48 tar-Regolament Nru 2868/95.

36.      Fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-eżami tal‑portata tal-appell, il-Bord tal-Appell irrileva li LG kienet, fl‑osservazzjonijiet tagħha bħala risposta għan-nota li esponiet il-motivi tal‑appell ta’ BSH, ippreżentat appell “inċidentali” (“ancillary appeal”), skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, li permezz tiegħu talbet ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir‑rigward tal-prodotti imsemmija hawn fuq li jaqgħu fil-klassijiet 7, 9 u 11.

37.      Fi tmiem l-eżami tiegħu, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell ta’ BSH u parzjalment laqa’ l-appell inċidentali ta’ LG.

38.      Għalhekk, BSH ippreżentat rikors għal annullament quddiem il‑Qorti Ġenerali, billi qajmet motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur, mill‑Bord tal-Appell, tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ta’ sinjali kunfliġġenti.

39.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.

IV – It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40.      Permezz tal-appell tagħha, BSH titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

41.      L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li BSH tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

V –    Fuq l-appell

42.      Insostenn tal-appell tagħha, BSH tinvoka żewġ aggravji.

43.      L-ewwel aggravju tqajjem quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall‑ewwel darba. Huwa bbażat fuq ksur mill-UASI tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprevedi r-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-preżentata ta’ appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI. Fil-fatt, BSH issostni li l-appell inċidentali ppreżentat minn LG kien inammissibbli inkwantu ma kien jissodisfa l-ebda wieħed mir-rekwiżiti ta’ terminu jew proċedurali mitluba minn dan l-artikolu.

44.      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali “compressor technology” u “KOMPRESSOR”.

45.      Ma jidhirlix li huwa meħtieġ, f’dan l-istadju, li jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata minn difetti esposti minn BSH fil-kuntest tal-appell tagħha. Fil-fatt, jidhirli, qabel xejn, li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għaliex il-Qorti Ġenerali naqset milli tqajjem ex officio l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minn awtorità li ma għandhiex kompetenza bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-applikanta.

46.      Fil-fatt, nikkunsidra li l-appell inċidentali ppreżentat mill-parti li qed topponi kien manifestament inammissibbli, b’tali mod li l-Bord tal‑Appell ma kienx kompetenti sabiex jirrevedi d-deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-prodotti msemmija fil-kuntest ta’ dan l-appell.

47.      Barra minn hekk, nikkonstata li l-Bord tal-Appell biddel id‑deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, u b’dan il-mod laqa’ t-talbiet tal-parti li qed topponi, mingħajr ma ta, preċedentement, l-opportunità lil BSH li effettivament tesprimi l-opinjoni tagħha, u b’dan il-mod kiser id‑drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar.

48.      Issa, in-nuqqas ta’ kompetenza u l-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali jikkostitwixxu motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu jew għandhom jitqajmu ex officio mill-qrati tal-Unjoni meta l-partijiet jonqsu li jagħmlu dan.

49.      Mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea u 177 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-kawża hija ddeterminata u limitata mill-partijiet. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex, bħala prinċipju, teċċedi t‑talbiet imressqa quddiem fit-talbiet tagħhom u għandha tiddeċiedi wkoll fuq dawn it-talbiet fil-kuntest tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi esposti mill-partijiet.

50.      Madankollu, ir-rwol tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex wieħed passiv. Fil-kuntest ta’ kawża dwar trade mark Komunitarja, l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ma jistax jikkonsisti f’sempliċi duplikazzjoni ta’ stħarriġ li jkun sar qabel mill-Bord tal-Appell tal-UASI (12). Ir-rwol tagħha lanqas ma huwa limitat għall-evalwazzjoni tal-merti tal-pożizzjonijiet ta’ kull waħda mill-partijiet fil-kawża billi tillimita ruħha strettament għall‑motivi u l-argumenti invokati minnhom. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex biss il-funzjoni li tkun arbitru. Għandha tiżgura wkoll ir-rispett tad-dritt tal‑Unjoni, u b’mod partikolari l-garanziji fundamentali stabbiliti fil‑Karta.

51.      Ir‑regoli dwar il‑proċedura quddiem kull qorti tal-Unjoni kif ukoll il‑ġurisprudenza għalhekk stabbilixxew diversi każijiet li fihom il‑qrati tal-Unjoni, sabiex jaqdu l-kompitu tagħhom li jiżguraw il‑legalità, għandhom il-ġurisdizzjoni li jqajmu ex officio motiv ta’ dritt.

52.      Għalhekk, bis-saħħa tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tqajjem ex officio n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni manifesta tagħha li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew in-natura manifestament inammissibbli ta’ tali rikors jew, jekk ikun il-każ, in-natura manifestament illegali tiegħu (13). Hija tista’ wkoll tqajjem ex officio l‑inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku (14), jiġifieri l‑ksur ta’ kundizzjoni essenzjali għall‑ammissibbiltà ta’ rikors, bħall‑eżistenza ta’ att kontestabbli (15), il-locus standi (16) jew inkella l‑osservanza tat-termini ta’ proċedura (17).

53.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet distinzjoni bejn, minn naħa, il-motivi li jirrigwardaw il-legalità sostantiva tal‑att ikkontestat, li jaqgħu taħt il-ksur ta’ regola ta’ dritt relatata mal‑applikazzjoni tat-Trattat FUE u li ma jistgħux jiġu eżaminati mill‑qorti tal-Unjoni ħlief jekk ikunu ġew invokati mill-partijiet u, min-naħa l-oħra, il-motivi li jikkontestaw il-legalità esterna tal-att ikkontestat, li jaqgħu taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, huma ta’ ordni pubbliku u għandhom jitqajmu ex officio mill-qorti tal-Unjoni (18). F’dan l-aħħar każ, l-irregolaritajiet li jaffettwaw il-forma tal-att jew tal‑proċedura segwita jippreġudikaw id-drittijiet ta’ terzi jew tal-persuni kkonċernati minn dan l-att jew li jista’ jkollhom influwenza fuq il‑kontenut tagħha (19). Tista’ tkun, pereżempju, nuqqas ta’ awtentikazzjoni kif suppost (20) jew nuqqas ta’ notifika (21).

54.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li n-nuqqas ta’ kompetenza tal‑awtur tal-att ikkontestat (22) kif ukoll in‑nuqqas ta’ motivazzjoni jew l‑insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ dan l-att (23) jikkostitwixxu motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu, anzi għandhom, jitqajmu ex officio mill-qorti tal-Unjoni, minkejja li l-ebda waħda mill-partijiet ma talbitha tagħmel dan.

55.      Il-qorti tal-Unjoni, adita b’rikors għal annullament, għalhekk ma tistax tiġi kkritikata li ħarġet mill-kuntest tal-kawża, li eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha, li ddeċidiet ultra petita u li kisret ir-Regoli tal‑Proċedura tagħha meta tqajjem ex officio motiv bħal dan, li jirrigwarda preċiżament il‑legalità tal-att li hija ntalbet tannulla (24).

56.      Fid-diversi każijiet msemmija fil-ġurisprudenza, id‑difett li jivvizzja l‑att ikkontestat huwa ta’ natura gravi biżżejjed biex jiġġustifika li l-qorti tal-Unjoni tissanzjonah, anki jekk dan id-difett ma jkunx tqajjem mir-rikorrent jew mill-appellant. Fi kliem ieħor, meta l-att ikkontestat imur kontra l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jew jirriżulta minn ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali jew minn dritt fundamentali, ma huwiex daqshekk rilevanti li jkun magħruf jekk dan l-att huwiex ukoll ivvizzjat minn difetti msemmija mir-rikorrent jew mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament tagħha. Id-difiża tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l‑protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jippermettu u, jekk ikun il-każ, jobbligaw lill-qorti msejħa biex tiddeċiedi dwar il‑legalità, sabiex tikkonstata li l-att inkwistjoni huwa vvizzjat minn difett li, fi kwalunkwe każ, iwassal għall‑annullament tiegħu.

57.      Huwa evidenti li din is-setgħa ma tistax tkun suġġetta għall‑kundizzjoni li din tkun marbuta mal-motivi u l-argumenti invokati mill‑partijiet. Fil‑fatt, l-osservanza ta’ kundizzjoni bħal din tmur kontra l‑għan stess ta’ din is-setgħa li tqajjem ex officio, li hija intiża preċiżament biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tal-partijiet meta regola ta’ ordni pubbliku tkun ġiet miksura.

58.      F’dan il-każ, mill-proċess mibgħut quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-appell inċidentali ppreżentat minn LG abbażi tal‑Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 ma kien jissodisfa l-ebda wieħed mir-rekwiżiti ta’ terminu jew proċedurali li għalihom dan huwa suġġett sabiex ikun ammissibbli.

59.      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll b’mod ċar li l-Bord tal‑Appell, minkejja li ddeċieda espressament dwar l-ammissibbiltà tal‑appell ippreżentat b’mod prinċipali minn BSH, fil-punt 13, fl-ebda mument ma eżamina l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali ppreżentat minn LG, u dan minkejja li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-elementi invokati minnha.

60.      Issa, kif jista’ jintlaqa appell jekk l-ammissibbiltà tiegħu ma ġietx evalwata preliminarjament?

61.      Għandu jiġi ammess li l-eżerċizzju huwa delikat peress li teżisti konfużjoni dwar il-portata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 u dwar ir-regoli ta’ proċedura li jirregolaw il-preżentata ta’ tali appell.

62.      Dan espost, u jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi, billi naqas milli jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat minn LG, il-Bord tal-Appell kiser ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li tipprevedi, infakkar, li “[j]ekk l-appell ma jħarisx [jissodisfax] l‑Artikoli [58 sa 60 tar-Regolament Nru 207/2009] u tar-Regola 48 (1)(ċ) u (2) [dwar il-kontenut tal-att tal-appell], il-Bord tal-appell għandu jirrifjutaħ bħala inammissibbli”.

63.      Barra minn hekk, meta ddeċieda dwar dan l-appell, huwa interpreta b’mod żbaljat il-limiti tal-kompetenza tiegħu, peress li jista’ jkun hemm appell biss jekk dan ikun ippreżentat legalment.

64.      Qabel l-evalwazzjoni tal-motivi għal annullament imqajma mill‑partijiet, il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk obbligata li teżamina ex officio l-kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

65.      Fuq kollox, mill-atti tal-proċess jirriżulta b’mod ċar li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr ma BSH setgħet, minn qabel, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-appell inċidentali ppreżentat minn LG, ħaġa li bla dubju vvizzjat il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dan in-nuqqas kien iktar u iktar ovvju peress li l-punti invokati minn LG fl-appell inċidentali tagħha kienu manifestament deċiżivi għall-għeluq tal-proċedura peress li l-Bord tal-Appell biddel id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għad-detriment ta’ BSH.

66.      Issa, abbażi tal-ġurisprudenza li għadni kemm semmejt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-fatt li deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u dokumenti li l-partijiet, jew waħda minnhom, ma setgħux jieħdu konjizzjoni tagħhom u li dwarhom għalhekk ma kellhomx l-opportunità li jieħdu pożizzjoni, jammonta għal ksur ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt.

67.      Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk obbligata, fin-nuqqas ta’ eżami relatat mal-kompetenza tal-Bord tal-Appell, li tipproċedi ex officio għal stħarriġ ta’ legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl kemm tal‑prinċipji fundamentali tad-dritt għal smigħ u ta’ kontradittorju kif ukoll tal-Artikolu 63(2) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar‑Regolament Nru 207/2009.

68.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s‑sentenza appellata għal dawn il-motivi.

VI – Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata

69.      F’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, l-Artikolu 61 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li din tista’ jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

70.      Jiena tal-opinjoni li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża fuq iż-żewġ motivi ta’ dritt li qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva ex officio.

71.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Bord tal-Appell kienx kompetenti sabiex jirrevedi d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni li tirrigwarda l-prodotti msemmija fl-appell inċidentali ta’ LG, din il-kwistjoni hija relatata mal-ammissibbiltà ta’ dan l-appell u ġiet diskussa minn BSH u mill-UASI fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom u waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

72.      It-tieni nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata minn ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ BSH, inkwantu din ma nstemgħetx, dan il-punt kien ukoll is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

73.      Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva ex officio l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jadotta d‑deċiżjoni kkontestata.

74.      Fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi, huwa għalhekk b’mod sussidjarju li ser neżamina l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tal-applikanta u tal-prinċipju ta’ kontradittorju fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

A –    Fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Bord tal-Appell sabiex jadotta d‑deċiżjoni kkontestata

1.      L-argumenti tal-partijiet

75.      BSH issostni li ma kien hemm l-ebda appell ammissibbli li waħdu seta’ jiġġustifika li r-rifjut tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark jiġi estiż lil hinn mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni. Fil-fatt, hija tqis li LG la ppreżentat l-appell fit‑terminu previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 u lanqas ma ħallset il-miżata prevista għal dan il-għan.

76.      Qabel xejn, l-UASI jsostni li l-argument ta’ BSH, li jgħid li LG ma għamlitx talba espressa fl-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha tal‑31 ta’ Ottubru 2012, ma huwiex ikkonfermat mill-fatti, peress li tali talba kienet ifformulata b’mod ċar u nett. Barra minn hekk, ma huwiex meħtieġ li tintuża espressament il-kelma “talba” jew li jiġi invokat espliċitament l‑Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96. Fil-fatt, ikun biżżejjed jekk l-osservazzjonijiet kollha kemm huma juru b’mod ċar l-intenzjoni tal-parti inkwistjoni li tikkontesta d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni u l-portata ta’ din l-intenzjoni.

77.      Imbagħad l-UASI jirrileva li mill-kliem tal-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 216/96 jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, l-appellata tista’, fl-osservazzjonijiet tagħha, teżerċita d-dritt tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni li qed tiġi kkontestata. Is-sempliċi kwalità tagħha bħala appellata tippermettilha għalhekk li tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tillimitax dan id-dritt għall-motivi diġà mqajma fl-appell. Fil-fatt, hija tipprevedi li t-talbiet ikunu jirrigwardaw punt mhux imqajjem fl-appell. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-fatt li l‑appellata setgħet tippreżenta hija stess appell mid-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ rimedji ġuridiċi jeżistu sabiex tiġi kkontestata d‑deċiżjoni li tilqa’ oppożizzjoni u li tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, ħaġa li, barra minn hekk, ġiet ikkonfermata mis-sentenza Intesa Sanpaolo vs UASI – MIP Metro (COMIT) (25).

78.      Finalment, l-UASI jsostni li din il-konklużjoni ma tikkontestax ir-regoli proċedurali previsti bir-Regolament Nru 207/2009, u b’mod partikolari dik li tgħid li kull parti fi proċediment li jkun wassal għal deċiżjoni fl-ewwel istanza tista’ tressaq azzjoni kontra din id-deċiżjoni sa fejn din ma tkunx laqgħet it-talbiet tagħha. Fil-fatt, sa fejn l-appellata tagħżel li tippreżenta “appell inċidentali”, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 216/96, l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell tkun marbuta b’mod inseparabbli mal-ammissibbiltà tal-appell tal-appellanti, kuntrarjament għall-każ ta’ appell ippreżentat skont id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 207/2009. L-appellata għalhekk iġġorr ir-riskju li l‑“appell inċidentali” tagħha jaqsam l-eżitu tal-appell tal-appellanti u li, fil-każ ta’ rtirar tal-appell tal-appellanti, isir, biex ngħidu hekk, null “b’mod anċillari”.

2.      L-evalwazzjoni tiegħi

79.      Huwa paċifiku, bejn il-partijiet kollha fil-kawża, l-ewwel nett, li l‑appell ippreżentat mill-parti li qed topponi kien intiż għar-reviżjoni tad‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fuq prodotti li ma kinux imsemmija fil-kuntest tal-appell prinċipali ppreżentat mill-applikanta, it-tieni nett, li dan l-appell ġie ppreżentat kważi sitt xhur wara li d‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġiet innotifikata lilha (26), it‑tielet nett, li barra minn hekk, ma tħallset l-ebda miżata ta’ appell u, ir-raba’ nett, li l-Bord tal-Appell laqa’ parzjalment it-talba ta’ LG, u għalhekk iddeċieda kontra BSH, mingħajr ma ġabar, minn qabel, l‑osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

80.      Tali proċedura mhux biss hija kuntrarja għar-regoli proċedurali stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-regoli ta’ implementazzjoni tiegħu, iżda tikser ukoll b’mod serju d-drittijiet u l‑garanziji proċedurali tal-applikanta, kif stabbiliti fil-Karta.

81.      Din il-proċedura twassal, fir-realtà, għal konfużjoni kbira dwar il-portata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96.

82.      Minn tal-inqas fuq dan il-punt naqbel mal-opinjoni espressa mill‑Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, meta tirrileva li din id‑dispożizzjoni għandha “ċerta inċertezza ġuridika” u tista’ saħansitra “tiġi kklassifikata bħala ‘xi ftit rudimentali’”. Dan jispjega mhux biss id‑difetti li jivvizzjaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll u b’mod iktar wiesa’ l-inkoerenzi li ltqajt magħhom fil-prassi deċiżjonali tal-UASI (27).

83.      Barra minn hekk, fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 bir-Regolament (UE) 2015/2424 (28), li għandu jidħol fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni integrat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 u osservat, fil-premessa 28 tar-Regolament 2015/2424, li “[l]esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tas-sistema attwali ta’ trademarks tal-UE żvelat il-potenzjal għal titjib ta’ ċerti aspetti ta’ proċedura” u li “[k]onsegwentement, għandhom jittieħdu ċerti miżuri […] biex jissaħħu ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà”.

84.      Ikolli nammetti li dawn l-inkoerenzi joriġinaw ukoll minn ġurisprudenzi diverġenti tal-awli differenti tal-Qorti Ġenerali.

85.      Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Intesa Sanpaolo vs UASI – MIP Metro (COMIT) (29), li fuqha jibbaża ruħu l-UASI, ir-Raba’ Awla tal‑Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 joħloq rimedju ġudizzjarju parallel għal dak imsemmi fl‑Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq analiżi partikolarment qasira li ser nirriproduċi (30):

“[…] l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 ma jillimitax […] id-dritt [tal-appellata li tikkontesta l-validità tad-deċizjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni] għall-motivi diġà mqajma fl-appell. Fil-fatt, huwa jipprovdi li t-talbiet jikkonċernaw punt mhux imqajjem fl-appell. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-fatt li l-appellata setgħet tippreżenta hija stess appell mid-deċiżjoni kkontestata. Iż-żewġ rimedji ġuridiċi jeżistu sabiex tiġi kkontestata d‑deċiżjoni li oppożizzjoni tiġi milqugħa u li tiċħad it-talba għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.”

86.      Din l-analiżi ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Meica vs UASI – Salumificio Fratelli Beretta (STICK MiniMINI Beretta) (31). Għalkemm dan jirriżulta minn eżami iktar iddettaljat tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 u jeżamina b’iktar reqqa l-artikolazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mar-rimedju msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, madankollu ma hinix konvint li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 jista’ jistabbilixxi, fil-formulazzjoni preżenti tiegħu, rimedju parallel.

87.      Fl-opinjoni tiegħi hemm diversi raġunijiet li jopponu dan, fosthom it-termini tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, l-istruttura li tifforma parti minnha jifforma din id-dispożizzjoni u l-assenza ta’ regoli u ta’ garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-partijiet.

88.      L-ewwel nett, il-portata u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 216/96 għandhom jiġu stabbiliti billi jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet previsti sabiex jiġi ppreżentat appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fil-kuntest tar-Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95.

89.      Ir-Regolament Nru 207/2009 jiddefinixxi, fit-Titolu VII tiegħu intitolat “Appelli”, il-prinċipji bażiċi applikabbli għall-appelli ppreżentati kontra, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni b’mod partikolari. L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r‑rekwiżiti ta’ terminu u proċedurali li għalihom hija suġġetta l-preżentata ta’ tali appell. L-appell għandu għalhekk jiġi ppreżentat bil-miktub f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni u jitqies ippreżentat biss wara l-ħlas tal-miżata tal-appell. Dawn il-prinċipji huma mfakkra fil-kuntest tal-formularju li l-appellanti jistgħu jużaw sabiex jippreżentaw l-appell tagħhom (32).

90.      Skont il-ħames premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 2868/95 jipprevedi r-regoli neċessarji għall-implementazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009. Fir-rigward tar‑regoli ta’ proċedura, huwa jissupplimenta, fit-Titolu X tiegħu, ir‑regoli relatati mal-introduzzjoni u mal-eżami ta’ appell.

91.      Għalhekk, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ terminu u proċedurali msemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni jispjega, fil-kuntest tar-Regola 49 tar-Regolament Nru 2868/95, li l-osservanza tagħhom hija mitluba taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell. Fir-rigward tal-miżata ta’ appell, huwa jippreċiża, barra minn hekk, li din għandha titħallas qabel ma jiskadi t‑terminu ta’ appell imsemmi fl-istess Artikolu 60, u fin-nuqqas l-appell jitqies li ma ġiex ippreżentat.

92.      Huwa f’din l-istruttura li jidħol ir-Regolament Nru 216/96. Skont is-sitt premessa tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan li “jissupplimenta” r-regoli ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 diġà adottati fir-Regolament Nru 2868/95, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-Bordijiet tal-Appell u r-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-eżami tal-appelli. L-għan tiegħu għalhekk ma huwiex li jissostitwixxi r-regoli stabbiliti mir‑Regolamenti Nri 207/2009 u 2868/95 u lanqas li joħloq lex specialis għall-appelli ppreżentati quddiem il-Bordijiet ta’ Appell tal‑UASI. Dan ma jkunx jagħmel sens peress li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, infakkar, jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura applikabbli għal tali appelli.

93.      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 216/96, intitolat “Twettiq tal‑proċedura”, jipprevedi għalhekk, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, ir-regoli applikabbli għall-iskambju ta’ noti quddiem il-Bord tal‑Appell, kemm jekk fil-każ tan-nota li tesponi l-motivi tal-appell, tal-osservazzjonijiet bħala risposta jew tar-replika jew il-kontroreplika.

94.      Għalhekk mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 216/96 jirriżulta li, “[f]il-proċeduri inter partes […], ir-riċevuta [in-nota] li tesponi r‑raġunijiet ta’ l-appell u l-osservazzjonijiet maħruġa bħala risposta jistgħu jkunu miżjuda minn risposta [replika] tal-persuna li tkun ressqet l-appell, imressqa mhux aktar tard minn xahrejn wara, li jibdew jgħoddu mid‑data meta ssir in-notifika ta’ l-osservazzjonijiet bħala risposta, u minn duplikat [kontroreplika] tal-parti tad-difiża, imressqa mhux aktar tard minn xahrejn wara, li jibdew jgħoddu mid-data meta ssir in-notifika bħala risposta”.

95.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni jispjega, fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir‑regolament — li l-portata tiegħu għandha tiġi eżaminata hawnhekk —, li “l-parti tad-difiża tista’, fl-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, tħejji konklużjonijiet [talbiet] maħsuba għall-annullament jew għal tibdil tad-deċiżjoni kontestata fuq punt mhux imqajjem waqt l-appell. Tali konklużjonijiet ma jkollhomx oġġett fil-każ li min iressaq l-appell jirtira”.

96.      Il-Qorti Ġenerali interpretat din id-dispożizzjoni bħala li tistabbilixxi, kif rajna, rimedju parallel, li jeżisti flimkien ma dak previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 u li jippermetti li l-konvenut jikkontesta d-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni tal-UASI billi jqajjem motivi ġodda permezz tal-osservazzjonijiet bħala risposta tiegħu, fil-kuntest ta’ appell prinċipali ippreżentat mir-rikorrent.

97.      Fis-sentenza tagħha Meica vs UASI – Salumificio Fratelli Beretta (STICK MiniMINI Beretta) (33), il-Qorti Ġenerali donnha tassimila impliċitament il-protata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 għal appell inċidentali. Fil-fatt, huwa jqabbel b’mod ċar din id-dispożizzjoni mal-“appell awtonomu” previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa “l-uniku appell li jippermetti li l-aggravji tar-rikorrent jiġu invokati” (34).

98.      Issa, tali appell inċidentali, bħall kull tip ieħor ta’ appell, ma jistax ikun ġie stabbilit bl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, u dan għal żewġ raġunijiet prinċipali.

99.      L-ewwel nett, għandi dubji dwar kemm regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni, li l-għan prinċipali tiegħu huwa, skont is-sitt premessa tiegħu, li jorganizza l-Bordijiet tal-Appell u l-proċedura orali, huwa l-kuntest xieraq għall-implementazzjoni ta’ appell ġdid, li sa dak iż-żmien ma kienx previst mir-regolamenti Komunitarji suċċessivi dwar it-trade marks.

100. It-tieni nett, u hawnhekk huwa l-element deċiżiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddefinixxiex ir-regoli u l-garanziji proċedurali li jirregolaw dan l-allegat appell, filwaqt li dawn jiġu sistematikament ippreċiżati b’kull rimedju ġuridiku eżistenti fid-dritt tal-Unjoni, inklużi l-appelli inċidentali (35).

101. Fil-fatt, huwa importanti li tiġi enfasizzata l-assenza, fir-Regolament Nru 216/96 – l-istess bħall-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Meica vs UASI – Salumificio Fratelli Beretta (STICK MiniMINI Beretta) (36) –, ta’ kull indikazzjoni dwar ir-regoli li għandhom neċessarjament jirregolaw il-preżentata ta’ appell, u b’mod partikolari dawk dwar il-forma li għandu jkollu l-appell, it-termini li fihom għandu jiġi ppreżentat u l-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jirrispondu għalih.

102. Għalkemm l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 216/96 jistabbilixxi it-terminu li fih ir-rikorrenti tista’ tippreżenta replika wara l-osservazzjonijiet bħala risposta magħmula mill-konvenuta, għandu jiġi osservat li mkien ma jissemma t-terminu li fih dawn l-osservazzjonijiet bħala risposta – li jinkludu eventwali rikors inċidentali – għandhom, fir-realtà, jiġu ppreżentati. Barra minn hekk, għalkemm din id-dispożizzjoni ssemmi r-regoli applikabbli għall-iskambju ta’ noti dwar ir-rikors prinċipali ippreżentat mir-rikorrenti, dan imkien ma jsemmi l-possibbiltà ta’ risposta għall-elementi l-ġodda li jinsabu fl-eventwali rikors inċidentali. It-termini tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament la jiggarantixxi, fl-opinjoni tiegħi, iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali li madankollu huma meħtieġa fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ rimedju ġudizzjarju (37), u ħafna inqas il-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet.

103. Jekk irridu niżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u r-rispett tad-drittijiet proċedurali ta’ kull parti, niżguraw li d-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji jiksbu karattru definittiv, u għalhekk nipproteġu l-interessi pubbliċi (38), huwa indispensabbli li dawn ir-regoli joħorġu mit-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni, jew billi jissemmew espressament jew permezz ta’ riferiment għal regoli proċedurali oħra.

104. Il-partijiet għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità li jkunu jafu r-regoli dwar il-forma u t-termini li fihom appell għandu jiġi ppreżentat sabiex tiġi ggarantita l-ammissibbiltà tiegħu u għandu jkollhom ukoll il-possibbiltà li jiskambjaw in-noti tagħhom sabiex jiżguraw id‑difiża tagħhom.

105. F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-Bord tal-Appell ta mingħajr restrizzjonijiet lil LG id-dritt li tibdel, permezz tal-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, il-portata tal‑proċedura mingħajr ma ppermetta li BSH tressaq osservazzjonijiet bħala risposta. Huwa wkoll paċifiku li BSH, billi ħallset waħedha l-miżata ta’ appell prevista fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, finalment iffinanzjat reformatio in peius, peress li l-Bord tal-Appell laqgħa t-talbiet ta’ LG.

106. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nistgħu leġittimament nistaqsu jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellux f’moħħu li jistabbilixxi, fil‑kuntest tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, rimedju ġudizzjarju ġdid, parallel mal-proċedura ta’ appell prevista fl‑Artikoli 58 et seq tar-Regolament Nru 207/2009.

107. L-ambizzjoni tiegħu kienet iktar modesta.

108. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 216/96 tippermetti biss li l-appellata tippreżenta punti ta’ fatt u ta’ liġi ġodda fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fil-kuntest tal-appell prinċipali, jiġifieri fil-limiti tal-appell ippreżentat b’mod prinċipali mill-appellanta skont l‑Artikolu 60 tar‑Regolament Nru 207/2009.

109. Meta l-appell prinċipali jirrigwarda biss parti mill-prodotti jew mis-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, kif inhu l-każ f’din il-kawża, dan l-appell jawtorizza lill-Bord tal-Appell tal-UASI sabiex jipproċedi għal eżami ġdid dwar il‑mertu tal-oppożizzjoni, iżda biss fir-rigward ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi (39).

110. Meta l-appellata tippreżenta appell inċidentali f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, li s-suġġett tiegħu jmur lil hinn ferm mil-limiti stabbiliti fl-appell prinċipali, hija manifestament tikser ir‑regoli ta’ proċedura.

111. Fil-fatt, tali appell għandu neċessarjament jiġi ppreżentat fit‑terminu u fil-forma preskritti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009.

112. Infakkar li, skont dan l-artikolu, l-appellata għandha terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex tippreżenta l-appell tagħha u għandha, barra minn hekk, tħallas miżata ta’ appell.

113. It-terminu ta’ xahrejn huwa ta’ ordni pubbliku. Għandu jippermetti li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jiksbu natura definittiva meta ma jiġux ikkontestati, biex b’dan il-mod tiġi żgurata ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u jiġu protetti, barra minn hekk, l-interessi pubbliċi (40).

114. La darba t-terminu msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 jiskadi, ma jibqax iktar possibbli li l-portata tal-appell tiġi estiża lil hinn minn dak li ġie ddefinit fil-kuntest tal-appell prinċipali. Il-Bord tal-Appell ma jistax għalhekk jipproċedi b’eżami ġdid tal-mertu tal-oppożizzjoni fir-rigward tal‑prodotti msemmija fil‑kuntest tal-appell tal-appellata, peress li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tkun, f’dan l-istadju, kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

115. Issa, f’din il-kawża, LG ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta, li permezz tagħhom hija talbet, barra minn hekk, ir‑reviżjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir-rigward ta’ prodotti fil-klassijiet 7, 9 u 11, fil-31 ta’ Ottubru 2012, minkejja li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġiet innotifikata lilha fit-3 ta’ Mejju 2012. Barra minn hekk, LG ma ħallset l-ebda miżata ta’ appell.

116. Skont ir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal‑Appell kellu jiċħad l-appell bħala inammissibbli peress li ma kien jissodisfa l-ebda rekwiżit stipulat fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009.

117. Il-Bord tal-Appell kien biss adit mill-appell ippreżentat minn BSH kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, inkwantu din kienet laqgħet l-oppożizzjoni u kienet ċaħdet l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ apparat elettriku ta’ tindif għall-użu tax‑xogħol tad-dar, inkluż l-apparat li jiġbed it-trab u l-apparat li jiġbed l‑iskart niexef u umidu, fil-klassi 7.

118. Billi laqa’ l-appell ippreżentat minn LG u billi laqa’ t-talbiet ta’ din tal‑aħħar, il-Bord tal-Appell għalhekk kiser id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija.

119. Id-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi annullata minħabba din ir-raġuni.

120. Huwa b’mod sussidjarju li ser neżamina l-aggravju bbażat fuq il‑ksur tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

B –    Fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ kontradittorju

121. F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-osservazzjonijiet bħala risposta mibgħuta minn LG kienu jikkostitwixxu ferm iktar minn sempliċi motivi ta’ difiża sa fejn dawn kienu wessgħu b’mod sinjifikattiv is-suġġett tal-kawża. Din hija r-raġuni li għaliha l-Bord tal‑Appell interpreta l-argumenti fl-osservazzjonijiet bħala risposta ta’ LG bħala “appell inċidentali” bbażat fuq l-Artikolu 8(3) tar‑Regolament Nru 216/96.

122. Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell laqa’ parzjalment l‑appell inċidentali, mingħajr madankollu, ma talab, preċedentement, l‑osservazzjonijiet ta’ BSH.

123. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-UASI kkonferma l-eżistenza ta’ żball proċedurali li jivvizzja l-legalità tad‑deċiżjoni kkontestata inkwantu l-proċedura bil-miktub ingħalqet wara l-preżentata tal-appell inċidentali ta’ LG, u dan mingħajr is-smigħ minn qabel ta’ BSH.

124. Il-fatti ta’ din il-kawża juru b’mod ċar li l-Bord tal-Appell ma silitx l-konsegwenzi kollha li kienu imposti bil-preżentata ta’ appell li huwa stess ikklassifika bħala “inċidentali”. Fil-fatt, huwa naqas milli joffri lill-applikanta l-garanzija proċedurali marbuta mal-preżentata ta’ tali azzjoni, u b’dan il-mod kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li ma ppermettilhiex, f’dan l-istadju tal-proċedura, li tirrispondi għall‑argumenti ġodda msemmija mill-persuna li qed topponi.

125. Billi għamel dan, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 63(2) u t‑tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

126. Skont l-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament, il-Bord tal-Appell tal-UASI huwa, fil-fatt, obbligat, waqt l-eżami tal-appell, jistieden lill‑partijiet, hekk spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw, f’terminu li huwa jistabbilixxi, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il‑komunikazzjonijiet li huwa jindirizza fil-konfront tagħhom jew dwar il-komunikazzjonijiet li jsiru minn partijiet oħra.

127. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tal‑imsemmi regolament, il-Bord tal-Appell tal-UASI jista’ jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq raġunijiet li dwarhom il-partijiet kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

128. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dawn id‑dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jissodisfaw, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta, u b’mod partikolari dawk previsti fil-kuntest tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża msemmija fil‑paragrafu (2)(a) ta’ dan l-artikolu (41).

129. Huma jistabbilixxu, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ u l‑osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (42).

130. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu osservati fil-kuntest ta’ kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ persuna (43), u dan anki fl-assenza ta’ regolament speċifiku.

131. Id-dritt għal smigħ jimplika li din il-persuna għandha tingħata l‑possibbiltà li tesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha u dan ikopri l‑punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali (44).

132. Il-prinċipju ta’ kontradittorju jimplika, minn naħa tiegħu, id-dritt li kull parti f’kawża ssir taf bil‑provi u bl‑osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill‑avversarju tagħha, u li tiddiskutihom (45). Huwa għalhekk jipprekludi lil awtorità milli tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u fuq dokumenti li fir-rigward tagħhom waħda mill-partijiet ma setgħetx tikseb konjizzjoni u li dwarhom għalhekk ma ngħatax il-possibbiltà li tieħu pożizzjoni.

133. L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji timplika d-diskussjoni minn qabel ta’ kull punt li fuqu awtorità jew qorti adita bi proċedura tkun ser tibbaża d-deċiżjoni tagħha. L-UASI għalhekk jista’ jibbaża d‑deċiżjonijiet tiegħu biss fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li fuqhom il‑partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-deċiżjoni ta’ kawża tingħata neċessarjament wara evalwazzjoni mill-awtorità jew mill-qorti, li tista’ biss tiġi approfondita jew imsaħħa, jew jekk ikun il-każ, kontradetta mill-osservazzjonijiet tal‑partijiet. Dan jippermetti, minn naħa, li l-awtorità jew il‑qorti tiddeċiedi b’imparzjalità u b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, fil‑fatt u fid-dritt. Għall-parti li titlef, l-impossibbiltà li setgħet issostni l‑osservazzjonijiet tagħha tista’ leġittimament tagħtiha l-impressjoni, għaliex hija ma setgħetx tiddefendi ruħha, li l-qorti kienet l-allejat tal‑avversarju tagħha. Min-naħa l-oħra, dan jippermetti lill-awtorità jew lill-qorti tadotta motivazzjoni fil-forma korretta u xierqa, kif jirriżulta mill-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

134. L-osservanza ta’ dawn ir-regoli hija iktar u iktar importanti fil‑kuntest tal-kawżi tat-trade mark Komunitarja peress li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Bord tal-Appell tal-UASI, permezz tal-appell ippreżentat quddiemu, huwa mitlub iwettaq eżami komplet ġdid tal-mertu tal‑oppożizzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (46).

135. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-UASI huwa obbligat jeżerċita l‑kompetenzi tagħha skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (47).

136. Barra minn hekk, fid-direttivi relatati mal-eżami magħmul mill‑UASI, Parti A, Taqsima 2 (“Prinċipji ġenerali li għandhom jiġu osservati fil-proċeduri”), punt 2 (“Id-dritt għal smigħ”), huwa ppreċiżat li, “skont il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, persuna li l-interessi tagħha huma affettwati minn deċiżjoni tal‑awtoritajiet pubbliċi għandha tingħata l-possibbiltà li turi l‑perspettiva tagħha. Konsegwentement, fil-proċeduri kollha quddiem l‑[UASI], il-partijiet dejjem jingħataw il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni u li jqajmu l-motivi għad-difiża tagħhom”. Jiġi wkoll stipulat li “d-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew provi li fir-rigward tagħhom il‑partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni”.

137. Id-direttivi relatati mal-proċeduri quddiem l-UASI jikkostitwixxu, minn naħa tagħhom, il-kodifikazzjoni ta’ linja ta’ mġiba li l-UASI stess jipproponi li jadotta, b’tali mod li, sakemm dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt ta’ livell ogħla, dawn jirriżultaw f’“awtolimitazzjoni” tal-UASI, inkwantu huwa dan tal-aħħar li għandu jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-regoli li huwa impona fuqu stess.

138. Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, inqis li l-Bord tal‑Appell kiser id-dritt għal smigħ ta’ BSH kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju billi rreveda d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni abbażi ta’ punti li ma ġewx dibattuti, u għalhekk ikkawża preġudizzju għall-interessi tagħha.

139. Għalhekk nikkonkludi li hemm ksur tal-Artikolu 63(2) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

140. Dan il-ksur tar-regoli ta’ proċedura huwa iktar u iktar ta’ sfortuna għaliex il-punti msemmija minn LG kienu manifestament deċiżivi għall‑għeluq tal-proċedura, peress li l-Bord tal-Appell laqa’ parzjalment it-talba tagħha, billi rreveda d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, b’tali mod li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “compressor technology” magħmula minn BSH ġiet miċħuda b’mod iktar wiesa’.

141. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-UASI insista dwar il-fatt li dan l-iżball proċedurali kien issa “ġie rrimedjat” peress li BSH kellha, matul sentejn, il-possibbiltà li ssostni l-ksur tad-drittijiet tagħha matul il-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura li saret quddiem il-Qorti Ġenerali.

142. L-ewwel nett, dan l-argument ġej minn konċepiment stramb tal‑kunċett ta’ rimedju.

143. Id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati fil-kuntest ta’ kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk tkun amministrattiva jew ġudizzjarja, li taffettwa b’mod sinjifikattiv l‑interessi ta’ persuna (48), u l-UASI tirrikonoxxi dan espressament fid‑direttivi tagħha. Għalhekk l-UASI ma jistax jiġġustifika lilu nnifsu b’mod raġonevoli billi jikkunsidra li d-dritt għal smigħ ser jiġi rrispettat quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

144. Tali rimedju kien jitlob li l-Bord tal-Appell jqiegħed l-elementi l‑ġodda għad-diskussjoni tal-partijiet, jekk ikun il-każ, billi jerġa’ jiftaħ id‑dibattiti.

145. It-tieni nett, dan l-argument ġej għal darb’oħra minn konfużjoni bejn il-garanziji proċedurali li għandhom jiġu offruti meta jiġi ppreżentat appell inċidentali minn parti u dawk li jinsabu fil-kuntest ta’ sempliċi skambju ta’ noti.

146. Fil-fatt, meta l-appellata tippreżenta appell jew appell inċidentali, ir-regoli ta’ proċedura jipprevedu awtomatikament skambju ġdid ta’ noti. Għall-kuntrarju, meta hija tissottometti sempliċi osservazzjonijiet bħala risposta, hija effettivament l-appellanta li għandha titlob, wara li tagħti l-motivazzjoni, l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta replika.

147. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kellu, skont l-Artikolu 63(2) tar‑Regolament Nru 207/2009, jistieden espliċitament lil BSH sabiex tifformula osservazzjonijiet dwar l-appell inċidentali ppreżentat minn LG.

148. Fid-dawl ta’ dawn l-element kollha, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata wkoll minħabba ksur tad-dritt għal smigħ ta’ BSH u tal-prinċipju ta’ kontradittorju, kif stabbiliti fl-Artikolu 63(2) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

VII – Fuq l-ispejjeż

149. Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l‑Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq is-sentenza.

150. F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li s-sentenza appellata tiġi annullata, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l‑appell ta’ BSH u tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, nipproponi li l-UASI jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn BSH kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

VIII – Konklużjoni

151. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Diċembru 2014, BSH vs UASI – LG Electronics (COMPRESSOR TECHNOLOGY) (T‑595/13, EU:T:2014:1023) hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-5 ta’ Settembru 2013 (Każ R 1176/2012‑1) kif emendata bid-deċiżjoni ta’ rettifika tat-3 ta’ Diċembru 2013, hija annullata.

3)      L-UASI huwa kkundannat ibati l-ispejjeż li jirrigwardaw kemm il-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll l-appell.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Iktar ’il quddiem “LG” jew il-“parti li qed topponi”.


3 – Iktar ’il quddiem “BSH” jew l-“applikanta”.


4 – T‑595/13, EU:T:2014:1023, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004, tas-6 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 183M p. 345, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 216/96”).


6 – ĠU L 78, p. 1.


7 – Każ R 1176/2012‑1. Deċiżjoni kif emendata bid-deċiżjoni ta’ rettifika tat-3 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146.


9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189.


10 – Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall‑finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.


11 – Ara l-lista kompleta tal-prodotti kkonċernati fil-punt 3 tas-sentenza appellata.


12 – Sentenza UASI vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 55).


13 – Ara l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


14 – Ara l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


15 – Digriet ISAE/VP u Interdata vs Il-Kummissjoni (C‑130/91, EU:C:1992:7, punt 11).


16 – Sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 35) u Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni (C‑417/04 P, EU:C:2006:282, punt 36).


17 – Sentenzi Politi vs ETF (C‑154/99 P, EU:C:2000:354, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 40).


19 – Din id-definizzjoni ġiet meħuda minn J. Rideau, “Recours en annulation”, Jurisclasseur Europe, 2008, Parti 331, punt 22.


20 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Solvay (C‑287/95 P u C‑288/95 P, EU:C:2000:189, punt 55).


21 – Sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni (C‑227/92 P, EU:C:1999:360, punt 72).


22 – Sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 56 u l‑ġurisprudenza ċċitata) u d-digriet Planet vs Il-Kummissjoni (T‑320/09, EU:T:2011:172, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


24 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 35).


25 – T‑84/08, EU:T:2011:144, punt 23.


26 – Infakkar li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġiet innotifikata fit-3 ta’ Mejju 2012.


27 – Deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Awwissu 2012, Zoo sport, punt 10 (“cross-appeal”).


28 – Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU L 341, p. 21).


29 – T‑84/08, EU:T:2011:144.


30 – Punt 23.


31 – T‑247/14, EU:T:2016:64. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-rikorrenti, inkwantu konvenuta, kienet għamlet, fl-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta magħmula abbażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, talbiet intiżi għat-tibdil tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Il-Bord tal-Appell, bil-kontra ta’ dak li ddeċieda f’dan il-każ, kien iddikjara li dawn it-talbiet kienu inammissibbli minħabba li dawn kienu jwessgħu l-kamp tal-appell u ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009.


32 – Dan il-formularju huwa disponibbli fis-sit internet tal-UASI.


33 – T‑247/14, EU:T:2016:64.


34 – Punti 22 u 24.


35 – Ara, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja previsti fit-TitoluV fil-kuntest tal-Kapitolu III intitolat “FUQ IL-FORMA, IL-KONTENUT U T-TALBIET TAL-APPELL INĊIDENTALI” u tal-Kapitolu IV intitolat “FUQ IN-NOTI SUSSEGWENTI GĦALL-APPELL INĊIDENTALI” (Artikoli 176 sa 180).


36 – T‑247/14, EU:T:2016:64.


37 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Moussis vs Il‑Kummissjoni (227/83, EU:C:1984:276, punt 12) kif ukoll Barcella et vs Il-Kummissjoni (191/84, EU:C:1986:197, point 12).


38 – Sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 – Sentenza Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL) (T‑504/09, EU:T:2011:739, punt 54).


40 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.


41 – Sentenzi Moonich Produktkonzepte & Realisierung vs UASI – Thermofilm Australia (HEATSTRIP) (T‑184/12, EU:T:2014:621, punti 35 sa 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata) u DTL Corporación vs UASI – Vallejo Rosell (Generia) (T‑176/13, EU:T:2014:1028, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 25 u 26).


42 – Sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 61).


43 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C-89/08 P, EU:C:2009:742, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44 – Digriet DTL Corporación vs UASI (C‑62/15 P, EU:C:2015:568, punt 45 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


45 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 52 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


46 – Digriet DTL Corporación vs UASI (C‑62/15 P, EU:C:2015:568, punt 35 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, wara l-eżami dwar l-ammissibbiltà tal-appell, il-Bord tal-Appell tal-UASI għandu jiddeċiedi l-appell u li, meta jagħmel dan, huwa jista’, b’mod partikolari, “jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartimenti li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata”, jiġifieri li huwa jista’ jiddeċiedi hu stess dwar l-oppożizzjoni billi jiċħadha jew jiddikjaraha fondata, u b’hekk jikkonferma jew jannulla d-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza quddiem l-UASI [sentenza DTL Corporación vs UASI – Vallejo Rosell (Generia), T‑176/13, EU:T:2014:1028, punt 30].


47 – Sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 73).


48 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 50 u l‑ġurisprudenza ċċitata).