Language of document : ECLI:EU:T:2013:292

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Rikors għal annullament — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo — Ċaħda ta’ offerta minn offerent — Assenza ta’ locus standi tal-konvenuta — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑213/12,

Elitaliana SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn R. Colagrande, avukat,

rikorrenti,

vs

Eulex Kosovo, stabbilita f’Pristina (Kosovo), irrappreżentata minn G. Brosadola Pontotti, solicitor,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża, minn naħa, għall-annullament tal-miżuri adottati minn Eulex Kosovo fil-kuntest tal-għoti lil offerenti ieħor tal-kuntratt pubbliku intitolat “EuropeAid/131516/D/SER/XK – Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex fil-Kosovo (PROC/272/11)” u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna ta’ Eulex Kosovo għar-riżarċiment tad-danni subiti minħabba li l-imsemmi kuntratt ma ingħatax lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK, tal-4 ta’ Frar 2008, dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 42, p. 92). Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dik l-azzjoni konġunta, Eulex Kosovo għandha tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo, lil awtoritajiet ġudizzjarji u lil aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-progress tagħhom lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà u fl-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri ta’ sistema ġudizzjarja multi-etnika indipendenti u servizz tal-pulizija u tad-dwana multi-etniku, filwaqt li jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet huma ħielsa minn interferenzi politiċi u jaderixxu mal-istandards rikonoxxuti fl-ambitu internazzjonali u l-aħjar prattika Ewropea.

2        Fit-18 ta’ Ottubru 2011, ġie ppubblikat fis-suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż ta’ kuntratt ristrett li jikkonċerna proġett intitolat “Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex fil-Kosovo”, intiż sabiex jiġi konkluż kuntratt ta’ servizz (ĠU 2011/S 200-324817), taħt ir-referenza EuropeAid/131516/D/SER/XK. Dan l-avviż kien jinkludi l-frażi li ġejja: “Awtorità kontraenti: il-kap tal-Eulex Kosovo, Pristina, Kosovo”.

3        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2011, li magħha kien hemm annessi b’mod partikolari l-istruzzjonijiet għall-offerenti, il-kap tal-Eulex Kosovo stieden lir-rikorrenti, Elitaliana SpA, kumpannija Taljana li l-qasam tal-attività tagħha huwa relatat mas-servizzi bil-ħelikopter li hija tipprovdi lill-entitajiet pubbliċi, sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti ristretta.

4        Ir-rikorrenti ppreżentat offerta fil-kuntest tal-proċedura suesposta.

5        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2012, id-Direttur tal-amministrazzjoni u tas-servizzi ta’ appoġġ tal-Eulex Kosovo informa lir-rikorrenti bil-fatt li l-offerta tagħha kienet ġiet ikklassifikata fit-tieni post.

6        Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 2012, ir-rikorrenti talbet lil Eulex Kosovo li tingħata aċċess għal ċerti dokumenti ppreżentati mill-offerent li l-offerta tiegħu ġiet ikklassifikata fl-ewwel post. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 2012, il-kap tal-Eulex Kosovo irrifjuta li jagħti l-aċċess għal dawk id-dokumenti.

7        Fl-24 ta’ April 2012, il-kap tal-Eulex Kosovo kkonċeda l-kuntratt inkwistjoni lill-offerent li l-offerta tiegħu ġiet ikklassifikata fl-ewwel post.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors kontra Eulex Kosovo u Starlite Aviation Operations.

9        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ippreżenta talba għal miżuri provviżorji, li permezz tagħha hija talbet lill-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ Eulex Kosovo li tiċħad l-offerta li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni u li tikkonċedi dak il-kuntratt lil offerent ieħor u, konsegwentement, li tipprekludi lil Eulex Kosovo milli tipproċedi bil-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni jew, jekk dan diġà sar, milli tagħti bidu għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u li tadotta kwalunkwe miżura kawtelatorja oħra iktar adatta.

10      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2012, Elitaliana vs Eulex Kosovo u Starlite Aviation Operations (T‑213/12), ir-rikors ġie miċħud sa fejn dan kien dirett kontra Starlite Aviation Operations.

11      B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Settembru 2012, Elitaliana vs Eulex Kosovo (T‑213/12 R), it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

12      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2012, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

13      Fit-28 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

14      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-miżuri adottati minn Eulex Kosovo fil-kuntest tal-għoti lil offerent ieħor tal-kuntratt pubbliku intitolat “EuropeAid/131516/D/SER/XK – Appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex fil-Kosovo (PROC/272/11)”, li ġiet ikkomunikata lilha minn Eulex Kosovo permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2012, kif ukoll kull att ieħor anness magħhom u, b’mod partikolari, in-nota tas-17 ta’ April 2012 li permezz tagħha Eulex Kosovo irrifjutat li tagħtiha l-aċċess għad-dokumenti mitluba;

–        tikkundanna lil Eulex Kosovo għar-riżarċiment tad-danni subiti minħabba li hija ma ngħatatx l-imsemmi kuntratt;

–        tikkundanna lil Eulex Kosovo għall-ispejjeż.

15      Fl-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà, Eulex Kosovo titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

16      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jitlob lil Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        fi kwalunkwe każ, tipproċedi bin-notifika tal-kawża lill-istituzzjoni kkunsidrata bħala konvenuta.

 Id-dritt

17      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu. Skont il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hija adita b’mod suffiċjenti mill-atti tal-proċess u li ma hemmx lok għall-ftuħ tal-proċedura orali.

18      Insostenn tal-konklużjonijiet tagħha, minn naħa, Eulex Kosovo, issostni li hija ma għandhiex locus standi sabiex tkun il-konvenuta fil-kawża odjerna peress li hija ma tgawdix mill-istatus ta’ entità indipendenti. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti fir-rigward tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

19      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk Eulex Kosovo għadhiex locus standi sabiex tkun konvenuta, hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE l-azzjoni għal annullament hija disponibbli kontra atti ta’ ċerti istituzzjonijiet elenkati, iżda wkoll, b’mod iktar wiesgħa, kontra dawk adottati minn entitajiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea, meta dawn ikunu intiżi li jipproduċu effetti legali obbligatorji.

20      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni għandu jinkludi d-dettalji tal-parti li kontriha huwa indirizzat ir-rikors.

21      Skont ir-rikorrenti, Eulex Kosovo għandha l-locus standi sabiex tkun konvenuta, peress li hija tikkostitwixxi entità jew korp tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

22      F’dan ir-rigward, f’dak li għandu x’jaqsam mal-istatus ġuridiku ta’ Eulex Kosovo, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, Eulex Kosovo inħolqot mill-Unjoni bħala missjoni “għall-Istat tad-Dritt” fil-Kosovo.

23      L-Artikolu 6 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 tiddetermina l-istruttura ta’ Eulex Kosovo. Għalhekk il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li din tal-aħħar hija missjoni ta’ politika Ewropea ta’ sigurtà u ta’ difiża (PESD) unifikata fil-Kosovo. Skont il-paragrafu 2 tiegħu, Eulex Kosovo għandha tistabbilixxi l-Kwartieri Ġenerali prinċipali tagħha u uffiċċji reġjonali u lokali fil-Kosovo, element ta’ appoġġ fi Brussell (Il-Belġju) u uffiċċji ta’ kollegament, kif meħtieġ. Skont il-paragrafu 3 tiegħu, Eulex Kosovo għandha tkun ikkostitwita minn kap tal-missjoni u minn persunal kif ukoll minn komponenti tal-pulizija, komponenti ġudizzjarji u komponenti doganali.

24      Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta’ Eulex Kosovo, li, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat politiku u ta’ sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ Eulex Kosovo fil-livell strateġiku. Skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu, huwa għandu jiżgura implementazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, anki billi jagħti istruzzjonijiet, fil-livell strateġiku, kif meħtieġ, lill-kap tal-missjoni u billi jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

25      L-Artikolu 11 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jippreżenta l-linja ta’ kmand ta’ Eulex Kosovo. Skont il-paragrafu 2 tiegħu, il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ Eulex Kosovo. Skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dak l-artikolu, il-kmandant tal-operazzjoni ċivili, li huwa l-kmandant fil-livell strateġiku ta’ Eulex Kosovo, għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ. Il-paragrafu 5 ta’ dik id-dispożizzjoni tiddikjara li l-kap tal-missjoni għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta’ Eulex Kosovo fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-kmandant tal-operazzjoni ċivili.

26      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet suesposti, Eulex Kosovo ma għandhiex personalità ġuridika u ma huwiex previst li hija tista’ tkun parti fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, din hija missjoni, jiġifieri sempliċi azzjoni, li l-perijodu operattiv tagħha kien limitat inizjalment sal-14 ta’ Ġunju 2010, skont l-Artikolu 20 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK (ĠU L 148, p. 33), u li ġiet emendata u estiża, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, sal-14 ta’ Ġunju 2012 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK, tat-8 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 145, p. 13). Issa, il-Qorti Ġenerali diġà stabbilixxiet li, f’tali każ, missjoni ma tistax titqies li hija entità jew korp tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Lulju 2010, H vs Il-Kunsill et, T‑271/10 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 19 u 20). Isegwi li Eulex Kosovo ma tikkostitwixxix tali entità jew korp.

27      Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li r-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tal-miżuri adottati minn Eulex Kosovo fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri, essenzjalment, il-miżuri li jiċħdu l-offerta li r-rikorrenti ppreżentat fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni u li jagħtu dan il-kuntratt lil offerent ieħor, kif ukoll kwalunkwe att ieħor ko-anness magħhom u, b’mod partikolari, in-nota tas-17 ta’ April 2012 li tiċħad li tagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

28      Għalkemm dawn il-miżuri ġew adottati mill-kap ta’ Eulex Kosovo u mid-direttur tal-amministrazzjoni u tas-servizzi ta’ appoġġ ta’ Eulex Kosovo (ara l-punti 5 sa 7 iktar ʼil fuq), dawn huma imputabbli biss lill-kap ta’ Eulex Kosovo. Fil-fatt, huwa dan tal-aħħar li jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-persunal kif ukoll ir-responsabbiltà amministrattiva u loġistika, skont l-Artikolu 8(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124.

29      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-miżuri adottati fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratti inkwistjoni, jiġifieri, essenzjalment, iċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti, l-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor kif ukoll ir-rifjut li jingħata aċċess għad-dokumenti mitluba, kienu jifformaw parti mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni. Skont l-Artikolu 8(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, huwa l-kap tal-missjoni li huwa responsabbli għal din il-ġestjoni.

30      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-miżuri adottati fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni jikkonċernaw il-baġit ta’ Eulex Kosovo.

31      Issa, skont l-Artikolu 16(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, l-ispejjeż kollha għandhom jiġu amministrati b’mod konformi mar-regoli u l-proċeduri Komunitarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 8(5) ta’ dik l-azzjoni konġunta, il-kap tal-missjoni huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-baġit ta’ Eulex Kosovo u għandu jiffirma, għal dan l-iskop, kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea. Kif jirriżulta mill-proċess, il-kap ta’ Eulex Kosovo ffirma tali kuntratt mal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddelegat ċerti kompiti ta’ eżekuzzjoni tal-baġit ta’ Eulex Kosovo lil kap ta’ Eulex Kosovo, kif previst mill-Artikolu 54(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat.

32      Din id-delega hija riflessa b’mod partikolari fl-Artikolu 16(3) u (4) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 relatat mad-dispożizzjonijiet finanzjarji. Fil-fatt, skont il-paragrafu 3, il-kap tal-missjoni jista’ jikkonkludi atti ta’ ftehim tekniċi li jirrigwardaw il-provvista ta’ tagħmir, ta’ servizzi jew ta’ postijiet għal Eulex Kosovo iżda biss b’riżerva għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Il-paragrafu 4 jipprovdi li l-kap tal-missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni għall-attivitajiet ġestiti fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu, li din tal-aħħar tiżgura s-sorveljanza tiegħu.

33      Jeħtieġ li jitfakkar li l-atti adottati bis-saħħa tas-setgħat delegati jiġu normalment imputati lill-istituzzjoni deleganti, li għandha tiddefendi ġudizzjarjament l-att inkwistjoni (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ġunju 2012, Elti vs Id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, T‑395/11, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-atti adottati mill-kap ta’ Eulex Kosovo fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni huma imputabbli lill-Kummissjoni li għandha l-locus standi skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, dawn l-atti jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ġenerali, invokat mir-rikorrenti, li l-atti kollha li jirriżultaw minn istituzzjoni, entità jew korp tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi għandhom ikunu jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 24, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER, T‑411/06, Ġabra p. II‑2771, punt 37).

35      Konsegwentement, Eulex Kosovo ma għandhiex locus standi sabiex tkun konvenuta.

36      Dik il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata la mill-Artikolu 8(7) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, li jistabbilixxi li l-kap tal-missjoni għandu jirrappreżenta lil Eulex Kosovo fil-qasam tal-operazzjonijiet u għandu il-viżibbiltà adegwata ta’ Eulex Kosovo, u lanqas mill-Artikolu 16(3) ta’ dik l-azzjoni konġunta li jistabbilixxi li , suġġett għall-approvazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista’ jidħol f’arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, ma’ Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħrajn li jkunu bbażati fil-Kosovo, fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u postijiet lil Eulex Kosovo. Fil-fatt, dawk id-dispożizzjonijiet jagħtu biss setgħat limitati lill-kap tal-missjoni. Filwaqt li, skont l-imsemmi Artikolu 8(7), huwa awtorizzat li jirrappreżenta dik il-missjoni fil-qasam tal-operazzjonijiet, l-imsemmi Artikolu 16(3) jagħtih biss kapaċità ġuridika limitata b’mod strett mill-perspettiva materjali. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi mfakkar li din l-aħħar dispożizzjoni pjuttost tikkonferma l-fatt li l-atti adottati mill-kap ta’ Eulex Kosovo fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni huma imputabbli lill-Kummissjoni (ara l-punti 29 sa 34 iktar ʼil fuq).

37      F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jikkonċerna l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), li Eulex Kosovo, bħala entità taħt id-dritt pubbliku fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, tikkostitwixxi korp jew entità tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(9)(b) ta’ dik id-direttiva, entità taħt id-dritt pubbliku, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu jkollha personalità ġuridika. Issa, kif ġie diġà kkonstatat (ara l-punt 26 iktar ʼil fuq), Eulex Kosovo ma għandhiex personalità ġuridika u għaldaqstant ma tistax tikkostitwixxi entità taħt id-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

38      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni sussidjarjament li, f’każ li Eulex Kosovo ma għandhiex il-locus standi sabiex tkun konvenuta, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tista’ tidentifika l-parti li fil-konfront tagħha tista’ tinfetaħ il-kawża. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi l-indikazzjoni fir-rikors, bi żball, ta’ parti konvenuta minflok dik tal-awtur tal-att ikkontestat ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors, jekk dan tal-aħħar ikun jinkludi elementi li jippermettu l-identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-parti li tkun indirizzata mir-rikors, bħall-indikazzjoni tal-att ikkontestat u l-awtur tiegħu. Skont din il-ġurisprudenza, f’tali każ, jeħtieġ li jitqies li huwa konvenut l-awtur tal-att ikkontestat, anki jekk dan ma jkunx issemma fil-parti introduttiva tar-rikors (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 2006, Aisne u Nature vs Il-Kummissjoni, T‑173/06, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Issa, madankollu, din il-ġurisprudenza bl-ebda mod ma hija applikabbli għal każ odjern. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-indikazzjoni ta’ Eulex Kosovo fir-rikors ma tikkostitwixxix żball min-naħa tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, mill-kontenut tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tippreżenta r-rikors espressament kontra Eulex Kosovo li, skont ir-rikorrenti, tikkostitwixxi entità jew korp tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fatt, li barra minn hekk, ġie kkonfermat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li r-rikors jindika l-atti kkontestati, dan ma jinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat mingħajr ambigwità li r-rikors ġie ppreżentat kontra entità oħra li ma hijiex Eulex Kosovo. Għall-kuntrarju għal dak li tallega r-rikorrenti, f’tali sitwazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tidentifika l-parti li kellha tiġi indirizzata mir-rikors bil-għan li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura.

40      Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali għandha tagħtiha l-benefiċċju tal-iżball skużabbli u tinvoka f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali żball jekk l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir ta’ natura, li waħdu jew f’miżura determinanti joħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu ta’ bona fide u li juri d-diliġenza kollha mitluba minn operatur ta’ esperjenza raġonevoli (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Ottubru 1977, Schertzer vs Il-Parlament, 25/68, Ġabra p. 1729, punt 19, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 1995, Cobrecaf et vs Il-Kummissjoni, T‑514/93, Ġabra p. II‑621, punt 40).

41      Huwa veru li l-avviż tal-kuntratt kien jindika l-kap ta’ Eulex Kosovo bħala l-awtorità kontraenti li quddiemha kellha titressaq l-offerta. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, kienu l-kap ta’ Eulex Kosovo jew id-direttur tal-amministrazzjoni u tas-servizzi ta’ appoġġ ta’ Eulex Kosovo li aġixxew fil-konfront tar-rikorrenti. Addizzjonalment, jeħtieġ li jiġi rrilevat li la l-avviż tal-kuntratt u lanqas l-ittri indirizzati mill-kap ta’ Eulex Kosovo jew l-imsemmi direttur ma kienu jindikaw kontra min kellu jiġi ppreżentat rikors eventwali sabiex jiġu kkontestati l-miżuri adottati fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. F’dawk iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tas-sitwazzjoni ġuridika kumplessa li tirregola r-relazzjoni f’dik il-proċedura bejn Eulex Kosovo u l-kap tagħha, minn naħa, u l-Kummissjoni u l-Kunsill, min-naħa l-oħra, kien inkontestabbilment diffiċli għar-rikorrenti li tidentifika l-parti li kienet responsabbli għall-miżuri inkwistjoni u li kellha l-locus standi sabiex tkun konvenuta.

42      Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar li l-eżistenza ta’ żball skużabbli tista’, skont il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, (ara l-punt 40 iktar ʼil fuq), tirriżulta biss fil-konsegwenza li r-rikors ma jkollux jiġi miċħud minħabba t-tardività tiegħu. Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti osservat it-terminu tar-rikors. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fl-ebda mument ma ppreżentat rikors kontra xi parti oħra li ma hijiex Eulex Kosovo, iżda li hija sempliċiment talbet lill-Qorti Ġenerali tidentifika l-parti konvenuta li kontra tagħha kellu jiġi ppreżentat dan ir-rikors sabiex dan ikun ammissibbli.

43      Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti ġiet informata li rikors eventwali li jikkontesta l-miżuri adottati fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kellu jiġi ppreżentat kontra Eulex Kosovo. Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi kkonstatat li mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti ppreżentat ir-rikors tagħha kontra Eulex Kosovo billi kkunsidrat li din tal-aħħar kienet tikkostitwixxi entità jew korp tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Issa fid-dawl tan-natura suffiċjentement ċara tad-dispożizzjonijiet tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 imsemmija fil-punti 22 sa 36 iktar ʼil fuq u tal-ġurisprudenza li kienet teżisti fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti setgħet, minkejja d-diffikultà indikata fil-punt 41 iktar ʼil fuq, ma twettaqx l-iżball li tikkunsidra li Eulex Kosovo tikkostitwixxi tali entità jew korp. Għaldaqstant, dan l-iżball ma huwiex skużabbli.

44      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq żball skużabbli għandu jinċaħad.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, minħabba nuqqas ta’ locus standi ta’ Eulex Kosovo, ir-rikors ippreżentat kontra din tal-aħħar mir-rikorrenti huwa inammissibbli, kemm sa fejn dan jikkonċerna t-talba għall-annullament kif ukoll sa fejn jikkonċerna t-talba għal ħlas ta’ kumpens għad-danni li hija marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 31, u d-digriet Elti vs Id-Delegazzjoni tal-Unjoni għall-Montenegro, T‑395/11, punt 33 iktar ʼil fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-allegata inkompetenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE relatati mal-PESK.

46      Għaldaqstant hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

47      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura għal miżuri provviżorji, skont kif mitlub f’dan is-sens minn Eulex Kosovo.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Elitaliana SpA hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Il-Lussemburgu,

E. Coulon

 

      A. Dittrich

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.