Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Awwissu 2016 – Kaddour vs Il-Kunsill

(Kawża T-461/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Khaled Kaddour (Damasku, is-Sirja) (rappreżentanti: V. Davies u V. Wilkinson, Solicitors u R. Blakeley, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850, tas-27 ta’ Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/840, tas-27 ta’ Mejju 2016, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn dawn għandhom rabta ma’/jew jirreferu għar-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-miżuri kkontestati (i) jikkostitwixxu użu ħażin ta’ proċedura u għaldaqstant użu ħażin ta’ poter; u (ii) jammontaw għal ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u/jew mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’dak li jikkonċerna d-dritt tar-rikorrent għal amministrazzjoni tajba u d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 66 TFUE.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-miżuri kkontestati.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-miżuri kkontestati jammontaw għal ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u/jew mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’dak li jikkonċerna d-dritt tar-rikorrent għar-rispett għar-reputazzjoni tiegħu u d-dritt għall-paċifiku pussess tal-proprjetà tiegħu, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

____________