Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2014 – Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-126/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. Bulterman u J. Langer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

b’mod prinċipali, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-anness relatat miegħu sa fejn din id-dispożizzjoni u dan l-anness jirrigwardaw l-interessi li l-Pajjiżi l-Baxxi naqsu, b’mod żbaljat, milli jikkalkolaw fuq ċertu numru ta’ debiti marbuta mal-ammonti supplimentari li tħallsu tard u ma’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li saru indebitament fl-ammont ta’ EUR 4 703 231.78;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-anness relatat miegħu sa fejn din id-dispożizzjoni u dan l-anness jirrigwardaw l-interessi li l-Pajjiżi l-Baxxi naqsu, b’mod żbaljat, milli jikkalkolaw fuq ċertu numru ta’ debiti marbuta mal-ammonti supplimentari li tħallsu tard fl-ammont ta’ EUR 3 208 935.04;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispjjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/763/UE, tat-12 ta’ Diċembru 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 338, p. 81)

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba nuqqas ta’ ġustifikazzjoni koerenti u li tinftiehem tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE minħabba l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fir-rigward tal-ġbir tal-interessi, mingħajr ma ġiet indikata bażi fid-dritt tal-Unjoni, u/jew applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ekwivalenza inkwantu assumiet li, fiż-żmien rilevanti, il-Pajjiżi l-Baxxi kkalkolaw interessi fuq debiti nazzjonali komparabbli.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 1 u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 595/91 2 , peress li ma ngħatatx, qabel is-16 ta’ Ottubru 2006, deċiżjoni fuq debiti pendenti.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/07, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13).

2 Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91, tal-4 ta’ Marzu 1991, dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa ħażin b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tagħrif f’dan il-qasam u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 283/72 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 171)