Language of document : ECLI:EU:T:2015:875

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Novembru 2015 (*)

“FAEGG – Taqsima ‘Garanziji’ – FAEG u FAEŻR – Korrezzjoni finanzjarja applikata fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-interessi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Obbligu li jiġu kkalkolati l-interessi – Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Obbligu ta’ diliġenza”

Fil-Kawża T‑126/14,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, J. Langer u M. Noort, bħala aġenti,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Kranenborg u P. Rossi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/763/UE, tat-12 ta’ Diċembru 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 338, p. 81),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Leġiżlazzjoni bażika: Regolament (KEE) Nru 729/70 u Regolamenti (KE) Nru 1258/99 u Nru 1290/2005

1        Il-leġiżlazzjoni bażika dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni hija kkostitwita, fir-rigward tal-ispejjeż li saru mill-Istati Membri mis-16 ta’ Ottubru 2006 u fir-rigward ta’ dawk li saru mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew mill-1 ta’ Jannar 2007, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2007, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209160, p. 1). Dan ir-Regolament ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 424), li ssuċċeda, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż li saru mill-1 ta’ Jannar 2000, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13).

2        Konformement mal-Artikolu 1(1) u mal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolamenti Nru 729/70 u Nru 1258/1999, il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) kien parti mill-baġit Komunitarju u kien jiffinanzja, fit-Taqsima “Garanziji” tiegħu, il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi.

3        Ir-Regolamenti Nru 729/70 u Nru 1258/1999 kienu jipprevedu, fl-Artikolu 8(1) tagħhom, li l-Istati Membri jieħdu, konformement mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, il-miżuri neċessarji għall-irkupru tas-somom mitlufa wara irregolaritajiet jew negliġenza. Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ dawn ir-regolamenti, fin-nuqqas ta’ rkupru totali, il-konsegwenzi finanzjarji tal-irregolaritajiet jew tan-negliġenza għandhom ikunu sostnuti mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi tal-irregolaritajiet jew tan-negliġenza imputabbli lill-awtoritajiet amministrattivi jew lil korpi oħra tal-Istati Membri. Finalment, jirriżulta, kemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70, fil-verżjoni tiegħu li toriġina mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta’ Mejju 1995, li jemenda r-Regolament Nru 729/70 (ĠU L 125, p. 1), u applikabbli b’effett mis-sena finanzjarja li bdiet fis-16 ta’ Ottubru 1995, kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1258/1999, li, speċifikament, l-interessi marbuta mas-somom irkuprati jew imħallsa tardivament kienu jitħallsu fil-FAEGG.

4        Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jiffinanzja, permezz ta’ ġestjoni maqsuma bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli lejn il-pajjiżi terzi.

5        Skont l-Artikolu 8(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 1290/2005, l-Istati Membru għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni, għall-azzjonijiet relatati mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ffirmata mill-persuna responsabbli għall-aġenziji tal-ħlas akkreditati, flimkien mal-informazzjoni neċessarja għall-clearance tagħhom kif ukoll ċertifikazzjoni redatta mill-korp ta’ ċertifikazzjoni.

6        L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, jipprovdi:

“1.      Jekk il-Kummissjoni ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 twettaq b’mod li kiser ir-regoli [tal-Unjoni], hija għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament [tal-Unjoni] f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

2.      Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi filwaqt li tqis b’mod partikolari il-livell misjub tan-nuqqas ta’ konformità. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-[Unjoni].

3.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri interessati għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilthom kollha biex jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob li tinfetaħ proċedura bil-għan ta’ medjazzjoni bejn il-pożizzjonijiet rispettivi f’perjodu taż-żmien ta’ erba xhur, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu ddikjarati f’rapport li għandu jintbgħat lill-Kummissjoni u jiġi eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni illi jiġi rrifjutat il-finanzjament.

4.      Rifjut għall-finanzjament ma jistax jinvolvi:

(a)      l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) li jitwettaq aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjoni tagħha;

(b)      l-infiq dwar il-miżuri pluriennali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi kif indikat fl-Artikolu 4, meta l-obbligu finali fuq min jirċievi jseħħ aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tagħha;

(c)      l-infiq fuq miżuri fil-programmi, kif indikat fl-Artikolu 4, għajr dawk imsemmija fil-punt (b), li jitwettaq il-ħlas għalihom, jew skont il-każ, il-ħlas tal-bilanċ mill-aġenzija tal-ħlas, aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-kitba dwar ir-riżultati tal-kontroll tagħha.

5.      Il-paragrafu 4 ma japplikax fil-każ ta’:

(a)      irregolaritajiet koperti mill-Artikoli 32 u 33;

[…]”

7        L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEG”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 sa 6 tiegħu:

“1.      Is-somom irkuprati wara li tkun seħħet irregolarità jew negliġenza u l-imgħaxijiet fuqhom għandhom jgħaddu lill-aġenzija tal-pagamenti u jiġu rriżervati minnha bħala dħul assenjat lill-FAEG fix-xahar li fih il-flus ikunu fil-fatt riċevuti.

[…]

3.      Meta jintbagħtu l-kontijiet annwali, kif previst fl-Artikolu 8(1)(c) (iii), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu bi tweġiba għall-irregolaritajiet. Dan għandu jagħti analiżi tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena tas-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata tal-proċeduri ta’ rkupru individwali u tas-somom individwali mhux irkuprati.

4.      Wara li tkun ġiet segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li timponi s-somom li jridu jiġu rkuprati fuq l-Istat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a)      jekk l-Istat Membru, għar-raġunijiet ta’ rkupru, ma jkunx beda l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adatti stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali u [tal-Unjoni] fi żmien sena mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja;

(b)      jekk ma kienx hemm sejba amministrattiva jew ġudizzjarja, jew id-dewmien biex din issir qed jipperikola l-irkupru, jew l-irregolarità ma ġietx inkluża fir-rapport fil-qosor previst fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għas-sena li fiha saret is-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja.

5.      Jekk l-irkupru ma twettaqx fi żmien erba’ snin mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, jew fi żmien tmien snin meta l-azzjoni tal-irkupru tittella’ fil-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandhom jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat u 50 % mill-baġit [tal-Unjoni].

L-Istati Membri għandhom jindikaw separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti mhux irkuprati fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Id-distribuzzjoni tal-piż finanzjarju tan-nuqqas ta’ rkupru f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru kkonċernat għandu jsegwi l-proċeduri tal-irkupru f’konformità mal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament. 50 % tal-ammonti rkuprati b’dan il-mod għandhom jiġu akkreditati lill-FAEG, wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, ma tiġi rreġistrata l-ebda irregolarità minn xi strument amministrattiv jew legali ta’ natura definittiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddikjara bħala nefqa lill-EAGF il-piż finanzjarju li waqa’ fuqu, skont l-ewwel subparagrafu.

Madankollu, jekk għal raġunijiet li ma jiġux attribwiti għall-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, u l-ammont li jrid jiġi rkuprat jaqbeż EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenzi b’massimu ta’ 50 % tal-iskadenzi inizjali.

6.      Jekk ikun hemm ġustifikazzjoni għal dan, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux l-irkupru. Deċiżjoni b’dan l-effett tista’ tittieħed biss fil-każijiet li ġejjin:

(a)      jekk l-ispejjeż li saru diġà jew li aktarx li jsiru jaqbżu l-ammont li jrid jiġi rkuprat, jew

(b)      jekk l-irkupru jirriżulta impossibbli minħabba l-insolvenza, irreġistrata u rikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew il-persuni legalment responsabbli mill-irregolarità.

L-Istat Membru għandu juri separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti li dwarhom ġie deċiż li ma jiġix segwit l-irkupru u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.”

8        Skont l-Artikolu 34(1)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Assenjazzjoni tad-dħul mill-Istati Membri”, is-somom li, skont l-Artikoli 31 sa 33 tal-istess regolament, għandhom jitħallsu lill-baġit tal-Unjoni, inklużi l-interessi marbuta magħhom, għandhom jitqiesu dħul assenjat, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).

9        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 tiegħu, ir-Regolament Nru 1290/2005 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007. Madankollu, mit-tieni inċiż tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 49 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Artikolu 32 ta’ dan l-istess regolament japplika, mis-16 ta’ Ottubru 2006, fir-rigward tal-każijiet li ġew ikkomunikati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91, tal-4 ta’ Marzu 1991, dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa ħażin b’konnessjoni mal-finanzjament tal-PAK u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tagħrif f’dan il-qasam u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 283/72 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 171), u li għalihom kien għadu ma sarx irkupru sħiħ sas-16 ta’ Ottubru 2006.

 Regolamenti ta’ Implementazzjoni

 Regolament Nru 595/91

10      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 595/91 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, matul ix-xahrejn li jiġu wara t-tmiem ta’ kull tliet xhur, lista li tindika l-każijiet ta’ irregolaritajiet li kienu s-suġġett ta’ konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja.

11      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 595/91, li tħassar mir-Regolament Nru 1290/2005, jipprevedi komunikazzjoni speċjali li permezz tagħha Stat Membru, meta jqis li ammont ma jkunx jista’ jiġi rkuprat totalment jew ma jkunx mistenni li jiġi rkuprat totalment, jindika lill-Kummissjoni l-ammont mhux irkuprat u r-raġunijiet li għalihom dan l-ammont ikollu, fil-fehma tiegħu, jiġi sostnut mill-Komunità jew mill-Istat Membru.

12      Ir-Regolament Nru 595/91 tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006, tal-14 ta’ Diċembru 2006, dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom imħallsa bi żball b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (ĠU L 322M, p. 298).

 Regolament (KE) Nru 885/2006

13      Konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162), il-kontijiet annwali msemmija fl-Artikolu 8(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1290/2005 għandhom jinkludu b’mod partikolari t-tabella tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għall-għeluq tas-sena finanzjarja, stabbilita skont il-mudell li jidher fl-Anness III (iktar ’il quddiem it-“tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006”).

14      Il-Kummissjoni ddefinixxiet il-linji gwida dwar il-preżentazzjoni tat-tabelli tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 għas-snin finanzjarji 2006 u 2007 permezz, rispettivament, tad-dokument intitolat “Komunikazzjoni lill-Kumitat tal-Fondi Agrikoli – Linji gwida dwar il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, għall-10 ta’ Frar 2007, tat-Tabella 5 tal-Anness III tar-Regolament [Nru 885/2006]” (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) u tad-dokument intitolat “Komunikazzjoni lill-Kumitat tal-Fondi Agrikoli – Linji gwida dwar il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, għall-1 ta’ Frar 2008, tat-Tabelli 1-6 tal-Anness III tar-Regolament [Nru 885/2006]” (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2007”).

15      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 jistabbilixxi l-modalitajiet tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi l-modalitajiet tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

 Regolamenti settorjali

 Regolament (KEE) Nru 3665/87

16      L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), fil-verżjoni tiegħu li toriġina mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2945/94, tat-2 ta’ Diċembru 1994, li jemenda lir-Regolament Nru 3665/87 (ĠU L 310, p. 57), ippreveda r-regoli dettaljati għall-irkupru tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament, is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti f’dan ir-rigward u kif ukoll il-possibbiltà li ċerti sanzjonijiet ma jiġux applikati fil-każ ta’ forza maġġuri. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu pprovda, b’mod partikolari, li, fil-każ ta’ ħlasijiet lura b’mod indebitu fuq l-esportazzjoni, il-benefiċjarju kien marbut jirrimborsa l-ammonti indebitament irċevuti, flimkien mal-interessi kkalkolati skont iż-żmien li jkun laħaq għadda bejn il-ħlas u r-rimbors.

17      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2945/94, dan ir-regolament kien japplika għall-esportazzjonijiet li għalihom il-formalitajiet previsti fl-Artikolu 3 jew fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 3665/87 kienu saru b’effett mill-1 ta’ April 1995.

18      Ir-Regolament Nru 3665/87 tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129), li, sussegwentement, tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009, tas-7 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura] fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 186, p. 1).

 Regolament (KEE) Nru 536/93

19      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/93, tad-9 ta’ Marzu 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ imposta addizzjonali fuq ħalib u prodotti tal-ħalib (ĠU L 57, p. 12; iktar ’il quddiem, flimkien mar-Regolament Nru 3665/87, ir-“Regolamenti settorjali”), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1546/88, tat-3 ta’ Ġunju 1988, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 139, p. 12).

20      Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 536/93 u l-Artikolu 4(4) tal-istess regolament, rispettivament, ix-xerrej u l-produttur għandhom iħallsu, qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, l-ammont dovut lill-organu kompetenti skont ir-regoli dettaljati stabbiliti mill-Istat Membru, filwaqt li huwa speċifikat li, fil-każ li t-terminu għall-ħlas ma jiġix osservat, mas-somom dovuti għandhom jiżdiedu annwalment interessi b’rata li hija stabbilita mill-Istat Membru u li ma tistax tkun iżgħar mir-rata tal-interessi li huwa japplika sabiex jirkupra ħlasijiet indebiti.

21      Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 536/93, dan sar applikabbli mill-perijodu ta’ tnax il-xahar li beda fl-1 ta’ April 1993.

22      Ir-Regolament Nru 536/93 tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 104), li, sussegwentement, tħassar u ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004, tat-30 ta’ Marzu 2004, li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 333).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

23      Fl-10 ta’ Lulju 2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lill-Kummissjoni komunikazzjoni speċjali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 595/91 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni speċjali tal-10 ta’ Lulju 2003”). B’din il-komunikazzjoni, l-awtoritajiet Olandiżi informaw lill-Kummissjoni bil-fatt li, minħabba l-falliment u l-insolvenza tad-debituri kkonċernati, l-irkupru tal-ammonti dovuti fil-kuntest tal-fajl NL/98/039-Centramelk (iktar ’il quddiem il-“fajl Centramelk”) la kien għadu jista’ jsir u lanqas ma kien mistenni. Huma talbu lil din l-istituzzjoni li l-bilanċ jiġi kopert mill-Komunità Ewropea. Dan il-fajl, li qabel kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 595/91, huwa kkostitwit minn disa’ każijiet individwali ta’ frodi fir-rigward tal-ħlas, minn xerrejja ta’ ħalib mhux pastorizzat, ta’ imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib, li saru bejn l-1989 u l-1990.

24      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-awtoritajiet Olandiżi bil-fatt li d-deċiżjoni tagħha dwar il-fajl Centramelk ġiet posposta peress li, skont is-servizzi tagħha, l-irkupru tad-djun previsti f’dan il-fajl kien għadu pendenti.

25      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Olandiżi attiraw l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-għeluq tal-fajl Centramelk. F’din l-okkażjoni, huma talbu wkoll lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ dan il-fajl qabel is-16 ta’ Ottubru 2006 u tittratta dan il-fajl skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1258/1999 u mhux skont dawk tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005.

26      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-awtoritajiet Olandiżi bil-fatt li hija kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni fir-rigward tal-fajl Centramelk u li hija kellha tapplika l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005 għall-każijiet ma kinux ġew ittrattati qabel is-16 ta’ Ottubru 2006.

27      Fis-27 ta’ April 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/327/KE dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri li jikkonċernaw l-infiq iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji (EAGGF), Taqsima tal-Garanziji, għas-sena finanzjarja 2006 (ĠU L 122, p. 51), li permezz tagħha hija ssuġġettat, speċifikament, id-djun previsti fil-fajl Centramelk għar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma ppreżentax rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/327.

28      Bejn il-15 u s-17 ta’ Settembru 2008, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni tal-aġenzija tal-ħlas Olandiża Dienst Regelingen.

29      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem “l-ewwel komunikazzjoni”), mibgħuta skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Olandiżi bir-riżultat tal-investigazzjoni li saret bejn il-15 u s-17 ta’ Settembru 2008. Anness, intitolat “Osservazzjonijiet u talbiet għal informazzjoni”, li jinkludi l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, ġie anness ma’ din l-ittra.

30      Jirriżulta mill-ewwel komunikazzjoni, senjatament, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux osservaw totalment ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li kienu neċessarji miżuri korrettivi sabiex fil-futur tkun żgurata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni talbet li tkun informata dwar il-miżuri korrettivi li diġà ġew adottati kif ukoll dwar il-pjan kalendarju previst għall-implementazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, hija indikat li hija setgħet teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ispejjeż kollha jew parti minnhom li huma ffinanzjati mill-FAEGG, Taqsima “Garanziji”, u l-FAEŻR (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“Fondi”), konformement mal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li n-nuqqasijiet irrilevati għandhom jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-infiq imwettaq sal-implementazzjoni ta’ miżuri korrettivi adegwati.

31      Fl-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jidhru fl-Anness tal-ewwel komunikazzjoni, minn naħa, il-Kummissjoni speċifikament irrilevat, essenzjalment, li l-volum kbir ta’ debituri u, għaldaqstant, it-tabelli tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, stabbiliti fuq il-bażi tas-snin finanzjarji 2006 u 2007, ma kinux jinkludu l-interessi dovuti fuq is-somom nieqsa, ladarba dawn l-interessi ġew ikkalkolati mid-Dienst Regelingen biss mal-perċezzjoni tagħhom. Issa, skont il-Kummissjoni, dawn l-interessi kellhom jiġu inklużi f’dawn it-tabelli, peress li, fin-nuqqas ta’ tali indikazzjoni, l-ammonti suġġetti għar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 ikunu sottoevalwati. Min-naħa l-oħra, hija osservat li d-Dienst Regelingen ħareġ avviż ta’ perċezzjoni ta’ interessi biss wara l-irkupru tas-somom prinċipali, u dan biss fir-rigward tas-somom irkuprati mis-16 ta’ Ottubru 2007. Issa, in-nuqqas ta’ kontabbiltà tal-interessi fir-rigward tas-somom irkuprati qabel din id-data jikkostitwixxi telf għall-Fondi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jipprovduha b’ċerta informazzjoni.

32      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Olandiżi wieġbu għall-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fl-ewwel komunikazzjoni.

33      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Olandiżi ġew mistiedna mill-Kummissjoni jipprovdu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-aspetti inkwistjoni bil-għan li ssir laqgħa bilaterali prevista għall-5 ta’ Ottubru 2010. Għal din l-okkażjoni, il-Kummissjoni talbet, speċifikament, lill-awtoritajiet Olandiżi jikkalkolaw l-ammont totali tal-interessi fuq il-bażi tal-ammonti ta’ rkupru kollha suġġetti għar-regola stabbilita fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 matul is-snin finanzjarji 2006 sa 2009.

34      Il-laqgħa bilaterali bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi nżammet fi Brussell (il-Belġju) fil-5 ta’ Ottubru 2010. Il-minuti ta’ din il-laqgħa ntbagħtu lil dawn l-awtoritajiet fl-14 ta’ Diċembru 2010.

35      Mill-minuti tal-laqgħa bilaterali jirriżulta li, wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni żammet l-aspetti essenzjali tal-konklużjonijiet tagħha li jidhru fl-ewwel komunikazzjoni, billi qieset, essenzjalment, li ma nġabru ebda interessi għas-somom irrimborsati qabel is-16 ta’ Ottubru 2007, u dan ikkawża telf finanzjarju għall-Fondi, u li l-interessi li jidhru fit-tabelli tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 kienu sottoevalwati. Skont il-Kummissjoni, ma ġew iddikjarati ebda interessi jew ġie ddikjarat ammont inkorrett ta’ interessi, b’mod li, fil-mument tal-clearance tal-kontijiet, fl-2006 u fl-2007, id-djun suġġetti għall-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 ma kinux jinkludu ammont korrett ta’ interessi. Għalhekk, hija ddikjarat li kienet se tipproponi korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi, minn naħa, tal-interessi li ma ġewx mitluba għad-djun irkuprati fl-2006 u fl-2007 (iktar ’il quddiem l-“interessi mhux mitluba”) u, min-naħa l-oħra, tal-interessi mhux iddikjarati fil-każijiet ta’ djun li ma ġewx irkuprati li ġew suġġetti għar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 (iktar ’il quddiem l-“interessi mhux iddikjarati”) fl-2006 u fl-2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija stiednet lill-awtoritajiet Olandiżi jikkonfermaw l-ammont ta’ EUR 60 779 iddikjarat mid-Dienst Regelingen fir-rigward tal-interessi mhux mitluba u jipprovdu kalkolu jew stima kemm jista’ jkun preċiża tal-ammont tal-interessi mhux iddikjarati.

36      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2011, l-ewwel nett, l-awtoritajiet Olandiżi kkonfermaw l-eżattezza tal-ammont ta’ EUR 60 779 fir-rigward tal-interessi mhux mitluba. It-tieni nett, huma esponew il-kalkolu tagħhom tas-somma tal-interessi mhux iddikjarati, li tikkorrispondi, fil-fehma tagħhom, għal ammont totali ta’ EUR 513 566.65 euros għas-snin 2006 sa 2009. F’dan ir-rigward, huma speċifikaw li dan il-kalkolu ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni la djun marbuta ma’ imposti addizzjonali mħallsa tardivament u li jippreċedu l-1 ta’ April 1993 (iktar ’il quddiem id-“djun antiki marbuta mal-imposti addizzjonali”), lanqas djun marbuta ma’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament imħallsa u li jippreċedu l-1 ta’ April 1995 (iktar ’il quddiem id-“djun antiki marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni” u, meħuda flimkien mad-djun antiki marbuta mal-imposti addizzjonali, id-“djun antiki”).

37      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni indirizzat lill-awtoritajiet Olandiżi komunikazzjoni formali fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006, li fiha hija żammet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tas-snin finanzjarji 2006 sa 2009, tas-sistema ta’ ġestjoni tad-djun u tad-dikjarazzjoni tal-każijiet ta’ irregolarità fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006. B’mod partikolari, l-ewwel nett, hija rrilevat, fl-anness ta’ din l-ittra, li l-awtoritajiet Olandiżi wettqu żball meta ma kkalkolawx l-interessi. F’dan ir-rigward, hija speċifikat li, konformement mal-linji gwida tal-2006 u tal-2007 u kif ikkonfermat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-22 ta’ April 2010, L-Italja vs Il-Kummissjoni (T‑274/08 u T‑275/08, Ġabra, EU:T:2010:154), kellhom jiġu ddikjarati l-interessi marbuta mas-somom li baqgħu dovuti fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, filwaqt li speċifikat li n-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-interessi jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 u jikkostitwixxi telf għall-baġit tal-Unjoni. It-tieni nett, sa fejn l-awtoritajiet Olandiżi eskludew id-djun antiki mill-kalkolu tagħhom tal-interessi, il-Kummissjoni indikat li, anki jekk ir-Regolamenti settorjali ma kienu jistabbilixxu ebda obbligu li jintalbu l-interessi, id-djun tal-Unjoni ma setgħux jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn kull dejn nazzjonali. Minn dan jirriżulta li, jekk, fiż-żmien tal-fatti, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jikkalkola interessi fuq djun nazzjonali, bħal djun fiskali jew sussidji mħallsa indebitament mill-baġit nazzjonali, l-istess kellu jsir għad-djun tal-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-interessi kellhom jiżdiedu mas-somom kollha li jidhru fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 b’effett mis-sena 2006, inklużi d-djun antiki relatati mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u d-djun antiki relatati mal-imposti addizzjonali li kienu s-suġġett ta’ clearance fl-2006 jew fl-2007.

38      Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li s-somma ta’ EUR 5 277 577.43 tiġi eskluża mill-finanzjament tal-Unjoni.

39      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2012, l-awtoritajiet Olandiżi ressqu talba għall-konċiljazzjoni lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006. B’reazzjoni għal din it-talba, il-Kummissjoni tenniet mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fin-nota li hija bagħtet lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

40      Fit-30 ta’ April 2012, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni kkomunika r-rapport finali tiegħu. F’dan ir-rapport, huwa kkonkluda partikolarment li ma kienx possibbli għalih li jikkonċilja l-perspettivi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet Olandiżi. Barra minn hekk, huwa essenzjalment stieden lill-Kummissjoni tevalwa, minn naħa, jekk l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza kinitx ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-korrezzjoni finanzjarja proposta u, min-naħa l-oħra, jekk kienx possibbli li l-kalkolu tal-interessi fir-rigward tal-fajl Centramelk jiġi limitat għall-każ individwali ta’ frodi li jaqa’ taħt dan il-fajl li fil-fatt kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ rkupru fl-2006.

41      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 2013, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi l-konklużjonijiet finali tagħha (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni finali”). Minn din l-ittra jirriżulta li l-Kummissjoni, essenzjalment, żammet il-pożizzjoni tagħha, kif riprodotta fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-irregolaritajiet irrilevati u tal-korrezzjonijiet finanzjarji previsti. Bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, minn naħa, il-Kummissjoni, essenzjalment, osservat li, konformement mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-irkupru tad-djun tal-Unjoni inkwistjoni kellu jsir bl-istess mod bħal dak tat-taxxi nazzjonali mhux imħallsa. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fajl Centramelk, hija speċifikat li, sa fejn il-każijiet individwali ta’ frodi li jaqgħu taħt dan il-fajl kellhom jiġu ttrattati konformement mar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-interessi kellhom, bħala aċċessorji għad-dejn prinċipali, isegwu l-istess sistema, kellha tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja, konformement ma’ din ir-regola, għall-interessi li ma kinux suġġetti għal clearance għas-sena finanzjarja 2006.

42      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2013, l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw osservazzjonijiet fuq il-pożizzjoni finali u esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom magħha.

43      Fit-18 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rapport ta’ sinteżi fir-rigward tar-riżultati tal-investigazzjoni li saret bejn il-15 u s-17 ta’ Settembru 2008.

44      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fit-12 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/763/UE dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 338, p. 81, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija senjatament applikat korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-interessi mhux iddikjarati marbuta mad-djun antiki, inkwistjoni f’din il-kawża.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

45      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2014, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta din l-azzjoni.

46      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

47      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ April 2015.

48      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-anness relatat sa fejn din id-dispożizzjoni u dan l-anness jirrigwardaw l-interessi li huwa naqas li jikkalkola fuq ċertu numru ta’ djun marbuta ma’ imposti addizzjonali mħallsa tard u ma’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li saru indebitament fl-ammont ta’ EUR 4 703 231.78;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-anness relatat sa fejn din id-dispożizzjoni u dan l-anness jirrigwardaw l-interessi li huwa naqas li jikkalkola fuq ċertu numru ta’ djun marbuta ma’ imposti addizzjonali mħallsa tardivament fl-ammont ta’ EUR 3 208 935.04;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

49      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

 Id-dritt

50      In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jissolleva tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv, issollevat sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE jew applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. It-tielet motiv, issollevat iktar sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70 u mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 595/91.

51      Minn naħa, għandu jiġi speċifikat li, kif jirriżulta mill-atti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u kif dan tal-aħħar ikkonferma fi tweġiba għal mistoqsija li saret mill-Qorti Ġenerali fis-seduta, li ġiet ikkonstatata fil-verbal tas-seduta, l-ewwel u t-tieni motivi huma ssollevati insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, ippreżentat fuq bażi prinċipali (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). B’mod divers, it-tielet motiv ta’ annullament, li huwa marbut biss mal-korrezzjonijiet li jirrigwardaw il-fajl Centramelk, huwa invokat insostenn tat-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat fuq bażi sussidjarja (ara l-punt 48 iktar ’il fuq).

52      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li, bi tweġiba għal mistoqsija li saret mill-Qorti Ġenerali fis-seduta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li l-ewwel motiv issollevat insostenn tar-rikors, formalment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni, kien intiż, fir-realtà, sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u mhux il-motivazzjoni formali. Din il-preċiżazzjoni ġiet ikkonstatata fil-verbal tas-seduta.

53      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv, sa fejn dan jipprevedi b’mod definittiv li jikkonstata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, jingħaqad essenzjalment mat-tieni motiv issollevat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet miksuba fis-seduta, ma huwiex iktar neċessarju, f’dan il-każ, li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stipulat fl-Artikolu 296 TFUE.

54      Qabelxejn, għandu l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni motiv issollevat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE jew applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ekwivalenza

55      Permezz tat-tieni motiv, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika lill-Kummissjoni li marret kontra l-Artikolu 13(2) TUE jew li applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Dan il-motiv huwa formalment maqsum f’żewġ partijiet.

56      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ħarġet, bi ksur tal-Artikolu 13(2) TUE, mil-limiti tal-kompetenzi tagħha sa fejn applikat korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ interessi marbuta mad-djun antiki fl-assenza ta’ kull kompetenza tal-Unjoni jew ta’ obbligu fid-dritt tal-Unjoni li jimponi l-kontabbiltà tal-interessi. Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-mument meta d-djun antiki ġew stabbiliti, ir-Regolamenti settorjali ma kienu jinvolvu ebda obbligu ta’ kontabbiltà ta’ interessi. It-tieni nett, tali obbligu ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005, kif jirriżulta inter alia mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-tielet nett, l-indikazzjoni tal-Kummissjoni li huwa evidenti li mal-irkupru ta’ somom indebiti kellhom jiġu mitluba l-interessi ma tistax tikkostitwixxi bażi legali. Fil-fatt, din kellha tiġi spjegata b’mod espliċitu.

57      Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika lill-Kummissjoni li applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li, essenzjalment, fiż-żmien tal-fatti, id-dritt Olandiż ma kien jinkludi ebda obbligu ta’ kontabbiltà ta’ interessi f’tilwimiet nazzjonali ta’ dan it-tip, jiġifieri fil-każ tal-irkupru ta’ sussidji nazzjonali mħallsa indebitament. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li d-djun antiki huma paragunabbli ma’ debiti fiskali li għalihom id-dritt Olandiż jipprevedi obbligu ta’ kontabbiltà tal-interessi hija żbaljata. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, minn naħa, id-djun antiki u d-debiti fiskali huma differenti minn xulxin kemm min-natura tagħhom kif ukoll mill-finalità tagħhom. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-iskop tal-irkupru tad-djun antiki huwa identiku għall-iskop tal-irkupru tad-debiti fiskali, huwa jargumenta li l-assenjazzjoni, fil-livell Ewropew, tad-dħul mill-irkupru ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li jirrigwarda t-trattament ekwivalenti, fil-livell nazzjonali, ta’ djun nazzjonali u dawk Ewropej paragunabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa jqis li ma kisirx il-prinċipju ta’ ekwivalenza billi ttratta b’mod differenti d-djun antiki u d-debiti fiskali.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

59      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-obbligu li jinġabru interessi joħroġ minn qari flimkien tal-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Barra minn hekk, huwa loġiku u evidenti li, fil-każ ta’ rkupru ta’ somma indebitament imħallsa, għandhom jiġu rkuprati wkoll l-interessi, kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70, fil-formulazzjoni tiegħu kif toħroġ mir-Regolament Nru 1287/95. In-nuqqas ta’ rkupru tal-interessi fuq id-djun antiki huwa ta’ preġudizzju għall-Fondi.

60      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jirrikjedi li jiġu kkalkolati, fuq id-djun antiki, interessi ugwali għal dawk li l-awtoritajiet Olandiżi jiġbru fil-kuntest tal-irkupru ta’ debiti fiskali. Skont il-Kummissjoni, l-irkupru ta’ imposta mhux imħallsa huwa paragunabbli mal-irkupru ta’ sussidju agrikolu mogħti indebitament. Filwaqt li tirrileva li huwa kurjuż kif, fiż-żmien tal-fatti, id-dritt Olandiż ma kienx jipprevedi obbligu li jintalbu interessi meta jiġu rkuprati sussidji agrikoli nazzjonali, hija żżid li, fid-dawl tal-preġudizzju kkawżat lill-Fondi minħabba n-nuqqas ta’ perċezzjoni tal-interessi fuq id-djun antiki, l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ obbligu nazzjonali tal-istess tip, mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma tistax tintlaqa’. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70, fil-formulazzjoni tiegħu kif tirriżulta mir-Regolament Nru 1287/95, jispeċifika element evidenti, jiġifieri l-fatt li għandhom jiġu kkalkolati l-interessi meta tiġi rkuprata somma mħallsa indebitament.

61      Mill-espożizzjoni, fil-punti 55 sa 60 iktar ’il fuq, tal-argumenti tal-partijiet jirriżulta li ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv huma intrinsikament marbutin ma’ xulxin. Fil-fatt, minn naħa, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta, permezz taż-żewġ partijiet, il-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja applikabbli fir-rigward tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ interessi marbuta mad-djun antiki minħabba, essenzjalment, li ma kien hemm, fiż-żmien ta’ meta dawn id-djun inħolqu, ebda obbligu, la skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (l-ewwel parti) u lanqas skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza (it-tieni parti), ta’ kontabbiltà ta’ interessi fuq dawn id-djun. Min-naħa l-oħra, b’mod kuntrarju għall-pożizzjoni difiża mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija li saret mill-Qorti Ġenerali, l-allegazzjoni, fl-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li l-korrezzjoni finanzjarja hija nieqsa minn bażi legali fin-nuqqas ta’ obbligu, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ kontabbiltà ta’ interessi tista’, jekk titqies fondata, twassal għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk jirriżulta, fit-tmiem tal-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lanqas ma kien marbut li jikkalkola interessi skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

62      Għaldaqstant, hemm lok li ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv jiġu eżaminati flimkien, filwaqt li jiġi speċifikat ukoll li, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali fis-seduta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma opponiex tali eżami konġunt.

63      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-atti tal-Kummissjoni u kif din speċifikat fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, hija bbażat il-korrezzjoni finanzjarja applikata għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-interessi mhux iddikjarati fuq id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-prinċipju ta’ ekwivalenza. Minn dawn id-dispożizzjonijiet u minn dan il-prinċipju joħroġ, fil-fehma tagħha, obbligu għal dan l-Istat Membru ta’ kontabbiltà tal-interessi fuq id-djun antiki.

64      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-obbligu ta’ kontabbiltà tal-interessi marbuta mad-djun antiki, il-Kummissjoni essenzjalment qieset, fil-proċedura ta’ clearance, li dawn l-interessi kellhom jiġu ddikjarati fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien marbut li jiġbor interessi fuq id-djun antiki skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Iktar speċifikament, mill-pożizzjoni finali jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-irkupru tas-somom inkwistjoni kellu jsir bl-istess mod bħal dak tat-taxxi nazzjonali mhux imħallsa, li għalihom id-dritt Olandiż ippreveda l-kontabbiltà tal-interessi. Id-distinzjoni, kif operata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bejn, minn naħa, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u l-imposti addizzjonali u, min-naħa l-oħra, it-taxxi nazzjonali fid-dawl tas-sistemi legali tagħhom u l-għanijiet differenti tagħhom hija purament formalistika u ta’ natura li tikkomprometti l-effettività tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. B’mod kuntrarju, il-Kummissjoni qieset li, minkejja li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni u l-imposti addizzjonali ċertament jiddistingwu ruħhom, inizjalment, mit-taxxi nazzjonali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, ladarba indebiti, dawk tal-ewwel jinbidlu fin-natura tagħhom u jsiru ammonti li għandhom jiġu rkuprati u assenjati bħala dħul għall-baġit tal-Unjoni, b’mod li jsostnu lill-istess baġit bħat-taxxi previsti mid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-Artikolu 18(1)(f) tar-Regolament Nru 1605/2002. Fir-rigward tal-imposti addizzjonali fuq il-ħalib, il-Kummissjoni żiedet li d-dħul li joriġina minn dan jikkostitwixxi riżorsi proprji tal-Komunità konformement mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 70/243/KEEA, KEE, Euratom, tal-21 ta’ April 1970, dwar is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri b’riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 94, p. 19). Minn dan isegwi li, mill-perspettiva tal-Unjoni, l-għan tal-irkupru tal-imposti addizzjonali u tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament huwa identiku għal dak tal-irkupru tat-taxxi nazzjonali, u dan iwassal għall-konstatazzjoni tal-ekwivalenza tal-proċeduri.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-interessi mhux iddikjarati fir-rigward tad-djun antiki sa fejn, minħabba l-fatt li dawn ma ġewx inklużi fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, dawn l-interessi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni meta saret il-clearance tal-ammonti prinċipali tad-djun antiki skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005.

66      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta essenzjalment il-bażi ta’ din il-korrezzjoni finanzjarja billi jikkontesta l-eżistenza ta’ obbligu, impost fuqu, ta’ kontabbiltà tal-interessi fuq id-djun antiki. Minn dan huwa jiddeduċi li, fin-nuqqas ta’ tali obbligu, il-Kummissjoni ma setgħetx timponi fuqu korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta’ tali interessi mhux iddikjarati.

67      Sabiex tiġi eżaminata, fuq bażi prinċipali, il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu, għalhekk, jiġi vverifikat jekk jeżistix, f’dan il-każ, obbligu fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jiġbor interessi fuq id-djun antiki.

68      Bħala l-ewwel punt, għandu jiġi rrilevat li, kif il-partijiet jaqblu kif inter alia kkonfermaw fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ivverbalizzat fil-verbal tas-seduta, ir-Regolamenti settorjali ma kienu jipprevedu, fil-verżjonijiet rispettivi tagħhom applikabbli matul il-perijodu li matulu id-djun antiki nħolqu, ebda obbligu li jinġabru interessi fuq dawn id-djun.

69      Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-djun antiki marbuta mal-imposti addizzjonali nħolqu qabel l-1 ta’ April 1993. Id-djun antiki marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ġew ikkostitwiti qabel l-1 ta’ April 1995.

70      Issa, minn naħa, fir-rigward tal-imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib, huwa biss ir-Regolament Nru 536/93 li ppreveda, fl-Artikolu 3(4) tiegħu u fl-Artikolu 4(4) tiegħu, li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ ħlas stabbilit f’dawn id-dispożizzjonijiet, is-somom dovuti kellhom jipproduċu annwalment interessi b’rata stabbilita mill-Istat Membru u li ma setgħetx tkun inqas mir-rata tal-interessi li huwa kien japplika fil-każ tal-ħlas lura tal-indebitu. Dan ir-regolament sar applikabbli, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tiegħu, mill-perijodu ta’ tnax-il xahar li beda fl-1 ta’ April 1993. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1546/88, li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 536/93, ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-perċezzjoni ta’ interessi meta jiġu rkuprati imposti addizzjonali mħallsa tardivament.

71      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, l-obbligu tal-benefiċjarju, fil-każ ta’ ħlas indebitu, li jirrimborsa, minbarra l-ammont indebitu, l-interessi fuq dan l-ammont ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87, fil-verżjoni tiegħu li toħroġ mir-Regolament Nru 2945/94. Dan ir-regolament tal-aħħar kien applikabbli, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu, għall-esportazzjonijiet li għalihom il-formalitajiet previsti fl-Artikolu 3 jew fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 3665/87 kienu saru mill-1 ta’ April 1995. B’mod divers, fir-rigward tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament u li għalihom dawn il-formalitajiet kienu saru qabel l-1 ta’ April 1995, ir-Regolament Nru 3665/87 ma pprovda għal ebda obbligu fuq il-benefiċjarju sabiex dan jirrimborsa l-interessi fuq l-ammonti indebiti.

72      Bħala t-tieni punt, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jirrigwarda l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-irkupru ta’ somom mill-benefiċjarji li wettqu irregolaritajiet jew li wrew negliġenza (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2010:154, punt 35).

73      B’mod partikolari, minn naħa, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, is-somom irkuprati minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi u l-interessi fuqhom għandhom jitħallsu lill-aġenziji tal-ħlas u għandhom jiġu inklużi minn dawn tal-aħħar bħala dħul assenjat għall-FAEG, skont ix-xahar li fih il-flus ikunu ġew effettivament riċevuti.

74      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprevedi għalhekk li l-interessi marbuta mas-somom irkuprati wara irregolarità jew negliġenza għandhom jitħallsu lill-aġenziji tal-ħlas u għandhom jiġu inklużi minn dawn tal-aħħar bħala dħul assenjat għall-FAEG, skont ix-xahar li fih il-flus ikunu ġew effettivament riċevuti. Madankollu, din id-dispożizzjoni, li tinkludi biss sempliċi regola ta’ assenjazzjoni baġitarja ta’ tali dħul, ma tipprevedix għal daqshekk obbligu, għall-Istati Membri, li jeżiġu interessi fuq tali somom irkuprati (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Pfeifer & Langen, C‑564/10, Ġabra, EU:C:2012:190, punt 44).

75      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprevedi s-sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom l-Istat Membru ma jkunx irkupra s-somom, jew fi żmien erba’ snin wara d-data tal-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, inkella fi żmien tmien snin jekk l-irkupru jkun suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali. F’tali sitwazzjonijiet, il-konsegwenzi finanzjarji tal-assenza ta’ rkupru huma, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, sostnuti fil-livell ta’ 50 % mill-Istat Membru kkonċernat u fil-livell ta’ 50 % mill-baġit tal-Unjoni (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2010:154, punt 36).

76      Skont il-ġurisprudenza, il-qsim, f’partijiet ugwali bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-baġit tal-Unjoni, tar-responsabbiltà finanzjarja, kif previst fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, japplika għall-effetti kollha ta’ natura finanzjarja marbuta mal-assenza ta’ rkupru tas-somom imħallsa b’mod irregolari, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, is-somom prinċipali kif ukoll l-interessi, li huma marbuta magħhom u li kellhom jitħallsu skont l-Artikolu 32(1) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2010:154, punti 39, 41 u 44).

77      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tista’, fil-prinċipju, tinkludi, fis-somom dovuti fuq il-bażi tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, interessi marbuta mad-djun li għalihom l-irkupru ma jkunx sar fit-terminu, skont il-każ, ta’ erba’ jew ta’ tmien snin stabbilit minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2010:154, punt 46).

78      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni, fis-somom dovuti skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, tal-interessi marbuta mad-djun li fir-rigward tagħhom l-irkupru ma sarx fit-terminu, skont il-każ, ta’ erba’ jew ta’ tmien snin stabbilit f’din id-dispożizzjoni, hija neċessarjament suġġetta għall-eżistenza, fil-każ kkonċernat, ta’ obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jeżiġi l-ħlas ta’ interessi fuq is-somom inkwistjoni. Fid-dawl tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 76 iktar ’il fuq, huwa biss, fil-fatt, jekk tali obbligu jeżisti li l-konsegwenzi finanzjarji tal-assenza ta’ rkupru tas-somom inkwistjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jkopru, minbarra l-ammont prinċipali ta’ dawn is-somom, l-interessi.

79      Minn dan isegwi ukoll li l-applikazzjoni, f’dan il-każ, ta’ korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-interessi mhux iddikjarati marbuta mad-djun antiki hija suġġetta għall-eżistenza ta’ tali obbligu impost fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

80      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005 ma jinkludi ebda obbligu, impost fuq l-Istati Membri, li jeżiġu interessi fuq id-djun li għandhom jiġu rkuprati.

81      Fil-fatt, l-ewwel nett, min naħa, bħal fil-każ inter alia tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70, fil-verżjoni tiegħu li toħroġ mir-Regolament Nru 1287/95, li għalih il-Kummissjoni tirreferi, l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jinkludi, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 74 iktar ’il fuq, sempliċi regola ta’ assenjazzjoni baġitarja tas-somom irkuprati wara irregolarità jew negliġenza, mingħajr ma jipprevedi obbligu, għall-Istati Membri, li jeżiġu interessi fuq tali somom irkuprati.

82      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 lanqas ma jistabbilixxi obbligu, għall-Istati Membri, li jeżiġu interessi fuq is-somom li għandhom jiġu rkuprati, peress li din id-dispożizzjoni tinkludi biss regola ta’ qsim tar-responsabbiltà finanzjarja fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rkupru tas-somom inkwistjoni, lil hinn mit-termini previsti minn din id-dispożizzjoni.

83      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 hija iktar u iktar applikabbli peress li, skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 32(1) tal-istess regolamenti, li jikkostitwixxi l-qafas ġenerali fil-qasam tar-rimbors lill-Unjoni tal-ammonti dovuti wara irregolaritajiet jew negliġenzi fl-użu tal-fondi (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2010:154, punt 41). Issa, kif joħroġ mill-punti 74 u 81 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistax tiġi interpretata fis-sens li din timponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jeżiġu interessi fuq is-somom irkuprati.

84      It-tieni nett, dan il-qari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005 ma huwiex imqiegħed f’dubju mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 44 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq (EU:T:2010:154), iċċitata mill-Kummissjoni.

85      Ċertament, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 44 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq (EU:T:2010:154), li mill-preambolu tar-Regolament Nru 1290/2005 jirriżulta, u partikolarment mill-premessi 25 u 26 ta’ dan ir-regolament, li s-sistema ta’ koresponsabbiltà finanzjarja, stabbilita mill-Artikolu 32(5) ta’ dan ir-regolament, kienet intiża sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni billi tattribwixxi lill-Istat Membru kkonċernat parti mis-somom dovuti minħabba irregolaritajiet u li ma jkunux ġew irkuprati f’terminu raġonevoli u li l-obbligu ta’ rkupru tal-interessi dovuti bejn il-konstatazzjoni tal-irregolarità u l-irkupru effettiv tas-somom inkwistjoni huwa ta’ natura kumpensatorja sa fejn l-interessi jintrabtu mad-dannu temporanjament sostnut mill-baġit tal-Unjoni minħabba l-fatt tal-assenza ta’ ġbir ta’ kreditu kkalkolat favur tiegħu. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-esklużjoni tal-interessi mis-somma li għandha tiġi rkuprata, u għaldaqstant it-tnaqqis tal-ammont attribwit lill-Istat Membru kkonċernat, hija inkompatibbli mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju, peress li dan tal-aħħar isostni l-parti l-kbira tal-konsegwenzi finanzjarji fin-nuqqas ta’ rkupru, f’termini raġonevoli, ta’ ammonti dovuti minħabba irregolaritajiet.

86      Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tosserva, għandu jiġi rrilevat li minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistax jiġi dedott l-istabbiliment ta’ prinċipju ġenerali li l-Istati Membri huma marbuta jeżiġu interessi meta jirkupraw somom dovuti minħabba irregolaritajiet, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. Fil-fatt, mill-punt 48 tal-istess sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq (EU:T:2010:154), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss, f’dik is-sentenza, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni interessi fuq il-bażi tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1209/2005, mingħajr madankollu ma l-Qorti Ġenerali ntalbet tiddeċiedi fir-rigward tal-bażi stess tal-obbligu li jinġabru interessi.

87      Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq il-punt 45 tas-sentenza L-Italja vs il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq (EU:T:2010:154). Ċertament, il-Qorti Ġenerali enfasizzat “li l-prinċipju li jipprovdi li l-interessi huma l-aċċessorji tal-ammont prinċipali u jsegwu s-sistema kontabbli għandu valur ġenerali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-baġit [tal-Unjoni] kif jirriżulta mill-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, [...] li jispeċifika li, ‘[b]la ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi ġejjin mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-oqsma, kull ammont li għandu jitħallas […] jeħel imgħax’”. Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-interessi huma l-aċċessorju tal-ammont prinċipali ma jistax jikkostitwixxi bażi għall-eżistenza f’dan il-każ ta’ obbligu impost fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ kontabbiltà tal-interessi. Min-naħa l-oħra u f’kull każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni sempliċement irriproduċiet, fil-kontroreplika, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 45 ta’ dik is-sentenza mingħajr ma ddeduċiet minnhom konklużjoni għal dan il-każ u li, fl-ebda mument, la matul il-proċedura amministrattiva lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, ma invokat l-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, jekk jitqies li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-fatti tal-kawża ineżami.

88      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni inversa, li mill-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005 joħroġ obbligu għall-Istati Membri li jeżiġu interessi mal-irkupru tas-somom dovuti minħabba irregolaritajiet u, għalhekk, l-inklużjoni awtomatika ta’ dawn l-interessi fil-konsegwenzi finanzjarji previsti fil-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, tikkuntrasta mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni, kif imfakkra fil-punti 74 u 81 iktar ’il fuq, u li għandha, kif jirriżulta mill-punt 83 iktar ’il fuq, tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-paragrafu 5 ta’ din l-istess dispożizzjoni.

89      Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-prinċipju stess tal-ġbir tal-interessi previsti fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji [tal-Unjoni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), li skontu, essenzjalment, mal-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament jistgħu wkoll jiżdiedu l-interessi, jekk dan ikun previst, ma stabbilixxiet ebda prinċipju ġenerali li bis-saħħa tiegħu l-irkupru ta’ vantaġġi indebiti għandu neċessarjament jiġi akkumpanjat mill-ġbir tal-interessi. Għall-kuntrarju, wara li skartat l-eżistenza ta’ tali obbligu fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja fittxet tali obbligu fid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeifer & Langen, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2012:190, punti 41 sa 47).

90      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni stess osservat, fis-seduta, li huwa biss flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza li l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005 jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-interessi mhux iddikjarati u marbuta mad-djun antiki, kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 63 iktar ’il fuq.

91      Bħala t-tielet punt, fl-assenza, kemm fir-Regolamenti settorjali kif ukoll fir-Regolament Nru 1290/2005, ta’ kull obbligu li jintalbu interessi fuq id-djun antiki, għandu, għalhekk, jiġi eżaminat jekk tali obbligu setax f’dan il-każ ikun validament ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

92      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 325(2) TFUE, l-Istati Membri huma marbuta jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom (sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, Ġabra, EU:C:2010:648, punt 40; Pfeifer & Langen, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2012:190, punt 52, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, Ġabra, EU:C:2013:105, punt 26). Minn dan isegwi, skont il-ġurisprudenza, li l-Istati Membri huma marbuta, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni u meta d-dritt nazzjonali tagħhom jipprevedi l-ġbir ta’ interessi fil-kuntest tal-irkupru ta’ vantaġġi tal-istess tip indebitament imħallsa mill-baġit nazzjonali tagħhom, li jiġbru bl-istess mod interessi fil-każ ta’ rkupru ta’ vantaġġi indebitament mogħtija mill-baġit tal-Unjoni (sentenza Pfeifer & Langen, punt 74 iktar ’il fuq, EU:C:2012:190, punt 52). Hemm lok li jitqies li l-istess jgħodd fir-rigward tal-ispejjeż finanzjarji li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma marbuta li jiġbru għan-nom tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1980, Meridionale Industria Salumi et, 66/79, 127/79 et 128/79, Ġabra, EU:C:1980:101, punt 17).

93      F’dan il-każ, minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 63 iktar ’il fuq, huwa stabbilit li, fil-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kkunsidrat li, essenzjalment, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-irkupru tad-djun inkwistjoni kellu jsir bl-istess mod bħal dak tat-taxxi nazzjonali mhux imħallsa. Din il-pożizzjoni hija, essenzjalment, ibbażata fuq qari wiesa’, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta bit-tieni parti ta’ dan il-motiv, tal-kunċett ta’ vantaġġ tal-istess tip fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni osservat, fis-seduta, li, skont l-informazzjoni pprovduta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-proċedura amministrattiva, kien hemm possibbiltà, skont id-dritt privat Olandiż, ta’ rkupru ta’ interessi fuq id-djun ikkostitwiti minn sussidji agrikoli nazzjonali allokati indebitament, possibbiltà li din l-istituzzjoni invokat sussidjarjament.

94      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk l-irkupru tad-djun antiki jistax jitqies paragunabbli mal-irkupru tat-taxxi nazzjonali mhux imħallsa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 92 iktar ’il fuq, qabel ma tiġi eżaminata, jekk ikun il-każ, l-argumentazzjoni sussidjarja tal-Kummissjoni, kif riprodotta fil-qosor fil-punt 93 iktar ’il fuq.

95      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragunabbiltà tad-djun antiki mad-djun fiskali nazzjonali, għandu, fid-dawl tal-karatteristiċi rispettivi tagħhom, isir eżami distint tad-djun antiki marbuta mal-imposti addizzjonali u d-djun antiki marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni.

96      L-ewwel nett, fir-rigward tad-djun antiki marbuta mal-imposti addizzjonali, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, is-sistema ta’ imposti addizzjonali hija intiża sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-ħalib, ikkaratterizzat minn eċċessi strutturali, permezz ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib. Din il-miżura taqa’ għalhekk fil-qafas tal-għanijiet ta’ żvilupp razzjonali tal-produzzjoni tal-ħalib u, billi tikkontribwixxi għal stabbilizzazzjoni tad-dħul tal-popolazzjoni agrikola kkonċernata, f’dak taż-żamma ta’ livell ta’ ħajja xieraq ta’ din il-popolazzjoni (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1988, Erpelding, 84/87, Ġabra, EU:C:1988:245, punt 26; tal-25 ta’ Marzu 2004, Cooperativa Lattepiù et, C‑231/00, C‑303/00 u C‑451/00, Ġabra, EU:C:2004:178, punt 73, u Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, C‑480/00, C‑482/00, C‑484/00, C‑489/00 sa C‑491/00 u C‑497/00 sa C‑499/00, Ġabra, EU:C:2004:179, punt 57). L-imposta addizzjonali fuq il-ħalib tikkostitwixxi restrizzjoni li tirriżulta mir-regoli tal-politika tas-swieq jew tal-politika tal-istruttura (sentenzi Cooperativa Lattepiù et, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2004:178, punt 74, u Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2004:179, punt 58). Hija tagħmel parti minn interventi intiżi biex jirregolarizzaw is-swieq agrikoli u hija assenjata għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur tal-ħalib. Minn dan isegwi li, apparti l-għan evidenti tagħha li tobbliga lill-produtturi tal-ħalib josservaw il-kwantitajiet ta’ referenza attribwiti lilhom, l-imposta addizzjonali għandha wkoll għan ekonomiku sa fejn hija intiża sabiex tikseb għall-Komunità l-fondi neċessarji għaċ-ċirkulazzjoni tal-produzzjoni tal-produtturi meta dawn jaqbżu l-kwoti tagħhom (sentenzi Cooperativa Lattepiù et, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2004:178, punt 75; Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2004:179, punt 59, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Gerekens u Procola, C‑459/02, Ġabra, EU:C:2004:454, punt 37).

97      Minn dan isegwi li, jekk, kif essenzjalment tafferma l-Kummissjoni, l-imposti addizzjonali huma intiżi sabiex jiksbu fondi għall-baġit tal-Unjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt, madankollu, li, kif josserva r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawn l-imposti huma kkaratterizzati mill-funzjoni tagħhom ta’ regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli.

98      Min-naħa l-oħra, kif essenzjalment sostna ir-Renju tal-Pajjiż il-Baxxi, taxxi jew ħlasijiet li jaqgħu taħt sistema ta’ tassazzjoni nazzjonali, miġbura mill-popolazzjoni fl-intier tagħha, huma kkaratterizzati mill-funzjoni fundamentali tagħhom, jekk mhux esklużiva, li hija dik li jiġi ġġenerat dħul għall-baġit nazzjonali. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la stabbilixxiet u lanqas ma allegat li t-taxxi Olandiżi li hija qieset għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza kellhom xi għan simili għal dak tal-imposti addizzjonali, jiġifieri r-regolarizzazzjoni tas-swieq.

99      Jidher għalhekk li, kif essenzjalment isostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-funzjoni ta’ regolarizzazzjoni tas-swieq, li tappartjeni għall-imposti addizzjonali, ma tapplikax għat-taxxi nazzjonali. Barra minn hekk, kif isostni r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-imposti agrikoli jinġabru minn kategorija strettament delimitata ta’ persuni taxxabbli u mhux mill-popolazzjoni fl-intier tagħha u d-dħul mill-imposti addizzjonali huwa assenjat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur tal-ħalib u, senjatament, għaċ-ċirkulazzjoni tal-produzzjoni tal-produtturi li jaqbżu l-kwoti tagħhom.

100    Issa, b’analoġija mal-ġurisprudenza, li tipprovdi li għandu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jiġi vverifikat ix-xebh tar-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt intern mill-perspettiva tal-għan tagħhom, tal-kawżali tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, Ġabra, EU:C:2012:478, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward f’dan il-każ tal-verifika tax-xebh tad-djun tal-Unjoni u tad-djun nazzjonali, li, fid-dawl tal-funzjoni u tal-assenjazzjoni individwali tal-imposti addizzjonali, id-djun antiki marbuta ma’ dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu li huma djun ekwivalenti, tal-istess tip, għad-djun fiskali nazzjonali.

101    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, l-imposti addizzjonali, bħala imposti finanzjarji li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma marbuta li jiġbru għan-nom tal-Unjoni, jistgħu jitqiesu paragunabbli ma’ taxxi jew ħlasijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Milchwerke Köln vs Wuppertal, C‑352/92, Ġabra, EU:C:1994:294, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Jannar 2004, Penycoed, C‑230/01, Ġabra, EU:C:2004:20, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jingħad ukoll li, anki f’tali każ, ikun hemm lok li jiġi vverifikat jekk dawn it-taxxi jew ħlasijiet nazzjonali jkunux ekwivalenti għal jew tal-istess tip bħall-imposti addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 1993, Peter, C‑290/91, Ġabra, EU:C:1993:220, punt 11).

102    Issa, f’dan il-każ, kif essenzjalment joħroġ mill-punt 98 iktar ’il fuq, ma hemm xejn fil-fajl li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni fittxet li tivverifika jekk, fi ħdan it-taxxi u l-ħlasijiet stabbiliti skont id-dritt Olandiż, jeżistu taxxi jew ħlasijiet tal-istess tip bħall-imposti addizzjonali.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li d-djun antiki marbuta mal-imposti addizzjonali kellhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħad-debiti fiskali.

104    It-tieni nett, fir-rigward tad-djun antiki marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, is-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandha l-għan li tippermetti l-esportazzjoni ta’ prodotti Ewropej li, altrimenti, ma tirrendix profitt lill-operatur (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑235/97, Ġabra, EU:C:1998:556, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni kienu, konformement mal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolamenti Nru 729/70 u Nru 1258/1999, iffinanzjati mill-FAEGG, Taqsima “Garanziji”, u huma, konformement mal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, li huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2007, iffinanzjati mill-FAEG.

106    Għalhekk, min-natura tagħhom, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, li jikkostitwixxu vantaġġ mogħti lill-bdiewa, jiddistingwu ruħhom, kif barra minn hekk indikat il-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva u fis-seduta, mit-taxxi nazzjonali. Fil-fatt, filwaqt li tal-ewwel huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, tat-tieni jsostnu l-baġit nazzjonali.

107    Madankollu, il-Kummissjoni qieset, matul il-proċedura ta’ clearance, li d-djun marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament miksuba mill-bdiewa u li kellhom jiġu rkuprati mill-Istat Membru kkonċernat kienu paragunabbli mad-debiti fiskali, peress li, essenzjalment, is-somom irkuprati ġew assenjati bħala dħul fil-baġit tal-Unjoni, b’mod li dawn isostnu dan il-baġit bl-istess mod bħal kif it-taxxi nazzjonali jsostnu l-baġit tal-Istat Membru kkonċernat. Skont il-Kummissjoni, l-effettività tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tirrikjedi li d-djun antiki jiġu suġġetti wkoll għall-istess trattament, fir-rigward tal-ġbir tal-interessi meta jsir irkupru, tad-debiti fiskali.

108    Issa, din l-analiżi tal-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza, iċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, li tissuġġetta, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-obbligu, tal-Istati Membri, li jiġbru interessi fuq il-vantaġġi indebitament miksuba mill-baġit tal-Unjoni għall-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi l-ġbir ta’ interessi fil-kuntest tal-irkupru ta’ vantaġġi tal-istess tip indebitament miksuba mill-baġit nazzjonali tagħhom.

109    Ċertament, għandu jiġi rrilevat, bħalma rrilevat il-Kummissjoni, li s-somom indebiti mħallsa u rrestitwiti jikkostitwixxu dħul, skont l-Artikolu 18(1)(f) tar-Regolament Nru 1605/2002, li huwa assenjat bil-għan li jiffinanzja spejjeż speċifiċi.

110    Madankollu, minkejja li s-somom marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mogħtija indebitament u rkuprati jiġu għalhekk inklużi bħala dħul fil-baġit tal-Unjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li s-somom li jikkorrispondu għal dawn il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma kellhom qatt jitħallsu lill-bdiewa.

111    Fi kliem ieħor, b’mod differenti mill-irkupru tat-taxxi nazzjonali, l-irkupru tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebiti ma jsirx speċifikament sabiex isostni l-baġit tal-Unjoni, iżda sabiex jirrestitwixxi ammonti li ma kellhom qatt jiġu mħallsa.

112    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset id-djun antiki marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni paragunabbli mad-djun fiskali.

113    Il-konklużjonijiet dedotti fil-punti 103 u 112 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu kkonfutati bl-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-premessa li, essenzjalment, interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ vantaġġi tal-istess tip, li fuq il-bażi tagħha l-irkupru ta’ taxxi nazzjonali mhux imħallsa u l-irkupru ta’ djun antiki ma għandhomx jitqiesu paragunabbli, tinjora kemm id-dannu sostnut mill-baġit tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ ġbir ta’ interessi kif ukoll l-effettività tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

114    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, diġà ġie kkunsidrat li l-irkupru tal-interessi dovuti bejn il-konstatazzjoni ta’ irregolarità u l-irkupru effettiv tas-somom inkwistjoni huwa ta’ natura kumpensatorja sa fejn l-interessi huma marbuta mad-dannu temporanjament sostnut mill-baġit tal-Unjoni minħabba l-assenza tal-ġbir ta’ kreditu kkalkolat favur tiegħu (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:T:2010:154, punt 44).

115    Min-naħa l-oħra, huwa veru wkoll li, konformement mal-Artikolu 325(2) TFUE, imsemmi fil-punt 92 iktar ’il fuq, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li, sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jieħdu l-istess miżuri li huma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom.

116    Madankollu, interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ vantaġġ tal-istess tip, kif issuġġerita mill-Kummissjoni, tirriżulta, minħabba l-kamp partikolarment wiesa’ tagħha, inkompatibbli mal-premessi tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li huwa applikabbli biss, kif jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza Pfeifer & Langen, punt 74 iktar ’il fuq (EU:C:2012:190, punt 45), fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni settorjali li tipprevedi l-irkupru tal-interessi. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, jirriżulta mingħajr ekwivoku li huwa biss meta d-dritt nazzjonali jipprevedi l-perċezzjoni tal-interessi fil-kuntest tal-irkupru ta’ vantaġġi tal-istess tip indebitament koperti mill-baġit nazzjonali li l-Istati Membri huma marbuta li jiġbru bl-istess mod l-interessi meta jirkupraw il-vantaġġi indebitament koperti mill-baġit tal-Unjoni.

117    Issa, l-interpretazzjoni estensiva proposta mill-Kummissjoni twassal, finalment, għall-kunsiderazzjoni li, anki fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm dejjem lok li jinġabru interessi meta d-dħul mill-irkupru ta’ somom indebiti jiġi assenjat għall-baġit tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1)(f) tar-Regolament Nru 1605/2002, sakemm id-dritt nazzjonali jipprevedi l-ġbir ta’ interessi fi kwalunkwe proċedura ta’ rkupru ta’ kull tip ta’ vantaġġi nazzjonali indebiti jew taxxi nazzjonali mhux imħallsa, indipendentement mill-paragunabbiltà tagħhom mad-djun tal-Unjoni inkwistjoni.

118    Din il-kunsiderazzjoni hija iktar u iktar applikabbli b’analoġija ma’ ġurisprudenza stabbilita, li tipprovdi li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax jiġi interpretat la li jobbliga Stat Membru li jestendi għall-azzjonijiet kollha għal irkupru ta’ taxxi jew ta’ ħlasijiet li jiksru d-dritt tal-Unjoni r-regoli ta’ preskrizzjoni tiegħu l-iktar favorevoli (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis, C‑231/96, Rec, EU:C:1998:401, punt 36, u tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, Ġabra, EU:C:2000:652, punt 29), lanqas li jobbligah li jestendi r-regoli interni tiegħu l-iktar favorevoli għall-azzjonijiet kollha mressqa f’ċertu qasam tad-dritt (ara s-sentenza Littlewoods Retail et, punt 100 iktar ’il fuq, EU:C:2012:478, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li d-djun antiki setgħu jiġu pparagunati mad-debiti fiskali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat ukoll meta ddeduċiet l-eżistenza, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, ta’ obbligu impost fuq l-awtoritajiet Olandiżi li jikkalkolaw interessi fuq id-djun antiki.

120    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-tieni lok, għandha tiġi evalwata l-argumentazzjoni sussidjarja mressqa mill-Kummissjoni fis-seduta u bbażata essenzjalment fuq il-fatt li l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fir-rigward ta’ interessi mhux iddikjarati u marbuta mad-djun antiki kienet iġġustifikata sa fejn id-dritt privat Olandiż kien jipprevedi possibbiltà ta’ rkupru ta’ interessi marbuta ma’ sussidji agrikoli nazzjonali indebitament mogħtija, b’mod li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, tali interessi setgħu jinkisbu fuq il-bażi tal-irkupru tal-krediti antiki.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull regola ta’ dritt marbuta mal-applikazzjoni tiegħu, jew dwar użu ħażin ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprovdi li, jekk ir-rikors huwa fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti Ġenerali ma tistax għalhekk, f’kull każ, tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħha (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑246/11 P, EU:C:2013:118, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Fil-Każ ineżami, qabelxejn, jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta fil-proċess li, fl-ittra tal-11 ta’ Frar 2011, mibgħuta bħala tweġiba għall-minuti tal-laqgħa bilaterali, l-awtoritajiet Olandiżi kkonstataw, minn naħa, l-assenza, fid-dritt pubbliku Olandiż, ta’ kull obbligu li jintalbu interessi meta jiġu rkuprati sussidji agrikoli nazzjonali mogħtija indebitament u, min-naħa l-oħra, possibbiltà li jinkisbu xorta waħda tali interessi fuq il-bażi tad-dritt privat Olandiż. Dawn l-awtoritajiet madankollu speċifikaw, f’din l-ittra, li din il-possibbiltà bil-kemm qatt ġiet, fil-prattika, implementata.

123    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma ddeduċiet ebda argument minn din l-allegata possibbiltà li toħroġ mid-dritt privat Olandiż sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien marbut jikkalkola interessi fir-rigward tad-djun antiki.

124    B’hekk, wara l-kontestazzjoni tal-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja mill-awtoritajiet Olandiżi, minn naħa, fil-komunikazzjoni formali, il-Kummissjoni indikat li d-djun tal-Unjoni ma setgħux jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn kwalunkwe dejn nazzjonali. Essenzjalment hija ddeduċiet li, jekk, fiż-żmien tal-fatti, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien jeżiġi interessi fl-irkupru ta’ kwalunkwe dejn nazzjonali, bħad-djun fiskali jew sussidji nazzjonali mogħtija indebitament, l-istess kellu jsir mal-irkupru tad-djun tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-osservazzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni fid-dawl tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, mill-pożizzjoni finali u mir-rapport ta’ sinteżi li l-Kummissjoni qieset li d-djun antiki kellhom jitqabblu ma’ debiti fiskali nazzjonali.

125    Finalment, għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta li din l-allegata possibbiltà li jinkisbu interessi fuq il-bażi tad-dritt privat Olandiż ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-partijiet fil-proċedura amministrattiva.

126    Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-korrezzjoni finanzjarja applikata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-interessi mhux iddikjarati marbuta mad-djun antiki hija essenzjalment ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li dawn id-djun kienu paragunabbli mad-debiti fiskali, b’mod li, ladarba nġabru interessi fl-irkupru ta’ dawn tal-aħħar, kellhom jiġu kkalkolati interessi wkoll fir-rigward ta’ dawk tal-ewwel. Min-naħa l-oħra, fl-ebda mument, il-Kummissjoni ma bbażat din il-konklużjoni fuq il-kunsiderazzjoni li, ladarba kien hemm il-possibbiltà li jinkisbu interessi fuq djun nazzjonali li joriġinaw minn sussidji agrikoli nazzjonali mogħtija indebitament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jikkalkola l-interessi inkwistjoni fir-rigward tad-djun antiki.

127    Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan l-istadju, ta’ tali possibbiltà, jekk titqies stabbilita, li jinkiseb il-ħlas ta’ interessi skont id-dritt privat Olandiż u l-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk din il-possibbiltà kinitx tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għar-rikonoxximent, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ta’ obbligu impost fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jikkalkola interessi fuq id-djun antiki twassal finalment għal sostituzzjoni tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata li biha, madankollu, il-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 121 iktar ’il fuq, ma tistax tipproċedi.

128    Minn dan isegwi li l-argumentazzjoni sussidjarja mressqa mill-Kummissjoni fis-seduta għandha tiġi skartata, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tagħha peress li din ġiet ifformulata għall-ewwel darba fis-seduta.

129    Fid-dawl tal-premess, it-tieni motiv imressaq mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu. Peress li dan il-motiv isostni il-kap tat-talbiet prinċipali, hemm lok li dan tal-aħħar jintlaqa’.

130    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li teżamina, sussidjarjament, it-tielet motiv imressaq mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li jiġi speċifikat li dan il-motiv isostni t-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat sussidjarjament (ara l-punt 51 iktar ’il fuq).

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70 u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 595/91

131    Permezz tat-tielet motiv, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika lill-Kummissjoni li injorat il-prinċipju ta’ diliġenza, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70 u mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 595/91, peress li hija ma adottatx, qabel is-16 ta’ Ottubru 2006, deċiżjoni dwar id-djun imsemmija fil-fajl Centramelk u li timponi dawn id-djun fuq il-Komunità. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni kellha, fi żmien utli, tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi, partikolarment, fl-ittra tal-4 ta’ Ottubru 2006. Peress li minn din l-informazzjoni jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ każ wieħed mid-disa’ każijiet individwali ta’ frodi li jaqgħu taħt il-fajl Centramelk, id-djun inkwistjoni kienu irrekuperabbli, li barra minn hekk dan kien diġà rriżulta fid-data tal-komunikazzjoni speċjali tal-10 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni qabel is-16 ta’ Ottubru 2006 fir-rigward ta’ tmienja minn dawn il-każijiet. Tal-inqas, hija kellha timmotiva r-rifjut tagħha li tadotta tali deċiżjoni. Issa, l-ittra tat-23 ta’ Ottubru 2006 hija nieqsa minn kull motivazzjoni. It-tieni nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u sempliċement irreferiet għal pożizzjonijiet preċedenti li ma kinux validi iktar. Hija mxiet b’nuqqas ta’ diliġenza, partikolarment fir-rigward tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni. It-tielet nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, bi tweġiba għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li dan il-motiv huwa inammissibbli, li huwa ma jistax jiġi kkritikat li ma ppreżentax rikors kontra d-Deċiżjoni 2007/327 peress li din kienet tirrigwarda biss is-somma prinċipali u mhux l-interessi.

132    Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li t-tielet motiv huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ infondat.

133    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, fir-rigward tad-djun previsti fil-fajl Centramelk, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2007/327, tapplika r-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ittra tal-21 ta’ Frar 2006 li, skont is-servizzi tal-Kummissjoni, l-irkupru ta’ dawn id-djun kien għadu pendenti fid-data ta’ din l-ittra. Fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni informat barra minn hekk lill-awtoritajiet Olandiżi bil-fatt li ebda deċiżjoni ma kienet għadha ttieħdet fir-rigward ta’ dan il-fajl u li l-każijiet li ma kinux ittrattati qabel is-16 ta’ Ottubru 2006 kienu ser jiġu ttrattati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005.

134    Sussegwentement, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet iddiskutew, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 għall-interessi marbuta mad-djun previsti fil-fajl Centramelk. Din il-kwistjoni tqajmet, partikolarment, quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni.

135    Fir-rapport tiegħu, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni rrileva, b’mod partikolari, li l-fajl Centramelk kien ġie ttrattat, fl-2006, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. F’dan il-kuntest, filwaqt li jirrileva li seta’ kien impossibbli li jsir eżami mill-ġdid tad-Deċiżjoni 2007/327, li saret finali, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni jistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk kienx prevedibbli li l-kalkolu tal-interessi jiġi llimitat għall-uniku każ ta’ frodi li jaqa’ taħt dan il-fajl li fil-fatt kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ rkupru fl-2006, bl-eċċezzjoni tal-każijiet l-oħra li jaqgħu taħt dan il-fajl, li jikkonċernaw kumpanniji falluti, stralċati jew mingħajr attiv ferm qabel l-applikazzjoni tar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. Bħala konklużjoni, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni stieden, partikolarment, lill-Kummissjoni tevalwa din il-kwistjoni tal-aħħar.

136    Finalment, il-Kummissjoni eżaminat din il-kwistjoni fil-pożizzjoni finali tagħha kif ukoll fir-rapport ta’ sinteżi. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, qabelxejn, li, konformement mal-Artikolu 32(6)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma jsegwix bl-irkupru meta jirriżulta li dan ikun impossibbli minħabba l-insolvenza tad-debitur, ikkonstata u aċċettata konformement mad-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Issa, peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma inkludiex, fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 għas-sena finanzjarja 2006, ebda wieħed mid-disa’ djun previsti fil-fajl Centramelk bħala li huma irrekuperabbli, dawn id-djun kellhom, skont il-Kummissjoni, jiġu suġġetti għar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. Sussegwentement, il-Kummissjoni injorat l-argument ibbażat fuq il-premessa li tmienja mid-disa’ djun previsti f’dan il-fajl kienu irrekuperabbli qabel l-adozzjoni stess tad-deċiżjoni ta’ clearance għas-sena finanzjarja 2006 u kellhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-interessi. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li din ir-regola kienet tistabbilixxi qsim tar-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Istat Membru kkonċernat għad-djun li l-irkupru tagħhom ma jkunx seħħ f’terminu ta’ erba’ snin jew ta’ tmien snin wara l-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja. Issa, skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi, in-natura irrekuperabbli tad-dejn kienet ġiet stabbilita qabel dan il-limitu ta’ żmien biss f’żewġ każijiet individwali ta’ frodi kkonċernati. Barra minn hekk, hija żiedet li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni li saret fl-2003, is-servizzi tagħha kienu kkonkludew li l-irkupru tad-djun previsti f’dan il-fajl kien għadu pendenti. Finalment, hija applikat, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u sa fejn l-interessi kkostitwixxew aċċessorju għad-djun prinċipali, ir-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 għall-interessi marbuta mad-djun kollha previsti fil-fajl Centramelk.

137    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet speċifiċi li dan il-motiv għandu, prinċipalment, jiġi eżaminat.

138    Fl-ewwel lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jallega li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi b’diliġenza sa fejn hija indebitament naqset milli tadotta, qabel is-16 ta’ Ottubru 2006, deċiżjoni fir-rigward tad-djun previsti fil-fajl Centramelk jew, tal-inqas, milli timmotiva r-rifjut tagħha li tadotta tali deċiżjoni qabel l-imsemmija data.

139    B’mod iktar speċifiku, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, fir-rikors, li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli “[tadotta] qabel is-16 ta’ Ottubru 2006 [...] deċiżjoni dwar djun sospiżi li kienu diġà s-suġġett [tal-komunikazzjoni speċjali tal-10 ta’ Lulju 2003] intiża sabiex il-bilanċ jiġi impost fuq […] il-Komunità”. Bl-istess mod, fir-replika, huwa jikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx, qabel is-16 ta’ Ottubru 2006, deċiżjoni “dwar [il-fajl] Centramelk li fuq il-bażi tagħha d-djun irrekuperabbli fi [tmien] minn [disa’ każijiet individwali ta’ frodi] ikkonċernati baqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Komunità” u li din l-istituzzjoni “setgħet u kellha, ukoll qabel […] is-16 ta’ Ottubru 2006 […], fir-rigward [ta’ dawn it-tmien każijiet individwali ta’ frodi], tiddeċiedi li l-konsegwenzi finanzjajri [kellhom] jiġu imposti fuq il-Komunità, konformement mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70 flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 595/91”. Barra minn hekk, huwa jżid li l-ittra tat-23 ta’ Ottubru 2006 hija nieqsa minn kull motivazzjoni.

140    Mill-atti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirriżulta wkoll, kif dan ġie ukoll ikkonfermat fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li ġiet ikkonstatata fil-verbal tas-seduta, li minkejja li l-argumenti mqajma insostenn tat-tielet motiv huma formalment ippreżentati bħala li huma intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, dawn jikkonċernaw bl-istess mod l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 għad-djun previsti fil-fajl Centramelk.

141    Issa, huwa paċifiku li, kif dan ġie rrilevat fil-punt 133 iktar ’il fuq, huwa permezz tad-Deċiżjoni 2007/327 li l-Kummissjoni ssuġġettat, b’mod partikolari, id-djun previsti fil-fajl Centramelk għar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005.

142    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni li ma tkunx ġiet ikkontestata mid-destinatarju fit-termini previsti fl-Artikolu 263 TFUE issir finali fir-rigward tiegħu (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra, EU:C:1999:407, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-kunsiderazzjoni li t-termini sabiex titressaq azzjoni huma intiżi sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza legali, billi jevitaw li atti tal-Unjoni li għandhom effetti legali jitqiegħdu indefinittivament f’dubju, kif ukoll fuq ir-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-proċedura (sentenza tal-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1999:407, punt 61).

143    Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien, kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/327, destinatarju ta’ din id-deċiżjoni u ma ppreżenta ebda rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

144    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 142 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2007/327 saret finali fir-rigward tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

145    Għaldaqstant, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li seta’, mal-preżentata ta’ rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2007/327, jikkontesta l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 għad-djun previsti fil-fajl Centramelk, ċaħħad lilu nnifsu minn kull possibbiltà li jikkontestaha sussegwentement, ladarba it-terminu tar-rikors kontra d-deċiżjoni skada (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑86/08, Ġabra, EU:T:2012:345, punt 50).

146    Fil-fatt, jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitħalla, fl-ambitu ta’ dan ir-rikors, iqajjem argumenti marbuta mal-assenza ta’ deċiżjoni, fir-rigward tad-djun previsti fil-fajl Centramelk, qabel is-16 ta’ Ottubru 2006 u, għalhekk, mal-inklużjoni ta’ dawn id-djun fid-Deċiżjoni 2007/327, meta xejn ma kien iżommu milli jikkontesta din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors għal annullament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun qed jitħalla jinjora t-terminu għal preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2007/327 (ara, bħala analoġija, is-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, EU:T:2012:345, punt 53).

147    Għalhekk, l-argumenti dedotti mill-premessa li l-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni dwar id-djun previsti fil-fajl Centramelk qabel is-16 ta’ Ottubru 2006 għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

148    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dedott mill-premessa li huwa ma setax jiġi kkritikat li ma ppreżentax rikors kontra d-Deċiżjoni 2007/327, peress li din kienet tirrigwarda biss l-ammont prinċipali tad-djun previsti fil-fajl Centramelk u mhux l-interessi.

149    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini proċedurali tirrifletti r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni u kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, EU:T:2012:345, punt 54; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C‑73/10 P, Ġabra, EU:C:2010:684, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    Issa, jekk tiġi aċċettata l-argumentazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u dan tal-aħħar jitħalla jikkontesta, f’dan l-istadju, il-legalità tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fid-Deċiżjoni 2007/327 sempliċement minħabba li, bid-deċiżjoni kkontestata, interessi marbuta mad-djun inkwistjoni fid-Deċiżjoni 2007/327 ġew suġġetti sussegwentement għall-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, dan l-Istat Membru jkun qed jitħalla jevita t-terminu għal preżentata ta’ rikors u dan ikun, għalhekk, kuntrarju għall-għan ta’ dan it-terminu, kif imsemmi fil-punt 149 iktar ’il fuq.

151    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi intiżi sabiex jistabbilixxu li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi b’diliġenza sa fejn hija, b’mod żbaljat, naqset milli tadotta deċiżjoni dwar id-djun previsti fil-fajl Centramelk qabel is-16 ta’ Ottubru 2006.

152    Fit-tieni lok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika lill-Kummissjoni li naqset ukoll milli taġixxi b’diliġenza matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tiegħu, filwaqt li kemm l-awtoritajiet tiegħu kif ukoll il-Korp ta’ Konċiljazzjoni kkritikaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar “naqset milli tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha billi sempliċement irreferiet għal pożizzjonijiet preċedenti li fil-frattemp ma baqgħux validi minħabba informazzjoni ġdida” u ma ħaditx “bis-serjetà l-proċedura ta’ konċiljazzjoni”.

153    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mis-sommarju, fil-punt 136 iktar ’il fuq, tal-pożizzjoni finali u mir-rapport ta’ sinteżi tal-Kummissjoni, din tal-aħħar, essenzjalment, affermat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha li d-djun previsti fil-fajl Centramelk kellhom jiġu ssuġġettati, fid-Deċiżjoni 2007/327, għar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 u injorat, f’dan il-kuntest, l-argument dedott mill-premessa li, mill-2006, irriżulta li d-djun kienu irrekuperabbli fi tmien minn disa’ każijiet individwali ta’ frodi li jaqgħu taħt l-imsemmi fajl. Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi u sa fejn l-interessi marbuta mad-djun previsti f’dan il-fajl kienu jikkostitwixxu aċċessorju għal dawn id-djun, il-Kummissjoni qieset li kien hemm lok li tiġi applikata din ir-regola u li tiġi imposta fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi korrezzjoni finanzjarja ta’ 50 % tal-interessi marbuta ma’ dawn id-djun.

154    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat debitament il-kwistjoni ta’ jekk ċerti djun previsti fil-fajl Centramelk setgħux jiġu esklużi mill-kalkolu tal-interessi. B’mod partikolari, hija eżaminat u ċaħdet b’mod espliċitu l-allegazzjoni li, mill-2006, irriżulta li, fi tmien minn disa’ każijiet individwali ta’ frodi li jaqgħu taħt dan il-fajl, id-djun kienu irrekuperabbli kif ukoll il-proposta li jiġu esklużi mill-korrezzjoni finanzjarja l-interessi marbuta ma’ dawn it-tmien każijiet individwali ta’ frodi.

155    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tal-argumenti mressqa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-kwistjonijiet imqajma mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni u eżaminathom b’attenzjoni, anki jekk ma qisithomx li kienu konvinċenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma setax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/97, Ġabra, EU:C:2000:255, punti 92 u 93).

156    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata bl-argument imressaq mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha billi sempliċement irreferiet għal pożizzjonijiet preċedenti li fil-frattemp ma baqgħux validi minħabba informazzjoni ġdida.

157    Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni senjatament affermat mill-ġdid il-pożizzjoni preċedenti tagħha, ikkontestata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li skontha, fil-kuntest tal-investigazzjoni li saret fl-2003, is-servizzi tagħha kienu kkonkludew li l-irkupru tad-djun previsti fil-fajl Centramelk kien għadu pendenti ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni fl-eżami tal-argumenti mressqa minnu. Għall-kuntrarju, dan il-fatt jikkostitwixxi sempliċi espressjoni ta’ nuqqas ta’ qbil, bejn il-partijiet, fir-rigward tas-suffiċjenza tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-clearance ta’ dawn id-djun. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet li jidhru fil-punt 155 iktar ’il fuq, dan il-fatt ma jistax jikkostitwixxi nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni.

158    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 142 sa 146 iktar ’il fuq, għandu jingħad ukoll li l-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, li l-irkupru tad-djun previsti fil-fajl Centramelk kien għadu pendenti wassal senjatament għall-issuġġettar ta’ dawn id-djun għar-regola li toħroġ mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 u għall-inklużjoni tagħhom fid-Deċiżjoni 2007/327 (ara l-punt 133 iktar ’il fuq) u li din u kif ukoll l-konstatazzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward saru finali fir-rigward tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-assenza ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn dan tal-aħħar kontra l-imsemmija deċiżjoni. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment u mingħajr ma tonqos mid-diliġenza tagħha tibbaża ruħha fuq dawn l-elementi fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

159    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 għall-interessi marbuta mad-djun previsti fil-fajl Centramelk billi kkunsidrat li dawn l-interessi kellhom, bħala aċċessorju għal dawn id-djun, isegwu t-trattament ta’ dawn tal-aħħar. Issa, għandu jiġi rrilevat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kkontesta bl-ebda mod din il-kunsiderazzjoni.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bbażati fuq il-premessa li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi b’diliġenza meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa, matul il-proċedura, minn dan l-Istat Membru fir-rigward tal-interessi marbuta mad-djun previsti fil-fajl Centramelk.

161    Fid-dawl tal-premess, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

162    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi u, b’mod partikolari, tal-konklużjoni dedotta fil-punt 129 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni applikat għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi korrezzjoni finanzjarja, li titla’ għal EUR 4 703 231.78, bħala interessi mhux iddikjarati marbuta mad-djun antiki.

 Fuq l-ispejjeż

163    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/763/UE, tat-12 ta’ Diċembru 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn din tapplika għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi korrezzjoni finanzjarja, li titla’ għal EUR 4 703 231.78, bħala interessi mhux iddikjarati marbuta ma’ djun relatati ma’ imposti addizzjonali mħallsa tardivament u li jippreċedu l-1 ta’ April 1993 u ma’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament imħallsa u li jippreċedu l-1 ta’ April 1995.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Novembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.