Language of document : ECLI:EU:T:2015:875

Kawża T‑126/14

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG – Taqsima ‘Garanziji’ – FAEG u FAEŻR – Korrezzjoni finanzjarja applikata fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-interessi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Obbligu li jiġu kkalkolati l-interessi – Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Obbligu ta’ diliġenza”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ Novembru 2015

1.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEG – Proċedura ta’ clearance tal-kontijiet – Ammonti rekuperabbli mill-Istat Membru – Nuqqas ta’ rkupru mill-Istat Membru fit-termini previsti ta’ ammonti dovuti wara irregolaritajiet jew negliġenzi – Konsegwenzi finanzjarji – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ obbligu ta’ kontabbiltà tal-interessi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 32(1) u (5))

2.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEG – Proċedura ta’ clearance tal-kontijiet – Ammonti rekuperabbli mill-Istat Membru – Obbligu għall-Istat Membru li jeżiġi, skont l-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005, interessi fuq l-ammonti dovuti – Assenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 729/70, kif emendat bir-Regolamenti Nru 1287/95, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2), u Nru 1290/2005, Artikolu 32(1) u (5))

3.      Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEG – Proċedura ta’ clearance tal-kontijiet – Ammonti rekuperabbli mill-Istat Membru – Invokar tal-prinċipju ta’ ekwivalenza sabiex jiġi stabbilit obbligu li jintalbu interessi mal-irkupru ta’ ammonti – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Komparabbiltà tad-djun tal-Unjoni mad-djun nazzjonali tal-istess tip – Paragun tad-djun tal-Unjoni relatati ma’ imposti addizzjonali fuq il-ħalib u ma’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma’ djun fiskali nazzjonali – Assenza tan-natura paragunabbli

(Artikolu 325(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 32(1) u (5))

4.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Setgħa tal-qorti li tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħha – Esklużjoni

(Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE)

5.      Rikors għal annullament – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

1.      L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, jirrigwarda l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-irkupru ta’ somom mill-benefiċjarji li wettqu irregolaritajiet jew li wrew negliġenza. B’mod partikolari, minn naħa, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, is-somom irkuprati minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi u l-interessi fuqhom għandhom jitħallsu lill-aġenziji tal-ħlas u għandhom jiġu inklużi minn dawn tal-aħħar bħala dħul assenjat għall-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont ix-xahar li fih il-flus ikunu ġew effettivament riċevuti. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32(5) jipprevedi s-sitwazzjonijiet partikolari li fihom l-Istat Membru ma jkunx rkupra s-somom f’ċertu terminu. F’tali sitwazzjonijiet, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandhom jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat u 50 % mill-baġit tal-Unjoni. Dan il-qsim ta’ responsabbiltà finanzjarja japplika għall-effetti kollha ta’ natura finanzjarja marbuta mal-assenza ta’ rkupru tas-somom imħallsa b’mod irregolari, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, is-somom prinċipali kif ukoll l-interessi, li huma marbuta magħhom u li kellhom jitħallsu skont l-Artikolu 32(1) tal-istess regolament.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tista’, fil-prinċipju, tinkludi, fis-somom dovuti fuq il-bażi tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, interessi marbuta mad-djun li għalihom l-irkupru ma jkunx sar fit-terminu, skont il-każ, ta’ erba’ jew ta’ tmien snin stabbilit minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, din l-inklużjoni ta’ interessi hija neċessarjament subordinata għall-eżistenza, fil-każ ineżami, ta’ obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jeżiġi l-ħlas ta’ interessi fuq is-somom inkwistjoni.

(ara l-punti 72, 73, 75-78)

2.      L-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, ma jinkludi ebda obbligu, impost fuq l-Istati Membri, li jeżiġu interessi fuq id-djun li għandhom jiġu rkuprati. Fil-fatt, min naħa, bħal fil-każ inter alia tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 729/70, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, fil-verżjoni tiegħu li toriġina mir-Regolament Nru 1287/95, l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdi biss sempliċi regola ta’ assenjazzjoni baġitarja tas-somom irkuprati wara irregolarità jew negliġenza, mingħajr ma jipprevedi obbligu, għall-Istati Membri, li jeżiġu interessi fuq tali somom irkuprati. Min-naħa l-oħra, lanqas l-Artikolu 32(5) ta’ dan ir-regolament ma jistabbilixxi tali obbligu, peress li din id-dispożizzjoni tinkludi biss regola ta’ qsim tar-responsabbiltà finanzjarja fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rkupru tal-ammonti inkwistjoni, lil hinn mit-termini previsti minn din id-dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, minkejja li huwa veru li l-esklużjoni tal-interessi mis-somma li għandha tiġi rkuprata, u għaldaqstant it-tnaqqis tal-ammont attribwit lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, xorta waħda ma jistax, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiġi dedott l-istabbiliment ta’ prinċipju ġenerali li l-Istati Membri huma marbuta jeżiġu l-interessi meta jirkupraw ammonti dovuti minħabba irregolaritajiet.

(ara l-punti 80-82, 85, 86)

3.      Fil-qasam tal-irkupru ta’ djun agrikoli, fl-assenza, kemm fir-regolamenti settorjali kif ukoll fir-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, ta’ obbligu li jintalbu interessi fuq tali djun, tali obbligu jista’, fil-każ partikolari, ikun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza, meta d-dritt intern tal-Istat Membru inkwistjoni jipprevedi l-perċezzjoni ta’ interessi fil-kuntest tal-irkupru ta’ vantaġġi tal-istess tip indebitament meħuda mill-baġit nazzjonali tiegħu. L-istess jgħodd fir-rigward tal-ispejjeż finanzjarji li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma marbuta li jiġbru għan-nom tal-Unjoni.

Ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, djun marbuta ma’ imposti addizzjonali fis-settur tal-ħalib u ma’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, minn naħa, u djun fiskali nazzjonali, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, l-imposti addizzjonali fuq il-ħalib huma intiżi sabiex jiġbru fondi għall-baġit tal-Unjoni u huma kkaratterizzati mill-funzjoni tagħhom ta’ regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli filwaqt li t-taxxi nazzjonali huma kkaratterizzati mill-funzjoni fundamentali tagħhom, jekk mhux esklużiva, li hija dik li jiġi ġġenerat dħul għall-baġit nazzjonali. Barra minn hekk, l-imposti agrikoli jinġabru minn kategorija strettament delimitata ta’ persuni taxxabbli u mhux mill-popolazzjoni fl-intier tagħha u d-dħul mill-imposti addizzjonali huwa assenjat għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur tal-ħalib u, senjatament, għaċ-ċirkulazzjoni tal-produzzjoni tal-produtturi li jaqbżu l-kwoti tagħhom.

Barra minn hekk, is-sistema ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandha l-għan li tippermetti l-esportazzjoni ta’ prodotti Ewropej li, altrimenti, ma jkunux iktar ta’ qligħ għall-operatur. Min-natura tagħhom, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, li jikkostitwixxu vantaġġ mogħti lill-bdiewa, jiddistingwu ruħhom mit-taxxi nazzjonali. Fil-fatt, filwaqt li tal-ewwel huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, tat-tieni jsostnu l-baġit nazzjonali. Minkejja li huwa veru li l-ammonti marbuta mal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebitament mogħtija u rkuprati jinġiebu bħala dħul fil-baġit tal-Unjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, b’mod differenti mill-irkupru tat-taxxi nazzjonali, l-irkupru tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni indebiti ma jsirx speċifikament sabiex isostni l-baġit tal-Unjoni, iżda sabiex jirrestitwixxi ammonti li ma kellhom qatt jiġu mħallsa.

(ara l-punti 91, 92, 97-100, 104, 106, 110, 111)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 121)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 142, 149)