Language of document : ECLI:EU:T:2015:796

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

22 ta’ Ottubru 2015

Kawża T-130/14 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Erik Simpson

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Avvanz fil-grad – Klassifikazzjoni fi grad – Deċiżjoni li l-persuna kkonċernata ma tingħatax il-grad AD 9 wara li għaddiet minn kompetizzjoni ġenerali ta’ grad AD 9 – Żnaturament tal-provi”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-12 ta’ Diċembru 2013, Simpson vs Il-Kunsill (F-142/11, ĠabraSP, EU:F:2013:201), u intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-12 ta’ Diċembru 2013, Simpson vs Il-Kunsill (F-142/11, ĠabraSP, EU:F:2013:201), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċaħad it-talba ta’ Erik Simpson intiża sabiex jikseb avvanz għall-grad AD 9 minħabba li kien għadda mill-kompetizzjoni EPSO/AD/113/07 u sa fejn hija kkundannat lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha (punti 1 u 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza). Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-fatti meqjusa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest tal-eżami tiegħu tal-tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss għandu ġurisdizzjoni, minn naħa, li jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tiegħu tirriżulta mill-atti tal-proċess ippreżentati lilu, u, min-naħa l-oħra, li jevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma tikkostitwixxix punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali.

Minbarra dan, l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat fil-kuntest ta’ appell mill-Qorti Ġenerali għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti li fuqhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu li tgħid li l-motivazzjoni hija suffiċjenti jew insuffiċjenti.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ żnaturament tal-provi, tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi u li saħansitra jiġu prodotti provi ġodda.

(ara l-punti 27, 29 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V, C-188/96 P, Ġabra, EU:C:1997:554, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C-8/95 P, Ġabra, EU:C:1998:257, punt 72; tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra, EU:C:2006:229, punt 54, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra, EU:C:2008:392, punt 30

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2011, P vs Il‑Parlament, T-213/10 P, ĠabraSP, EU:T:2011:617, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs AY, T-167/12 P, ĠabraSP, EU:T:2013:524, punt 25