Language of document : ECLI:EU:T:2015:927

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

3 ta’ Diċembru 2015

Kawża T‑127/14 P

Alvaro Sesma Merino

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern
(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Għanijiet 2011-2012 – Att li jikkawża preġudizzju – Ammissibbiltà”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Sesma Merino vs UASI (F‑125/12, ĠabraSP, EU:F:2013:192), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. A. Sesma Merino huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Deċiżjoni li tiffissa l-għanijiet ta’ uffiċjal adottata qabel id-deċiżjoni finali u li ma tipproduċix effetti ġuridiċi vinkolanti – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali – Assenjazzjoni – Riorganizzazzjoni tad-dipartimenti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Limiti – Interess tas-servizz – Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5 u 7)

1.      Fir-rigward ta’ att jew ta’ deċiżjoni li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’numru ta’ fażijiet, il-miżuri intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa sempliċement li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali, fihom infushom ma jipproduċux effetti ġuridiċi vinkolanti. Dawn l-effetti jirriżultaw biss mill-att li jiffissa b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata u, sakemm dan l-att ma jkunx għadu ġie adottat, is-sitwazzjoni ġuridika tal-partijiet ikkonċernati ma tinbidilx direttament u immedjatament.

Għalhekk, jekk minna nnifisha miżura tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, hija tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, li jista’ jkun suġġett għal ilment u, sussegwentement, għal rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, konformement, rispettivament, mal-Artikolu 90(2) u mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-fatt li din il-miżura, eventwalment, tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni ulterjuri ta’ miżura oħra u, b’hekk, tista’ titqies li tidħol fil-kuntest ta’ proċedura interna li tagħti lok għall-adozzjoni ta’ din il-miżura l-oħra ma huwiex suffiċjenti biex l-ewwel miżura ma jkollhiex il-kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju.

B’hekk, il-fatt li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffissar ta’ għanijiet lil uffiċjal għal perijodu determinat tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali waqt l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni segwenti ma huwiex, waħdu, suffiċjenti biex jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ ffissar ta’ għanijiet ma tikkostitwix att li jikkawża preġudizzju. Ikun meħtieġ ulterjorment li jiġi pprovat li din l-aħħar deċiżjoni ma tipproduċix, fiha nnifisha, effetti ġuridiċi vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punti 26, 27 u 29)

2.      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u fl-assenjazzjoni tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom hija suġġetta għall-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u fir-rispett tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.

Għalhekk, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet ta’ uffiċjal ma għandhomx ikunu inqas minn dawk li jikkorrispondu għall-grad u l-pożizzjoni tiegħu, huma lanqas ma għandhom imorru manifestament lilhinn minn dak li jista’ raġonevolament ikun rikjest minn uffiċjal tal-grad ikkonċernat, li jokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni, u dan wisq iżjed meta tali rekwiżit huwa manifestament kuntrarju għall-interess tas-servizz.

(ara l-punti 31, 37 u 38)

Referenza:

Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, Ġabra, EU:C:1988:165, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata