Language of document : ECLI:EU:T:2016:267

Edizzjoni Provviżorja

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appelli)

4 ta’ Mejju 2016

Kawża T‑129/14 P

Carlos Andres et

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Appell - Servizz pubbliku - Persunal tal-BĊE - Pensjonijiet - Riforma tal-iskema ta’ previdenza - Iffriżar tal-pjan ta’ pensjoni - Kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-BĊE - Dritt għal konsultazzjoni - Differenza fin-natura bejn ir-relazzjoni ta’ impjieg kuntrattwali u r-relazzjoni ta’ impjieg taħt ir-Regolamenti tal-Persunal - Żnaturament - Żball ta’ liġi”

Suġġett :      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tal-11 ta’ Diċembru 2013, Andres et vs BĊE (F-15/10, EU:F:2013:194), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :      L-appell huwa miċħud. Carlos Andres u l-appellanti l-oħra li isimhom jinsabu fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Intanġibbiltà wara adozzjoni – Emenda suġġetta għall-osservanza tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u proċedurali

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Rappreżentanza – Kumitat ta’ Sorveljanza tal-pjan ta’ pensjoni – Konsultazzjoni obbligatorja – Portata – Obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kumitat — Limiti – Limiti

(Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 10.4; Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 23.1)

3.      Politika soċjali – Informazzjoni u konsultazzjoni mal-ħaddiema – Direttiva 2002/14 – Dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża – Portata

(Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

1.      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-prevedibbiltà ta’ sitwazzjonijiet u ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijet tal-Unjoni jirrispettaw l-intanġibbiltà tal-atti li jkunu adottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika u materjali tal-individwi suġġetti għad-dritt, b’mod li ma jistgħux jibdlu dawn l-atti jekk mhux bl-osservanza tar-regoli ta’ kompetenza u r-regoli proċedurali.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja : sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Schulin, C‑305/00, Ġabra, EU:C:2003:218, punt 58, u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, EU:C:2005:548, punt 69

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra, EU:T:1997:155, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-obbligu ta’ konsultazzjoni li għandu l-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest ta’ riforma tal-iskema ta’ previdenza tiegħu jimplika li huwa għandu jipprovdi lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-pjan ta’ pensjoni l-informazzjoni rilevanti matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni, fejn l-għan huwa li l-imsemmi kumitat ikun jista’ jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni bl-iktar mod komplet u effettiv possibbli. Biex jagħmel dan, l-informazzjoni rilevanti ġdida kollha għandha tiġi pprovduta lilu mill-Bank sal-aħħar mument tal-imsemmi proċess.

Madankollu, ma jirriżultax la mill-portata ġenerali tal-obbligu ta’ konsultazzjoni impost fuq il-Bank fir-rigward tar-riforma kkunsidrata tal-iskema ta’ previdenza, u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra, jiġifieri l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Ftehim li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn id-Bord Eżekuttiv u l-Kumitat tal-Persunal tal-Bank u l-Artikolu 30 tal-mandat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-pjan ta’ pensjoni, li dan l-obbligu ta’ konsultazzjoni jippermetti lill-Bank li jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu li jippreżerva l-kunfidenzjalità tad-dokumenti kkonċernati. Għall-kuntrarju, kif fakkar it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-kumitat ta’ Sorveljanza għandu jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni b’mod sħiħ u effettiv possibbli, filwaqt li, skont l-għan tal-Kapitolu II tal-imsemmi protokoll ta’ ftehim, l-informazzjoni li tippermetti li ssir familjarizzazzjoni mal-għanijiet tal-konsultazzjoni għandha titressaq lill-Kumitat tal-Persunal sa fejn ma jkunx hemm ebda raġuni imperattiva li tipprekludi dan.

(ara l-punti 57 u 60)

3.      Jekk l-obbligu ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema jissarraf fi dmir tal-persuna li timpjega li tipprovdi jew tibgħat, fis-sens tad-Direttiva 2002/14, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, lill-kumitati l-informazzjoni rilevanti matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni, dan jimplika azzjoni attiva mill-persuna li timpjega f’dan is-sens, madankollu, dan l-obbligu ma jistax jinftiehem bħala li jobbliga lill-imsemmija persuna li timpjega li tibgħat lir-rappreżentanti tal-ħaddiema l-informazzjoni kollha li għandhom aċċess għaliha minn sorsi oħra u b’mod partikolari dik li taqa’ filqasam pubbliku.

(ara l-punt 76)