Language of document : ECLI:EU:T:2018:643

Kawża T-128/14

Daimler AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 29 tad‑Direttiva 2007/46/KE li jippermetti lil Stat Membru jirrifjuta r‑reġistrazzjoni ta’ vetturi li jippreżentaw riskju serju għas-sigurtà stradali, jew huma ta’ dannu gravi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Preżunzjoni ġenerali – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Rifjut ta’ aċċess għall-fajl – Artikolu 41 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti preparatorji – Esklużjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta talba ta’ aċċess għall-fajl imressqa fil-kuntest ta’ proċedura mibdija fuq il-bażi tad-Direttiva 2007/46 – Att preparatorju

(Artikolu 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41, Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/46, Artikolu 29)

2.      Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Konvenzjoni dwar l-aċċess għat-tagħrif, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess deċiżjonali u l-aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) – Effetti – Supremazija fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni – Evalwazzjoni, fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni, tal-legalità ta’ att tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Natura invokabbli tal-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni – Assenza

(Artikolu 216(2) TFUE; Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-punt c tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Talba ta’ aċċess li tirrigwarda informazzjoni ambjentali – Applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 bħala lex specialis meta mqabbel mar-Regolament Nru 1049/2001 – Effett – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Portata – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), u Nru 1367/2006, Artikolu 6(1))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Interpretazzjoni u applikazzjoni stretti – Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti – Portata – Esklużjoni tal-obbligu – Possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Kunċett ta’ investigazzjoni –      Proċedura mibdija mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46 – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/46, Artikolu 29)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għal dokumenti – Rifjut ta’ aċċess – Possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq preżunzjonijiet ġenerali applikabbli għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Portata – Applikazzjoni għall-fajls amministrattivi relatati mal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46 – Preżunzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl amministrattiv – Ġustifikazzjoni għal raġunijiet ta’ natura ġenerali – Inammissibbiltà

(Artikolu 11 TUE; Artikolu 15 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/46, Artikolu 29)

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Preżunzjoni ġenerali ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dokumenti relatati ma’ proċedura EU Pilot – Applikabbiltà tal-preżunzjoni għad-dokumenti relatati ma’ proċedura mibdija taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46 – Esklużjoni

(Artikolu 258 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/46, Artikolu 29)

1.      Meta, fil-kuntest ta’ investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, manifattur ta’ vetturi jibgħat ittra lill-Kummissjoni li permezz tagħha, minn naħa, jieħu pożizzjoni fir-rigward tar-rifjut minn Stat Membru li jirreġistra ċerti vetturi u, min-naħa l-oħra, jitlob l-aċċess għall-fajl amministrattiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rifjut ta’ aċċess tal-Kummissjoni ma huwiex tali li jipproduċi effetti ġuridiċi tali li jaffettwaw, b’mod immedjat, u qabel l-intervent tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2007/46, l-interessi ta’ dan il-manifattur ta’ vetturi.

Fil-fatt, fir-rigward ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t‑tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, bħala regola, huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fi tmiem il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fejn il-miżuri preliminari jew ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux, fihom infushom, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-kompetizzjoni, anki jekk jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża, atti tal‑Kummissjoni li jirrifjutaw l-aċċess għall-fajl jipproduċu biss, bħala regola, effetti limitati karatteristiċi ta’ att preparatorju li jifforma parti minn proċedura amministrattiva preliminari. Issa, huma biss atti li jaffettwaw b’mod immedjat u irriversibbli s-sitwazzjoni legali tal-impriżi kkonċernati li jistgħu jiġġustifikaw, qabel ma tintemm il-proċedura amministrattiva, l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament.

(ara l-punti 67, 68, 72, 74)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 86-91, 93, 94)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 102, 104)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 111-114, 117)

5.      Il-kunċett ta’ investigazzjoni, li jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sens abitwali tiegħu kif ukoll il-kuntest li jidħol fih. Tikkostitwixxi tali attività proċedura strutturata u fformalizzata tal-Kummissjoni li l-għan tagħha jkun il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha previsti mit‑Trattat UE u t-Trattat FUE. Din il-proċedura ma għandhiex neċessarjament tkun intiża sabiex tinnota u tinvestiga ksur jew irregolarità. Il-kunċett ta’ “investigazzjoni” jista’ jkopri wkoll l-attività tal-Kummissjoni maħsuba sabiex tikkonstata fatti bil-għan li tevalwa sitwazzjoni partikolari.

F’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl‑Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, hija attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, il-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 29 hija proċedura strutturata u fformalizzata, li għandha bħala għan il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni sabiex din tkun tista’ tippermetti lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha previsti mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE.

(ara l-punti 130-136)

6.      Sabiex preżunzjoni ġenerali tiġi validament użata kontra l-persuna li titlob l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huwa meħtieġ li d-dokumenti mitluba jkunu parti mill-istess kategorija ta’ dokumenti jew ikunu tal-istess natura. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-preżunzjonijiet ġenerali hija essenzjalment iddettata min-neċessità imperattiva li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi żgurat li l-għanijiet tagħhom ma jiġux kompromessi. B’hekk, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali jista’ jkun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti proċeduri mal-iżvolġiment tajjeb tagħhom u fuq ir-riskju li jiġi kkawżat preġudizzju lilhom, peress li l-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċeduri filwaqt li tiġi limitata l-interferenza ta’ terzi persuni. Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi previsti minn att ġuridiku relatat ma’ proċedura li ssir quddiem istituzzjoni tal-Unjoni li għall-ħtiġijiet tagħha ġew prodotti d-dokumenti mitluba hija waħda mill-kriterji tali li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali.

(ara l-punti 138-140)

7.      Sa fejn il-possibbiltà li jintużaw preżunzjonijiet ġenerali ma għandhiex biss l-effett li tinkwadra l-prinċipju fundamentali ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 11 TUE, fl-Artikolu 15 TFUE u fir‑Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iżda wkoll u neċessarjament li tillimita fil-prattika l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, l-użu ta’ dawn il-preżunzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet sodi u konvinċenti.

B’hekk, fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba fil-konfront tal-persuna li titlobhom, il-Kummissjoni għandha tispjega kif din il-preżunzjoni hija meħtieġa sabiex tiżgura l-funzjonament korrett tal-proċedura inkwistjoni u sabiex tiżgura li l-għanijiet ta’ din il-proċedura ma jiġux kompromessi. F’dan ir-rigward, l-invokazzjoni ta’ motivi bħall-ħtieġa li tiġi żgurata klima ta’ diskrezzjoni u ta’ fiduċja mal-Istati Membri u li tiġi evitata l-interferenza ta’ terzi fl-investigazzjoni pendenti ma hijiex konvinċenti, peress li dawn il-motivi huma validi għal kwalunkwe proċedura ta’ investigazzjoni pendenti, miftuħa fir-rigward ta’ Stat Membru. Li jiġi aċċettat li preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tista’ tiġi applikata għal tali motivi huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza li l-preżunzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, peress li jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-obbligu ta’ eżami konkret u individwali, mill-istituzzjoni kkonċernata, ta’ kull dokument suġġett ta’ talba ta’ aċċess kif ukoll, b’mod iżjed ġenerali, għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar kbir possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(ara l-punti 155-159)

8.      Fir-rigward tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, il-Kummissjonima tistax tinvika l-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti relatati mal-proċeduri EU Pilot sabiex tirrifjuta l-aċċess għall-fajl amministrattiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni, sakemm rifjut ta’ reġistrazzjoni jista’ jkun ġustifikat għal raġunijiet oħra minbarra n-nuqqas ta’ osservanza tal-liġi applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fuq kollox, il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 29(1) tal-imsemmija direttiva ma tikkostitwixxix il-fażi li tippreċedi l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa kontra Stat Membru.

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għall-proċedura EU Pilot, il-proċedura mibdija taħt l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex proċedura bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. . Fil-fatt, l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2007/46 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati mill-iktar fis possibbli, sabiex tħejji deċiżjoni. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-manifattur, bħala persuna kkonċernata, għandu d-dritt li jiġi kkonsultat u għalhekk li huwa involut fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, kuntrarjament għal-lanjant eventwali fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta kemm Stati Membri oħra kif ukoll persuni ġuridiċi sabiex tikseb informazzjoni li tqis li hija utli jew meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha. Issa, dawn l-elementi ta’ konsultazzjoni jagħmlu distinzjoni ċara ħafna bejn il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46 u proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u ta’ proċedura EU Pilot. Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza relatata mal-proċeduri EU Pilot u mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

(ara l-punti 166-171)