Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ April 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundespatentgericht - il-Ġermanja) – Royalty Pharma Collection Trust vs Deutsches Patent- und Markenamt

(Kawża C-650/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Regolament (KE) Nru 469/2009 – Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali – Kundizzjonijiet għall-kisba – Artikolu 3(a) – Kunċett ta’ ‘prodott protett bi privattiva bażika fis-seħħ’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundespatentgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Royalty Pharma Collection Trust

Konvenut: Deutsches Patent- und Markenamt

Dispożittiv

L-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott huwa protett minn privattiva bażika fis-seħħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jirrispondi għal deskrizzjoni funzjonali ġenerali użata minn waħda mill-pretensjonijiet tal-privattiva bażika u jaqa’ neċessarjament taħt l-invenzjoni koperta minn din il-privattiva, mingħajr madankollu ma tkun individwalizzata bħala mod korrett ta’ twettiq li għandu jittieħed mit-tagħlim tal-imsemmija privattiva, peress li huwa speċifikament identifikabbli, fid-dawl tal-elementi kollha żvelati mill-istess privattiva, mill-bniedem tas-sengħa, abbażi ta’ konoxxenzi ġenerali fil-qasam ikkunsidrat fid-data tal-preżentazzjoni jew ta’ prijorità tal-privattiva bażika u tal-istat tat-teknika f’din l-istess data.

L-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 469/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott ma huwiex kopert minn privattiva bażika fis-seħħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, minkejja li jaqa’ taħt id-deskrizzjoni funzjonali mogħtija fil-pretensjonijiet ta’ din il-privattiva, dan ġie żviluppat wara d-data tal-preżentazzjoni tat-talba għall-privattiva bażika, fi tmiem ta’ attività inventiva awtonoma.

____________

1     ĠU C 52, 12.2.2018