Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Frar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali – Rabta bejn il-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/92/UE u proċedura nazzjonali ta’ deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi previsti fid-Direttiva 92/43/KEE – Kunċett ta’ ‘awtorizzazzjoni’ – Proċess deċiżjonali kumpless – Obbligu ta’ evalwazzjoni – Portata materjali – Stadju proċedurali li fih għandha tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali”

Fil-Kawża C‑463/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Namur-Est Environnement ASBL

vs

Région wallonne,

fil-preżenza ta’:

Cimenteries CBR SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer (Relatur), F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Namur-Est Environnement ASBL, minn J. Sambon, avocat,

–        għal Cimenteries CBR SA, minn L. de Meeûs u C.-H. Born, avocats,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Van Regemorter u S. Baeyens, bħala aġenti, assistiti minn P. Moërynck, avocat,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes, M. Noll-Ehlers u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 5 sa 8 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Namur-Est Environnement ASBL u r-Région wallonne (ir-Reġjun ta’ Wallonie, il-Belġju) dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan ir-reġjun ta lil Sagrex SA deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli b’rabta mal-operat ta’ barriera tal-granulat tal-ġir (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ deroga”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/43/CEE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), tipprevedi, fl-Artikoli 12 u 13 tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti elenkati fl-Anness IV(a) u (b) ta’ din id-direttiva.

4        L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti oħra u sakemm id-deroga ma tkunx ta’ ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, għal diversi raġunijiet stabbiliti fil-punti (a) sa (e) tal-istess dispożizzjoni, jidderogaw, b’mod partikolari, mill-Artikoli 12 u 13 tal-istess direttiva.

 Id-Direttiva 2011/92

5        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/92 jinkludi, fost oħrajn, id-definizzjonijiet segwenti:

“(a)      ‘proġett’ tfisser:

–        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

–        interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[…]

(c)      ‘kunsens għall-iżvilupp’ [‘awtorizzazzjoni’] tfisser id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

[…]”

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp [awtorizzazzjoni] u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

2.      L-istima tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għal proġetti fl-Istati Membri […]”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali […], l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)      il-bniedem, il-fawna u l-flora;

(b)      il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

(c)      il-beni materjali u l-wirt kulturali;

(d)      l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a), (b) u (c).”

8        Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi li, “[f]il-każ ta’ proġetti li, skont l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 6 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV” sa fejn din l-informazzjoni titqies li hija adegwata f’każ partikolari u sa fejn l-iżviluppatur jista’ jkun raġonevolment mistenni jiġbor din l-informazzjoni. Skont dan l-anness, l-informazzjoni li għandha tingħata għandha tinkludi, b’mod partikolari, “deskrizzjoni tal-aspetti tal-ambjent li x’aktarx jiġu affettwati b’mod sinifikanti mill-proġett propost, inklużi, b’mod partikolari, […] il-fawna, il-flora, […] u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq”.

9        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet li x’aktarx ikunu kkonċernati mill-proġett minħabba r-responsabbilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornit mill-iżviluppatur u fuq it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp [għal awtorizzazzjoni]. […]

2.      Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf […] dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli:

(a)      it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp;

(b)      il-fatt li l-proġett huwa soġġett għal proċedura ta’ stima dwar l-impatt fuq l-ambjent u, meta rilevanti, il-fatt li japplika l-Artikolu 7;

[…]

(d)      in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

(e)      indikazzjoni tad-disponibbiltà tat-tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(f)      indikazzjoni dwar iż-żminijiet jew il-postijiet li fihom u l-mezzi li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

(g)      id-dettalji tal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’termini ta’ żmien raġonevoli, dan li ġej jitpoġġa għad-disponibilità tal-pubbliku kkonċernat:

(a)      kull tagħrif miġbur skont l-Artikolu 5;

(b)      skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rapporti u l-pariri prinċipali mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku kkonċernat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(c)      skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375)], it-tagħrif għajr dak imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u li jsir disponibbli biss wara ż-żmien meta l-pubbliku kkonċernat ikun ġie mgħarraf skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp.

[…]”

10      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/92 jipprevedi modalitajiet speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali fil-każ li proġett jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent f’diversi Stati Membri.

11      L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li “[g]ħandhom jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skont l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens għall-iżvilupp [fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni]”.

12      L-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jelenka l-proġetti li għandhom jiġu suġġetti, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għal evalwazzjoni skont l-Artikoli 5 sa 10 tagħha. Il-punt 19 ta’ dan l-anness isemmi l- “barrieri u x-xogħol fil-minjieri miftuħa fejn il-wiċċ tal-art jaqbeż il-25 ettaru”.

 Id-dritt Belġjan

13      Id-Direttiva 92/43 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-loi du 12 juillet 1973 sur la conservation de la nature (il-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 1973 dwar il-Konservazzjoni tan-Natura) (Moniteur belge tal‑11 ta’ Settembru 1973, p. 10306), kif emendata bid-décret de la Région wallonne du 6 décembre 2001 relatif à la conservation des sites Natura 2000 ainsi que de la faune et de la flore sauvages (id-Digriet tar-Reġjun ta’ Wallonie tas‑6 ta’ Diċembru 2001 dwar il-Konservazzjoni tas-Siti Natura 2000 kif ukoll tal-Fawna u l-Flora Selvaġġa) (Moniteur belge tat‑22 ta’ Jannar 2002, p. 2017) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ Lulju 1973”).

14      L-Artikoli 2 bis, 3 u 3 bis ta’ din il-liġi jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni għal numru ta’ speċi ta’ għasafar, ta’ speċi mammiferi u ta’ speċi veġetali li jew huma protetti skont id-Direttiva 92/43 jew huma mhedda f’Wallonie. Din is-sistema hija bbażata fuq miżuri bħalma huma l-projbizzjoni, skont il-każ, tal-insib, tal-qbid u tal-qtil, jew tal-ġbir, tal-qtugħ u tal-qlugħ tal-ispeċi kkonċernati, il-projbizzjoni ta’ tfixkil intenzjonat tagħhom, il-projbizzjoni li jinżammu, li jiġu ttrasportati, li jiġu skambjati, li jinbiegħu u li jiġu offruti kif ukoll il-projbizzjoni li l-habitats naturali tagħhom jinqerdu jew iġarrbu deterjorazzjoni.

15      L-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-Gvern tar-Reġjun ta’ Wallonie jista’ jagħti derogi għal dawn il-miżuri, taħt ċerti kundizzjonijiet u għal ċerti raġunijiet.

16      L-Artikolu 5 bis tal-istess liġi jipprevedi l-possibbiltà li titressaq talba intiża sabiex tinkiseb deroga mill-imsemmija miżuri, filwaqt li jħalli f’idejn il-Gvern tar-Reġjun ta’ Wallonie r-responsabbiltà sabiex jiddeċiedi dwar il-forma u l-kontenut ta’ din it-talba kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti tad-deroga mitluba.

17      Huwa paċifiku li la l-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 1973 u lanqas id-digriet adottat mill-Gvern tar-Reġjun ta’ Wallonie għall-applikazzjoni tagħha ma jipprevedu, minn naħa, li għandha ssir evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tad-deroga mitluba u, min-naħa l-oħra, li l-pubbliku kkonċernat għandu jiġi kkonsultat qabel l-għoti tagħha.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fl‑4 ta’ Novembru 2008, Sagrex ippreżentat, quddiem l-awtorità kompetenti tar-Reġjun ta’ Wallonie, talba għal permess uniku dwar proġett li kien jipprevedi l-operazzjoni mill-ġdid ta’ barriera b’wiċċ ta’ iktar minn 50 ettaru li tinsab fis-sit ta’ Bossimé (il-Belġju) u l-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet kif ukoll l-iżviluppi relatati, b’mod partikolari max-xatt tax-xmara Maas.

19      Fit‑12 ta’ Mejju 2010, id-direction extérieure de Namur du département de la nature et des forêts de la Région wallonne (id-Direttorat Estern ta’ Namur tad-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti tar-Reġjun ta’ Wallonie) ħareġ opinjoni sfavorevoli dwar din it-talba, li fiha, fl-ewwel lok, irrileva li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien biswit sit Natura 2000 u kien ikopri żewġ siti ta’ interess bijoloġiku kbir, u li kien jimplika l-qerda totali jew parzjali ta’ dawn iż-żewġ siti tal-aħħar kif ukoll l-għajbien totali jew parzjali tal-habitat naturali tad-diversi speċi protetti ta’ għasafar, ta’ insetti, ta’ rettili u ta’ pjanti li jinsabu fihom. Fit-tieni lok, huwa kkonstata li, minkejja din is-sitwazzjoni, il-fajl marbut ma’ dan il-proġett ma kien isemmi l-eżistenza ta’ ebda awtorizzazzjoni sabiex issir deroga mill-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ispeċi protetti previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Fit-tielet u l-aħħar lok, huwa qies li l-bidliet ippjanati mill-iżviluppatur kemm qabel kif ukoll matul u wara x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mat-twettiq tal-imsemmi proġett ma setgħux, fid-dawl tan-natura u tal-iskala ta’ dan tal-aħħar, itaffu u jikkumpensaw l-effetti ta’ dan il-proġett fuq il-habitats naturali kkonċernati.

20      Fl‑1 ta’ Settembru 2010, l-awtorità kompetenti tar-Reġjun ta’ Wallonie stiednet lil Sagrex sabiex tippreżentalha pjanijiet emendati u evalwazzjoni addizzjonali tal-effetti ambjentali tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      Fil‑15 ta’ April 2016, Sagrex ippreżentat quddiem l-inspecteur général (l-Ispettur Ġenerali) tad-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti tar-Reġjun ta’ Wallonie talba għal deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti previsti fil-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 1973, b’rabta ma’ dan il-proġett.

22      Fis‑27 ta’ Ġunju 2016, dan l-ispettur adotta d-deċiżjoni ta’ deroga msemmija fil-punt 2 ta’ din is-sentenza. Din id-deċiżjoni tawtorizza lil Sagrex tfixkel ċertu numru ta’ speċi ta’ annimali u ta’ pjanti protetti kif ukoll toħloq deterjorazzjoni ta’ jew teqred ċerti żoni tal-habitat naturali rispettiv tagħhom, b’rabta mal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li timplimenta sensiela ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni.

23      Fit‑30 ta’ Settembru 2016, Sagrex issottomettiet lill-awtorità kompetenti tar-Reġjun ta’ Wallonie l-pjanijiet emendati u l-evalwazzjoni addizzjonali ta’ dan il-proġett li kienu ntalbu mingħandha fl‑1 ta’ Settembru 2010.

24      Bejn il‑21 ta’ Novembru u l‑21 ta’ Diċembru 2016 inżammet konsultazzjoni pubblika dwar l-imsemmi proġett, kif emendat u kkompletat, li fil-kuntest tagħha tqajmu diversi lmenti dwar l-impatt tal-proġett inkwistjoni fuq speċi protetti kif ukoll fuq il-habitat tagħhom.

25      Fil‑21 ta’ Diċembru 2016, id-Direttorat Estern ta’ Namur tad-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti tar-Reġjun ta’ Wallonie ħareġ opinjoni favorevoli, taħt ċerti kundizzjonijiet, dwar it-talba għal permess uniku mressqa minn Sagrex, li fiha rrileva, fl-ewwel lok, li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jinsab parzjalment biswit sit Natura 2000, iżda li l-eżistenza ta’ riskju ta’ impatt sinjifikattiv fuq dan is-sit kienet eskluża. Fit-tieni lok, fir-rigward taż-żewġ siti ta’ interess bijoloġiku kbir li jinsabu wkoll biswit dan il-proġett, dan id-direttorat, l-ewwel nett, ikkunsidra li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ prekawzjoni partikolari, dan il-proġett probabbilment kien ser ikollu impatt sinjifikattiv fuq l-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti protetti li jinsabu f’dawn is-siti kif ukoll fuq il-habitat naturali rispettiv tagħhom. Sussegwentement, huwa qies li, bl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ kumpens previsti minn Sagrex u speċifikati fid-deċiżjoni ta’ deroga, l-imsemmi proġett, minn naħa, ma kienx ser jippreġudika dawn l-ispeċi u, min-naħa l-oħra, kien ser jinvolvi biss qerda gradwali tal-habitat naturali rispettiv tagħhom, li barra minn hekk kienet ser tkun ikkumpensata mill-ħolqien ta’ habitats naturali ġodda. Fl-aħħar nett, huwa kkonkluda li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, seta’ raġonevolment jiġi preżunt li, fi tmiem il-perijodu ta’ operat ta’ 30 sena previst minn Sagrex, is-siti kkonċernati mill-barriera operata minn din tal-aħħar kien ser jibqgħalhom interess bijoloġiku importanti, b’tali mod li l-impatt ambjentali tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-konservazzjoni tan-natura seta’ jitqies bħala li tnaqqas għal livell aċċettabbli.

26      Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Settembru 2017, il-ministre de la Région wallonne en charge de l’Environnement et de l’Aménagement du territoire (il-Ministru tar-Reġjun ta’ Wallonie responsabbli għall-Ambjent u għall-Ippjanar tat-Territorju) madankollu rrifjuta li jagħti l-permess uniku mitlub minn Sagrex. Ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra dan id-digriet minn Cimenteries CBR SA, li għandha l-kontroll ta’ Sagrex, ġie sussegwentement miċħud permezz ta’ sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) tal‑14 ta’ Mejju 2020.

27      Fil-frattemp, Namur-Est Environnement ippreżentat, quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ deroga li fil-kuntest tiegħu ssostni, b’mod partikolari, li din id-deċiżjoni taqa’ taħt l-awtorizzazzjoni ta’ proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2011/92, u li ma kinitx ippreċeduta minn proċedura li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 2 et seq. ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, din l-assoċjazzjoni essenzjalment issostni li, sabiex ikunu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċedura kif ukoll sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni din il-parteċipazzjoni, l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali ta’ proġett bħalma huwa l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-konsultazzjoni tal-pubbliku li hija marbuta ma’ din l-evalwazzjoni għandhom iseħħu qabel l-adozzjoni ta’ att bħalma hija d-deċiżjoni ta’ deroga u mhux warajha, bħal f’dan il-każ.

28      Ir-Reġjun ta’ Wallonie joġġezzjona, essenzjalment, li d-deċiżjoni ta’ deroga ma tistax titqies li taqa’ taħt l-awtorizzazzjoni ta’ proġett, fis-sens tad-Direttiva 2011/92, sa fejn f’din id-deċiżjoni l-Ispettur Ġenerali tad-Dipartiment tan-Natura u tal-Foresti tar-Reġjun ta’ Wallonie, b’mod mhux biss speċifiku u preliminari għall-evalwazzjoni tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn awtorità oħra, iżda wkoll mingħajr ma ppreġudika din l-evalwazzjoni bi kwalunkwe mod, sempliċement jawtorizza lil Sagrex sabiex tidderoga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli, bi tweġiba għal talba f’dan is-sens mill-parti kkonċernata. B’mod iktar ġenerali, din it-talba għal deroga u t-talba għal permess uniku mressqa barra minn hekk minn Sagrex jaqgħu taħt żewġ sistemi legali u taħt żewġ proċessi deċiżjonali distinti, għalkemm marbuta, u mhux taħt l-istess sistema legali waħda jew taħt l-istess proċess deċiżjonali wieħed.

29      Cimenteries CBR issostni wkoll li d-deċiżjoni ta’ deroga tikkostitwixxi biss att aċċessorju li, fih innifsu, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, din il-kumpannija tqis li l-evalwazzjoni meħtieġa mid-Direttiva 2011/92 u l-konsultazzjoni tal-pubbliku li hija marbuta ma’ din l-evalwazzjoni jistgħu, jew saħansitra għandhom, jitwettqu biss wara d-deċiżjoni ta’ deroga, sabiex dan il-pubbliku jkun jista’ jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċedura billi jesprimi ruħu b’mod kemm jista’ jkun komplet fuq dan il-proġett, u sussegwentement sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ din il-parteċipazzjoni.

30      Fid-dawl ta’ dawn id-diversi argumenti, il-qorti tar-rinviju tosserva qabel kollox, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax ikun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni fil-forma ta’ permess uniku mingħajr ma l-iżviluppatur ikun kiseb deroga bħal dik li tinsab fid-deċiżjoni ta’ deroga, b’tali mod li din tista’ titqies li tikkostitwixxi rekwiżit preliminari neċessarju, iżda mhux suffiċjenti, sabiex tingħata awtorizzazzjoni ta’ din in-natura. Hija tippreċiża, barra minn hekk, li d-deċiżjoni prinċipali li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur sabiex iwettaq il-proġett tiegħu hija l-permess uniku li jista’, wara investigazzjoni pubblika, jiġi rrifjutat jew jiġi suġġett għal kundizzjonijiet iktar severi minn dawk li tinkludi d-deċiżjoni ta’ deroga peress li l-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-imsemmi permess għandha teżamina l-aspetti ambjentali kollha tal-proġett u tista’ f’dan il-kuntest tevalwa b’mod iktar strett l-impatt tiegħu meta mqabbla mal-parametri stabbiliti mill-awtur tad-deċiżjoni ta’ deroga.

31      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, f’dan il-kuntest ġuridiku u fattwali, atti bħalma huma d-deċiżjoni ta’ deroga u d-deċiżjoni ulterjuri li permezz tagħha jingħata permess uniku lill-iżviluppatur għandhomx jitqiesu, flimkien, bħala li jagħmlu parti minn proċess deċiżjoni kumpless li l-għan tiegħu huwa li jwassal għall-awtorizzazzjoni jew għar-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, fis-sens tad-Direttiva 2011/92. Fl-aħħar nett, hija għandha dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk, fl-affermattiv, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat f’dan il-proċess deċiżjonali kumpless għandhiex tiġi żgurata qabel l-adozzjoni ta’ att bħalma hija d-deċiżjoni ta’ deroga jew jekk din il-parteċipazzjoni tistax isseħħ biss bejn din l-adozzjoni u l-mument li fih l-awtorità kompetenti tagħti deċiżjoni dwar il-permess uniku mitlub mill-iżviluppatur.

32      Dwar dawn iż-żewġ aspetti tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kuntest ġuridiku u fattwali li jikkaratterizza t-tilwima fil-kawża prinċipali jidhrilha li huwa differenti mis-sitwazzjonijiet ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tiżvolġi f’diversi stadji, sitwazzjonijiet li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bejn is-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12) u l-lum il-ġurnata.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Deċiżjoni ‘li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorazzjoni taż-żoni ta’ habitat ta’ dawn l-ispeċi għall-operat ta’ barriera’ u d-deċiżjoni li tawtorizza jew li tirrifjuta dan l-operat (permess uniku) jaqgħu taħt l-istess kunsens għall-iżvilupp [awtorizzazzjoni] (fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tad-[Direttiva 2011/92] relatat mal-istess proġett (fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tal-istess direttiva) fil-każ li, minn naħa, dan l-operat ma jistax isir mingħajr l-ewwel awtorizzazzjoni u fejn, min-naħa l-oħra, l-awtorità inkarigata mill-ħruġ ta’ permessi uniċi żżomm il-possibbiltà ta’ stima iktar stretta tal-effetti ambjentali ta’ dan l-operat fir-rigward tal-parametri ddeterminati mill-awtur tal-ewwel deċiżjoni?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ir-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 5, 6, 7 u 8, huma osservati b’mod suffiċjenti meta sseħħ il-fażi tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ‘li tawtorizza d-disturb tal-annimali u d-deterjorazzjoni taż-żoni ta’ habitat ta’ dawn l-ispeċi għall-operat ta’ barriera’ iżda qabel dik tad-deċiżjoni ewlenija li tagħti d-dritt ta’ operat tal-barriera lill-iżviluppatur?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2011/92 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43, li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, taqa’ taħt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) ta’ din id-direttiva, fil-każ li, minn naħa, dan il-proġett ma jkunx jista’ jitwettaq jekk l-iżviluppatur ma jkunx kiseb din id-deċiżjoni u fil-każ li, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza tali proġett iżżomm il-possibbiltà li tevalwa l-effetti ambjentali tiegħu b’mod iktar strett milli sar fl-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, il-Gvern Belġjan sostna, essenzjalment, li l-ewwel domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li hija bbażata fuq żewġ premessi legali żbaljati u minħabba li l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju twassal sabiex din id-domanda titqies li hija manifestament nieqsa minn rabta mar-realtà u mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont il-Gvern Belġjan, l-għoti ta’ deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi previsti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ttrasponew id-Direttiva 92/43 jista’ jintalab, skont dawn id-dispożizzjonijiet, kemm qabel kif ukoll wara l-kisba tal-permess uniku li jikkostitwixxi l-espressjoni materjali ta’ din l-awtorizzazzjoni, b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ deroga ma tikkostitwixxix rekwiżit preliminari għal din il-kisba, iżda att ġuridikament indipendenti. Din l-interpretazzjoni hija konformi mad-dritt tal-Unjoni peress li ebda dispożizzjoni ta’ dan id-dritt ma timponi li deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni ta’ deroga, li tagħti deroga minn dawn il-miżuri, għandha neċessarjament tippreċedi l-awtorizzazzjoni ta’ proġett bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tad-Direttiva 2011/92.

36      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, fl-ewwel lok, li argumenti dwar il-mertu ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali ma jistgħux, min-natura tagħhom stess, iwasslu għall-inammissibbiltà ta’ din id-domanda (sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema –  Rikors), C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 80, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, Minister Sprawiedliwości, C‑55/20, EU:C:2022:6, punt 83).

37      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li parti mill-argumenti tal-Gvern Belġjan miġbura fil-qosor fil-punt 35 ta’ din is-sentenza hija bbażata fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha u li din il-parti għalhekk tikkonċerna l-mertu ta’ din id-domanda.

38      Fit-tieni lok, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din it-tilwima, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 55). Għaldaqstant, peress li dawn id-domandi jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Dokumenti ffalsifikati), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25, kif ukoll tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 115).

39      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema mqajma tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għal dawn id-domandi (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 56).

40      Barra minn hekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn din tal-aħħar hija awtorizzata tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal-Unjoni msemmija f’dan l-artikolu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula lilha, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju, u ma hijiex awtorizzata tevalwa jekk l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottata minn dik il-qorti hijiex korretta. Għalhekk, l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali invokata mill-Gvern ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punti 28 u 29, kif ukoll tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 26).

41      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, l-ewwel domanda tirrigwarda, manifestament, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif indikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-domanda, kif miġbura fil-qosor fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, juru kemm ir-rilevanza tagħha, fil-kuntest fattwali speċifiku li jikkaratterizza t-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll in-natura neċessarja, skont il-qorti tar-rinviju, ta’ risposta min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-ewwel domanda ma hijiex manifestament nieqsa minn rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, din id-domanda għandha titqies li hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

43      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 1(2)(c) tagħha jiddefinixxu rispettivament il-kliem “proġett” u “kunsens għall-iżvilupp [awtorizzazzjoni]”, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, billi jippreċiżaw li dan il-kliem jirreferi, l-ewwel waħda, għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet jew strutturi oħra kif ukoll għal interventi oħra fl-ambjent jew fil-pajsaġġ naturali filwaqt li t-tieni espressjoni tirreferi għad-deċiżjoni tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur iwettaq tali proġett.

44      Issa, dawn l-elementi testwali ma jippermettux, fihom infushom, li tingħata risposta għall-ewwel domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni ta’ deroga għandhiex titqies, minkejja li ma tikkostitwixxix “deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett” li hija tikkonċerna, bħala li taqa’ taħt l-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett fid-dawl tar-rabtiet li hija għandha ma’ din id-deċiżjoni. Huwa minnu li l-imsemmija elementi jiddefinixxu l-kunċett ta’ “awtorizzazzjoni” b’riferiment għal deċiżjoni ta’ natura differenti minn dik tad-deċiżjoni ta’ deroga u li għalhekk jeskludu li din tal-aħħar tista’ titqies, waħedha u bħala tali, bħala li hija “awtorizzazzjoni” tal-proġett li hija tikkonċerna, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2011/92. Madankollu, l-istess elementi madankollu ma jeskludux li tali deċiżjoni tista’ titqies, meta kkunsidrata flimkien mad-deċiżjoni ulterjuri li permezz tagħha tingħata deċiżjoni dwar id-dritt tal-iżviluppatur li jwettaq dan il-proġett, bħala li taqa’ taħt l-awtorizzazzjoni jew, skont il-każ, taħt ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra t-termini tad-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, il-kuntest tagħhom kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Il‑Ġermanja vs Esso Raffinage, C‑471/18 P, EU:C:2021:48, punt 81).

46      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(2)(a) u (c) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tagħha, id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għandha tingħata fi tmiem proċess sħiħ ta’ evalwazzjoni tal-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u li huma msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva.

47      Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet juru li l-awtorizzazzjoni ta’ proġett tikkostitwixxi l-punt ta’ konklużjoni ta’ proċess deċiżjonali li jibda bil-preżentazzjoni ta’ talba f’dan is-sens mill-iżviluppatur u li, minn perspettiva proċedurali, jinkludi l-operazzjonijiet kollha neċessarji għall-ipproċessar ta’ din it-talba.

48      Sussegwentement, mill-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li, minn perspettiva sostantiva u mhux iktar proċedurali, dan il-proċess deċiżjonali għandu jwassal lill-awtorità kompetenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod komplet, l-effetti li l-proġetti suġġetti għall-obbligu doppju ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jista’ jkollhom fuq l-ambjent, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha.

49      B’hekk, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jsemmi, b’mod ġenerali, l-“impatt sinifikanti fuq l-ambjent” li dawn il-proġetti jista’ jkollhom, mingħajr ma jirreferi speċifikament għal tip jew ieħor ta’ effett sinjifikattiv u mingħajr ma jeskludi espliċitament xi tip jew ieħor ta’ effett sinjifikattiv mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Bl-istess mod, l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jirreferi, b’mod ġenerali, għall-effetti “diretti u indiretti” tal-imsemmija proġetti fuq l-ambjent.

50      Minn dan isegwi li l-proċess deċiżjonali stabbilit fid-Direttiva 2011/92 għandu jirrigwarda, b’mod partikolari, l-effetti sinjifikattivi li proġett suġġett għal dan il-proċess jista’ jkollu fuq il-fawna u l-flora preżenti fid-diversi żoni li jistgħu jkunu kkonċernati minn dan il-proġett, bħalma huma ż-żona fejn jinsab dan il-proġett jew dawk li jmissu magħha, kif barra minn hekk diġà jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 84 sa 87).

51      Mill-bqija, huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/92 jimponi fuq l-iżviluppatur l-obbligu li jipprovdi informazzjoni speċifika dwar dan is-suġġett lill-awtorità kompetenti.

52      Minn dan jirriżulta li, fil-każ speċifiku li t-twettiq ta’ proġett suġġett għall-obbligu doppju ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni previst fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 jimplika li l-iżviluppatur jitlob u jikseb deroga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti previsti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 92/43 u li, għaldaqstant, dan il-proġett jista’ jkollu effetti fuq dawn l-ispeċi, l-evalwazzjoni tal-imsemmi proġett għandha tirrigwarda, b’mod partikolari, dawn l-effetti.

53      Għalhekk, huwa irrilevanti li d-Direttiva 92/43 ma tipprevedix hija stess obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti li din id-deroga jista’ jkollha fuq l-ispeċi kkonċernati sa fejn din id-direttiva għandha portata awtonoma fil-konfront ta’ dik tad-Direttiva 2011/92 u tapplika bla ħsara għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti ambjentali stabbilit f’din tal-aħħar, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa ġenerali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 71; tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 72, u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE, C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 52).

54      Fl-aħħar nett, l-eżami tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha juri li l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali ta’ proġett partikolari tista’ ssir mhux biss fil-kuntest tal-proċedura li twassal għad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2011/92, iżda wkoll f’dak ta’ proċedura li twassal għal deċiżjoni preliminari għal din id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, f’liema każ dawn id-diversi deċiżjonijiet jistgħu jitqiesu li jagħmlu parti minn proċess deċiżjonali kumpless fis-sens li dan il-proċess jiżvolġi f’diversi stadji (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 47, 52 u 53, kif ukoll tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 32).

55      Fil-fatt, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/92 jipprevedi espliċitament li din l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tista’ tiġi integrata fil-proċeduri nazzjonali eżistenti ta’ awtorizzazzjoni, u minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-imsemmija evalwazzjoni ma għandhiex neċessarjament titwettaq fil-kuntest ta’ proċedura maħluqa speċifikament għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, li lanqas ma għandha neċessarjament titwettaq fil-kuntest ta’ proċedura unika.

56      Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet proċedurali li fihom titwettaq tali evalwazzjoni u li jqassmu d-diversi kompetenzi relatati magħha bejn diversi awtoritajiet, b’mod partikolari billi jagħtu lil kull awtorità setgħa deċiżjonali f’dan il-qasam, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑50/09, EU:C:2011:109, punti 72 sa 74).

57      Madankollu, l-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2011/92 u għandu jiggarantixxi l-osservanza sħiħa tal-għanijiet imfittxija minnha (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑50/09, EU:C:2011:109, punt 75).

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li fi kwalunkwe każ l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali ta’ proġett, minn naħa, għandha tkun sħiħa u, min-naħa l-oħra, għandha titwettaq qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑50/09, EU:C:2011:109, punti 76 u 77).

59      Minn dan jirriżulta li, fil-każ li Stat Membru jafda s-setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ parti mill-effetti ambjentali ta’ proġett u s-setgħa ta’ deċiżjoni fi tmiem din l-evalwazzjoni parzjali lil awtorità li ma tkunx dik li lilha jagħti s-setgħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett, din id-deċiżjoni għandha neċessarjament tiġi adottata qabel l-awtorizzazzjoni tal-imsemmi proġett. Fil-fatt, jekk dan ma jkunx il-każ, din l-awtorizzazzjoni tingħata fuq bażi inkompleta u għalhekk ma tissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑50/09, EU:C:2011:109, punti 81 u 84).

60      Fit-tieni lok, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/92 jirriżulta espressament li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni kompleta tal-effetti ambjentali ta’ proġett, imsemmija fil-punti 48 u 58 ta’ din is-sentenza, jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss kull wieħed minn dawn l-effetti, meqjusa individwalment, iżda wkoll l-interazzjoni bejniethom u għalhekk l-effett globali ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent. Bl-istess mod, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/92 jimponi fuq l-iżviluppatur l-obbligu li jipprovdi informazzjoni, b’mod partikolari, dwar l-interrelazzjoni tal-effetti li proġett jista’ jkollu fl-istess ħin fuq komponenti differenti tal-ambjent, bħalma huma l-fawna u l-flora.

61      Issa, din l-evalwazzjoni globali tista’ twassal lill-awtorità kompetenti sabiex tikkunsidra li, fid-dawl tal-interazzjoni jew tal-interrelazzjoni li teżisti bejn id-diversi effetti ambjentali ta’ proġett, dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati b’mod iktar strett jew, skont il-każ, inqas strett milli ġie evalwat qabel xi wieħed minn dawn l-effetti, ikkunsidrat waħdu.

62      Minn dan isegwi li, fil-każ li Stat Membru jafda s-setgħa ta’ evalwazzjoni ta’ parti mill-effetti ambjentali ta’ proġett u s-setgħa ta’ deċiżjoni fi tmiem din l-evalwazzjoni parzjali lil awtorità li ma tkunx dik li lilha jagħti s-setgħa ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett, din l-evalwazzjoni parzjali u din id-deċiżjoni preliminari ma jistgħux jippreġudikaw, tal-ewwel, l-evalwazzjoni globali li l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza l-proġett għandha fi kwalunkwe każ twettaq u, tat-tieni, id-deċiżjoni adottata fi tmiem din l-evalwazzjoni globali, kif essenzjalment irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tagħha.

63      F’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod partikolari dawk miġbura fil-qosor fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, u l-kliem li bihom hija fformulata l-ewwel domanda juru li dawn ir-rekwiżiti jidhru li huma osservati, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-awtorizzazzjoni ta’ proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tingħata jekk l-iżviluppatur ta’ dan il-proġett ma jkunx kiseb deċiżjoni li tawtorizzah jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, li jfisser li din id-deċiżjoni għandha neċessarjament tiġi adottata qabel din l-awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza dan il-proġett iżżomm il-possibbiltà li tevalwa l-effetti ambjentali tiegħu b’mod iktar strett milli kien sar fl-imsemmija deċiżjoni.

64      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet u l-aħħar lok, l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2011/92, u b’mod partikolari l-għan essenzjali tagħha li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem permezz tal-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi għall-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tal-proġetti, l-interpretazzjoni li toħroġ mill-elementi kuntestwali eżaminati fil-punti 46 sa 63 ta’ din is-sentenza tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq tali għan, billi tippermetti lill-Istati Membri jagħtu lil awtorità partikolari r-responsabbiltà li tieħu, b’mod preliminari u speċifiku, deċiżjoni dwar ċerti effetti ambjentali tal-proġetti li għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni, filwaqt li jirriżervaw għall-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza dawn il-proġetti r-responsabbli li twettaq evalwazzjoni kompleta u finali tagħhom.

65      Fil-fatt, fil-każ li tali evalwazzjoni parzjali jkollha eżitu negattiv, l-iżviluppatur jista’ jew jirrinunzja għall-proġett tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn għalhekk li jitkompla l-proċess kumpless ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2011/92, jew jemenda dan il-proġett b’tali mod li jirrimedja l-effetti negattivi enfasizzati minn din l-evalwazzjoni parzjali, fejn id-deċiżjoni dwar dan il-proġett emendat taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti sabiex tagħti d-deċiżjoni finali. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ eżitu pożittiv, din l-awtorità tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni meħuda qabel, minkejja li la torbotha fl-evalwazzjoni finali tagħha u lanqas fil-konsegwenzi tad-dritt li għandha tislet minn din tal-aħħar. L-eżistenza ta’ evalwazzjoni parzjali li tagħti lok għal deċiżjoni preliminari tista’ għalhekk tikkostitwixxi, fil-każijiet kollha, fattur ta’ kwalità, ta’ effettività u ta’ konsistenza msaħħa tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 2011/92 għandha tiġi interpretata fis-sens li deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43, li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, taqa’ taħt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) ta’ din id-direttiva, fil-każ li, minn naħa, dan il-proġett ma jkunx jista’ jitwettaq jekk l-iżviluppatur ma jkunx kiseb din id-deċiżjoni u fil-każ li, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza tali proġett iżżomm il-possibbiltà li tevalwa l-effetti ambjentali tiegħu b’mod iktar strett milli sar fl-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq it-tieni domanda

67      Permezz tat-tieni domanda tagħha, magħmula fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2011/92 għandhiex tiġi interpretata, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 6 u 8 tagħha, fis-sens li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni preliminari li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva, ma għandhiex neċessarjament tkun ippreċeduta minn parteċipazzjoni tal-pubbliku, sakemm din il-parteċipazzjoni tiġi żgurata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti għall-eventwali awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett.

68      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 jipprevedi b’mod partikolari, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, li numru ta’ elementi ta’ informazzjoni dwar il-proġetti suġġetti għall-obbligu doppju ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni stabbilit minn din id-direttiva għandhom, skont il-każ, jiġu kkomunikati lill-pubbliku jew imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu “kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet […] u, l-iktar tard, hekk kif it-tagħrif ikun jista’ jiġi pprovdut b’mod raġonevoli”. Barra minn hekk, dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, “[i]l-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet […] u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp”.

69      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li l-eżitu tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura, b’mod partikolari, permezz tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti fid-deċiżjoni tagħha li tawtorizza jew li ma tawtorizzax il-proġett ikkonċernat.

70      Kif jirriżulta minnhom, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw, fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti suġġetti għad-Direttiva 2011/92, parteċipazzjoni tal-pubbliku li tissodisfa numru ta’ rekwiżiti.

71      L-ewwel, kemm il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-informazzjoni li sservi ta’ bażi għal din il-parteċipazzjoni kif ukoll il-possibbiltà mogħtija lill-pubbliku li jesprimi osservazzjonijiet u opinjonijiet dwar din l-informazzjoni kif ukoll, b’mod iktar globali, dwar il-proġett ikkonċernat u dwar l-effetti ambjentali tiegħu, għandhom jitwettqu fi stadju bikri u, fi kwalunkwe każ, qabel it-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett.

72      It-tieni, l-imsemmija parteċipazzjoni għandha tkun effettiva, u dan jimplika li l-pubbliku għandu jkun jista’ jesprimi ruħu mhux biss b’mod utli u komplet dwar il-proġett ikkonċernat kif ukoll dwar l-effetti ambjentali tiegħu, iżda wkoll f’mument meta l-għażliet kollha jkunu possibbli.

73      It-tielet, l-eżitu ta’ din l-istess parteċipazzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti fid-deċiżjoni tagħha li tawtorizza jew li ma tawtorizzax il-proġett ikkonċernat.

74      Issa, dawn id-diversi rekwiżiti jistgħu jirriżultaw iktar delikati meta jiġu sabiex jiġu rrikonċiljati fil-kuntest ta’ proċess deċiżjonali kumpless, skont id-diversi stadji tiegħu u skont it-tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi awtoritajiet li huma mitluba jieħdu sehem fih.

75      Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta awtorità partikolari tintalab tevalwa, fi stadju preliminari jew intermedju ta’ tali proċess deċiżjonali, parti biss mill-effetti ambjentali tal-proġett ikkonċernat. Fil-fatt, f’każ bħal dan, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku tista’ tirrigwarda biss il-parti tal-effetti ambjentali ta’ dan il-proġett li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-awtorità, bl-esklużjoni mhux biss ta’ dik il-parti li ma taqax taħt din il-kompetenza iżda wkoll tal-interazzjoni jew tal-interrelazzjoni bejn dawn il-partijiet.

76      F’tali ipoteżi, għandu jitqies li r-rekwiżit ta’ parteċipazzjoni bikrija tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali għandu jiġi interpretat u applikat b’mod li jiġi kkonċiljat mar-rekwiżit daqstant ieħor importanti ta’ parteċipazzjoni effettiva ta’ dan il-pubbliku f’dan il-proċess.

77      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ li proġett ikun is-suġġett ta’ proċess deċiżjonali f’diversi stadji kkaratterizzat mill-adozzjoni suċċessiva ta’ deċiżjoni prinċipali u mbagħad ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tagħha, l-obbligu li jiġu evalwati l-effetti ambjentali ta’ dan il-proġett li timponi d-Direttiva 2011/92 għandu, bħala prinċipju, jitwettaq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni prinċipali, ħlief jekk f’dan l-istadju ma jkunx possibbli li jiġu identifikati u evalwati dawn l-effetti kollha, f’liema każ evalwazzjoni globali tal-imsemmija effetti jkollha għalhekk titwettaq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punti 52 u 53; tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 26, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 85 u 86).

78      Issa, l-obbligu ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku previst f’din id-direttiva huwa marbut mill-qrib ma’ dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni, kif jirriżulta mill-punti 47 u 68 ta’ din is-sentenza.

79      Fid-dawl ta’ din ir-rabta, għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ parteċipazzjoni bikrija tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 ma jimponix li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni preliminari dwar parti mill-effetti ambjentali tal-proġett ikkonċernat ikun hemm tali parteċipazzjoni, bil-kundizzjoni li din il-parteċipazzjoni tkun effettiva, rekwiżit dan li jimplika, l-ewwel, li din il-parteċipazzjoni sseħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza dan il-proġett, it-tieni, li tippermetti lill-pubbliku jesprimi ruħu b’mod utli u komplet dwar l-effetti ambjentali kollha tal-imsemmi proġett u, it-tielet, li l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza tali proġett tkun tista’ tieħu kompletament inkunsiderazzjoni l-imsemmija parteċipazzjoni.

80      Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ġew osservati f’dan il-każ u għalhekk li l-pubbliku seta’ jesprimi ruħu, b’mod utli u komplet, dwar l-effetti ambjentali kollha tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preliminari li awtorizzat lill-iżviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq dan il-proġett, u d-data li fiha l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza l-imsemmi proġett ħadet deċiżjoni f’dan ir-rigward.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-Direttiva 2011/92 għandha tiġi interpretata, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 6 u 8 tagħha, fis-sens li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni preliminari li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva, ma għandhiex neċessarjament tkun ippreċeduta minn parteċipazzjoni tal-pubbliku, kemm-il darba din il-parteċipazzjoni tiġi żgurata b’mod effettiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti għall-eventwali awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent għandha tiġi interpretata fis-sens li deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, taqa’ taħt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) ta’ id-direttiva, fil-każ li, minn naħa, dan il-proġett ma jkunx jista’ jitwettaq jekk l-iżviluppatur ma jkunx kiseb din id-deċiżjoni u fil-każ li, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza tali proġett iżżomm il-possibbiltà li tevalwa l-effetti ambjentali tiegħu b’mod iktar strett milli sar fl-imsemmija deċiżjoni.

2)      Id-Direttiva 2011/92 għandha tiġi interpretata, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 6 u 8 tagħha, fis-sens li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni preliminari li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-ispeċi, sabiex jitwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva, ma għandhiex neċessarjament tkun ippreċeduta minn parteċipazzjoni tal-pubbliku, kemm-il darba din il-parteċipazzjoni tiġi żgurata b’mod effettiv qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti għall-eventwali awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.