Language of document : ECLI:EU:C:2013:107

Kawża C‑399/11

Stefano Melloni

vs

Ministerio Fiscal

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Constitucional (Spanja))

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Mandat ta’ arrest Ewropew — Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri — Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment — Eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia — Possibbiltà ta’ reviżjoni tas-sentenza”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Frar 2013

1.        Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Regoli proċedurali — Applikazzjoni fil-kawżi pendenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom — Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 — Applikazzjoni għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-ambitu ta’ proċedura ta’ konsenja li tkun għadha għaddejja fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 4a u 8(2))

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali — Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew — Mandat maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija in absentia — Eżekuzzjoni suġġetta għall-kundizzjoni tal-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni in absentia fl-Istat Membru emittenti — Inkompatibbiltà

(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 4a(1))

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali — Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew — Mandat maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija in absentia — Obbligu ta’ konsenja taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 — Ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48(2); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 4a(1))

4.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Livell ta’ protezzjoni — Drittijiet fundamentali ggarantiti mill-kostituzzjoni ta’ Stat Membru — Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija in absentia — Possibbiltà għal Stat, f’isem id-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-kostituzzjoni tiegħu, li jissuġġetta l-konsenja għall-kundizzjoni ta’ reviżjoni possibbli tal-kundanna fl-Istat Membru emittenti — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 53; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 4a(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31, 32)

2.        L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, fl-ipoteżijiet indikati f’din id-dispożizzjoni, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena għall-kundizzjoni li l-kundanna mogħtija in absentia tkun tista’ tiġi rriveduta fl-Istat Membru emittenti.

Is-soluzzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, konsistenti fil-fatt li jipprovdi b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija in absentia għandha titqies li ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża, hija inkompatibbli maż-żamma ta’ possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta din l-eżekuzzjoni għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi rriveduta bl-għan li tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 44, 46 u d-dispożittiv 1)

3.        L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, la jikser id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq u lanqas ma jikser id-drittijiet tad-difiża kif rispettivament iggarantiti mill-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u huwa għalhekk kompatibbli mar-rekwiżiti li joħorġu minn dawn l-Artikoli.

Fil-fatt, għalkemm id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża jikkostitwixxi element essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, dan id-dritt ma huwiex assolut. L-akkużat jista’ jirrinunzja għalih, volontarjament, b’mod espliċitu jew impliċitu, bil-kundizzjoni li r-rinunzja tiġi stabbilita b’mod inekwivoku, li jkollha minimu ta’ garanziji li jikkorrispondu mal-gravità tagħha u li din ma tikkunfliġġi ma ebda interess pubbliku importanti. B’mod partikolari, il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ma jkunx stabbilit, anki jekk l-akkużat ma jkunx deher personalment, meta jkun ġie informat bid-data u l-post tal-kawża jew ikun ġie difiż minn konsulent legali, li lilu huwa jkun ta mandat għal dan il-għan.

Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi tmiem ta’ kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment, imwettqa mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għandha l-għan, kif jindika l-Artikolu 1 tagħha, li ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċeduri kriminali filwaqt li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

(ara l-punti 49, 51, 53, 54 u d-dispożittiv 2)

4.        L-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru li jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi rriveduta fl-Istat Membru emittenti, sabiex jiġi evitat il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-kostituzzjoni tiegħu.

Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 53 tal-Karta tippreġudika l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, peress li din tippermetti lil Stat Membru li jostakola l-applikazzjoni ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu għalkollox konformi mal-Karta, minħabba li dawn ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat.

Ċertament, l-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li, fejn att tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkompromettix il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew meta l-persuna kkonċernata tkun taqa’ taħt wieħed mill-erba’ każijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

Il-kunsiderazzjoni li Stat Membru jkun jista’ jinvoka l-Artikolu 53 tal-Karta sabiex jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni, mhux prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li l-kundanna tkun tista’ tiġi rriveduta fl-Istat Membru emittenti, sabiex jiġi evitat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Kostituzzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, twassal, filwaqt li tqiegħed f’dubju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ddefiniti minn din id-deċiżjoni qafas, għal ksur tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku li din id-deċiżjoni qafas għandha l-għan li ssaħħaħ u, għalhekk, tikkomprometti l-effettività ta’ din id-deċiżjoni qafas.

(ara l-punti 58, 60, 61, 63, 64 u d-dispożittiv 3)